text stringlengths 80 21.4k | label listlengths 1 5 |
|---|---|
Iċ-Chaiperson tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef staqsa għaliex f'Malta ma jistax jiġri kif seħħ ilbieraħ f'Rotterdam, meta mijiet ta' nies attendew xorta waħda għall-ewwel semifinali tal-Eurovision, l-istess kif se jiġri nhar il-Ħamis u s-Sibt. "Jista' jkun li x-xjenza fl-Olanda avvanzata ħafna aktar minn kif titqies mill-awtoritajiet tas-saħħa Maltin?", staqsa Micallef. Insista li ma jistax jifhem għaliex f'Malta, żgur għax-xahar ta' Ġunju, ma jistgħux isiru attivitajiet kulturali ta' 50, 100, jew 200 ruħ "f'teatru jew sala li jesgħu elf ruħ" u dan minkejja li se tkun qed tintlaħaq l-immunità tal-massa. "Ma titwemminx, jekk mhemmx mottivi ulterjuri," insista Micallef. Fil-fatt, għal kull serata tal-Eurovision se jkunu qed jattendu madwar 3,500 persuna, jiġifieri 20% biss ta' kemm tesa s-sala. Dawn se jkunu kollha kemm huma Olandiżi. Dawk kollha fis-sala jridu jippreżentaw test negattiv kontra l-Covid-19 li jkun sar 24 siegħa qabel id-dħul. Apparti minn hekk, se jkunu obbligati jagħmlu test ieħor wara ħamest ijiem. Qabel jidħlu, kull persuna qed tintalab timla kwestjonarju dwar sintomi. Kull min ikollu xi sintomu assoċjat mal-Covid-19, ma jistax jattendi. L-udjenza se tkun kollha kemm hi bilqiegħda. Kull persuna ngħatat ħin meta tista' tidħol fis-sala. Kulħadd irid jilbes maskra sakemm jidħol jew inkella kull meta jqum minn postu biex imur it-toilet. Minħabba dawn il-miżuri ta' mitigazzjoni, mhu se jkun hemm l-ebda distanza soċjali fis-sala u kull persuna (sakemm tibqa' f'postha) tista' tneħħi l-maskra. | [
12
] |
Il-ġimgħa li għaddiet kien ippubblikat sondaġġ xjentifiku fuq il-gazzetta oħt Maltatoday li xejn ma kellu aħbarijiet sbieħ għall-Partit Nazzjonalista. Prattikament juri li l-avvanzi kollha li għamel il-PN fl-aħħar xhur, minħabba konsolidament fil-bażi ta' votanti tiegħu kif ukoll minħabba telf ta' appoġġ lejn il-Gvern fl-eqqel, tat-tieni (kważi) lockdown, tar kollu mar-riħ. Naturalment wieħed irid jistenna s-sondaġġi li jmiss biex jara jekk din id-differenza hija xejra, imma apparti d-differenza ta' madwar 39,000 voti favur il-Partit Laburista dak tal-Ħadd li għadda fil-fatt kien it-tieni sondaġġ li juri titjib favur il-PL. Fis-sondaġġ ta' April, minkejja li d-differenza bejn il-partiti baqgħet kbira (madwar 26,000 vot), il-Prim Ministru rreġistra żieda fil-fiduċja ta' ftit aktar minn 7%. Fis-sondaġġ ta' Mejju imbagħad il-fiduċja fil-PM żdiedet bi ftit iktar minn 2% filwaqt li ta' Grech, naqset b'10%. Jidher ċar allura, jekk naqbdu l-aħħar tliet sondaġġi, li f'termini ta' differenza bejn il-partiti qed nitkellmu dejjem fuq differenza li hija aktar minn 20,000 vot u li espandiet, minn 23,000 vot f'Marzu (meta tħabbar it-tieni lockdown u Malta kellha bejn 200 u 500 każ ġdid kuljum ta' Covid-19) sa 39,000 vot f'Mejju (meta kien beda sew il-proċess ta' rilaxx ta' miżuri). L-affarijiet mhux jidhru sbieħ għall-PN u għal Bernard Grech. Iżda għad hemm ħames soluzzjonijiet li jista' jaħdem fuqhom jekk irid li jagħti lill-Partit Laburista, imqar, sfida tajba: Ħudu pożizzjonijiet - Kunu rilevanti! Il-korruzzjoni, il-governanza tajba u s-saltna tad-dritt huma lkoll suġġetti importanti ħafna, li jifformaw il-pedament ta' soċjetà demokratika. Bl-iżbalji jew bl-azzjonijiet, uħud reali (VGH, Panama papers, 17 Black …), oħrajn perċeputi ('qatt ma kellna korruzzjoni daqs illum') u oħrajn li qatt għadhom ma kienu pruvati iswed fuq l-abjad (implikazzjoni ta' eks politiċi/personaġġi fil-Gvern, fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia) il-PN jista' jidher bħalissa bħala l-għażla naturali ta' dawk il-votanti, li jivvutaw fuq dawn il-kwistjonijiet bħala priorità. Il-problema hija li jinħass, illi ladarba toħroġ mill-ispazju ta' dan is-suġġett, hemm perċezzjoni (li tinħass illi hija popolari) ta' vakuum u vojt. Għal dawk l-eluf ta' nies li fl-elezzjoni li ġejja se jivvutaw fuq il-flus fil-but u kif Malta immaniġġjat l-isfida kbira tal-Covid-19 - il-PN x'jista' joffri differenti u aħjar? X'inhuma l-policies ekonomiċi tal-PN u kif inhuma differenti mill-politika preżenti li timbotta l-konsum, li toħloq d-domanda fil-kostruzzjoni, il-proprjetà u permezz tat-turiżmu tal-massa, fost oħrajn? X'inhi l-viżjoni tal-PN għall-qasam tat-toroq u infrastruttura? Aktar toroq u proġetti bħal tal-Marsa/Santa Luċija/Central Link jew inqas? Toroq taħt l-art? Li l-PN jibqa' jsemmi x'kien jagħmel tmien snin ilu - filwaqt li ma fiha xejn ħażin - hija narrativa li għal dawk l-eluf kbar ta' votanti li llum għandhom 16, 17 jew 18-il sena (u se jivvutaw l-ewwel darba u allura fl-2013 kellhom tmienja, disa' jew 10 snin) ma tfisser (kważi) assolutament xejn meta se jivvutaw! Dan apparti li meta l-istrateġija (jekk hemm!) tkun iffukata ħafna fuq il-passat, għandek ċans tqajjem il-preġji, imma anke l-iskeletri! Għal persuna li għandha negozju marbut ma' tikħil, żebgħa, elettriku jew inkella għamara li mhux talli naqsilha x-xogħol, talli żdidilha waqt il-pandemija. Il-PN x'qed joffrilha differenti? Għal min xeba' b'dak li jidher illi huwa attakk kontinwu fuq l-ambjent, kostruzzjoni bla rażan u binjiet ta' sulari rekord, lilhinn mill-kliem sabiħ dwar ir-rispett u proposti biex laqgħat tal-ERA ikunu aktar pubbliċi - x'bidla fil-policy jixtieq li jwettaq? Se jwaqqaf iktar żvilupp ta' binjiet b'ċerti sulari? Se joħloq aktar żoni ta' konservazzjoni u liema huma? Se jagħmilha aktar diffiċli biex joħroġ permess u jekk iva kif? X'se jbiddel fil-politika tal-ODZ? Għal persuna żagħżugħa li ma tantx issegwi politika u li qatt ma tara stazzjonijiet politiċi jew aħbarijiet lokali, pero' li hija interessata ħafna fis-suġġett tal-kannabis. Hija per prinċipju favur ħafna din il-leġiżlazzjoni jew inkella żagħżugħ ieħor li huwa per prinċipju, kontra ħafna. Il-PN x'se jagħmel? Għandu pożizzjoni? Għal persuna li dejjem ivvutat PN, imma mhux akkanita. M'għandhiex proprjetà u hija kontra l-iskema tal-IIP bil-qawwi għax taraha bħala skema li qed tbigħ ruħ Malta. Mhux se tivvota Labour żgur, imma l-PN għaliex mhux iwiegħed li jneħħi l-iskema? Jew in-naħa l-oħra tal-munita: Persuna li dejjem ivvotat PN jew ma vvutatx (mhux akkanita għall-partit) imma qed tikri appartamenti lil persuni li xtraw iċ-ċittadinanza, qed iddaħħal ħafna flus u ħafna drabi ma jkunux fl-appartament min qed jikri. Din qed tistaqsi, imma jekk jitla' l-partit tiegħi fil-Gvern din l-iskema se jżommha jew se jneħħieha? Għal persuna li dejjem kienet tivvota PN imma fl-2013 u fl-2017 ivvutat lill-Partit Laburista. Imdejqa u rrabjata għal ċerta stejjer li ħarġu b'konnessjoni ma' Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi, kuntratti u anke attendiet xi protesti favur ġustizzja għal Daphne Caruana Galizia. Imma tammetti li f'ħafna oqsma bħall-ekonomija, is-saħħa, ix-xogħol u l-Covid-19 dan il-Gvern mexxa tajjeb u tirrikonoxxi li saru ħafna passi tajbin fl-aħħar sena fil-Korp tal-Pulizija u anke fil-ġustizzja. Il-PN kif qed iserraħ ras din il-mara li hu jista' jkun kontinwazzjoni tajba, ta' fejn sejjer tajjeb bħalissa? Għal dik il-persuna, li tinsab fl-iskali ta' isfel ta' dħul, għandha 50 sena, livell primarju ta' edukazzjoni u tilef ix-xogħol minħabba l-pandemija. Ħabbat il-bieb ta' uffiċċju ta' Ministru, li għadu kif fetaħ fil-pjazza tar-raħal u talbu jgħinu biex forsi jsib xogħol bħala security jew cleaner ximkien, forsi jkollu biex jgħaddi u jgħix. Ġimagħtejn wara ingħata xogħol ma' kuntrattur privat bħala security f'lukanda li se terġa' tiftaħ il-bibien tagħha fl-1 ta' Ġunju. Il-PN lil dan ir-raġel x'jista' jgħidlu li huwa ta' rilevanza għalih biex jikkonvinċih jivvota PN? Għal dak il-votant mill-Ħamrun jew mill-Marsa jew San Pawl il-Baħar - li huwa imħasseb b'inċidenti li jseħħu fil-lokalità u nuqqas ta' preżenza tal-pulizija - fid-dawl ta' popolazzjoni kbira ta' immigranti, u wasliet ta' immigranti. Il-PN kif irid li jnaqqas minn dan it-tħassib? Irid pajjiż iktar multikulturali jew inqas multikulturali? U meta jmur fuqu lukandier li jgħidlu li hu biex ikun jista' jopera irid iħaddem għexieren ta' barranin għax ma jsibx biżżejjed Maltin, x'se jgħidlu li hija l-viżjoni tiegħu fuq ħaddiema barranin? Il-PN qatt ma jista' jirbaħ elezzjoni oħra fil-futur qarib jekk mhux se jiddistingwi ruħu mill-Partit Laburista fuq l-aktar kwistjonijiet rilevanti għan-nies. Jekk se jwiegħed sempliċiment kontinwazzjoni ta' dak li għandna issa, għalfejn għandu jbiddel il-partit, il-votant? Tmexxija ġdida ma' Grech! Imma x'inhu jwaqqaf milli jiġri dan? Mhux każ ta' nies għar-rimi! Huwa każ ċar ta' tmexxija ġdida mdawwra b'nies li huma t-tmexxija ta' Adrian Delia jew inkella li ilhom jimilitaw f'pożizzjonijiet fil-partit għal snin twal. Il-PN sejjer għal elezzjoni ġenerali b'żewġ Viċi Kapijiet li huma prattikament u kważi b'mod kompletament neqsin mix-xena. Robert Arrigo, huwa fatt magħruf li ma jarax għajn ma għajn ma' Grech - fil-fatt ikkampanja bil-qawwi favur Delia u kontra Grech. Daniel Josè Micallef - persuna żagħżugħa, liberali ħafna u voċiferu fuq ħafna kwistjonijiet - huwa l-kompetitur dirett ta' Arrigo. Minn naħa l-oħra - bniedem ukoll kariżmatiku u approachable - David Agius, mill-ġdid huwa kważi assolutament nieqes mix-xena. L-avversarju tiegħu fil-PL huwa Chris Fearne: L-aktar Ministru popolari f'Malta li bena profil b'saħħtu immens minħabba l-Covid-19 u l-mod kif kien immaniġġjat il-proċess ta' vaċċinazzjoni. Imbagħad hemm Francis Zammit Dimech - persuna affabbli pero' li ilha tokkupa karigi mis-snin 80 fil-partit u li kellu jkun Segretarju Ġenerali biss bħala care-taker! Wara 40 sena f'karigi differenti persuna fil-politika ġeneralment tibda taħseb biex tiritra, mhux tokkupa l-aktar pożizzjoni importanti f'termini ta' organizzazzjoni, loġistika u kampanja elettorali. Mela hawnhekk il-PN għandu problema serja. U din hija 1) Jew ma għandux minn fejn jagħżel nies friski u ġodda, li lesti jieħdu t-tmun ma' Grech, 2) Jew il-Kap tal-PN m'għandux il-kuraġġ li jkun hu li jbiddel lil dawn in-nies u jagħżel minflokhom nies li huma ħafna aktar attraenti għall-votant 3) Jew dawn in-nies - minkejja li jafu illi politikament itellfu qegħdin, mhux irebbħu, qed jibqgħu hemmhekk biex ma jħallux lit-tmexxija tagħmel l-avvanzi li forsi tista' tagħmel sa' elezzjoni ġenerali oħra 4) Jew inkella hemm sens ta' rassenjazzjoni u allura kollox pospost għal wara l-elezzjoni ġenerali li jmiss! Minkejja li l-PN għandu numru ta' żgħażagħ li ħerġin u anke wċuħ ġodda - minn dawn diġà tilef tnejn, li ma kellux jitlef - Angela Coleiro, li kienet qed tibni profil b'saħħtu bil-mod il-mod u issa anke Tiffany Abela Wadge. Indirizzaw il-firda. Imma tista' tiġi indirizzata? Ix-xeni li rajna s-sena l-oħra ta' ġlied, għajjat, tgħajjir ta' traditur, tfigħ ta' tesseri - kemm barra d-Dar Ċentrali u ħafna iktar fuq il-midja soċjali, taw l-impressjoni ta' partit maqbud fi gwerra. It-tneħħija ta' Delia minn Kap tal-PN f'nofs leġiżlatura, qatt ma kienet se tkun affari faċli għall-PN, anke jekk għall-argument kien hemm raġunijiet validi biex dan iseħħ. Din it-tneħħija tant kienet akrimonjuża u tant wasslet biex kibru d-differenzi fil-PN li kien ovvju, l-ewwelnett li l-PN bena u issolidifika l-immaġini ta' partit mifrud u t-tieninett li dawn id-differenzi se jdumu ma jitranġaw - jekk qatt jitranġaw. Sal-lum għad hemm nies - li pubblikament u fuq il-Facebook isejħu lil Delia 'kap' - sfida ċara lejn Bernard Grech u stqarrija pubblika li huma ma jirrikonoxxux lilu bħala Kap tal-PN. Nies fi ħdan il-PN li wara dak li ġara l-ġimgħa l-oħra sostnew ma' din il-gazzetta li l-Kap preżenti tela' fuq gidba. Eks Kunsillier tal-PN f'Ħal Balzan, bil-miftuħ fuq il-midja soċjali qal li se jaħdem kontra l-PN, filwaqt li fuq in-naħa l-oħra nies bħal Manuel Delia kienu qed itellgħu blogs jikkritikaw lil Grech u l-attivist Godfrey Leone Ganado jgħid li 'split' hija l-unika soluzzjoni. Minkejja li dan kollu huwa ferm 'il bogħod mill-ġlied tas-sena l-oħra - l-akbar kisba ta' Bernard Grech sa issa, fil-fatt - jidher ċar illi minn taħt għad hemm ħafna diverġenzi serji. Il-problema, mhumiex id-diverġenzi per se. Il-problema hija - u se nitfghuha f'mistoqsija - id-diverġenzi li jeżistu fil-PN illum jistgħu jintgħelbu? Adrian Delia probabbilment jiġi elett żgur fl-elezzjoni li jmiss. Dawk kontrih, lesti "jgħixu" fl-istess partit miegħu? Kieku l-PN jirbaħ l-elezzjoni li jmiss, lesti jarawh Ministru fi Gvern ta' Grech? U dawk li għadhom isejħu "kap" lil Delia lesti jċedu l-armi u jaċċettaw lil Bernard Grech bħala l-Kap tal-PN u lesti jaħdmu miegħu fl-elezzjoni? Lesti jaħdmu ma' nies bħal Jason Azzopardi, David Thake, Karol Aquilina u oħrajn? Jekk ir-risposta hija fin-negattiv - mela allura jkun ċar li l-partit għadu mifrud. Ikkontrolla l-immaġini u rranġa dik l-immaġini ta' firda, imma fundamentalment għadu mifrud. U allura l-mistoqsija naturali l-oħra hija: Il-PN jista' jingħaqad? Li jwassal għall-aħħar mistoqsija: Bernard Grech huwa kapaċi jieħu dawk id-deċiżjonijiet iebsa ħafna li alluda għalihom ftit ġimgħat ilu u li jistgħu jfissru tkeċċijiet mill-PN - anke ta' Deputati? Lest jissagrifika persuna għal ġid akbar tal-PN? Sa issa ma jidhirx li għandu l-kapaċità jew inkella li għandu s-saħħa jew l-ispazju fejn jimmanuvra jew ir-rieda, biex jieħu din id-deċiżjoni | [
12
] |
Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi staqsa għaliex il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela, għadu ma fetaħx proċeduri kriminali kontra Alfred Degiorgio minħabba kalunja. Azzopardi qal dan l-għada li Abela kien mgħajjat mill-Pulizija biex ikun mistoqsi xi mistoqsijiet wara li Alfred Degiorgio, wieħed mill-irġiel akkużat bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, semma lil Ministru bħala kompliċi fl-attentat ta' serqa mill-kwartieri tal-HSBC fl-2010. "Il-liġi kriminali tgħid li: 'Kull min bil-ħsieb li jagħmel ħsara lil xi persuna, jakkuża lil dik il-persuna quddiem awtorità kompetenti b'reat, filwaqt li jkun jaf li dik il-persuna hija innoċenti, għall-fatt biss li jkun akkużaha, jeħel.' Dan huwa d-delitt tal-kalunja," kiteb Azzopardi. Kien għalhekk li staqsa għaliex il-Ministru, ġaladarba qed jisħaq li Degiorgio qed jigdeb, ma fetaħx proċeduri kriminali kontrih. "Jekk jiftaħ tali proċeduri, il-Ministru Abela jkun jista' jidher fil-Qorti quddiem l-istess Degiorgio. Jew qed jiddejjaq minn xi ħaġa? Din id-darba fil-Qorti, Degiorgio ma jkunx liebes balaclava," kiteb Azzopardi. Fuq Facebok, Jason Azzopardi kien allega li l-Ministru kien imwiegħed €300,000 biex jipprovdi lill-ħallelin filmati u anke karti tal-aċċess. Abela qed jiċħad dawn l-akkużi. F'dak iż-żmien, Abela kien jaħdem il-bank u kellu aċċess għat-tagħmir li bih isiru l-karti tal-aċċess li jkollhom l-impjegati. Il-Ministru kien ikkonferma dan hu stess meta kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra l-ħallelin, lura fl-2011 . Kien Vince Muscat il-Koħħu u aktar tard Alfred Degiorgio li kienu allegaw li "Ministru preżenti" kien kompliċi f'din is-serqa. Minkejja dan, kien Jason Azzopardi l-ewwel li semma lil Abela b'ismu , u immedjatament, il-Ministru kien fetaħlu libell. Intant, il-Ħadd li għadda, il-gazzetta oħt MaltaToday irrapportat li l-Pulizija qed jinvestigaw l-allegazzjonijiet li qed isiru fil-konfront ta' Abela. Abela qed jinsisti li hu mhux qed ikun investigat. Intant, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech saħaq li "f'pajjiż normali, meta għandek Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru li qed jiġi interrogat mill-Pulizija dwar allegazzjonijiet fuq każ serju ħafna, dan iwassal biex għall-inqas jiġi sospiż mill-Kabinett sakemm jitlestew l-investigazzjonijiet." Insista li taħt it-tmexxija ta' Robert Abela, mhux biss ma jsirx hekk imma "għandna skiet itarrax mill-Prim Ministru." "Il-ballun qiegħed f'saqajn il-Prim Ministru, biex jieħu azzjoni immedjata fuq il-Ministru Abela," insista Grech. | [
12
] |
Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li riżenja ta' Ministru ma tintalabx għax hemm "strateġija koordinata bejn il-kriminalità organizzata u l-Partit Nazzjonalista." Abela qal dan meta waqt konferenza tal-aħbarijiet kien mistoqsi dwar l-aħħar żviluppi fil-każ tal-Ministru Carmelo Abela, li issa qed ikun implikat minn Alfred Degiorgio, wieħed mill-irġiel akkużati bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, fl-attentat tas-serqa mill-HSBC fl-2010. Mistoqsi jekk talabx ir-riżenja tal-Ministru, anke wara li dan ilbieraħ kien mgħajjat biex ikun mitkellem mill-Pulizija , il-Prim Ministru saħaq li hemm strateġija koordinata bejn il-kriminalità organizzata u l-Partit Nazzjonalista. "Il-kriminalità ma għandha xejn x'titlef u qed tipprova tixtri l-libertà u l-Partit Nazzjonalista jrid jakkwista l-poter. Il-PN qed jikkonfoffa mal-kriminalità biex jaġevolaw lil xulxin," saħaq Abela. Qal li jekk tirriżulta mqar prova waħda, se jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa. "Iż-żmien li d-deċiżjonijiet tal-Gvern jitmexxew minn Żeppi l-ħafijiet spiċċa. Iż-żmien li l-kriminali jiltaqgħu mal-Prim Ministri fis-satra tal-lejl," spiċċa saħaq Abela. Qal li l-Gvern kellu l-kuraġġ li jieqaf lil ċrieki ta' kriminalità li dwarhom qatt ma sar xejn. "Illum dawn qegħdin il-ħabs u nemmen li l-istrateġija li biha l-Gvern saħħaħ l-istituzzjonijiet għandha titħalla taħdem," kompla jgħid. Dwar jekk Abela għandux almenu jissospendi lilu nnifsu sakemm inaddaf ismu, il-Prim Ministru qal li Ministru jew jirriżenja jew jitneħħa. "Nissorprendi ruħi kif f'daqqa waħda, lil persuna li hija akkużata bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, tajniha din il-kredibilità kollha," saħaq Abela. Insista li b'dak li hemm quddiemu llum, ma jħossx li għandu jneħħi l-Ministru mill-kariga tiegħu. Fakkar li l-Ministru Abela kien disponibbli u qed iwieġeb il-mistoqsijiet kollha tal-Pulizija. Il-Ħadd li għadda, il-gazzetta oħt MaltaToday irrapportat li l-Pulizija qed jinvestigaw l-allegazzjonijiet li qed isiru fil-konfront ta' Abela. Abela qed jinsisti li hu mhux qed ikun investigat. Anke jekk qatt ma semma ismijiet, anke Vince Muscat, li ngħata l-Maħfra Presidenzjali biex jikxef dak li jaf dwar il-qtil tal-Avukat Carmel Chircop, li seħħ fl-2015, kien qal li hemm 'Ministru' u 'eks Ministru' li kienu involuti f'din is-serqa. | [
12
] |
Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar il-ħruġ tat-tieni sett ta' vouchers ta' €100 lil dawk kollha ta' 16-il sena 'l fuq f'konferenza Kastilja li għaliha kien preżenti wkoll il-Ministru tal-Ekonomija Silvio Schembri. Abela qal illi fl-2019 it-total ta' flus f'turiżmu intern kien ta' ftit inqas minn €40 miljun imma bil-vouchers intefqu €90 miljun - filwaqt li qal illi inħolqu madwar 1,500 impjieg permezz tax-xogħol iġġenerat. Il-Prim Ministru qal illi minn Lulju sa Settembru 2020 kien hemm 19,000 persuna minn Malta li marru Għawdex, b'użu wkoll tal-vouchers, filwaqt illi fl-istess xhur fl-2019 kien hemm madwar 15,000. Abela qal li għal kull €1 li ntuża mill-vouchers fl-2020, intefaq €1 ieħor. Din id-darba l-iskema se tinqasam hekk: €60 għal barijiet, lukandi, skejjel tal-għadds, każini, kafetteriji u ristoranti fost oħrajn u €40 għal ħwienet ta' ħwejjeġ, żraben, ġojjellerija, tax-xagħar, gyms, ċentri ta' kultura u ħwienet oħrajn li kellhom jgħalqu minħabba r-restrizzjonijiet. Se jingħataw erba' vouchers ta' €15 u erba' oħra b'valur ta' €10. Dawn il-vouchers se jiġu attivati nhar is-7 ta' Ġunju. B'kollox dan it-tieni sett ta' vouchers se jiswa' €50 miljun, għalkemm huwa mistenni li r-ritorn ikun ikbar minħabba aktar kunfidenza grazzi għall-proċess ta' vaċinazzjoni. Sal-lum ingħataw total ta' 445,830 doża u b'kollox 158,489 huma mlaqqma' b'mod komplet. B'kollox 25,000 ħanut jew stabbiliment jista' jgawdi minn dawn il-vouchers. Il-vouchers din id-darba jistgħu jitniżżlu b'mod diġitali permezz ta' smartphone mis-sit wallet.vouchersmimcol.com - u persuna tista' tniżżel dawn il-vouchers minn għada stess sal-4 ta' Ġunju. Hemm żewġ metodi li bihom tniżżel il-vouchers: Jew bl-E ID jew inkella toħloq kont li permezz tiegħu tiġi identifikat u tniżżel il-vouchers, li jibqgħu fuq il-mowbajl tiegħek. Il-Ministru Schembri appella biex kemm jista' jkun jintuża dan il-mod. Minkejja dan wara l-4 ta' Ġunju jibda l-proċess biex il-vouchers jitqassmu manwalment fid-djar tan-nies, bħala posta reġistrata. In-negozji li diġà attivaw il-kont tal-vouchers m'għandhom għalfejn jagħmlu xejn, ħlief li jkunu ċerti li l-karta ta' kreditu tagħhom għadha valida. Dawk li ma attivawx il-kont tagħhom s-sena l-oħra u allura ma għamlux użu mill-vouchers se jkollhom ċans jattivaw tali kont mill-ġdid. Il-Ministru Schembri ħabbar ukoll li dawk li fetħu negozju ġdid jistgħu wkoll issa japplikaw biex ikollhom kodiċi għalihom, sabiex ikunu jistgħu jużaw u jaċċettaw vouchers mingħand il-klijenti. Intant il-PM Abela fakkar li pajjiżna jinsab fuq quddiem fl-irkupru ekonomiku u qal illi l-ekonomija Maltija mistennija tikber darba u nofs daqs dik tal-Unjoni Ewropew. "Meta qed taħdem f'pandemija kollox isir frott pjan ta' effiċjenza u anke l-għaqal tal-Maltin u l-Għawdxin. Fl-ebda ħin ma ħallejna lin-negozji waħedhom, tajna priorità lis-saħħa tan-nies u llum pajjiżna għandu l-aqwa rata ta' tilqim." Abela qal li llum qed naqtgħu l-frott tas-sagrifiċċji għalkemm sostna li l-ftit sagrifiċċji li għadhom qed jiġu mitluba jiġu mħarsa għal ġid ta' saħħet il-poplu - hekk kif il-Gvern qed jiftaħ l-ekonomija bil-mod, il-mod "għal sajf ta' xogħol." Intant ara hawnhekk kif wieġeb il-PM dwar il-Ministru Carmelo Abela. | [
12
] |
Hekk kif issa saru magħrufa l-finalisti kollha li se jkunu qed jieħdu sehem fil-finali tal-Eurovision Song Context, Malta se tkun qed tkanta fis-sitt post. Wara li għaddiet għall-finali, waqt il-konferenza li ssir wara, ittella' bil-posta jekk Destiny hux se tkanta fl-ewwel jew inkella fit-tieni nofs tal-finali. Hekk jiġri għal kanzunetti kollha. Id-deċiżjoni dwar kif jitqassmu l-kanzunetti, fl-ewwel u t-tieni semifinali, tittieħed mit-tmexxija tal-Eurovision biex stili differenti ta' mużika jkunu mqassma matul is-serata kollha. Din hija l-lista tal-finalisti kollha u kif se jkunu qed ikantaw: 🇬🇧 Renju Unit : James Newman - Embers 🇬🇷 Greċja: Stefania - Last Dance 🇦🇿 Ażerbaijan : Efendi - Mata Hari | [
14
] |
In-numru ta' nies li bħalissa jinsabu fi sptarijiet baqa nieżel għal numri baxxi: 12-il persuna maqsumin f'erba' postijiet differenti. Erba' każi fl-ITU ta' Mater Dei, erba' oħra fl-Infectuous Diseases Unit, tnejn fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex u tnejn oħra fl-Isptar Boffa. Ma hemm ebda pazjenti bil-Covid-19 fi sptarijiet oħrajn. Intant din hija t-tielet ġimgħa illi matulha ma kien irreġistrat ebda każi fid-Djar tal-Anzjani - xhieda ċara tad-differenza u l-effettività tal-vaċċin. Din il-ġimgħa wkoll ma kienet irreġistrata ebda mewt kawża tal-virus. Intant aktar kmieni wara nofsinhar is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci ħabbret li sa issa huma 95% ta' dawk 'l fuq minn 65 sena li ġew ivvaċċinati, 75% ta' dawk bejn 50 u 59 sena, 69% ta' dawk bejn 40 u 49 sena, 55% ta' dawk bejn 30 u 39 sena u 24% ta' dawk bejn is-16 u d-29 sena. Hija qalet ukoll li għadu mhux lok jinfetħu attivtajiet tal-massa u r-rilaxx se jkompli pass, pass. | [
12
] |
Fl-aħħar sigħat il-kampanja ta' tindif u tisbiħ 'Insebbħu Pajjiżna' qabżet l-400km ta' toroq u postijiet pubbliċi li tnaddfu mill-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku. Minn dawn it-toroq inġabru 510 tunellata ta' skart u materjal li qabel kien qed iħammeġ it-toroq tagħna. Dawn l-400km ta' toroq ingħataw nifs ġdid ukoll permezz ta' żebgħa ġdida fuq 174 central strips u roundabouts, issewwew 41 ħajt tas-sejjieħ jew tal-franka, inbiddlu 276 bozza tat-triq li ma kinux qed jaħdmu, u saret manutenzjoni fuq diversi bankijiet, railings, u għamara oħra tat-triq. Minbarra l-510 tunellati ta' materjal li nġabar minn dawn it-toroq, inġabru wkoll 185 tunellata ta' skart tal-kostruzzjoni mormi illegalment f'diversi bnadi tal-pajjiż. "Dawn huma numri li juru l-ħidma sfiqa ta' bejn 450 u 700 ħaddiem tas-Servizz Pubbliku li qed jipparteċipaw f'din l-inizjattiva u l-effett li qed tħalli din il-kampanja. Però l-akbar riżultat jista' jarah kulħadd: toroq nodfa u postijiet pubbliċi miżmuma sew," qal is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar li l-uffiċċju tiegħu qed jikkordina din il-kampanja. Hu żied jgħid li dan mhux biżżejjed, u li fil-jiem li ġejjin 'Insebbħu Pajjiżna' ħa tqajjem aktar kuxjenza biex anke l-pubbliku jagħti s-sehem tiegħu u jżomm Malta nadifa. L-400km ta' toroq ikopru kważi t-toroq arterjali kollha ta' pajjiżna u diversi lokalitajiet li fl-aħħar jiem iddaħħlu f'dan l-eżerċizzju, fosthom il-Belt Valletta, il-Mosta, San Ġiljan, Marsaskala, Birżebbuġa, Birkirkara, Tas-Sliema, il-Gżira, San Pawl il-Baħar, in-Naxxar, Buġibba, u l-Qawra fost oħrajn. In-numru ta' lokalitajiet mistenni jkompli jikber kull jum li jgħaddi. | [
12
] |
KS: Qabelxejn nifraħlek talli ftit jiem ilu poġġejt lil pajjiżna fuq il-mappa letterarja kontinentali billi rbaħt il-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura (PUEL). Jidhirli li t-tnejn li aħna naqblu li din l-edizzjoni għamlet ferm iżjed ħoss minn dawk preċedenti, l-iżjed kaġun tal-kontroversji li nqalgħu rigward ir-rumanzi ineleġibbli għal dan il-konkors. Minn banda episodju bħal dan żgur kapaċi jiġġenera l-pubbliċità għall-kittieba inkwistjoni u għaldaqstant minkejja kollox jista' wkoll, sa ċertu punt, jingħadd b'sitwazzjoni pożittiva. Mill-banda l-oħra madankollu nifhem tajjeb ukoll illi kontroversja bħal din tista' tikkawża ċertu fastidju u ttellef mis-sodisfazzjon tal-kittieba rebbieħa. Biss, jidher illi l-biċċa l-kbira ta' dawk illi kkummentaw kwantu l-esklużjoni ta' ċerti rumanzi m'għamlux dan b'malafidi. Barra dan, nemmen illi bosta mir-riżervi mistqarra f'dawn l-aħħar jiem minn Alfred Sant u oħrajn rigward dan il-każ – kemm-il darba issa jingħataw widen – jistgħu jtejbu qatigħ l-livell tal-PUEL u saħansitra jżidulu l-prestiġju. X'inhuma sewwasew il-veduti tiegħek dwar dina l-kwistjoni? Taħseb li ċerti ilmenti li tqajmu dan l-aħħar huma ġġustifikati? LC: L-ilmenti li tressqu kienu lmenti validi. Urejt l-appoġġ tiegħi għal dawn l-ilmenti pubblikament u anke bgħatt messaġġi personali ta' awguri. L-awturi dejjem għandhom ikunu magħqudin fi kwistjonijiet bħal dawn. Billi nnominawni għal-lista l-qasira ma jfissirx li ma kellix għalfejn nikkummenta. Dawn l-ilmenti kienu importantissmi biex l-affarijiet jinbidlu għall-aħjar u ninsab pożittiva li dawn ser iwasslu għal bidliet xierqa. Ħadt gost ukoll li Aleks Farruġia – li ġie skwalifikat minħabba l-kwistjoni tal-pubblikatur tiegħu – feraħli pubblikament talli rbaħt dan il-premju. Nistqarr li apprezzajtha immens. Min-naħa l-oħra, kont iddiżappuntana li Alfred Sant ma lissinx kelma waħda ta' awguri. Nemmen li dan kien ikun ġest sabiħ. Wara kollox aħna lkoll kittieba u anke jien, minkejja li rbaħt il-PUEL, biħsiebni nibqa' nissielet biex l-affarijiet dejjem jibqgħu jitjiebu. Għandna dejjem inkunu magħqudin, fuq kull front. KS: Ftit tax-xhur f'din il-paġna kont ktibt żewġ artikli – b'referenza partikulari għal kwistjoni li kienet qamet bejn Alfred Sant u Oliver Friggieri lura fis-snin tmenin – rigward il-kitba impenjata u r-rwol tal-kittieba u l-ħassieba fis-soċjetà. F'wieħed minnhom, voldieri L-intellettwali pubbliċi u l-ambjent ikkonkritizzat –Problemi tal-lum (2) , kont irreferejt għal kumment tiegħek rigward is-silenzju ta' ċerti awturi u intellettwali kwantu bosta problemi ta' żmienna. Fost il-punti li qajjimt dakinhar kont sħaqt li mhux l-awturi kollha huma fis-sew intellettwali u li mhux l-intellettwali kollha huma tal-istess xorta. Biex ma ntawwalx wisq, ngħid għalija f'dak l-artiklu ma ddejjaqt xejn niddefendi lill-intellettwali passivi u wisq inqas ipprendejt nirrimarka li minkejja kollox l-ikbar ħtieġa bħalissa hija l-ħsieb iżjed milli l-azzjoni u li hu x'inhu l-attiviżmu politiku ftit li xejn jista' jkun ta' fejda kemm-il darba dan ma jkunx imsejjes bis-sħiħ fuq fehim intellettwali tal-isfidi li għandna quddiemna. Barra dan, ħaġa ċara ħafna – għall-inqas għal dawk midħla tal-filosofija – li t-teorija politika tagħmel biss parti mill-firxa vasta tal-istudji filosofiċi u li għaldaqshekk ħaġa ċara wkoll li mhux l-intellettwali kollha jagħżlu li jkunu b'xi mod jew ieħor pubbliċi jew li jispeċjalizzaw fil-ħwejjeġ tal-polis. X'kienu sewwasew il-ħsibijiet tiegħek rigward dawn l-argumenti tiegħi dika l-ħabta? Inbidlu xi ftit maż-żmien? Barra dan, ma taħsibx illi l-analiżi hija wkoll għamla siewja ta' attiviżmu? LC: Hemm diversi tipi ta' kitba. Fil-letteratura l-preferenza naturali tiegħi xxaqleb lejn kitba diretta li tmiss lin-nies. Il-kitba wara kollox tinkiteb biex tinqara min-nies u nemmen li ma tistax tikteb mingħajr ma tirrelata mal-qarrejja. Fl-istess waqt il-kitba ma tistax tkun għan-nies biss. Trid tkun xi ħaġa internaliżżata. Hemm proċess ta' kif tkun inti bħala persuna u kif 'tiddeċiedi' li tinternaliżża lid-dinja ta' barra ġewwa fik, biex imbagħad – permezz tal-kitba – dak li tinternaliżża terġa' toħorġu 'l barra minnek ħalli jaqrawh in-nies. Kif tiddeċiedi li tinternaliżża u/jew tinterpreta lid-dinja ta' barra jiddependi wkoll kif int bħala persuna jew minn liema żmien (tajjeb jew ħażin) tinzerta għaddej jew minn ma' liema influwenzi tkun qed tiddjaloga. Dawn kollha jbiddlulna l-perċezzjoni tad-dinja ta' barra u l-modi kif ninternaliżżawha ġo fina. Issa, ngħid jien, kif tista' tassorbi lid-dinja ta' barra u tiddeċiedi li tibqa' teskludi temi tant ovvji fis-sitwazzjoni soċjopolitika ta' pajjiżek? Il-politika wara kollox mhijiex biss il-partiti iżda wkoll jekk għandekx biżżejjed flus għal kafè u kemm isservik il-paga. Tfisser l-arja li qed tieħu nifs fiha. Tfisser dik il-blokka fletts li tellgħu warajk u li biha ser joħdulek tal-inqas erba' sigħat mid-dawl tax-xemx kuljum. Il-politika tfisser ukoll sa liema punt klassi ta' nies partikolari ser tiġi ddiskriminata biex tiġi aġevolata klassi oħra. Li ma titkellimx fuq il-politika, fuq kull politika, tiġi qisu għandek iljunfant fil-kamra tiegħek u tibqa' ma ssemmiehx. Mill-banda l-oħra nifhem li hawn kitba oħra b'xejra maġika u straordinarja. Dik it-tip ta' kitba napprezzaha wkoll. Anzi tispirani nkun kittieba aħjar. Wara kollox, l-element politiku tista' ddaħħlu anke fl-iktar storja maġika u fantastika. KS: Jidher ċar illi bħala awtriċi f'xi punt ħadt deċiżjoni konxja li tkun kittieba pubblika li tikteb rigward kwistjonijiet pubbliċi, fil-biċċa l-kbira politiċi. Dan kien diġà deher ċar malli deher l-ewwel ktieb tiegħek Lucy Min? . Iżjed tard komplejt issaħħaħ din l-immaġni billi ngħaqdt mal-Moviment Graffiti u mbagħad, sintendi, bit-tieni ktieb tiegħek Kissirtu Kullimkien illi rebaħ il-PUEL. Mhemmx dubju li l-kwistjonijiet politiċi li tittratta f'dawn il-kitbiet bħal fost oħrajn l-industrija tal-kostruzzjoni, l-ambjent u l-qagħda tal-immigranti huma temi attwali kruċjali ħafna mhux biss mill-perspettivi ambjentali, ekonomiċi, soċjali u kulturali iżda anke minn dawk tal-benessri fiżjoloġiku u psikoloġiku. F'intervista li tajt m'ilux lil Teodor Reljić għall-ġurnal MaltaToday stqarrejt illi bosta minn dawn id-disturbi – insejħilhom hekk għax tassew nemmen li hekk huma – ħallew fuqek impatt psikoloġiku negattiv. Qabelxejn, nissimpatizza ħafna miegħek għax nidentifika bis-sħiħ ma' din il-frustrazzjoni tiegħek. Tista' telabora iżjed dwar dan? U issa li erbaħt il-PUEL bi ktieb illi jittratta appuntu dawn il-ħwejjeġ, taħseb illi dax-xogħol letterarju tiegħek kapaċi jsaħħaħ imqar bi ftit is-sensibilizzazzjoni kollettiva dwar dawn l-isfreġji fil-livelli nazzjonali u Ewropej? LC: Iva, l-esperjenza li jtellgħu blokka kbira fletts ħdejja ħalliet impatt psikoloġiku negattiv fuq ġismi u fuq moħħi. Il-blokka damet sentejn tielgħa. L-istorbju kien jibda mis-6.30 ta' filgħodu u jibqa' għaddej sat-8.00 ta' filgħaxija. Immaġina! Tqum u tisma' ċ-cejser għaddej bil-mija. Tagħmel siegħa fit-traffiku. In-nervi jkunu diġà kważi messu mal-limitu. Imbagħad, wara disa' sigħat xogħol, terġa' tqatta' siegħa oħra fit-traffiku sakemm tasal lura d-dar u terġa' ssib jilqgħuk il-ħsejjes tal-kostruzzjoni. Din mhix storja tiegħi biss iżda ta' kulħadd. Hija l-istorja ta' kif Malta qed timxi lejn sfreġju ambjentali u nuqqas ta' spazji miftuħa – sitwazzjoni tal-biki. Kif tista' ma tgħid xejn dwar din? U kif nista' niddeċiedi li nkun fatalista billi ma nagħmel xejn dwarha? Nifhem li iktar ma n-nies jikbru iktar forsi jirrassenjaw ruħhom u jkun faċli li jippreferu jitilqu milli jesponu dan kollu. Imma ngħid għalija dan hu pajjiżi u nitilqu biss meta nħossni ġġilidt għalih biżżejjed. Għax hawnhekk twelidt. Huwa hawn fejn għandi l-isbaħ memorji. Huwa hawn fejn inxomm irwejjaħ familjari: il-baħar, il-ħobż, il-birra. Huwa hawn fejn inħossni komda nitkellem l-iktar, b'din il-lingwa sabiħa, ikkulurita u xi kultant ftit ħarxa tagħna. Hawnhekk biss. U ma rridx li kaġun t'erbgħa min-nies bi bwiet ħoxna li jaħsbu li saru granallat ikolli bilfors nitlaq. U l-Maltin, fil-fehma tiegħi, għandhom jieqfu jiġġieldu bejniethom fuq aħmar, blu u aħdar u minflok iqumu mir-raqda. Għax fl-aħħar mill-aħħar il-politiċi tagħna mhumiex granallat u ħadd minnhom mhu ser jiġi f'darna jwennisna meta l-isfreġju jibda jaffettwana ħażin. Jekk ma nitgħallmux ningħaqdu u nħanġru lkoll f'daqqa ser jibqgħu jsiru iktar sfreġji. Imma hemm soluzzjoni. Fl-għaqda dejjem hemm soluzzjoni; huwa biss fil-firda li dawn jibqgħu jagħmlu li jridu. Minkejja li l-ktieb tiegħi Kissirtu Kullimkien għandu titlu negattiv xorta waħda jispiċċa billi jwassal il-messaġġ illi fl-għaqda tabilħaqq hemm is-saħħa. Din mhijiex xi teorija fantastika li ħriġt biha jien, imma hi l-istorja tal-bniedem li dejjem iġġieled għad-drittijiet tiegħu u fl-aħħar kisibhom. Bħala attivista mal-Moviment Graffitti ninnota kif meta n-nies jingħaqdu l-messaġġ joħroġ iktar qawwi. Ġieli tlifna battalji iżda rbaħna oħrajn ukoll proprju għax ingħaqadna kontra nies li jaħsbu li saru granallat. Finalment nirrispondi d-domanda tiegħek b'mod dirett: iva, bħala regola, f'kull okkażjoni li nsib dejjem nipprova noħloq ċerta sensibilizzazzjoni fuq dak kollu li jkun għaddej: kemm jekk inkun għand tal-growser nitkellem mal-kaxxiera, kemm f'xi protesta nħanxar ma' "xi erba' boloh m'għandhomx x'jagħmlu'', kemm meta naqbad neqred fuq il-Facebook u kemm fil-kitba letterarja. Din mhijiex xi ħaġa li nagħmel b'intenzjoni iżda toħroġ waħedha b'mod organiku, għax ġenwinament nemmen li s-sensibilizzazzjoni pubblika tista' titjieb b'xi ħaġa sempliċi bħall-informazzjoni u b'kif niddeċiedu li nwassluha. Ngħid għalija nemmen li iktar ma nużaw diskors komuni biex inwasslu l-messaġġ iktar kapaċi nagħmlu l-messaġġ tagħna aċċessibbli. L-argumenti intellettwali, għalkemm stimulanti, ħafna drabi ma jappellawx għan-natura prattika tiegħi li s-soltu tfittex li tiċċaqlaq lejn l-immedjat biex tipporova ssolvi l-problema. KS: Mhux spiss nistaqsi mistoqsijiet prevedibbli li jsiru s-soltu. Iżda din id-darba – ġaladarba qiegħed nitħaddet ma' kittieba emerġenti li saħansitra għadha kif rebħet premju internazzjonali – ma nistax ma nistaqsikx dan: fl-istess intervista ma' Reljić stqarrejt illi tnebbħek ħafna l-kitba ta' Immanuel Mifsud. Minbarra Mifsud, liema huma l-iktar kittieba u ħassieba Maltin u barranin li influwenzaw bil-kbir il-ħidma letterarja u politika tiegħek tul is-snin? Hemm ħwejjeġ oħra li jinteressawk mill-qrib apparti l-politika? Kien hemm xi litterati li ħallew impatt sod fuqek iżda mbagħad madankollu skartajt maż-żmien? X'direzzjonijiet taħseb illi ser jaqbdu n-narrattivi u tematiki tiegħek fil-ġejjieni? LC: Mingħajr ma nerġa' nirrepeti ruħi fit-tul fuq Immanuel Mifsud, l-istil tiegħu kien influwenzani ħafna għax kien dirett, bla ħafna kantunieri. Kittieba oħra lokali li ħallew impatt kbir fuqi kienu Alex Vella Gera, Loranne Vella u John Bonello. Għad illi dawn qrajthom f'perjodi differenti ħafna lkoll ħallew fuqi impatt qawwi għax ħarġu ħafna 'l barra mill-comfort zones tal-letteratura Maltija. F'dawn il-kotba nħolqot struttura ta' narrattiva tajba u b'saħħitha ħafna. Mill-kotba kollha li qrajt –għalkemm hemm ħafna iktar xogħlijiet lokali li saħħruni – kien f'dawn li semmejt illi l-iktar sibt in-narrativa li naspira għaliha. Il-kittieba barranin li influwenzawni huma bosta. Hemm l-awtriċi Sud Amerikana Isabelle Allende li fi żmienha rnexxielha tgħaqqad is-superstizzjoni, ir-realiżmu, il-politika u l-element storiku b'element maġiku u b'abbiltà inkredibbli fit-tiżwieq tal-lingwa. Fil-kitba jogħġbuni wkoll ċerti elementi oskuri li jmissu temi xejn konvenzjonali u pjuttost devjanti. Meta kont iżgħar qrajt, ngħidu aħna, kotba bħal dawk ta' Counte de Lautremont u Georges Bataille. Dik il-ħabta kont naqra biss awturi klassiċi bħal fost oħrajn Tolstoy, Balzac u Hugo. Kif kbirt imbagħad bdejt niftaħ moħħi iktar għal tipi ta' letteratura oħrajn. Illum b'kulma naqra sirt inħoss bieb ġdid jinfetaħ fuq ħwejjeġ li qatt ma ħsibt dwarhom jew li qatt ma kont interpretajthom minn ċerti angoli partikolari. Il-ktiba hija proċess u finalment it-tir tiegħi jibqa' li ntejjeb u niżviluppa l-kitba tiegħi, anke permezz ta' korsijiet apposta. Doża bnina ta' kritika nsibha importanti wkoll għax b'hekk il-kitba tiegħi tkompli tgħaddi 'l quddiem. Nikbru, nitgħallmu u naraw… | [
2
] |
Ilna nitkellmu fuq is-saħħa issa. Ilna nitkellmu dwarha u ilna nagħmlu restrizzjonjiet u biddlilna l-istil ta' ħajja tagħna, propju biex nipproteġuha! Imma sfortunatament u mill-ġdid is-saħħa mentali sfat is-Cindirella tal-qasam tas-saħħa - għax filwaqt li kulħadd attent ma jmurx jagħtas, jew ma jmurx ikun ħdejn xi ħadd li jagħtas u filwaqt li ħadna kull prekawzjoni possibbli kontra l-Covid-19 - inkluż l-aktar severi, bħal-fatt li numru ta' nies lanqas setgħu jmorru l-funeral ta' missierhom jew ommhom - is-saħħa mentali nibgqħu ninjorawha. Nibqgħu nitrattawha bħala tabù, nibqgħu ma nafux kif nimmaniġjawha u nibqgħu naraw mawra s'għand psikologu bħala konferma li 'int miġnun', 'skorfina nieqsa', 'm'aħniex'. Daqslikieku li tmur tfittex l-għajnuna qed tagħmel xi diżunur! U ma niħduhiex bi kbira! Ħarsu lejn l-Isptar Monte Carmeli, tkellmu man-nies li jaħdmu hemmhekk u l-familji tal-pazjenti. Ħarsu madwarkhom u taraw li fil-verità s-servizzi għadhom neqsin, filwaqt u minkejja li kull servizz tas-saħħa ieħor huwa offrut u bi professjonalità wkoll! Meta jkollok uġigħ fid-darsa, mhux id-dentist tfittex? Meta jagħtik uġigħ f'sidrek, mhux għand it-tabib tmur tiġri? Jekk għajnejk ma għadhomx jagħtuk, mhux għand l-oftamoloġista tmur? Mela għalfejn għadna nsibuha bi tqila biex meta l-moħħ ma jiflaħx aktar nfittxu l-għajnuna? Għalfejn tant għadhom jarawha bħala ammissjoni ta' telfa li tfittex l-għajnuna psikoloġika? Ħafna drabi nfittxu l-għajnuna meta jkun tard wisq - bħalma ħafna jmorru jirranġaw sinna, meta tkun mikula u tajba biss biex tinqala'. Hemm bżonn li f'dan il-pajjiż nitkellmu aktar u bil-miftuħ fuq is-saħħa mentali u issa huwa l-aħjar mument biex nagħmlu dan, hekk kif il-pandemija tal-Covid-19 ħalliet tant problemi u sfidi psikoloġiċi fost ħaddiema, negozjanti, anzjani u l-popolazzjoni in ġenerali. Sondaġġ tal-Kamra ta-SMEs juri kif 46% tan-negozji nnutaw li l-problemi u sfidi ta' saħħa mentali fost il-ħaddiema żdiedu waqt il-pandemija. Mhux ċajta din! Mhux ċajta li kien hawn min tilef kollox! Mhux ċajta li kien hawn familji li tkissru jew abbuż li żdied waqt lockdowns! Mhux ċajta li kien hawn min spiċċa bla flus biex jgħix u jgħajjex familtu! Mhux ċajta li drajna ngħixu f'libertà assoluta u f'daqqa waħda d-dinja spiċċat bi Gvernijiet li jiddettawlek xħin toħroġ, fejn issiefer, xħin trid tkun id-dar, kif tonfoq flusek, meta tara lil qrabatek, meta tiftaħ in-negozju tiegħek jew inkella saħansitra f'xi pajjiżi jordnalek biex ma toħroġx mill-bieb 'il barra! Il-libertà hija sabiħa, ħafna aktar mill-flus u l-ġid personali! U n-nuqqas tagħha għamlet ħerba u kissret lil tant nies. Imbilli lil dawn in-nies ma nniżżluhomx f'xi lista ma jfissirx li mhumiex hemm. Ma jistax ikun nibqgħu nitrattaw is-saħħa mentali tas-Cindirella fil-qasam tas-saħħa u dan jgħodd għall-Gvern ukoll. Hija tal-mistħija li l-Isptar Monte Carmeli tħalla fi stat infrastrutturali tant ħażin li mal-14-il sala spiċċaw ikkundannati. Hija tal-mistħija li Paul Pace (MUMN) jgħid ma' din il-gazzetta li hemm wards fejn lanqas sistema ta' ilma ma hemm tajba f'xi partijiet tal-isptar. Hija għarukaża li jċemplulna nies u jgħidulna illi qrabathom qed jiġu trattati ta' numri! Hija tal-mistħija li m'għandniex sistema illi tagħmel differenza bejn pazjent li għandu sfidi momentarji u oħrajn li għandhom sfidi gravi - minflok kulħadd għal Monte Carmeli! U fejn hu l-isptar il-ġdid ta' saħħa mentali li kellu jinbena ħdejn l-Isptar Mater Dei? Din kienet wegħda tal-Partit Laburista. U hija wegħda li għandha titwettaq malajr kemm jista' jkun. Mela ngħalqu l-wards psikjatriċi, biex nagħmluhom wards tal-Covid-19! L-appell ta' dan l-editorjal huwa biex ma nistennewx aktar għaliex kull ġurnata li tgħaddi, hija ġurnata ta' aktar stigma u aktar tbatija ta' nies veri - tad-demm u l-laħam, li forsi ma felħux għall-inkwiet, għall-problemi jew għat-traġedji li ġraw f'ħajjithom. Hemm nuru l-vera ġustizzja soċjali u l-wens mal-iktar vulnerabbli, fost il-vulnerabbli. Ejja ma naħbux aktar din il-problema. Imxejna tant 'il quddiem, f'tant aspetti f'dan il-pajjiż. Għaliex fuq is-saħħa mentali għadha tirrenja tant injoranza u preġudizzju? | [
11,
12
] |
Riesaq is-sajf u miegħu nistennew żieda fl-immigrazzjoni, hekk kif il-baħar ikun ħafna iktar kalm, il-ġranet ħafna isbaħ u allura apparati li jkun temp tajjeb biex immorru ngħumu, ikun temp tajjeb ukoll biex eluf jitilqu (ġeneralment - imma mhux biss) mil-Libja u jibdew traġitt fil-Baħar Mediterran għal wegħda ta' ħajja ħafna isbaħ u aħjar! U ma' dan il-fenomenu ta-immigrazzjoni u kriminalità jibda d-dibattitu fil-Parlament Ewropew dwar din il-materja. Fil-fatt din il-ġimgħa stess il-Plenarja tal-Parlament Ewropew, immexxija mill-Viċi President tal-istess Parlament Roberta Metsola, iddiskutiet l-immigrazzjoni fl-ibħra ta' madwarna u anke l-imwiet li seħħew - 747 diġà din is-sena, skont il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Portugiż Augusto Santos Silva (Il-Portugal qed tmexxi l-Presidenza tal-PE bħalissa). Dan flimkien ma' 20,000 persuna li diġà qasmu l-baħar Mediterran din is-sena, sal-aħħar ta' April. Xejn inqas minn 6,000 immigrant qasmu l-fruntiera tal-Marokk lejn Spanja fi ftit jiem - xi ħaġa li ssemmiet minn diversi MEPs waqt ll-Plenarja, b'mod speċjali minn MEPs Spanjoli. Xi MEPs saħansitra talbu biex l-UE twettaq sanzjonijiet fuq il-Marokk talli qed tħalli dawn l-immigranti jgħaddu lejn Spanja. Id-dibattitu kien iżda immarkat b'sens ta' eżasperazzjoni minn diversi MEPs, b'ħafna jikkritikaw lill-Kummissjoni Ewropea talli mill-paroli qatt ma għaddiet għall-fatti u li fuq din il-kwistjoni hekk importanti mhix qed tidher b'saħħitha politikament. Dan juri illi l-ilmenti lejn l-UE u l-istituzzjonijiet tagħha fuq l-immigrazzjoni mhumiex realtà lokali biss, imma realtà Ewropea wkoll. Kien hemm ħsieb mill-aktar diverġenti iżda dwar is-soluzzjoni għal din l-isfida: MEPs jisħqu fuq triq sigura u legali ta' immigrazzjoni u MEPs oħrajn jisħqu li l-UE jeħtieġ tagħmel bħall-Awstralja u tagħlaq il-fruntieri. Il-gazzetta ILLUM segwiet id-dibattitu u qed tipproduċi uħud mill-interventi fil-Parlament Ewropew, fosthom tal-Kummissarju Ewropew preżenti għas-sessjoni. 'Aħna nilqgħu l-immigrazzjoni marbuta mix-xogħol' Il-Kummissarju Ewropew tal-Intern Ilva Johansson sostniet illi l-UE tilqa' l-immigrazzjoni ekonomika, ta' nies li ġejjin lejn l-Ewropa biex isibu x-xogħol u dan għaliex saħqet illi l-UE teħtieġ aktar u aktar persuni b'ċerti ħiliet biex jimlew eluf ta' postijiet tax-xogħol. Hija qalet illi dan qed isir filwaqt li l-Kummissjoni qed taħdem biex jiġi miġġieled l-ittraffikar u l-kuntrabandu u minflok jinħoloq mezz ta' kif dawk l-immigranti li jiġu hawn għax-xogħol jagħmlu dan b'mod sigur u legali. Għamlet referenza għall-immigranti deħlin Spanja, mill-Marokk, din il-ġimgħa u filwaqt li fakkret li hi marret il-Marokk diġà biex tiddiskuti din il-materja (kif ukoll il-Mawritanja u t-Tuneżija) sostniet li l-Marokk jeħtieġ jikkontrolla l-immigrazzjoni mill-fruntieri tiegħu u b'mod organizzat l-UE tara li tibgħat lura immigranti li ma jkollhomx jedd ikunu fl-Ewropa. 'Il-priorità hija l-ħajja' Għall-Ministru tal-Affarijiet Barranin Portugiż Augusto Santos Silva l-priorità għandha dejjem tibqa' l-ħajja u s-sigurtà allura, kemm tal-immigranti kif ukoll ta' dawk il-ħaddiema li huma parteċipi f'missjonijiet ta' Tiftix u Salvataġġ. Huwa fakkar li din is-sena diġà qasmu l-Baħar Mediterran 20,000 persuna, meta s-sena l-oħra qasmu 100,000 filwaqt li mill-bidu tas-sena diġà tilfu ħajjithom 747 persuna. "Il-valuri Ewropej jridu jiġu mħarsa dejjem… il-Presidenza Portugiża qed taħdem għall-Konferenza li fiha jiġi diskuss iċ-ċaqlieq migratorju," sostna Silva li qal ukoll illi jeħtieġ jiġu meqjusa modi legali ta' kif persuna tidħol fl-Ewropa. 'Ieqfu parlaw fil-vojt' "Huwa skandlu li sitt snin minn kriżi ta' immigrazzjoni għad ma hemmx soluzzjoni!" Hekk sostna l-MEP Jeroen Lenaers f'isem il-Partit Popolari Ewropew. Huwa sostna li l-proposti hemm qegħdin u ilhom isiru, fosthom, mekkaniżmu ta' solidarjetà, proċeduri ġusti li jitrattaw applikazzjonijiet ta' ażil u screening aktar mgħaġġel. Huwa ħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Presidenza biex jieqfu "bil-paroli vojt ta' simpatija u burokrazija u ħudu responsabilità. Ħudu azzjoni għax il-ħajjiet jiddependu minn dan." 'Mill-ġdid nitkellmu, filwaqt li n-nies imutu' L-MEP Simona Bonafè mill-Alleanza tas-Soċjalisti u Demokratiċi kienet kritika wkoll tal-fatt li l-Parlament Ewropew qed jibqa' jiddiskuti din il-kwistjoni mingħajr waqfien imma mingħajr soluzzjoni. "Mill-ġdid qed nitkellmu dwar din il-kwistjoni filwaqt li għadna kif esperjenzajna 130 mewta ftit 'il bogħod mill-Libja." Hija staqsiet kif jista' jkun li dgħajsa tgħajjat għall-għajnuna u din tasal 48 siegħa wara. Bonafè saħqet li s-solidarjetà għandha tkun waħda tal-UE kollha. 'Ġejjin hawn għax-xogħol' L-MEP Malik Asmani minn Renew Europe wkoll tkellem dwar l-immigrazzjoni ekonomika - bħal ma għamlet il-Kummissarju Johannson. "L-unika mod biex nitrattaw din l-isfida huwa billi nirriformaw il-politika tal-migrazzjoni ekonomika. Dawk l-immigranti li jiġu hawn mit-Tramuntana tal-Afrika jiġu hawn għax-xogħol, mhux għall-protezzjoni," sostniet Asmani. '70,000 lesti biex jitilqu minn Sqallija' L-MEP Annalisa Tardino minn Identity and Democracy Europe (U mill-Partit Lega fl-Italja) sostniet illi suppost il-Parlament kien qed jiddiskuti realtajiet bħal dawk f'Lampedusa. Sostniet illi hemm b'kollox madwar 70,000 immigrant lesti biex jitilqu minn Sqallija għall-Italja (mainland). "Is-solidarjetà mhix biżżejjed…l-operazzjonijiet fuq il-baħar qed jinċetivaw, minflok iwaqqfu, l-immigrazzjoni." 'Għalfejn mhux tagħtu finanzi lill-NGOs?' L-MEP tal-Partit tal-Ħodor Erik Marquardt staqsa għaliex l-UE mhijiex qed tiffinanzja u tgħin lil dawk l-għaqdiet non governattivi li qed jgħinu fis-salvataġġ tal-immigranti fil-Mediterran. Huwa sostna li l-opereazzjoni ta' Tiftix u Salvataġġ mhix serja u staqsa għaliex dawn l-għaqdiet għandhom iċemplu seba' darbiet biex tasal l-għajnuna. Marquardt iddeskriva bħala "assurda" l-politika tal-migrazzjoni tal-UE. 'Għax-xellug l-imwiet neċessarji biex imexxu l-aġenda tagħhom' L-MEP Nicola Procaccini mill-Partit tal-Konservattivi u Riformisti ma tantx kellu kliem sabiħ għal uħud mill-kollegi tiegħu fl-istess kamra. Huwa sostna illi filwaqt li l-partit tiegħu ma jaċċetta ebda mewt, l-imwiet "huma neċessarji għax-xellug biex imexxu l-aġenda pro-immigrazzjoni tagħhom." Procaccini qal illi hemm diversi soluzzjonijiet, fosthom li jkun deċiż qabel immigrant jitlaq minn pajjiżu għandux dritt u jikkwalifikax biex jiġi fl-UE jew le. Imbagħad jekk ikun eliġibbli jkollu d-dħul iffaċilitat. 'Insalvaw il-ħajjiet mhux nikriminalizzaw lill-NGOs' Il-membru Parlamentari Ewropew Malin Anna Björk, mill-partit The Left fakkret illi fl-2013 għerqu 260 persuna, 'l barra mill-kosta ta' Lampedusa u li dak iż-żmien bosta pajjiżi bdew jgħinu f'operazzjonijiet ta' Tiftix u Salvataġġ. "Imma minn dakinhar ħafna pajjiżi irtiraw minn dawn l-operazzjonijiet u rtiraw ukoll għajnuna finanzjarja li kienu qed jagħtu." Hi kkritikat il-fatt li bosta għaqdiet non governattivi qed jiġu "kriminalizzati u ppersegwitati" filwaqt li qalet illi fid-dawl ta' dan qed iseħħ pushback perikoluż ta' immigranti. "Ejja nsalvaw il-ħajjiet, mhux nikriminalizzaw l-NGOs," temmet issostni Malin Anna Björk. 'F'Lampedusa nara lin-nies neżlin u aħna hawn inparlaw' L-MEP mill-Alleanza tas-Soċjalisti u Demokratiċi (S&D) Pietro Bartolo, li huwa wkoll resident tal-gżira ta' Lampedusa sejjaħ id-dibattitu bħala "ritwal redikolu." Huwa kkritika lill-UE talli qed turi - skont hu - li mhux kapaċi ssolvi din l-isfida, reali ħafna fil-gżira ta' Lampedusa fejn nhar id-9 ta' Mejju li għadda, fi spazju ta' ftit sigħat biss, waslu 1,000 fuq gżira li hija saħansitra iżgħar minn Għawdex. "Ma nkunux ipokriti!" jgħid Bartolo li jisħaq illi filwaqt li hu jara lill-immigranti neżlin b'għajnejhom jixfu l-uġigħ tal-vjaġġ li għadhom kif għamlu l-Parlament Ewropew sempliċiment jinħela jiddibatti. 'Ir-reazzjoni tal-Ewropa dejjem kienet talb u nitfgħu il-flus lejn din l-isfida' "Kemm se ndumu ngħoddu l-iġsma fil-Mediterran?" saħaq L-MEP Malti Cyrus Engerer, f'messaġġ li għadda waqt din il-plenarja. "Ir-reazzjoni Ewropea għal dan kollu dejjem kienet li noffru t-talb u li nipprovaw ngħattu din l-isfida billi nitfgħula l-flus. Intant, inħallu l-pajjiżi fil-fruntiera tal-Unjoni Ewropea waħedhom, minkejja li dik il-fruntiera hi waħda Ewropea, fruntiera tagħna lkoll" qal Engerer. "Immaġinaw dawk is-700 persuna, daqs kemm qegħdin Membri Parlamentari hawnhekk f'dan il-Parlament, bilqiegħda fuq is-siġġijiet ta' quddiemna jispjegawlna x'wassalhom biex jitilgħu fuq dawk id-dgħajjes minkejja li jafu kemm il-vjaġġ hu wieħed perikoluż u mingħajr sigurtà," kompla Engerer, waqt li fakkar lil dawk kollha preżenti li l-vjaġġ biex jinqasam l-Mediterran baqa' wieħed mill-aktar perikolużi fid-dinja | [
3
] |
Fl-aħħar 24 siegħa irriżultaw biss tliet każi ta' Covid-19 minn 1,492 swab test, filwaqt illi fiequ mill-virus ħamsa minn nies biex it-total ta' każi attivi huwa ta' 69 persuna. Sfortunatament kienet irreġsitrata mewta ta' persuna ta' 77 sena wara ġimagħtejn u nofs illi matulhom ma kienu rreġistrati ebda mwiet kawża ta' dan il-virus. L-aħħar mewta kienet irreġistrata nhar is-7 ta' Mejju. Dan ifisser illi issa t-total ta' mwiet minn Marzu tas-sena l-oħra tela' għal 418. Intant il-proċess ta' vaċċinazzjoni kompla għaddej biex laħħaq total ta' 482,577 doża li minnhom 183,556 huma persuni li ħadu t-tieni doża wkoll. Ilbieraħ tħabbar li Malta laħqet il-Herd immunity , hekk kif 70% tal-popolazzjoni issa ħadet imqar l-ewwel doża. Dan filwaqt li 42% tal-poplu ħa t-tieni doża wkoll. | [
12
] |
Il-Minstru tal-Finanzi Clyde Caruana qal fil-Parlament, hekk kif bdiet id-diskussjoni dwar l-Att dwar l-Impjieg ta' Persuni b'Diżabilità, illi l-Gvern se jkun qed jara li l-Liġi li timponi kwoti ta' persuni b'diżabilità fuq il-post tax-xogħol, tkun infurzata, speċjalment f'każi fejn min iħaddem jibqa' jirrifjuta li jħallas il-kontribuzzjoni ta' €2,400 għal kull persuna b'diżabilità li suppost iħaddem u mhuwiex. Din il-liġi tal-1969 - imma li l-Gvern iddeċieda li jinforza fl-2015 - titlob li kull post tax-xogħol ikollu 2% tal-ħaddiema li jkunu persuni b'diżabilità. F'każ fejn min iħaddem ma jkunx irid jew ma jkunx jista' jimpjega persuni b'diżabilità titħallas il-kontribuzzjoni - li titla' għal massimu ta' €10,000. Il-Ministru qal illi sal-lum il-ħlas ta' din il-kontribuzzjoni għadha mhix infurzata, xi ħaġa li l-Gvern qed jara li jbiddel permezz ta' dan l-Att. Il-Ministru Caruana rrakkonta kif ġieli marru kellmuh persuni li jmexxu kumpaniji li għandhom dħul ta' €30 miljun kull sena imma li jgħidulu illi akkost ta' kollox ma jridux iħallsu din il-kontribuzzjoni. "Din hija attitudni li tweġġgħani u jeħtieġ tinbidel," temm isostni. | [
12
] |
Waqt li kien qed jixhed illum fil-Qorti Melvin Theuma - is-sensar fl-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia - qal għal darbtejn, li Johann Cremona kien qallu li l-mażunerija qabdet persuna - li isimha ma jistax jissemma' b'ordni tal-Qorti - biex toqtol lil Daphne Caruana Galzia. Huwa xehed, għall-mistoqsija tal-Ispettur Keith Arnaud, li lil din il-persuna jafha imma lilu qatt ma kellmu. Cremona huwa sieħeb fin-negozju ma' Yorgen Fenech - akkużat illi huwa l-moħħ wara l-assassinju tal-ġurnalista f'Ottubru 2017. Theuma kien qed jixhed hekk kif illum komplew jinstemgħu r-rekordings tiegħu, parti importanti mix-xhieda f'dan il-każ. Huwa jinstema' jgħid illi Yorgen Fenech kien l-ewwel wieħed li ried illi Caruana Galizia tinqatel u b'persistenza kienu jgħidlu, "mur għid lil Fredu, mur għid lil Fredu biex joqtolha." L-isem Fredu hawnhekk huwa possibilment referenza għal Alfred Degiorgio. Melvin Theuma qal li din id-diskursata saret fl-uffiċċju ta' Cremona u jerġa' jinsisti li l-istess persuna li isimha ma jistax jixxandar, kien għaddielu l-flus biex tinqatel Daphne Caruana Galizia. Illum ukoll fl-istess xhieda Theuma qal illi Cremona qallu biex jgħid li l-aħwa Degiorgio qalulu li kien l-eks Ministru Chris Cardona li qabbdu bħala sensar f'dan il-qtil. Theuma ċaħad kompletament u qal li hu qatt ma kellu kuntatt ma' Cardona jew familtu. Żied jgħid li Cremona kien ilu jinsisti li kien Cardona illi qatel lil Daphne Caruana Galizia. | [
0
] |
Pierre Portelli qal mal-illum.com.mt illi jekk jissejjaħ mill-Pulizija, "jiena mmur bi pjaċir kollu kif mort fuq kwistjonijiet oħra. M'hemmx problemi." Huwa kien mistoqsi minn dan is-sit dwar komunikat mill-pulizija biex, bħal Thake illum, jiġi interrogat dwar akkuża, issa ripetuta wkoll minn Melvin Theuma, dwar proposta ta' flus lill-Partit Nazzjonalista biex David Casa ma jiġix elett Membru Parlamentari Ewropew. Portelli ssemma' bħala persuna li setgħet kienet preżenti jew kellha għarfien ta' din l-allegata proposta. Hu jgħid iżda li sal-ħin tat-telefonata kienu għadu ma sarx kuntatt miegħu. "Kieku vera, li mhix vera din l-allegazzjoni, kif tispjega li l-partit kien qed jiġri wara Simon Busuttil għal din l-elezzjoni? Jekk David Casa xewka għal Kastilja, aħseb u ara kemm hu aktar Simon Busuttil!" Mal-illum.com.mt Portelli qal li hu diġa' kiteb lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista u diversi uffiċjali għolja tal-istess partit u qal li lest jissekonda t-talba tad-Deputat David Thake, biex issir inkjesta interna, iżda mar oltrè u qal li din l-inkjesta titmexxa mill-Imħallef Emeritus Giovanni Bonello. Saħaq li ma tagħmilx sens li l-inkjesta ssir minn persuna fil-partit u temm jgħid li din għandha tkun 'il fuq mid-dubji. Intant sorsi li tkellmu ma' dan is-sit qalu li l-proposta ta' Pierre Portelli ma tagħmilx sens għaliex Imħallef ma jistax jitkellem jew jibgħat għal Yorgen Fenech imma jista' biss jitkellem man-nies tal-partit. | [
12
] |
Meta kien qed jindirizza Konferenza tal-Aħbarijiet illejla l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li dak li ħareġ illum huwa "serqa, maħduma bħal ma jinħadmu atti kriminali, f'Kastilja. Ma nistgħux nibqgħu nerfgħu d-dnubiet u l-ħniżrijiet ta' Gvern Laburista. Mhux lill-Gvern qed jisirqu imma lill-poplu. Dawn bi ħsieb premeditat telgħu fil-Gvern biex jisirqu," qal Delia. Huwa sostna illi filwaqt li l-PM qal li huwa diżgustat, fakkar li bħala PM irid jieħu passi billi jitkeċċa minnufih Konrad Mizzi u Joseph Muscat. "Jekk ma jsirx, dan ikun prova oħra li Robert Abela ma jistax jagħżel hu. Il-Prim Ministru għandu jkun kapaċi jiddeċiedi hu." Huwa ddeskriva dak li kompla ħiereġ illum bħala tradiment u qal li Konrad Mizzi, Keith Schembri u Joseph Muscat, "għadhom sal-lum jiġru barra, minkejja li serqulkhom il-miljuni. Aħsbu fil-ftehim tal-VGH," qal Delia li fakkar kif il-VGH għamlet ftehim ieħor simili ta' Malta, imma fil-Montenegro wkoll. "Keith Schembri, Konrad Mizzi u Joseph Muscat għadhom qed jiġru barra, b'Muscat saħansitra Konsulent u nfakkar li anke lil Konrad Mizzi ried jagħmlu Konsulent, konna aħna li waqqafnih." Adrian Delia staqsa kif ma saritx investigazzjoni fuq informazzjoni dwar allegata proposta ta' flus lill-PN biex Casa ma jiġix elett sena ilu - meta saret - u kien biss issa li bdew jinvestigaw il-Pulizija. "X'kumbinazzjoni!" irrimarka Delia. Huwa temm jgħid li kulħadd irid iġorr ir-responsabilità fil-Gvern għax, skontu, kulħadd kien jaf x'kien qed jiġri. Beppe Fenech Adami qal li huwa ċar, issa daqs qatt qabel, li l-kumpaniji fil-Panama infetħu biex "jinħaslu l-flus u llum ħareġ ċar illi l-miljuni spiċċaw f'17 Black, li kien ċar illi se tgħaddi dawn il-flus fil-kumpanija miftuħin fil-Panama." "Qed ninsistu li żmien l-impunità jispiċċa," temm jgħid Fenech Adami. | [
12
] |
F'riżoluzzjoni adottata l-Ġimgħa b'493 vot favur, 104 kontra u 67 astensjoni, il-Parlament "jikkundanna bil-qawwa l-mewt orrendi ta' George Floyd" fl-Istati Uniti, kif ukoll qtil simili f'postijiet oħra fid-dinja. Il-MPE jappellaw lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti biex jindirizzaw ir-razziżmu u l-inugwaljanzi strutturali, jikkritikaw ir-repressjonijiet tal-pulizija ta' dimostranti paċifiċi u l-ġurnalisti u t-theddida tal-President Trump li juża l-armata kif ukoll ir-"retorika xewwiexa" tiegħu. Il-Kamra tappoġġa l-protesti massivi reċenti madwar id-dinja kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjoni u tikkundanna "is-supremazija bajda fil-forom kollha". Il-MPE jikkritikaw "l-episodjiji ta' serq, ħruq, vandaliżmu u distruzzjoni tal-proprjeta pubblika u privata ikkawżati minn xi dimostraturi vjolenti", filwaqt li jitolbu fl-istess waqt li "l-użu sproporzjonat tal-forza u t-tendenzi razzisti fl-infurzar tal-liġi" jiġi ddenunzjati pubblikament kull meta u kull fejn iseħħu. L-użu tal-forza mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi għandu dejjem ikun "legali, proporzjonat, meħtieġ u tal-aħħar għażla", filwaqt li l-MPE jinsistu li "l-użu eċċessiv tal-forza kontra l-folol jikser il-prinċipju tal-proporzjonalità". Il-PE jenfasizza li l-każijiet ta' brutalità u ta' abbuż mill-pulizija m'għandhomx ma jiġux ikkastigati u li ċ-ċittadini għandhom id-dritt li jirrikordjam xeni ta' vjolenza mill-pulizzija biex jużawhom bħala evidenza. Tmiem it-tfassil ta' profili razzjali u etniċi, u tkabbir tad-diversita fil-pulizija It-test jitlob lill-UE u lill-Istati Membri biex itemmu t-tfassil ta' profili razzjali u etniċi fil-forom kollha fl-infurzar tal-liġi kriminali, il-miżuri kontra t-terroriżmu u l-kontrolli tal-immigrazzjoni. It-teknoloġiji ġodda f'dan il-qasam m'għandhomx jiddiskriminaw kontra l-minoritajiet razzjali u etniċi, iżżid ir-riżoluzzjoni. L-awtoritajiet tal-pulizija u tal-infurzar tal-liġi għandu jkollhom "rekord eżemplari dwar l-antirazziżmu u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni" u għandhom isaħħu t-taħriġ f'dan ir-rigward, jgħidu l-MPE, filwaqt li jappellaw ukoll għal aktar diversita fi ħdan il-forzi tal-pulizija. Delitti Ewropej kontra l-umanità mwettqa kontra persuni suwed fil-passat Skont il-Parlament, l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu b'mod uffiċjali l-inġustizzji u d-delitti tal-passat kontra l-umanità kommessi kontra l-persuni suwed, persuni ta' kulur u r-Roma. Il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fl-oqsma kollha għandha tkun prijorità tal-UE, jgħidu l-MPE, li jħeġġu lill-Kunsill biex "jikkonkludi immedjatament in-negozjati dwar id-Direttiva Orizzontali dwar in-nuqqas ta' diskriminazzjoni ", imblukkat mill-pajjiżi tal-UE minn meta l-Kummissjoni pproponieta fl-2008. Il-liberta tal-kelma ma tipproteġix ir-razziżmu u l-xenofobja Ir-riżoluzzjoni tenfasizza li l-espressjonijiet razzisti u xenofobiċi mhumiex koperti mill-liberta tal-kelma. Il-MPE "jikkundannaw il-fatt li l-forzi politiċi estremisti u ksenofobiċi madwar id-dinja qegħdin jirrikorru dejjem aktar għaddistorsjoni tal-fatti storiċi, statistiċi u xjentifiċi u jagħmlu użu minn simboliżmu u retorika li jfakkru aspetti ta' propaganda totalitarja, inklużi r-razziżmu, l-anti-Semitiżmu u l-mibegħda lejn il-minoranzi." Skont l-Aġenziji tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem , in-nies madwar l-UE jħabbtu wiċċhom sistematikament ma' fastidju, diskriminazzjoni, preġudizzju stabbilit u tfassil ta' profili etniċi diskriminatorji minħabba l-kulur tal-ġilda tagħhom, it-twemmin reliġjuż jew l-etniċità tagħhom, b'1 minn kull 5 persuna sewda u kważi 3 minn kull 10 Lhudi jesperjenzjaw tali fastidji. | [
12
] |
Is-servizzi ta' detenzjoni, wara li sar l-iċċekjar tas-soltu, indunaw u kkonfermaw li 21 immigrant ħarbu miċ-Ċentru ta' Detenzjoni f'Ħal Far. Dawn ħarġu mill-post fl-aħħar sigħat wara li, fost oħrajn, ikkawżaw ħsara fuq wieħed mill-ħitan taċ-ċentru. It-tfittxija bdiet mal-mument li t-tmexxija taċ-Ċentru ta' Detenzjoni ntebħet b'dak li ġara u talbet minnufih il-koperazzjoni tal-pulizija u entitajiet oħra. | [
12
] |
Il-gazzetta ILLUM tista' tiżvela li l-Prim Ministru Robert Abela qiegħed serjament jikkunsidra elezzjoni kmieni - elezzjoni ġenerali li suppost għandha ssir fl-2022. Dan il-ħsieb, għalkemm issemma u kien diskuss fil-Partit Laburista u anke lilhinn, jidher illi ssaħħaħ bl-aħħar żviluppi matul din il-ġimgħa u anke bil-biżgħat dwar l-ekonomija. Sorsi qrib sew il-Prim Ministru qalu li dan huwa rrabjat ħafna u esprima x-xokk tiegħu għal dawn l-iżviluppi li huwa mifhum li inżammu prattikament misturi mill-Kabinett kollu. Minkejja diversi xenarji u possibilitajiet ( Ara analiżi fil-gazzetta ILLUM ) Abela qed jagħmilha ċara li min huwa politikament kolpevoli ma jistax jibqa' fl-partit. Din il-ġimgħa diġa' kienet immarkata mit-tneħħija ta' Chris Cardona minn Deputat Mexxej tal-PL, tneħħija li huwa mifhum li sabet reżistenza qawwija mill-istess Cardona li għadu jinsisiti illi hu m'għandux ħtija fil-qtil ta' Caruana Galizia imma li min qatilha qed jipprova jitfa' l-ħtija fuqu. Fl-aħħar sigħat kien imiss li l-attenzjoni terġa taqa' fuq l-eks Ministru Konrad Mizzi, l-eks PM Joseph Muscat u naturalment l-eks Chief of Staff f'Kastilja Keith Schembri. Din id-darba dwar informazzjoni ġdida u allegazzjonijiet gravi ta' qligħ minn bejgħ lill-Enemalta, liema qligħ spiċċa fil-kumpanija 17 Black - kumpanija fid-Dubaj ta' Yorgen Fenech li skont email ta' Nexia BT hija target client tal-kumpaniji fil-Panama f'isem Keith Schembri u Konrad Mizzi. Dawn il-kumpaniji kellhom jagħmlu $2 miljuni fl-ewwel sena biss - minn proġetti ta' riċiklaġġ, turiżmu u sajd f'pajjiżi bħal Bangladesh u l-Indja. Dan qed idejjaq ħafna lill-PM Abela, anke għall-fatt li din l-informazzjoni kważi mewtet b'mod assolut il-konklużjonijiet mill-aktar pożittivi dwar ir-rapport tal-Kummisjoni Venezja- mument suppost importanti għall-Gvern tiegħu. Fil-fatt, ir-Reuters u The Times, ippubblikaw l-istorja nhar il-Ġimgħa - fl-istess jum meta kien ippubblikat ir-rapport tal-Kummissjoni Venezja - li kif żvelat l-ILLUM nhar il-Ħadd li għadda, kien wieħed ġeneralment pożittiv. Is-sorsi li tkellmu ma' din il-gazzetta qalu illi bħalissa hemm diskussjoni, kważi aperta, fil-Partit Laburista dwar jekk għandhiex issir elezzjoni ġenerali kmieni - wara s-Sajf jew l-aktar f'Marzu 2021. Jidher li wara l-aħħar żviluppi Abela huwa determinat li jneħħi nies marbutin wisq mal-każijiet li qed jissemmew, bl-inqas inkwiet intern possibbli, xi ħaġa li elezzjoni ġenerali tista' tagħmel. Iżda din mhijiex l-unika kunsiderazjoni - hemm ukoll dik ekonomika fid-dawl ta' stħarriġ xjentifiku li kien ippubblikat illum fuq il-gazzetta Maltatoday u li juri illi Abela tilef 8% fil-livell ta' fiduċja mill-aħħar stħarriġ, tnaqqis konsiderevoli. Minkejja dan xorta għadu fuq quddiem bil-kbir meta kkumparat ma' Adrian Delia. L-inkwiet ekonomiku iżda, hekk kif b'mod speċjali mhux qed nistennew ħafna turiżmu dan is-sajf, jaf jiggrava s-sena d-dieħla minflok isir aħjar, b'diversi negozji jsibuha diffiċli jkomplu joperaw. Il-biża' li l-qagħda ekonomika in ġenerali tiggrava u timpatta bil-kbir lil bosta fl-ekonomija u anke lill-finanzi tal-Gvern, qed tkun ukoll fil-kunsiderazzjoni ta' bosta strateġisti tal-Partit Laburista. Diversi jħossu li dan jaf ifisser illi l-vantaġġ bejn iż-żewġ partiti jibda jiċkien. X'ħareġ nhar il-Ġimgħa? Il-każ tal-Ġimgħa ikompli jitfa' aktar dawl fuq din il-kumpanija fid-Dubaj 17 Black li - skont emails minn Nexia BT, il-kumpanija li fetħet Hearnville u Tillgate fil-Panama għal Keith Schembri u Konrad Mizzi - kellha tgħaddi flus għand il-kumpaniji ta' Schembri u Mizzi. Huwa allegat illi fiha daħlu flus mill-Ażerbajġan ($1.4 miljun) u $200,000 mill-aġent tat-tanker tal-gass tf'Delimara. Issa jirriżulta li daħlu €4.6 miljun oħra fi profitti minn bejgħ ta' Wind Farm fil-Montenegro. Dan il-Wind Farm inxtara minn kumpanija fis-Seychelles Cidifex - li ngħatat €3 miljuni minn 17 Black. Din imbagħad bigħet dan il-Wind Farm - wara ġimagħġtejn biss - lill-Enemalta bid-differenza li xtratu b'€2.9 miljun u l-Enemalta xtratu b'€10.3 miljun. Minn dawn, €4.6 miljun reġgħu spiċċaw f'17 Black. Kienet Daphne Caruana Galizia l-ewwel li bdiet tindika illi taf informazjoni dwar 17 Black, ftit qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2017. Hi qatt iżda ma ħarġet id-dettalji kollha, li issa ħerġin wara l-qtil tagħha. Robert Abela, fil-Belt Valletta | [
12
] |
L-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, kiser is-silenzju tal-aħħar ġimgħat u kiteb fuq Facebook hekk kif għada se jkun qed jixhed fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech akkużat bħal-mandant tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia. Fuq Facebook, Schembri, li ismu ma waqafx jissemma fil-kumpilazzjoni kiteb: "fl-aħħar wasal iż-żmien li għada nitkellem u noħroġ il-verità." Keith Schembri hu deskritt minn Melvin Theuma, l-intermedjarju, bħala dak li flimkien mal-eks Assistent Kummissarju Silvio Valletta, kien qed jinforma lil Yorgen Fenech dwar l-investigazzjoni. L-eks Chief of Staff stess kien qal li lejlet li Fenech inqabad iħalli l-pajjiż, kien ċempillu u għamel ħin jitkellem miegħu fejn saħansitra staqsih jekk jaħsibx li kienet idea tajba li jħalli lil Malta, fid-dawl tal-fatt li l-investigaturi kienu ilhom isegwu l-passi tiegħu. Schembri kien qal dan meta xehed fil-każ Kostituzzjonali li fetaħ Yorgen Fenech biex l-Ispettur Keith Arnaud ma jibqax imexxi l-investigazzjoni dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia Schembri mistenni jkun mistoqsi wkoll dwar il-famuż mowbajl "li tilef" sigħat biss wara li kien mar tard filgħaxija għand Joseph Muscat, dak iż-żmien Prim Ministru u anke dwar l-ittra li allegatament waslet mingħandu għand Yorgen Fenech u li kienet titfa' l-ħtija tal-assassinju fuq Chris Cardona. Mistennija wkoll diversi mistoqsijiet dwar il-famuż "impjieg fantażma" li Melvin Theuma kien ingħata wara li kellu laqgħa miegħu f'Kastilja. Isem Keith Schembri jidher ukoll f'ittra li Melvin Theuma kien kiteb u poġġa f'kaxxa flimkien mar-recordings li huma fiċ-ċentru ta' din il-kumpilazzjoni. F'din l-ittra, Melvin Theuma jniżżel lil Schembri ma' Fenech bħala mandant tal-qtil u jgħid li kien qed jibża' li t-tnejn li huma kienu qed jipprovaw jeħilsu minnu. Madanakollu, Theuma stess qal ukoll li hu qatt ma tkellem direttament ma' Keith Schembri dwar l-assassinju iżda wasal hu għal din il-konklużjoni minn dak li kien jgħidlu Yorgen Fenech. Fil-fatt, ftit tal-jiem ilu, Theuma stess qal li "taħt ġurament" ma jistax jimplika lil Keith Schembri. Keith Schembri qed ikun investigat fuq 'omiċidju, tbagħbis ta' evidenza u reati oħra' Keith, 'l-oħxon,' 'ix-xiħ,' u Cardona. Min jissemma fir-recordings ta' Melvin u Yorgen? Keith Schembri jgħid lill-Pulizija li tilef il-mowbajl Yorgen kien ħiereġ bil-jott ... Schembri jgħidlu: 'taħseb li dan mument opportun?' | [
12
] |
Kien Ministru u ma baqax, kien Deputat u rriżenja, kien Deputat Mexxej tal-Partit Laburista u Robert Abela talbu jwarrab. Din hija l-istorja ta' Chris Cardona fl-aħħar xhur. Kemm ilu l-Partit Laburista fil-Gvern, Cardona qatt ma kien nieqes mill-kontroversji, bl-aktar waħda li baqgħet tissemma kienet dik meta l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia allegat li waqt li kien fuq żjara uffiċjali fil-Ġermanja żar burdell. Iżda żgur li qatt ma ntefa' taħt dell tqil daqs l-aħħar ġimgħat meta qed ikun implikat bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, allegazzjonijiet li hu qed jiċħad kategorikament. F'dan l-artiklu l-gazzetta se tispjega dak li ntqal dwar Chris Cardona minn qabel ma tressaq il-Qorti Yorgen Fenech akkużat bħala l-mandant tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia. L-ewwel daqqa: Tasal ittra għand Yorgen Fenech Kollox beda minn ittra. Iżda x'inhi din l-ittra? Kif waslet għand Yorgen Fenech u x'kienet tgħid? Meta Yorgen Fenech kien għadu qed ikun interrogat, waqt li kien fuq police bail, waslet għandu ittra li bażikament kienet tagħtih struzzjonijiet biex jitfa' l-ħtija kollha tal-assassinju fuq Daphne Caruana Galizia. Allegatament, din l-ittra kienet waslet għand Yorgen Fenech mingħand Keith Schembri permezz tat-tabib personali tagħhom Adrian Vella. Kien Vella stess li qal lill-Pulizija li kien Keith Schembri li talbu jgħaddi l-ittra lil Fenech, allegazzjoni li Schembri qed jiċħad. Din l-ittra kienet miktuba bl-idejn u mimlija taħżiż. Skont l-ittra, dwar Cardona, Fenech kellu jgħid lill-Pulizija hekk: Chris Cardona għamel pressjoni fuq Alfred Degiorgio (il-Fulu) biex jeħles minn Caruana Galizia minħabba l-każ tal-libell li hu kellu kontriha dwar l-Acapulco. L-Avukat David Gatt (ara aktar 'il quddiem) kellu jikkordina kollox. Cardona kien jiltaqa' ta' spiss ma' Degiorgio ġo bar fis-Siġġiewi. Ċertu Fredu, magħruf bħala l-Iblah, kien ikun magħhom. Dan Fredu kien jaħdem il-Ministeru u kien hu li informa lil Degiorgio biex jibda jmur il-bar biex jiltaqa' ma' Cardona. Cardona l-ewwel wiegħed €300,000 imma mbagħad Degiorgio ried li jkollu liċenzja mal-Freeport biex ikun jista' jdaħħal sigaretti u xorb tal-kuntrabandu. Cardona aċċetta. Seħħ il-qtil. L-ittra tpinġi lil Melvin Theuma, l-intermedjarju, bħala persuna involuta ma' Cardona u li kien qed jhedded lil Fenech biex jagħtih il-flus u li jekk ma jagħmilx dan kienu se jitfgħu l-ħtija ta' kollox fuqu. Chris Cardona kien mistoqsi mill-Pulizija dwar din l-ittra tant li għal ftit jiem kien issospenda lilu nnifsu mill-Kabinett, dak iż-żmien immexxi minn Joseph Muscat. Huwa kien ċaħad kategorikament l-allegazzjonijiet kollha msemmija fl-ittra. Waqt laqgħa tal-kabinett li kienet issejħet urġenti fit-28 ta' Novembru kien diskuss il-kontenut ta' din l-ittra u jekk din kinitx attentat ta' 'frame-up' fuq Cardona mill-eks Chief of Staff Keith Schembri u Yorgen Fenech. Wara laqgħa oħra, li kienet saret il-Girgenti, Cardona kien kompla fejn ħalla bħala Ministru għall-Ekonomija sakemm sar Prim Ministru Robert Abela u ma baqax parti mill-Kabinett. It-tieni daqqa: 'Jinstab mowbajl fil-baħar' Għal ftit tal-ġimgħat isem Chris Cardona fl-investigazzjoni ma kienx għadu qed jinstema', sakemm fit-13 ta' Frar li għadda, waqt li kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech, Melvin Theuma, l-intermedjarju li kien ingħata l-proklama, qal li nstab mowbajl viċin it-tinda tal-patata u fih kien hemm imniżżel biss in-numru ta' Chris Cardona. It-tinda tal-patata huwa l-post fejn f'Diċembru tal-2017 kienu ġew arrestati l-irġiel akkużati li segwew il-passi ta' Caruana Galizia u poġġew il-bomba li qatlitha. Melvin Theuma kien xehed kif kien Yorgen Fenech stess li qallu li fil-baħar, viċin it-tinda tal-patata fil-Marsa kien instab mowbajl u li allegatament Alfred Degiorgio kien juża biex jikkomunika ma' Chris Cardona. Skont Theuma, Fenech sar jaf din l-informazzjoni mingħand Keith Schembri. Cardona kien saħaq li l-Pulizija qatt ma kellmuh fuq dan. Insista li l-Pulizija qatt ma kkonfermaw din l-informazzjoni u hija biss xi ħaġa li Yorgen Fenech qal lil Melvin Theuma. It-tielet daqqa: Allegazzjoni serja li Cardona għadda flus lill-aħwa Degiorgio Wara li l-kumpilazzjoni tal-evidenza kellha tieqaf għal ġimgħat sħaħ minħabba l-pandemija, Melvin Theuma reġa' lura b'xhieda xokkanti kontra l-eks Ministru. Melvin Theuma qal li l-irġiel akkużat bil-qtil ta' Caruana Galizia ħadu "350" biex wettqu l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia, informazzjoni li skontu, waslet għandu mingħand Johann Cremona, sieħeb fin-negozju ma' Yorgen Fenech. Dawn it-"350" waslu mingħand Chris Cardona. Chris Cardona jerġa' jiċħad ukoll dawn l-allegazzjonijiet. Jiddeskrivihom bħala "bla sens u bbażati fuq il-gideb." Ir-raba' daqqa: Intermedjarju bejn Cardona u l-Fulu? Fil-Qorti Melvin Theuma jiddeskrivi lil ċertu Anthony Chetcuti, magħruf bħala l-Biglee, bħala intermedjarju bejn Chris Cardona u Alfred Degiorgio. Dan Anthony Chetcuti huwa canvasser ta' Chris Cardona. Skont Melvin Theuma, kien dan il-Biglee li għadda t-"350" mingħand Cardona għal għand il-Fulu. L-istess Biglee ssemma' wkoll minn Johann Cremona (is-sieħeb ta' Yorgen Fenech fin-negozju) waqt ix-xhieda tiegħu. Skont Cremona, darba Yorgen Fenech bgħatlu ritrattt tal-Biglee u qallu li dan huwa "l-intermedjarju" bejn Chris Cardona u Degiorgio. Il-ħames daqqa: 'Iridu jħejju € 400,000 qabel il-ġuri' Melvin Theuma xehed ukoll kif darba, Mario Degiorgio (ħu Alfred u George Degiorgio) kien spjegalu kif David Gatt kien qallu li qabel jibda l-ġuri jrid iħejji €400,000. Dan David Gatt huwa avukat li jaqsam uffiċċju ma' Chris Cardona. L-istess David Gatt, dejjem skont ix-xhieda ta' Melvin Theuma, kien bagħat messaġġ ma' xi ħadd jisħaq li jekk l-aħwa Degiorgio kienu se jitfgħu l-ħtija fuq Cardona kien joqtolhom. Gatt kien bagħat dan il-messaġġ għax darba, wara l-Qorti, waqt li kienu fil-vann tal-ħabs, l-aħwa Degiorgio allegatament bdew jifthemu biex iweħħlu f'Cardona. Skont Theuma, semagħhom uffiċjal tal-ħabs, irrekordjahom u informa lil Gatt. Is-sitt daqqa: Allegazzjoni li Cardona spiċċa b'overdose Melvin Theuma jgħid li Chris Cardona kien iddaħħal l-isptar wara li sofra overdose. "Kien inkwetat dwar il-qtil ta' Daphne. Fenech qalli li bela' xi pinnoli u ddaħħal l-isptar. Kien ċert dwar dak li qed jgħid," xehed Theuma fil-Qorti. Madanakollu, meta mistoqsi mill-Avukat Jason Azzopardi jekk Fenech qattx qallu li Cardona kien ittieħed fi sptar f'Tas-Sliema wara li nstab b'revolver f'ħalqu, Theuma wieġeb fin-negattiv. Anke dawn l-allegazzjonijiet ġew miċħuda totalment minn Cardona. Huwa insista li qatt ma ddaħħal l-isptar u ħeġġeġ lill-midja biex tiċċekja r-records tal-isptarijiet. | [
12
] |
Pierre Portelli, l-eks Ċermen Eżekuttiv tal-midja tal-Partit Nazzjonalista, ċaħad kategorikament dak li xehed Keith Schembri ftit tal-ħin ilu fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech. Aktar tard fi stqarrija reġa' ċaħad ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia. Keith Schembri kien qed jitkellem dwar kif, skont dak li kien jgħidlu Fenech, politiċi kienu jmorru spiss jieklu għandu meta saħaq li darba, il-Kap ta-Oppożizzjoni Adrian Delia mar talbu €50,000 biex jintużaw kontra l-elezzjoni ta' David Casa. Schembri qal li Fenech kien qallu li Delia kien jibgħat lil Pierre Portelli biex jiġbor €20,000 kull xahar. Keith Schembri qal li Portelli kien deher fir-reception ta' Portomaso qabel l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2019. Pierre Portelli qal li l-gimgħa li għaddiet ħa affidavit biex jippreżentah lill-Pulizija jekk jitolbuh jagħmel dikjarazzjoni. Anke Adrian Delia ppreżenta affidavit ġuramentat quddiem il-Qorti. Fil-fatt, Delia reġa' ħareġ stqarrija li fiha ċaħaf l-allegazzjonijiet kollha "Mhux se nikkumenta aktar f'dan l-istadju għaliex b'ebda mod ma rrid nippreġudika proċeduri li għaddejjin fil-Qrati tagħna fejn l-iskop tagħhom hu li jinstab min kien wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, anżi nawgura li ħadd ma jitħalla li b'xi mod jiddevja l-attenzjoni mill-veru għan ta' dawk il-proċeduri. F'dan is-sens ma nistax ma nfakkarx li l-istess Keith Schemrbi u n-nies madwaru huma implikat fl-istess assassinju, u għalhekk qiegħed jirrikori għal gideb sfaċċat anke waqt li jkun qed jixhed taħt ġurament," insista Delia. Temm jisħaq li qed jirriżerva d-drittijiet kollha li tagħtih il-liġi. | [
12
] |
L-Editur Maniġerjali ta' MediaToday, Saviour Balzan, ċaħad kategorikament li kien jaf minn qabel bir-rejd li kellu jsir fuq it-tlett irġiel akkużati bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia. Balzan ħareġ din l-istqarrija wara li Keith Schembri, meta kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech , qal li MaltaToday kienet infurmata minn qabel dwar ir-rejd. Il-ġurnalist kompla jisħaq li l-uniku konverżazzjonijiet li saru dwar il-każ, ma' diversi individwi, inkluż ma' Schembri nnifsu, seħħew wara li sar ir-rejd bil-għan li tinġabar aktar informazzjoni dettaljata dwar l-investigazzjoni. | [
12
] |
Anke jekk l-ajruport huwa magħluq, il-Maltin bdew xi ftit jew wisq idawru r-rota fl-akkomodazzjonijiet turistiċi Għawdxin hekk kif ġimgħa wara l-oħra qed jiżdiedu dawk li qed jaqsmu l-fliegu biex iqattgħu btala ta' ftit jiem fil-Gżira Għawdxija. Madanakollu, l-appell tal-lukandiera u s-sidien ta' stabbilimenti turistiċi huwa li jkun hemm pjan fit-tul għas-settur turistiku. Qal dan mal-gazzetta ILLUM il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu, Joe Muscat li jidher ottimist li t-turiżmu domestiku ftit ftit beda jagħti r-ruħ lill-akkomodazzjonijiet turistiċi u anke stabbilimenti oħra bħar-ristoranti. "Bdejna bil-mod fil-weekend tal-4 ta' Mejju u ftit ftit kull tmiem il-ġimgħa qed iżid. Ir-ristoranti wkoll qed iżiedu. Ovvjament mhux qed jilħqu l-livelli li kellhom fl-2019, kemm għax ma hawnx turisti barranin u anke għax ix-xogħol tagħhom huwa kkonċentrat mill-Ġimgħa sal-Ħadd," saħaq Muscat. Fil-fatt, fi kliemu, matul il-ġimgħa qed ikun hemm min lanqas biss qed jopera. "Fost l-Għawdxin għad ma hemmx biżżejjed kunfidenza li jiffrekwentaw dawn l-istabbilimenti tal-ikel. Qed niddependu totalment fuq il-Maltin," saħaq Muscat. Il-farmhouses sejrin aħjar mil-lukandi Tkellimna aktar fid-dettall dwar l-akkomodazzjoni. Muscat spjega kif fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, għall-ewwel darba wara ġimgħat, il-lukandi kollha Għawdxin kienu miftuħa, ħlief waħda li qed isirulha xi xogħlijiet. "L-okkupanza tagħhom hija ta' bejn 35% u 40%," spjega Muscat. Mistoqsi kif iħares lejn dawn iċ-ċifri, Muscat saħaq li meta wieħed iqis li ma hawnx turisti, l-andament "mhuwiex ħażin," iżda saħaq li mit-Tnejn sal-Ħamis il-lukandi qed ikunu kważi jekk mhux vojta. Mill-banda l-oħra, fi kliem Muscat, is-settur tal-farmhouses huwa aktar movumentat, bil-weekend tal-Imnarja jidher li hemm ħafna domanda għalih. 'Ħafna bookings jinsabu on-hold' L-ILLUM staqsiet lil Muscat x'indikazzjonijiet għandhom għat-tliet xhur tas-sajf mill-bookings, kemm fil-lukandi u anke fil-farmhouses u akkomodazzjonijiet oħra. "Nittamaw li l-affarijiet jiċċaraw għax għandna ħafna bookings li jinsabu on-hold, għax huma bbukkjati mill-barranin," spjega Muscat. "Aħna l-akbar suq tagħna huwa l-Ingilterra. Suppost mill-15 ta' Lulju se jinfetħu d-destinazzjonijiet kollha. Dik se tgħin lis-settur biex jikkonferma l-bookings u l-operaturi jkunu jistgħu jwieġbu għad-domanda mill-Maltin." Fil-fatt, Muscat tenna dak li saħaq ġimgħat ilu mal-ILLUM, jiġifieri li kemm il-lukandi u anke s-sidien tal-farmhouses qed ikollhom jirrifjutaw bookings mill-Maltin għax id-dati li jkunu jixtiequ jkunu meħuda mit-turisti li għadhom ma jafux hux se jkunu jistgħu jiġu Malta. Morna lura għall-farmhouses, bl-ILLUM tistaqsi lil Muscat x'passi qed jittieħdu f'dawn l-akkomodazzjonijiet biex ikun żgurat it-tindif u l-iddiżinfettar tagħhom u jekk hux qed isiru spezzjonijiet. Muscat fakkar li dawn jistgħu joperaw biss bil-liċenzja tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u kien hemm domanda qawwija mis-sidien biex jingħataw protokolli. "Nassigurak li qed isegwu dawn il-protokolli bl-akbar diliġenza. Kienu mħassba dwar is-saħħa tagħhom stess, il-familji, l-impjegati u anke l-klijenti," insista Muscat. Proposti tajbin... L-ILLUM staqsiet ukoll lil Muscat dwar il-pakkett ta' għajnuna li ħabbar il-Gvern u l-impatt li dan se jkollu fuq is-settur tat-turiżmu f'Għawdex. Muscat iddeskriva l-miżuri bħala pożittivi ħafna u li jgħinu lis-settur jgħaddi minn dawn ix-xhur diffiċli. Faħħar ħafna l-miżura tas-sussidju fuq il-kera (anke jekk saħaq li hemm min għandu kirja eżorbitanti), il-waiver fuq il-liċenzja tal-MTA, is-sussidju fuq il-kontijiet u oħrajn. "Dawn se jgħinu ħafna lill-istabbilimenti żgħar biex ikomplu joperaw f'dawn iċ-ċirkostanzi. Mill-15 ta' Lulju 'l quddiem jista' jkollna l-opportunità sħiħa, iżda konxji wkoll li ma jfissirx li se jkollna l-akkomodazzjonijiet mimlija," saħaq Muscat. 'Imma x'se jiġri wara Settembru?' Kien hawn li Muscat staqsa x'se jiġri wara Settembru. Fi kliemu jixtiequ li jaraw soluzzjoni aktar fit-tul. "Kif se nerġgħu nilħqu l-livelli tal-2019. Irid ikollna strateġija biex fl-2021 u l-2022 nilħqu mill-ġdid il-livelli tas-sena li għaddiet," insista Muscat. Mistoqsi jekk kienx hemm akkomodazzjonijiet jew stabbilimenti li għalqu kawża tal-kriżi li ġabet magħha l-pandemija, Muscat wieġeb fin-negattiv iżda saħaq li kien hemm madwar 20% tal-istabbilimenti li waqqfu li xi impjegati. Ħafna mill-istabbilimenti felħu għal din id-daqqa. Hemm min qed jibża' minn Ottubru. L-istabbilimenti f'Għawdex jifilħu għal daqqa oħra? "Din hija waħda mill-akbar tħassib li għandna," insista Muscat. "Fit-turiżmu trid tippjana fit-tul. Kieku llum, tkun bdejt tagħmel il-kuntratti tax-xitwa 2021 u 2022. Jiena għandi fiduċja li s-settur turistiku huwa reżiljenti iżda hemm limitu. Allaħares qatt ikollna nerġgħu ndaħħlu l-miżuri li kellna." Fi kliemu, f'Għawdex dejjem ħadmu biex fix-xhur tas-sajf ikun hemm biżżejjed profitti li ma jkunux mikula mix-xhur ta' Novembru u Diċembru. "Nittamaw li ma jkollna l-ebda tieni mewġa fix-xitwa," temm jisħaq. | [
12
] |
"Time's up!", smajtu jgħildilhom l-inviġilatur jien u ħiereġ qajqajl minn dika l-kamra ser taqa' u ma taqax xi mkien lejn il-Forti Sant'Iermu. Kont diġà lestejt l-eżami għat-tradutturi daqs ħames minuti qabel. Warajja tfaċċa mill-bieb l-eks kollega tiegħi Sandro Mangion. "Time's up. Oui, bien sûre...", niftakarni ngħidlu jien u nieżel it-taraġ. Ħriġt minn hemm ġew b'ċerta ċertezza. Kont żgur li għamiltha. Wara dawk ix-xhur kollha nitħarreġ taħt Joe Felice Pace ridt inkun altru tromba biex ma ngħaddix. Almenu hekk kien żgurani d-direttur tal-kumpanija li kienet torganizza l-korsijiet fit-traduzzjoni... Anke d-Dinu hekk kien qalli... L-addiju għand id-Dinu Dakinhar mill-Belt Valletta bqajt sejjer dritt ir-raħal bħal biex niċċelebra fil-ħanut tad-Dinu. 'Qas ilħaqt dħalt li m'għedtlux illi fi ftit ġimgħat oħra nkun tlaqt lejn Brussell. "Iss'int bħalek x'sejjer tagħmel hemm f'dak iċ-ċpar?," qalli b'dak it-ton ċiniku tas-soltu huwa u jixxotta t-tazzi. "Xorta hemm rebħek mela 'qq**** Ġagint! Imbasta dejjem moħħok fi Fredu Sant! Xejn ma ngħidlek insomma – iddeverti!" Dak il-ħin ftit li xejn tajt kasu. Niġu f'dan kważi qatt ma tajt wisq kasu. Ma tridx tieħu għalih: ilsienu laxk u mar-raba' grokk stenna minn kollox, fosthom bosta anedotti divertenti miżgħudin b'żinnati li qatt ma setgħu ġraw, dagħa ferm ikkulurit, botti u risposti u kulħadd jismu Karmu jew Ġagint. Iżda dik il-mistoqsija nejjieka baqgħet tħuf f'moħħi sikwit. "X'sejjer tagħmel hemm f'dak iċ-ċpar?" Mhux dik il-mistoqsija biss. Ix-xena komistorika kollha baqgħet tgħaddi minn quddiem għajnejja bosta drabi, qisha ħolma . Waħda minnhom meta snin wara, ċertu kittieb Malti – ħadd għajr Alfred Sant innifsu – ippubblika l-ġabra ta' stejjer qosra Ċpar – Aktar Rakkonti u Divertimenti (2013). Dika l-ħabta inzerta kont ninsab bieżel inħejji kollox sabiex nerġa' lura Malta wara tmien snin ngħix tabilħaqq fiċ-ċpar: mhux sewwasew fi Brussell iżda f'Belt il-Lussemburgu. Ħabat ukoll, bla ħsieb ta' xejn, li dan kien l-ewwel ktieb bil-Malti li ġie f'idi malli nżilt lura – forsi għalkollox, min jaf? – fuq dina l-blata. Rakkonti divertenti? F'din il-ġabra ta' għaxar stejjer Sant kompla fejn kien ħalla daqs erba' snin qabel fil-ġabra Pupu fil-Baħar – Rakkonti u Divertimenti (2009). Niftaħ daqsxejn ta' parenteżi: l-enfażi fuq il-kelma divertimenti nsibha pjuttost mhux f'lokha minn kittieb tax-xeħta tiegħu. (Misteru dan, forsi daqs it-titli tal-artikli tiegħu fit- Times of Malta li dejjem kienu jibdihom bl-ittri Pr .) Niftakru jispjega, waqt intervista ma' Norman Hamilton fuq One TV dwar Pupu fil-Baħar , li jenħtieġ illi kittieb tajjeb ikollu l-ħila jiddeverti lill-qarrejja. Għandu mnejn bil-kelma divertiment jien u Alfred Sant nifhmu ħwejjeġ differenti ħafna. B'dan mhux bilfors qiegħed ngħid illi Sant il-kittieb m'huwiex awtur divertenti, xejn affattu. Madankollu jidhirli li n-nom divertimenti ftit li xejn jagħmel ġieħ lir-rakkonti tiegħu. Forsi jixraq iżjed għall-istejjer mistħajla tad-Dinu. Hu x'inhu, divertenti jew mhux, bil-ġabra Ċpar Alfred Sant reġa' kompla jsaħħaħ il-qagħda tiegħu fostna bħala wieħed mill-aqwa kittieba tagħna. U dan mhux biss bis-saħħa tal-ħakma soda tiegħu fuq l-ilsien Malti, iżda wkoll permezz tal-immaġinazzjoni tassew għammiela u tat-tekniki letterarji li spiss baqa' jħaddem b'tant astuzja u ħila matul dawn l-aħħar tnejn u ħamsin sena. Għar-ripar fiċ-ċpar Sewwasew bħali, iċ-ċpar ma tantx idejqu lil Alfred Sant. Donnu anke hu jsib ripar fiċ-ċpar. Difatti f'artiklu qasir illi tella' fis-sit web personali tiegħu daqs sena wara li dehret din il-ġabra kiteb hekk: "Stramb kif qed jispiċċa s-sajf fi Strasburgu fejn kont din il-ġimgħa għal-laqgħat plenarji tal-Parlament Ewropew. Dis-sena qaluli għamlet ħafna xita matul ix-xhur ta' Lulju u Awwissu. Issa, it-temp qaleb għal bnazzi u sħana pjaċevoli, mhux waħda tifgak bl-umdità kif għadu qed jiġri f'Settembru fostna. Biss, ix-xemx tidher tard filgħodu, kwazi jkun wasal nofsinhar. Sa dak il-ħin, u speċjalment lejn id-disgħa, il-belt tkun maqbuda fi gverta kbira u ħoxna ta' ċpar. Il-katidral tarah jintilef f'dil-gverta u anki l-ġnub tat-toroq minn fejn isuquk bilkemm jingħarfu. Mhux kulħadd iħobbhom dawn l-effetti. Lili jogħġbuni. Il-belt donnha tisbieħ bihom, aktar u aktar għax ma jgħabbukx bid-dwejjaq tar-riħ isfel. [...]" Forsi din stqarrija tgħinna nifhmu aħjar il-leitmotiv ta' din il-ġabra. Anke l-karattri li ħoloq fin-nisġa kumplessa ta' dawn l-għaxar narrattivi jinsabu "maqbuda fi gverta kbira u ħoxna ta' ċpar". Bosta minnhom ftit li xejn ikollhom ħjiel dwar xi jridu tassew, xi ġralhom tabilħaqq, fejn sejrin sewwasew. Forsi b'mod xi ftit simili għall-esperiment letterarju tiegħu Bħal f'Dizzjunarju (2011), dan il-leitmotiv jirrappreżenta l-mod imdennes kif in-nies għandhom ħabta – fil-livell psikoloġiku – jiftakru jew ifissru l-ġrajjiet enigmatiċi ta' ħajjithom. Kull rakkont f'din il-ġabra donnu mgeżwer fiċ-ċpar b'tali mod li l-qarrej jibqa' sal-aħħar maqbud fl-istess dilemmi u inċertezzi li jkiddu lill-karattri ewlenin. It-temp ċlampu, il-viżibbiltà baxxa: min fettillu jħoll l-iskorfini tar-roti tal-bażwer li kraxxja fuq mara anzjana u qatilha? (Sens Ċiviku) . X'kienu qed jagħmlu dawk is-seba' rġiel f'dak ir-restorant waqt li fil-belt kienet qed tinġema' dimostrazzjoni liema bħalha? (Fir-Restorant) X'mar jagħmel Carabott fil-Bajja l-Bajda? (Ġrajja Gotika) . Tgħid hemm xi nasba moħbija xi mkien wara l-proposta taċ-ċelebrazzjonijiet tat-tmenin anniversarju mit-twaqqif tal-Każin tal-Kjari? (It-Tmenin Anniversarju) . Liem misteru forsi qed taħbi Klara minn Joyce? (Joyce u Klara) . U kif u biex tassew miet it-teologu Tumas t'Akwinu? (Fossa Nuova) . Ħolma ġo ħolma Din tal-aħħar hija bla dubju l-aqwa storja tal-ġabra. Ma trid xejn biex hija l-aqwa storja li qatt kiteb Sant. Madankollu ngħid għalija ebda waħda minnhom ma laqtitni daqs Ċpar , l-iżjed għax tittratta proprju t-temp mgħajjeb li sikwit rajtu jaqa' – bħall-ħaqq fuq ir-residenti kollha – fuq il-pajjiżi Benelux, fosthom Brussell. Litteralment, din id-darba, kollox jiżvolġi f'toroq u fi pjazzez imċajpra waqt li Paula tipprova tissielet kontra d-diqa u d-dwejjaq li ħakmuha wara li tilfet impjieg li tant kien għal qalbha. Nistqarr li frisk lura Malta, jien u naqra din l-istorja, it-tmien snin tiegħi fil-Lussemburgu għaddew minn quddiem għajnejja bħal ħolma ġo ħolma kemxejn imċajpra li m'iniex fis-sew qattx għext, sewsew bħall-ħrejjef divertenti tad-Dinu. Iżda mbagħad, anke daqs tliet ġimgħat ilu meta qrajtha mill-ġdid għall-enneżima darba, bqajt mistgħaġeb kif kull dettall mistħajjel mill-pinna ta' Sant seħħlu jqanqal fija tant u tant tifkiriet – bħalkieku jiena stess fl-imgħoddi kont – filfatt u fiċ-ċpar – uħud mit-tizji fittizji li jsawru din in-narrattiva daqstant familjari: Paula, Alex, Mauro, saħansitra l-istatista Monterro... mhux l-inqas Julie li – oħroġ il-għaġeb – kważi ma tgħid xejn għajr "oui, oui, bien sûre". Imbagħad l-eżami u dak l-addiju ħelu għand id-Dinu... Għat-tfittxija taż-żmien mitluf "It-tifkir tal-ħwejjeġ mgħoddija mhux bilfors huwa t-tifkir tal-ħwejjeġ kif kienu tabilħaqq," kiteb Marcel Proust fir-rumanz ċelebri tiegħu À la recherche du temps perdu (Għat-Tfittxija taż-Żmien Mitluf) . Dan kien l-aħħar ħsieb li għadda minn moħħi qabel irqadt. Minn banda minnu: mir-rakkont Ċpar kont għext biss id-dettalji, f'pajjiż ieħor, fi bnadi differenti, ma' nies oħra. Iżda xi tliet ġimgħat ilu, f'dik l-għaxija li qrajtu l-aħħar, billejl ħlomt b'Belt il-Lussemburgu kif niftakar illi kienet tassew – fiċ-ċpar għad illi biċ-ċar. Xħin stenbaħt l-għada filgħodu għal mument wieħed anke jien għoddni ħassejtni mgeżwer ġo "gverta kbira u ħoxna ta' ċpar", proprju fl-appartament li kelli f'Côte d'Eich. Ma skantajtx wisq. Hekk jew b'hekk kont ili x-xhur inberren, minn żmien għal żmien, li għandu mnejn wasal iż-żmien li mmur lura. Is-subkonxju għandu ħafna mill-istejjer tad-Dinu: mal-lejl anke mill-iċken tentufa jkewwes storja – il-linja rqiqa li tofroq il-ħolm mir-realtà tisfa' mdensa qatigħ. Biex forsi ma tafx kif inlaħlaħ iċ-ċpar tan-ngħas ftaħt il-Facebook: intbaħt f'tebqa t'għajn li proprju tard fil-jum ta' qabel, ċertu tali – ħadd għajr it-traduttur Malti tar-rumanz Għat-Tfittxija taż-Żmien Mitluf Paul Zahra – kien bagħat javżani li ħarġet sejħa ġdida għat-tradutturi. Time's up? "Mhux kulħadd iħobbhom dawn l-effetti. Lili jogħġbuni..." Nofsni mniegħes dlonk ftakart fir-rakkont illi qrajt qabel għajni marret bija. "Iċ-ċpar", din id-darba f'għajnejja, "kien għadu nieżel karg, ileqq fid-dawl safrani tal-fanali mixgħula fil-vjal, bħal duħħan jitqanfed f'mewġ ma' kullimkien". Hekk tiftaħ l-istorja ta' Sant. Forsi xi darba, mhux wisq 'il bogħod, għad nerġa' nimraħ mill-ġdid lil hinn mid-dar, għar-ripar fiċ-ċpar. Għat-tfittxija taż-żmien mitluf. Oui, bien sûre.. | [
2
] |
Waqt l-ewwel Konferenza tal-Aħbarijiet tiegħu l-Kummissarju tal-Pulizija l-ġdid Angelo Gafà - f'dak li jidher illi se jkun Kummissarjat aktar miftuħ għall-midja mill-predeċessur tiegħu - qal li l-Korp immexxi minnu mhu se jkun influwenzat minn ħadd, "la qatt għamiltu u lanqas qatt se nagħmlu dan," sostna Gafà. "Nagħti garanzija li kull każ ta' korruzzjoni se jkun investigat, mija fil-mija u mhu se nistennew lil ħadd biex dan isir. Jiena qatt ma ddejjaqt minn ħadd u ma jimpressjonani l-ebda isem. Jekk xi ħadd daħal fil-problemi, daħal hu u allura l-Korp immexxi minni mhu se jħares lejn wiċċ ħadd," sostna fl-ewwel messaġġ pjuttost skjett tiegħu. "Jiena nemmen li l-ġustizzja mhux biss trid issir, imma trid tidher li qed issir," sostna Gafà dwar il-każi ta' korruzzjoni li qed jimplikaw diversi politiċi, kemm mill-Partit Laburista u anke mill-Partit Nazzjonalista. Mistoqsi għalfejn il-poplu għandu jaħseb li hu differenti mill-predeċessuri tiegħu huwa wieġeb illi l-passat huwa l-garanzija tal-futur. "Jiena se nitlob b'mod regolari updates fuq dawn il-każijiet." Spjega wkoll il-bidliet fil-mod kif inhu organizzat il-Korp tal-Pulizija għax qal li jemmen illi l-Korp irid jibgħat messaġġ ċar li l-affarijiet se jinbidlu. Fil-fatt illum stess, il-Kummissarju l-ġdid ħabbar illi se jkun qed iqiegħed lill-Assistent Kummissarju Alexandra Mamo, Kap tal-Unit tar-Reati Ekonomiċi - li jinkludu diversi reati bħal frodi u ħasil tal-flus. "Dan id-Dipartiment bħalissa jinsab taħt skrutinju u allura jeħtieġ ikun immexxi minn xi ħadd li għandu l-appoġġ ta' kulħadd." Wara l-iskrutinju li sar lbieraħ quddiem il-Kumitat Permanenti dwar il-Ħatriet Pubbliċi, Angelo Gafà nħatar uffiċjalment bħala Kummissarju tal-Pulizija. Dan tħabbar fi stqarrija mill-Gvern aktar kmieni illum, fejn tfakkar li din kienet l-ewwel darba fl-istorja ta' Malta li l-Kummissarju tal-Pulizija nħatar b'din is-sistema ġdida. Din il-ħatra ssegwi sejħa pubblika u sussegwentament proċess ta' għażla mmexxi mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku. "Din hi waħda mill-bidliet ewlenin li pajjiżna għamel f'dawn l-ewwel xhur tas-sena biex jibgħat messaġġ ċar li l-politiku kien lest jitlaq minn idejh poteri li minn dejjem kienu esklussivament tiegħu," qal il-Ministru Bryon Camilleri. Il-gazzetta ILLUM kienet żvelat f'Mejju li għadda li fost l-ismijiet kollha li kienu qed jissemmew, Angelo Gafà kien il-favortit. | [
12
] |
71 persuna fl-Eżekuttiv tal-Partit Laburista minn 73 membru preżenti ċ-Ċentru Nazzjonali Laburista llejla vvutaw biex Konrad Mizzi ma jibqax fil-Grupp Parlamentari u allura l-eks Ministru issa mistenni jibqa' Deputat indipendenti. Il-vot kien wieħed sigriet. Dan il-vot ittieħrd wara li l-istess MIzzi rrifjuta li jaċċetta t-talba tal-Prim Ministru li jirriżenja mill-Grupp Parlamentari Laburista. F'kummenti lill-midja preżenti barra ċ-Ċentru Nazzjonali Laburista l-PM Robert Abela sostna illi din id-deċiżjoni hija frott il-konnessjonijiet li Mizzi kellu mal-Panama Papers kif ukoll mal-kumpanija 17 Black - fin-nofs ta' kontroversji varji dwar flus li minnha kellhom jgħaddu għal żewġ kumpaniji fil-Panama, waħda f'isdem Keith Schembri u oħra f'isem Konrad Mizzi. Riċentement reġgħet kienet fl-aħbarijiet minħabba l-proġett tal-Wind farms fil-Montenegro . Il-kumpanija 17 Black kienet proprjetà ta' Yorgen Fenech - akkużat bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia. Abela qal illi l-iżball tal-eks PM Joseph Muscat kien li ma ħax id-deċiżjoni dwar Schembri u Mizzi "fil-mument opportun" u jgħid illi ta' dan Joseph Muscat ħallas "l-akbar prezz politiku." "Dawn huma allegazzjonijiet u mhux se nkun jiena li niġġudika imma aħna rridu naraw illi noħolqu l-istandards bħala partit u anke Gvern." Abela kompla jgħid illi kieku l-allegazjonijiet kienu fuqu, "bħal ma hemm fuq l-Oppożizzjoni, jiena nkun l-ewwel wieħed li nitlaq." Joseph Muscat ma kienx preżenti għal din il-laqgħa, filwaqt li Mizzi tkellem fil-laqgħa virtwalment. | [
12
] |
L-eks Prim Ministru Joseph Muscat ammetta li talab lil Keith Schembri biex jiżgura li Yorgen Fenech ma jitlaqx minn Malta u dan ġurnata qabel ma ġie arrestat huwa u nqabad jipprova jħalli Malta. F'kummenti mat-Times of Malta, wara x-xhieda ta' Keith Schembri li żvela din l-informazzjoni, Muscat ammetta li ċempel lil Schembri u qallu: "kun ċert li ma jitlaqx minn Malta." Schembri qal lill-Qorti li għamel madwar 20 minuta jipprova jikkonvinċi lil Fenech biex ma jitlaqx minn Malta u ma jkomplix jitfa' l-attenzjoni fuqu. Fenech wieġbu li kien sejjer Sqallija għal xi xogħlijiet fuq il-jott tiegħu. Fit-tweġiba tiegħu Muscat qal li ma kienx jaf li Schembri ċempel lil Fenech. Insista li kien joħloq problema kieku kien hu li ċempel lil Fenech qabel l-arrest. Muscat qal li kien irċieva informazzjoni, li kkonferma ma' diversi sorsi u awtoritajiet, li Fenech kien se jipprova jaħrab mill-pajjiż. Insista li meta sar jaf b'dan, ħa l-miżuri kollha li jemmen li kienu neċessarji biex dan ma jseħħx. Fi kliemu dan kollu huwa ddokumentat ma' diversi awtoritajiet inkluż il-Forzi Armati. | [
12
] |
Tellaq ma' Adrian Delia għal Kap tal-Partit Nazzjonalista. Kien ukoll Segretarju Ġenerali tal-istess partit u llum huma l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għar-Riforma Kostituzzjonali u Għawdex. Il-gazzetta ILLUM titkellem mad-Deputat Chris Said u tistaqsih dwar il-proċess tar-riforma fil-Kostituzzjoni, is-sitwazzjoni fl-isptar Ġenerali ta' Għawdex u l-proġett tal-mina u anke t-tiġdid li għaddej fil-Partit Nazzjonalista. L-ILLUM bdiet tistaqsih dwar ir-Riforma Kostituzzjonali. Fi kliem sempliċi, il-Kostituzzjoni hija l-istatut tal-pajjiż, il-liġi li tirregola l-istat. Il-Kostituzzjoni Maltija ilha magħna mill-Indipendenza u anke jekk kien hemm xi emendi żgħar il-bażi tagħha għadu l-istess tal-1964. "Servitna tajjeb. Rari kellna xi kriżi kostituzzjonali. Niftakar biss il-kriżi kostituzzjonali li ħoloq ir-riżultat tal-elezzjoni tal-1981," saħaq Said. "Fl-aħħar snin kien hemm min uża l-istituzzjonijiet tagħna b'mod ħażin. Allura qed tinħass il-ħtieġa li jkollna riforma bil-għan li l-Kostituzzjoni tkun tarka għall-poplu u mhux tintuża mill-Gvern tal-ġurnata bħala paraventu." Għalhekk, saħaq Said, hemm il-bżonn li l-poter jinfirex. "Aħna għandna Kostituzzjoni li tpoġġi l-poter f'idejn il-Prim Ministru u l-eżekuttiv. Mhux qed ngħid li l-Prim Ministru u l-Kabinett ma jkollux poter, imma li jkun hemm firxa tal-poter fuq il-President tar-Repubblika u istituzzjonijiet oħra, biex hekk dawn l-istituzzjonijiet ikunu qed iservu liċ-ċittadini," insista d-Deputat. Dan kien propost ukoll mill-Kummissjoni Venezja u l-Gvern fl-aħħar ġimgħat ippreżenta l-proposti u l-emendi tiegħu. Dwar dan, id-Deputat Nazzjonalista fakkar li d-diskussjoni ilha għaddejja snin. Fakkar dwar il-proposti li kien jinsisti dwarhom l-eks Deputat Nazzjonalista Franco Debono bejn l-2008 u l-2013 u anke l-wiegħda ta' Joseph Muscat, dwar Repubblika ġdida u li fi kliemu "intesiet." "Għaddew seba' snin u nofs u kien hemm it-tkaxkir tas-saqajn," saħaq Said. Fakkar li tliet snin ilu twaqqaf il-Kumitat, magħmul minn tliet membri tal-PN u tlieta tal-PL taħt it-tmexxija tal-President tar-Repubblika li qed jiltaqa' ta' spiss, jiddiskuti u jikkonsulta u fuq kollox jipprepara l-Konvenzjoni dwar ir-Riforma Kostituzzjonali. 'Il-Gvern kien dahru mal-ħajt u fi stat ta' paniku...' Fi kliem Said hemm qbil li dak li pproponiet il-Kummissjoni Venezja, la hemm qbil dwaru, jiġi attwat minnufih u mill-banda l-oħra jibqa' għaddej il-proċess ta' konsultazzjoni bl-aktar parteċipazzjoni wiesgħa possibbli. Fil-ġimgħat li ġejjin se jkunu ppubblikati dokumenti ta' dak kollu li daħal waqt il-konsultazzjoni biex dawn iservu ta' bażi għad-diskussjoni fil-Konvenzjoni dwar ir-Riforma Kostituzzjonali. Said ikkritika lill-Gvern kif minkejja li kien hemm qbil minn kulħadd, inkluż mill-Gvern u l-Oppożizzjoni, dwar ir-rapport tal-Kummissjoni Venezja, il-Gvern kaxkar saqajh tant li l-ġimgħa d-dieħla l-Kummissjoni għandha tippubblika rapport sena u nofs wara l-proposti oriġinali. Iżda l-ILLUM fakkritu li fil-ġimgħat li għaddew il-Gvern wieġeb lill-Kummissjoni bil-proposti tiegħu. "Meta ressaq il-proposti, dan għamlu mingħajr konsultazzjoni. Infurmati li qabeż ukoll il-President tar-Repubblika li taħtu qed isiru l-laqgħat dwar ir-Riforma Kostituzzjonali. Il-Gvern kien daru mal-ħajt u kien fi stat ta' paniku u ried jaġixxi malajr," insista Said. La kien hemm qbil għaliex kellu jerġa' jikkonsulta l-Gvern? "Kien hemm qbil iżda konnha qbilna wkoll li jkun hemm diskussjoni dwar kif se jsiru l-emendi. Hemm bżonn li wieħed jidħol fid-dettall ta' kull emenda," saħaq Said waqt li fakkar li hemm emendi li għalihom hemm bżonn il-vot taż-żewġ terzi tal-Parlament. Said insista li l-Gvern injora ċertu setturi li tkellem fuqhom ir-rapport tal-Kummissjoni Venezja. "Bħala Oppożizzjoni nemmnu li l-proposti li qed nagħmlu aħna huma aħjar u aktar qrib dak li pproponiet il-Kummissjoni Venezja," insista Said. 'Ħa nibqgħu nagħmlu minn kollox biex nipperswadu...' Fost l-aktar proposti li Said għandu għal qalbu u li qed jagħmel il-PN huwa li l-President tar-Repubblika jibda jinħatar bil-vot taż-żewġ terzi tal-Parlament. Fi kliemu, b'hekk il-President jista' jkollu f'idejh aktar poteri, bħall-ħatra tal-Imħallfin. "Meta se tagħti poteri ġodda lill-Uffiċċju tal-President trid tkun ċert li dan ikollu l-fiduċja mqar taż-żewġ terzi tal-Parlament," insista Said, l-istess kif jiġri f'każ ta' karigi oħra bħall-Kummissarju għall-Istandards u l-Ombudsman, fost oħrajn. Il-gazzetta ILLUM ħabbret li l-kabinett issa qabel ukoll ma' din il-proposta. "Kuntenti. Fl-aħħar sena u nofs ma kienx hemm qbil magħna fuq din il-proposta. Bqajna bil-kalma nispjegaw għaliex hija proposta tajba. Din bħall-kariga tal-Prim Imħallef. Li dan jinħatar biż-żewġ terzi kienet proposta tal-Oppożizzjoni," insista Said. "Ħa nibqgħu nagħmlu minn kollox biex nipperswadu ... wara kollox għal ċertu emendi jridu l-vot taż-żewġ terzi tal-Parlament." U jekk il-PL jikseb maġġoranza ta' żewġ terzi jew aktar tal-Parlament? Hawn l-ILLUM tkellmet ma' Said dwar l-aħħar sondaġġi li ma tantx qed jawguraw tajjeb għall-PN. Ma jaħsibx li hemm riskju li jekk issir elezzjoni ġenerali, il-Gvern jikseb maġġoranza ta' żewġ terzi fil-Parlament u għalhekk, prattikament, ikun jista' jagħmel li jrid? "Allaħares jiġri hekk, imma ma naħsibx li tista' tiġri. Mhux qed neskludiha imma mill-esperjenza tiegħi fil-politika hija diffiċli ħafna," insista Said. Fi kliemu, is-sondaġġi huma stampa tal-mument għax fil-politika, ġimgħa hija twila. Konvint li l-Partit Laburista għadda mill-pik tiegħu, anke bil-problemi li qed jiffaċċja b'qasma interna li qed tkompli toħroġ fil-beraħ Kien hawn li nnota li l-PL ma żiedx fil-voti tiegħu u hemm numru kbir ta' persuni li s-soltu jivvotaw lill-PN u li għadhom inċerti jew qalu li mhux se jivvotaw, numru li fi kliemu dejjem jonqos meta toqrob l-elezzjoni. "Irridu naħdmu aħna biex din ma tiġrix. Naħdmu mhux biex innaqsu d-distakk iżda biex xi darba nkunu l-partit tal-għażla tal-maġġoranza tal-poplu Malti," insista Said. għar-rebħa Laburista | James Bianchi 'Konvint li l-PL għadda mill-pik tiegħu' Kien hawn li l-ILLUM fakkritu kif filwaqt li l-PL żamm il-voti tiegħu, il-PN mhux qed iżid iżda saħanistra qed inaqqas u dan fid-dawl ta' żviluppi importanti li seħħew fil-pajjiż, fosthom ir-riżenja ta' Prim Ministru. "Jiena konvint li l-effetti ta' dak kollu li ġara f'dawn is-seba' snin ta' Gvern Laburista u dak li seħħ anke fl-aħħar xhur u ġimgħat se jkunu qed jibdew jirriflettu fil-ħsieb tan-nies," insista Said. "Konvint li l-Partit Laburista għadda mill-pik tiegħu, anke bil-problemi li qed jiffaċċja b'qasma interna li qed tkompli toħroġ fil-beraħ." Insista li dan waħdu mhu se jfisser xejn ,iżda l-PN irid ikompli għaddej bil-ħidma tiegħu, inkluż ir-riforma fl-istatut, se jara riżultati u dan minkejja sfidi bħar-riżorsi. 'Il-poplu mhux se jdum ma jdur lejn il-PN...' "Dan ma jaqtalna xejn qalbna. Ir-riżultati mhux se jidhru mill-ewwel. Iridu x-xhur jew saħanistra s-snin imma konvint li ftit ftit in-nies jibdew jaraw fil-PN il-partit li jista' joħroġ lil Malta minn din is-sitwazzjoni li ninsabu fiha. Ma ninsewx li hemm ir-rapport tal-Moneyval li jaf ikun id-daqqa tal-mewt għall-ekonomija tal-pajjiż," insista Said. "Ċert li l-poplu Malti mhux se jdum ma jdur lejn il-PN biex joħorġu minn din is-sitwazzjoni prekarja li daħħalna fiha l-PL." Iżda Said verament jemmen li bidla fl-istatut tal-PN se taffettwa l-elettorat? Mhux aħjar ikun hemm uċuh ġodda flok statut ġdid? Said wieġeb li n-nies iħarsu lejn kollox anke lejn partit li jkun organizzat fih innifsu. "Importanti wkoll li jkollok nies ta' esperjenza u uċuh ġodda. Kien hemm żmien fejn kien diffiċli. Il-clusters li twaqqfu huma l-ewwel pass. Partit jibqa' ħaj meta jibqa' jattira nies ġodda. Il-PN dieħel fil-fażi li jattira nies ġodda. Ma jfissirx li min għandu l-esperjenza jiġu mwarrba. Kulħadd għandu x'joffri," insista. L-ILLUM terġa' twaqqfu u tfakkru li fost il-poplu hemm perċezzjoni ta' partit maqsum u dak qed iħoll u jorbot kollox. Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni insista li fl-aħħar xhur saru avvanzi kbar u llum il-Grupp Parlamentari huwa magħqud u qed jaħdem għal għan wieħed. Għaliex domtu ma aċċettajtu lil Delia? Mhux żmien moħli? Iżda għaliex issa? Ma setgħux aċċettaw qabel lil Delia u mxew 'il quddiem? Mhux żmien moħli? "Din hija konsegwenza tal-fatt li l-PN għall-ewwel darba fetaħ l-elezzjoni għat-tesserati. Aktar ma tinvolvi nies fl-għażla tal-kap aktar se ddum ma tagħlaq din l-isfida," insista Said. "Jiena nibqa' grat għal numru kbir ta' tesserati li vvotawli iżda malli għadda l-vot jien għalaqt dak il-kapitlu. Kellek partit b'Kap magħżul mit-tesserati li dam ftit biex joħroġ mill-effetti li ħalliet din it-tellieqa." Insista li fil-Grupp Parlamentari hemm ħsieb komun, qed jiltaqa' b'mod regolari u qed jaħdem biex meta tiġi l-elezzjoni ġenerali jkun jista' joffri alternattiva. L-ILLUM iżda tistaqsih jekk jaħsibx li l-PN kien jingrana aktar malajr kieku sar hu Kap. "Ma nistax ngħid. Imma la kienu involuti eluf ta' nies fl-elezzjoni, żgur kienet se tħalli impatt aktar milli kieku l-elezzjoni saret fil-Kunsill Ġenerali ... probabbilment kien ikun hemm problema simili," inista Said. "Dan qed narawh issa fil-Partit Laburista wara li t-tesserati ivvotaw għall-ewwel darba bejn Robert Abela u Chris Fearne." 'Ħadt deċiżjonijiet diffiċli ... naqqast l-għadd tal-impjegati b'terz' Said kien ukoll Segretarju Ġenerali tal-PN. Ma jħossx li għandu jerfa' ftit piż mir-responsabbilità dwar id-dejn. Said kien skjett u fakkar li kien hu l-persuna li kellu jieħu deċiżjonijiet iebsa fejn saħanistra naqqas l-għadd ta' impjegati b'terz. "Ma kontx popolari ovvjament. Dehert ikrah ħafna ma' nies tal-qalba. Ma kelli l-ebda għażla oħra," insista Said. Żgur li l-midja hija waħda mill-akbar piż finanzjarju li għandu l-PN. Huwa sigriet magħruf. Mhijiex l-aktar waħda popolari. Ma jaħsibx li wasal iż-żmien li l-PN jieħu d-deċiżjoni diffiċli li jagħlaq it-televiżjoni? Fi kliem Said, il-midja hija piż fuq il-PN kif inhi wkoll fuq il-PL. Ċert li l-poplu Malti mhux se jdum ma jdur lejn il-PN biex joħorġu minn din is-sitwazzjoni prekarja li daħħalna fiha l-PL "Iż-żmien qed jinbidel. Nemmen li ż-żmien tat-televiżjoni tal-partiti se jgħaddi u dan mhux fil-bogħod. Il-partiti jridu jsibu mezzi oħra b'inqas flus biex iwasslu l-messaġġi tagħhom. Hemm diversi mezzi kif tista' tagħmel dan," insista Said. "Ma jdumx ma jasal iż-żmien li l-partiti jieħdu dan il-pass." Delia qal: "ma naħsibx li l-PN se jitlef l-elezzjoni ġenerali." Said jaqbel? "Il-PN se jmur għall-Elezzjoni Ġenerali biex jirbaħ. Nafu li hemm sur enormi li wieħed irid jixxabbat miegħu. Imma se nagħmlu dak kollu possibbli biex naslu," insista Said. 'Konvint li l-Gvern ma jdumx ma jwaqqaf il-kuntratt tal-VGH' Qlibna d-diskors fuq Għawdex. Hija ġusta l-kritika tal-PN fuq Steward, issa li bdew jinvestu fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex? "Fuq Steward aħna ċari. Seta' kien min kien. Għawdex hemm sptar wieħed. Ma kellu qatt jiġi pprivatizzat," insista Said. "Aħna mhux kontra s-settur privat fil-qasam tas-saħħa. Il-Gvern seta' inċentiva biex jinfetaħ sptar privat f'Għawdex li jkun parallel ma' dak pubbliku." Apparti dan, fi kliemu, dak li ħareġ u dak li ried joħroġ fuq il-ftehim magħruf tal-VGH jikkonferma kemm il-PN kellu raġun. "Dawn qed jieħdu miljuni kbar fis-sena u ma għamlu kważi xejn minn dawk li suppost kellhom jagħmlu. Issa jridu jirrinegozzjaw il-kuntatt ... lanqas il-pjan lokali ma lestew," insista. Kien hawn li Said saħaq li jinsab konvint li l-Gvern ma jdumx, għax ma għandux triq oħra, li jwaqqaf dan il-kuntratt. "Għad iridu joħorġu oxxenitajiet oħra," insista waqt li fakkar fil-każi li għaddejin il-Qorti, fosthom mill-Kap tal-Oppożizzjoni u anke l-investigazzjoni tal-Awditur Ġenerali. "Din hija logħba bis-saħħa tal-Għawdxin biex xi ħadd isir miljunarju," saħaq Said. Il-Ministeru għal Għawdex sar qiesu kunsill lokali Tkellimna wkoll dwar il-mina u l-Ministeru għal Għawdex. Beda bil-Ministeru għal Għawdex, li fi kliemu l-Gvern ħadlu s-saħħa kollha, fosthom meta ħadlu l-edukazzjoni u s-saħħa minn idu u ġabu qiesu "kunsill lokali." Fl-aħħarnett, dwar il-mina, Said insista li l-Partit Nazzjonalisa huwa favur tagħha tant li kienet parti mill-programm elettorali tiegħu fl-2017. "Ipproponejna aktar minn 10 snin ilu u bdejna l-istudji preliminari," saħaq Said, iżda insista li jrid ikun hemm l-istudji kollha, mhux jekk tistax issir jew le biss. "Irid ikun hemm studju fuq l-impatt soċjali, ambjentali u ekonomiku biex tittieħed l-aħjar deċiżjoni." | [
12
] |
Dan is-sit jinsab infurmat illi bħalissa għaddejja investigazzjoni - f'parallel mal-Inkjesta Maġisterjali - dwar allegati flus li għaddew minn Yorgen Fenech għal għand il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, allegatament biex parti minnhom jintużaw ħalli l-MEP David Casa ma jerġax ikun elett. Kelliem għall-Korp tal-Pulizija ikkonferma dan.. Apparti d-Deputat Nazzjonalista David Thake - l-ewwel li indika kif għaddew dawn il-flus lil Delia f'mistoqsija fuq il-programmn Xarabank - kien interrogat ukoll Pierre Portelli. Din l-informazzjoni ngħatat minn Melvin Theuma fil-Qorti li xehed kif Fenech qallu li kien għadda dawn il-flus lil Delia, biex Casa ma jkunx elett. Yorgen Fenech ċaħad. Imbagħad l-istess infiormazzjoni ingħatat mill-eks Chief of Staff f'Kastilja Keith Schembri, meta kien qed jixhed nhar it-Tnejn li għaddew. Schembri xehed illi l-Kap tal-Oppożizzjoni darba mar u talbu (lil Yorgen Fenech) €50,000 biex jintużaw kontra l-elezzjoni ta' Casa. Kien jibgħat lil Pierre Portelli biex jiġbor €20,000 kull xahar. Dan seħħ fuq bażi regolari. Ġieli stennew għal siegħa biex jieħdu l-flus," kompla Schembri. Fi kliemu, Portelli kien deher fir-reception ta' Portomaso qabel l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2019. Minkejja dan, f'affidavit separat, kemm Pierre Portelli kif ukoll Adrian Delia qed jiċħdu li aċċettaw dawn il-flus jew li fil-fatt saret din il-proposta. L-Inkjesta Maġisterjali għaddejja fl-istess ħin qed titmexxa mill-Maġistrat Doreen Clarke. . | [
12
] |
Dan huwa gvern li verament jemmen fis-settur edukattiv. Qed ngħid dan għaliex ħarsa lejn l-istatistika turi li dan il-gvern ma jpoġġix fuq quddiem lil dan is-settur bil-paroli biss, imma bil-fatti. Ejja nħarsu lejn dik li hija infrastruttura. Jekk immorru ftit lura naraw li fis-sena 2012, il-vot kapital għall-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada kien ta' €6.6 miljun. Fl-2020 il-vot kapitalgħall-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada kien ta' €14.5 miljun. F'dawn it-8 snin il-Gvern investa 'l fuq minn €112-il miljun f'bini u tisbiħ ta' skejjel. Anki jekk tħares lejn l-investiment teknoloġiku, tara li f'dawn it-8 snin dan l-investiment żdied b'700%. Meta fl-2013 kien hemm investiment ta' €2,500,000, fl-2020 dan tela' għal €17,500,000. Anki jekk tħares lejn l-investiment fil-kotba u qari, f'dawn l-aħħar 5 snin investejna b'€1.7 miljun. Aħna rridu bis-serjetà naraw li uliedna jkollhom mhux biss l-aqwa opportunitajiet skolastiċi, imma li dawn l-opportunitajiet jingħataw bl-aqwa mezzi u wkoll fl-aqwa ambjent. ll-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada (Foundation for Tomorrow Schools) din is-sena hija mpenjata b'diversi proġetti għaddejjin li flimkien ilaħħqu nvestimet ta' €52 miljun. Din iċ-ċifra hija maqsuma fi tnejn: €42 miljun f'proġetti infrastrutturali u €10 miljun li qed jiġu investiti f'laboratorji ta' suġġetti VET (Vocational Education and Training), investiment li huwa mifrux fuq sentejn. Ftit ilu tkellimt dwar ix-xogħol li qed isir fl-iskola ġdida tal-Qawra, li miexi b'ritmu tajjeb ħafna u mistenni jitlesta din is-sena stess - proġett b'investiment ta' €13-il miljun. Tkellimt ukoll dwar l-iskola Sekondarja li tagħmel parti mill-Kulleġġ San Ġorġ Preca fil-Ħamrun fejn qed isiru xogħlijiet li huma mistennija li jitlestew sal-bidu tas-sena skolastika li jmiss, bini ta' footpath u footbridge fit-tieni u fit-tielet sular rispettivament bil-għan li tgħaqqad iż-żewġ binjiet minn kull sular - b'investiment ta' madwar nofs miljun ewro. Hemm ukoll is-sit fejn qed isir xogħol ta' restawr u ta' tisbiħ tal-Iskola tal-Arti, xogħol li miexi b'ritmu tajjeb ħafna u huwa mistenni li dan il-proġett, li qed isir b'investiment ta' €5 miljun, ikun lest fix-xhur li ġejjin. Qed naħdmu fuq pjan biex intejjbu ferm l-ambjent skolastiku għall-istudenti u l-edukaturi. Fejn huwa possibbli qed nibnu skejjel ġodda, bħal fil-każ tal-Qawra. Imma fejn dan ma jistax isir qed naraw li ninvestu billi nestendu l-ispazju fi skejjel eżistenti, kif qed nagħmlu fl-iskola Sekondarja taż-Żejtun. Il-Ġimgħa żort dan il-proġett - il-proġett ta' €5 miljun għat-tkabbir u modernizzar tal-Iskola Sekondarja fiż-Żejtun. L-Iskola Sekondarja taż-Żejtun se tkun estiża billi jinbena sular fuq kull blokka eżistenti tal-iskola. Permezz ta' din l-estensjoni, mifruxa fuq aktar minn 2,500 metru kwadru, se jiżdiedu 13-il klassi normali, kif ukoll 8 laboratorji għat-tagħlim tax-xjenza, 2 klassijiet għall-home economics, u klassijiet għall-Inġinerija u d-Disinn. Ix-xogħol li qed isir f'din l-iskola mhuwiex dan biss, għaliex apparti l-progett ta' estensjoni tal-iskola, dan il-proġett jinkludi wkoll l-immodernizzar komplet tal-iskola eżistenti. L-iskola se ssir aċċessibli għall-istudenti kollha, permezz ta' bini ta' diversi lifts fil-binja kollha. Nerġa nirringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-FTS li huma nvoluti f'dan il-proġett kbir. Aħna bħala Gvern kommessi li ntejbu ħajjiet l-istudenti tagħna biex huma jħarsu lejn l-edukazzjoni bħala fattur determinanti fil-bini tal-futur tagħhom stess. Bis-saħħa tax-xogħlijiet li qegħdin isiru qed naraw iktar skejjel li jimxu 'l quddiem. Dan qed isir bil-għan li ntejjbu l-ambjent skolastiku biex l-istudenti jieħdu gost fil-ħin li jqattgħu fiżikament fl-iskola. Kulħadd jieħu gost jidħol f'post sabiħ u attrezzat u kkulurit, kemm l-għalliema u l-edukaturi tagħna, kif ukoll l-istudenti. Għalhekk napprezza u nirringrazzja lil kull persuna li hija nvoluta biex isir it-twettieq ta' dan ix-xogħol għall-benefiċċju tas-sistema edukattiva tagħna. Il-Gvern fetaħ laboratorji u workshops fl-iskejjel Sekondarji kollha madwar Malta u Għawdex. Dan biex l-istudenti jingħataw l-opportunità li jitgħallmu u jitħarrġu f'suġġetti vokazzjonali differenti. Fost dawn is-suġġetti hemm: It-Teknoloġija tal-Informatika, l-Inġinerija, it-Turiżmu u l-Ospitalità, il-Kura tal-Ġisem u x-Xagħar, il-Media, it-Tessuti, l-Agribusiness, ir-Retailing u l-Health and Social care. Il-laboratorji għal suġġetti vokazzjonali fl-iskejjel Sekondarji kollha setgħu isiru b'investiment li laħħaq madwar €10 miljuni. Interessant ferm huwa li fis-sit tal-Iskola Sekondarja taż-Żejtun, fejn qed tiġi mmodernizzata l-iskola eżistenti, instabu fdalijiet ta' barriera antika waqt sorvelljanza minn arkeologi iddelegati mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali. Dawn il-fdalijiet possibilment jiffurmaw parti mill-kumpless ta' Villa Rumana li kienet instabet fil-viċin fis-snin 60. Il-fdalijiet tal-Villa Rumana, li llum huma hija parti mill-kampus tal-iskola ilhom jiġu skavati minn arkeologi f'diversi kampanji ta' studju inkluż f'dawn l-aħħar snin mid-Dipartiment tal-Istudji Klassiċi u Arkeoloġija tal-Università ta' Malta. Din il-barriera se tkun inkorporata fil-proġett u se titgawda mill-istudenti ta' din l-iskola. Dan huwa żieda eċitanti f'din l-iskola li jkollok l-istorja ta' pajjiżna parti minn kamp skolastiku huwa bonus mhux biss għall-istudenti kollha li jattendu f'din l-iskola imma dawn il-fdalijiet jarrikkixxu bil-kbir l-esperjenza skolastika speċjalment għal dawk l-istudenti li għandhom għal qalbhom l-istorja ta' pajjiżna. | [
11,
12
] |
Jinsab fi stadju avvanzat il-bini ta' appartamenti ta' akkomodazzjoni soċjali fiż-Żurrieq. Is-sit, fi Triq Ta' Ċiantar se jinbidel f'saqaf għal 25 familja li huma fil-bżonn. Il-proġett fi Triq Ta' Ċiantar mhux biss se jkun qed joffri 25 appartament ta' housing soċjali ġdid iżda jinkludi wkoll 21 garaxx. L-appartamenti qed jinbnew f'sit ta' 1,200 metru kwadru, li kollha se jkunu aċċessibbli għal persuni b'diżabbiltà. Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes żar is-sit u fakkar li dawn huma parti minn proġett li qed isir b' investiment ta' €130 miljun. "L-proġetti ta' housing soċjali huma turija tal-impenn ta' Gvern Laburista li jkompli jindirizza l-bżonn reali għall-akkomodazzjoni soċjali, li jipprovdi pjattaforma diċenti u adekwata biex dawn il-familji jibdew it-triq tal-mobbiltà soċjali," saħaq il-Ministru. Preżenti kien ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay li fakkar fl-iskemi li introduċiet l-Awtorità tad-Djar fl-aħħar xhur bil-għan li tindirizza faxex differenti tas-soċjetà. Irrefera għal dawn l-iskemi u l-bini ta' housing soċjali bħala xhieda tal-politika li qed tiġi implimentata fis-settur tal-housing, li ma tpoġġix lil kulħadd fl-istess keffa u li tindirizza bżonnijiet differenti b'soluzzjoni differenti. | [
12
] |
David Thake illum tela' jixhed fl-Inkjeta maġisterjali li qed tinvestiga l-allegazzjonijiet li għaddew eluf fi flus minn Yorgen Fenech għal għand Adrian Delia, biex jiġi influwenzat il-proċess elettorali tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2019. F'kummenti lill-midja Thake sostna illi l-informazzjoni li għandu hu hija differenti minn dik li ħarġet il-midja tal-Partit Laburista u mix-xhieda ġuramentata ta' Keith Schembri. Qal li hu qatt ma qal li l-flus fil-fatt għaddew, li ħadhom il-Kap tal-PN Delia u li Pierre Portelli kien qed jiġbrohom mill-Portomaso. Mistoqsi jekk iħossx li Delia għadu jirriżenja, issa li qed ikun investigat mill-Pulizija u jinsab taħt Inkjesta Maġisterjali Thake saħaq li mhux se jkun hu li jgħid lil Delia x'għandu jagħmel - għalkemm fakkar li jekk ġrat din, ikun att kriminali. Thake saħaq li hu jemmen li l-politika tkun nadifa u tidher ċar li hija nadifa. "Jiena mhux se ngħaddi ġudizzju. Nisħaq biss fuq il-prinċipju li kwalunkwe persuna li mhuwiex nadif tazza għandu jwarrab biex ismu jkun imnaddaf." Thake qal li l-PN mhuwiex persuna waħda jew tnejn u sejjaħ il-passat ta' dan il-partit bħala wieħed "glorjuż". Għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti preżenti Thake ifakkar li hemm numru ta' Ministri li qeghdin taht investigazzjoni kriminali u allura huma wkoll jeħtieġ iwarrbu. Thake ifakkar illi l-Ministru Edward Scicluna jinsab taħt investigazzjoni kiminali fuq il-kuntratt mal-VGH. Thake itemm ifakkar li kwalunkwe persuna li jinsab f'kariga għandu jipproteġi dik il-kariga, "għax il-kariga hija ikbar mill-persuna. "Il-politika mhijiex post għall-politiċi li għandhom dellijiet u allegazzjonijiet fuqhom li jsiru b'persistenza u li jqajmu dubji kbar. Politiku taħt allegazzjonijiet li jsiru b'persistenza u li jqajmu dubji kbar għandu jwarrab sakemm inaddaf ismu." | [
12
] |
L-għawwien Neil Agius issa sar - uffiċjalment - it-tieni persuna fl-istorja li qatt għam bejn Malta u Sqallija, total ta' 100 km. Agius wasal il-Bajja tal-Balluta ftit wara id-9:15 a.m wara 28 siegħa u sitt minuti ta' għawm, li beda minn Punta Braccetto f'Ragusa. Agius baqa' jgħum lejl u nhar. Hu kien irrapportat jgħid illi kienet esperjenza sabiħa, mimlija emozzjoni fuq is-sit timesofmalta.com, b'nies preżenti jċapċpulu u jifirħulu f'ewforija mistħoqqa għall-eks player tat-tim nazzjonali Malti fl-Olimpjadi. "L-iktar diffiċli kien madwar it-3 a.m. għax ksaħt ħafna fil-baħar," qal Agius. Teknikament Agius huwa l-ewwel li qatt għamel din l-għawma, b'Nicky Farrugia jgħum bejn Għawdex u Sqallija fl-1985 f'30 siegħa u 17-il minuta. | [
12
] |
Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli nediet proġett pilota għal servizz ta' trasport ċirkolari permezz ta' żewġ karozzi tal-linja pprovduti mill-Awtorita' Maltija għat-Turiżmu minn u lejn Wied iż-Żurrieq. Is-servizz li se jibda mill-4 ta' Lulju u se jkun iffinanzjat mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu b'investiment ta' €162,000. Dan is-servizz se jkun ipprovdut mingħajr ħlas għall-pubbliku. B'dan is-servizz se tkun indirizzata l-problema ta' parkeġġ f'Wied iż-Żurrieq, li ħafna drabi jaqta' qalb dawk li jkunu jridu jmorru f'din il-ġawhra naturali fin-Nofsinhar ta' Malta. Dan ġie kkonfermat minn stħarriġ tal-opinjoni pubblika kummissjonat mill-Ministeru għat-Turiżmu li wera li kważi 60% ta' dawk li ġew intervistati sostnew li jsibu problema ta' parkeġġ meta jinżlu Wied iż-Żurrieq. 36% argumentaw li jitilqu lura kif ma jsibux fejn jipparkjaw. Kważi 50% urew ix-xewqa li lesti jużaw servizz ta' trasport mill-akwati tal-madwar minflok il-vettura tagħhom. Il-Ministru Julia Farrugia Portelli qalet li kienet ix-xewqa ta' ħafna li jkun hemm soluzzjoni għal din il-problema billi jiġi pprovdut servizz ta' trasport ċirkulari li jdur mal-eqreb żewġt irħula għal Wied iż-Żurrieq filwaqt li jiġbor dawk li jipparkjaw fit-triq wiesgħa tal-eks Mitjar tal-Qrendi, li twassal għas-Siġġiewi. "Wied iż-Żurrieq huwa post uniku u attrazzjoni turistika popolari li żviluppa minn villaġġ zgħir tas-sajjieda. Fl-2018, żaru dan il-post turistiku 475,000 turist. Dan minbarra l-eluf ta' Maltin li jinżlu f'dan il-post. Apparti li nsibu attrazzjoni unika li hija l-Ħnejja (Blue Grotto), li tiġbed lejha eluf ta' viżitaturi kull sena, nsibu wkoll numru ta' nies li jinżlu għal attivitajiet oħra bħall-għawm u s-sajd kif ukoll dawk li jinżlu sabiex jieklu xi ikla ħut mill-ħafna ristoranti taż-żona. Iżda kellna sfida sostanzjali bil-parkeġġ u għaldaqstant dan is-servizz se jkun qed iservi biex jindirizza din l-isfida, filwaqt li nippromwovu wkoll mezzi ta' trasport alternattiv," sostniet il-Ministru Julia Farrugia Portelli. Is-servizz privat ipprovdut b'xejn mill-Awtorita` Maltija għat-Turiżmu b'vetturi tal-Malta Public Transport, se jkun qed jaħdem kif ġej: Żewġ xarabanks immarkati Destinazzjoni Wied iż-Żurrieq se jiġbru passiġġieri minn żewġ pjazez ewlenin: dik tal-Qrendi u ż-Żurrieq. Xarabank oħra se tiġbor passiġġieri minn San Niklaw/Il-Qasam qrib is-Siġġiewi, fejn inħolqu spazji ta' parkeġġi għal min irid iħalli l-karozza hemm. Dan is-servizz se jopera simultanjament permezz ta' żewġ vetturi bl-għan li jiffaċilita l-prattikabilita' u l-frekwenza ta' dan is-servizz. Is-servizz se jkun qed jingħata mill-Ħamis sal-Ħadd mill-10 ta' filgħodu sa nofs il-lejl, bi frekwenza ta' madwar 20 minuta. Dan il-proġett ġie mfaħħar ukoll mis-sindku tal-Qrendi David Schembri u s-sindku taż-Żurrieq Rita Grima u l-kumplament tal-kunsilliera li kienu lkoll preżenti għat-tnedija ta' dan il-proġett pilota. | [
12
] |
(Din hija t-tieni parti ta' dan is-sondaġġ. Tistgħu taqraw l-ewwel parti, li titratta jekk in-nies jaqblux jew le mal-IIP u għaljejn: Hawnhekk ) Minn sondaġġ xjentifiku li qed tippubblika l-gazzetta ILLUM, li sar mill-kumpanija Sagalytics - rinomata fix-xogħol tas-sondaġġi - u li ken mgħoddi lill-Gvern, jirriżulta illi 29% tal-Maltin u l-Għawdxin illum jaqblu li l-Individual Investor Programme (IIP), magħruf ukoll bħala bejgħ taċ-ċittadinanza b'Investment, jittejjeb permezz ta' miżuri diversi. Meta bdiet u għall-ewwel snin din l-iskema attirat kritika lokali, imma wkoll Ewropea hekk kif mhix l-unika skema simili fi Stati Membri tal-UE. 33% ma jafux x'ibidlu mill-IIP In-nies kienu mistoqsija xi jbiddlu mill-programm tal-bejgħ taċ-ċittadinanza kif inhu bħalissa. Maġġoranza relattiva ta' 33% qalu li ma jafux, filwaqt li kważi 23% qalu illi jaċċertaw illi min jixtri ċ-ċittadinanza Maltija jgħaddi minn għarbiel ikbar. Simili ħafna għal dawn tal-aħħar 5.9% jgħidu li hemm bżonn tkun aktar diffiċli li wieħed jakkwista iċ-ċittadinanza ta' pajjiżna. 5.6% oħra qalu illi mhux bidliet hemm bżonn iżda li l-iskema titwaqqaf kompletament. Minn naħa l-oħra 11.8% jemmnu li l-iskema mhix miftuħa għal biżżejjed nies u 7% iħossu li kif inhi l-iskema hija tajba biżżejjed. Finalment, 5.6% oħra jaħsbu li hemm bżonn jitnaqqas l-abbuż mill-ħasil ta' flus. 29.7% jemmnu li l-flus għandhom jintefqu ... Dawk li pparteċipaw fis-sondaġġ xjentifiku dwar l-Individual Investors' Programme (IIP)- il-bejgħ taċ-ċittadinanza b'investiment - kienu mitlubin jgħidu, fhiex jemmnu li għandhom jintefqu l-flus li deħlin minn din l-iskema. 29.7% jemmnu li flus għandhom jintefqu f'benefiċċji soċjali, edukazzjoni u saħħa filwaqt li 21.6% jgħidu li għandhom jintefqu skont l-eżiġenzi tal-mument u allura, per eżempju, fl-aħħar xhur kellhom jintefqu fuq ilqugħ mill-pandemija Covid-19. Similarment, 21.4% qalu li għandhom jintefqu fit-titjib tal-pajjiż. Kważi 10% (9.6%) jgħidu li għandhom jintefqu fuq proġetti infrastrutturali, filwaqt li 8.3% jagħtu risposta aktar ġenerika: 'biex tespandi l-ekonomija'. 6.4% jgħidu li ma jafux kif għandhom jintefqu l-flus. Il-parteċipanti kienu mistoqsijin kif l-aqwa jintefqu l-flus tal-IIP 51.6% jafdaw lil Alex Muscat, responsabbli mill-IIP Intant dawk li pparteċipaw kienu mitlubin jafdawx lis-Segretarju Parlamentari Alex Muscat li huwa responsabbli mill-IIP. Huwa nħatar f'din il-kariga mill-PM Robert Abela. Dawk li pparteċipaw kienu mitlubin jagħtu marka: Minn 1, li tfisser assolutament ma jafdawhx sa 5, li tfisser assolutament jafdawh. 38.8% taw 5- u allura assolutament jafdaw lil Muscat filwaqt li 14.5% taw 1 - u allura assolutament ma jafdawhx. 12.8% oħra taw 4 - u allura 51.6% jafdawh jew jafdawh ħafna. Minn naħa l-oħra 7.7% tawh 2 - u allura 22.2% ma jafdawhx jew ma jafdawh xejn. 26.3% tawh 3 u allura la jafdawh u lanqas ma jafdawhx. Muscat huwa aktar popolari man-nisa, ma' dawk li għandhom bejn 26 u 35 sena, dawk li jgħixu fil-punent tal-pajjiż u naturalment mal-Laburisti. | [
12
] |
Sikwit nisimgħu bil-frażi 's-suq isuq'. Dan il-kunċett, li joħroġ mill-vanġelu skont in-neoliberali, dawk li jemmnu li d-dinja teżisti biex taqdi lill-profitt mingħajr xkiel tal-istat, jagħti l-impressjoni falza li s-suq idur fuq fusu u li s-suq huwa ekoloġija awtonoma jew indipendenti mill-istat. Kemm il-kriżi ekonomika tal-2008, kif ukoll dik li għaddejjin minnha, urewna kemm l-intervent tal-istat huwa kruċjali biex is-suq ma jieqafx isuq. Impressjonanti l-fatt kif l-appostli tas-suq ġrew b'kemm kellhom saħħa għand l-istat bit-tama li jifdihom mis-saram li l-pandemija daħħlithom fih. Anke fejn kien magħruf li l-kumpaniji kellhom assi privati kbar li jiggarantixxu l-futur imbiegħed tagħhom, l-istess kumpaniji raw kif għamlu biex għasru l-lumija pubblika u daħħlu lill-ħaddiema f'dejn pubbliku li se jgħassarhom għal tul ta' żmien, filwaqt li uħud mis-sidien komplew igawdu mill-ġenna fiskali li l-istat neoliberali jipprovdilhom. Sakemm l-istat ikanta mill-istess librett jista' jkun oligarkiku jew dittatorjali Għas-suq, mhux importanti jekk l-istat huwiex demokratiku, oligarkiku, dittatorjali, abbużiv, anti-ambjentali jew korrott. Sakemm l-istat u s-suq qegħdin ikantaw mill-istess librett, sakemm it-tnejn qegħdin ikantaw l-istess għanja, ta' soċjetà mibnija fuq il-profitt u t-tkabbir ekonomiku, il-feddejja internazzjonali li jiddeċiedu fejn jattakkaw u fejn iħallu l-paċi ssaltan, x'aktarx se jiggarantixxu l-protezzjoni meħtieġa biex l-istat ikompli jinnormalizza l-ideoloġija tal-profitt akkost ta' kollox. Meta l-istat jazzarda jipperikola l-loġika tas-suq jew il-materja prima strateġika biex ir-rota tal-istess suq tkompli ddur, il-kustodji ideoloġiċi jaraw kif jipperswadu lill-istat eretiku, kemm bis-sewwa kif ukoll b'mezzi vjolenti, biex jibdel ir-rotta tiegħu. Ħafna drabi, bl-iskuża li qegħdin jiddefendu ħelsien il-bniedem, pretest li jidher leġittimu f'għajnejn il-kotra globali, mexxejja, uħud minnhom imtellgħin demokratikament, għax refgħu rashom kontra s-suq, spiċċaw vittmi ta' azzjonijiet orkestrati minn forzi interni li kapaċi jimmobilizzaw lill-massa. Fejn ma waslux il-forzi 'ċivili' jew paramilitari, daħal il-militar. L-Amerka Latina : Minn Allende għal Pinochet fiċ-Ċile Hekk seħħ fiċ-Ċile fis-sebgħajnijiet. It-tmexxija leġittima ta' Salvador Allende tnawret bi skarsezzi foloz u azzjonijiet oħra li ħolqu nċertezza u dwejjaq fil-pajjiż. Il-kolp vjolenti ta d-daqqa tal-mewt lil esperiment politiku li kellu l-għan li jinnazzjonalizza l-industriji ewlenin, jiftaħ l-edukazzjoni għal kulħadd u jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-għejxien tal-ħaddiema; aġenda ideoloġika li kienet skomda wisq għall-kustodji tas-suq. Dak li seħħ wara l-kolp tal-1973 - id-dittatura ripressiva tal-Ġeneral Augusto Pinochet - filwaqt li ma kellu l-ebda legittimità demokratika, serva biex iċ-Ċile ssir laboratorju neoliberali, immexxi primarjament miċ-'Chicago Boys', l-istudenti ta' Milton Friedman u Arnold Harberger, żewġ professuri bbażati fl-Università ta' Chicago. Ripressjoni li serviet lis-suq għal sbatax-il sena, mill-1973 sal-1990. Ħafna mid-dittaturi fl-Amerka Latina tas-sittinijiet, sebgħajnijiet u tmeninijiet tas-seklu għoxrin kellhom l-appoġġ tal-burgeżija industrijali u agrarja u t-tberik tas-superpotenza Amerikana li qatt ma kienet se taċċetta li l-loġika tas-suq tkun mhedda fil-btieħi ġeografiċi tagħha. Sakemm il-ġunti militari fil-Brażil u l-Arġentina, biex insemmu żewġ eżempji ta' dittatorjati fir-reġjun fi żminijiet imsemmija, servew il-burgeżija agrikola u industrijali, il-bażi tas-suq intern u fir-reġjun, il-pampaluni tal-libertà għalqu għajnejhom għall-ħniżrijiet li varjaw minn tfigħ ta' nies mill-ajruplani għal torturi u perversitajiet bla ħniena. id-dittatura tal-Ġeneral Augusto Pinochet serviet biex iċ-Ċile ssir laboratorju neoliberali, immexxi primarjament miċ-'Chicago Boys' L-istess seħħ fl-Amerka Ċentrali fid-disgħinijiet. It-theddida l-ħamra f'dan ir-reġjun waslet biex l-Istati Uniti timmonta offensiva kontra pajjiżi bħall-El Salvador u n-Nikaragwa, kollha b'popolazzjoni kbira ta' bdiewa fqar dipendenti għal-loqma mis-sidien ta' meded kbar ta' artijiet agrikoli. Kull ħjiel ta' reżistenza għal-loġika tal-iskjavitù agrarja, li b'mod sistematiku faqqret miljuni ta' campesinos fir-reġjun, kien biżżejjed biex tiġi ordnata kampanja ta' tindif uman b'armi mpurtati u taħriġ militari mill-kapitali tal-libertà. Eluf ta' bdiewa u raħħala li attendew protesti jew priedki kontra l-inġustizzji, reliġjużi u lajċi li pubblikament iddenunzjaw il-ħniżrijiet u tkellmu fil-miftuħ favur l-emanċipazzjoni tal-bdiewa, u mexxejja reliġjużi li fehmu li r-reliġjon qiegħda hemm mhux biex timmansa l-merħla iżda biex tippreferi lill-fqir u tillibera lill-imjassrin, inqatlu b'mod brutali. Għar-ripressjoni tas-sovverżjoni kontra l-loġika tas-suq, ma kien hemm ebda spazju sagru. F'El Salvador, waslu biex qatlu lill-Isqof Romero fuq l-artal. L-'Istat' Nazzjonali Globalizzat L-ideoloġija eġemonika tas-suq teħtieġ l-appoġġ kontinwu tal-politika nazzjonali. F'kuntesti demokratiċi u mhumiex, l-apparat tal-istat, li jinkludi l-qasam edukattiv, huwa kruċjali biex jirriproduċi l-fidi fis-suq u biex jikkalma l- ħolm f'dinja li mhix kapitalista. Barra t-trawwim tal-fidi fis-suq u fil-konsum li jġib miegħu, l-istat neoliberali, permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ li jipprovdi, għandu l-irwol utilitarju li jiżgura li l-ħaddiema tiegħu huma flessibbli, multifunzjonali, diġitali u mobbli biżżejjed biex jibqgħu mpjegabbli f'suq li jinbidel. Edukazzjoni u taħriġ li jservu lis-suq, ftit li xejn jisħqu fuq l-għarfien storiku, il-ħsieb kritiku u l-attiviżmu soċjali. L-edukazzjoni jeħtieġ tkun utilitarja, b'ċertifikati li jiggarantixxu l-livell funzjonali u d-disponibilità utlitarja tal-ħaddiema preżenti u futuri. Taħriġ tekniku aktar milli formazzjoni umanistika li ssawwar lill-bniedem f'ħaddiem ħassieb, ħalliem u attivist. Kif jistqarr Michel Foucault, filosofu, kritiku letterarju u teorista soċjali Franċiż tas-seklu għoxrin, f'kuntest neoliberali, dak li tradizzjonalment kien soċjali jeħtieġ li jkun ekonomizzat. L-istat imxennaq biex jattira l-investiment irid jiggarantixxi l-paċi industrijali fil-pajjiż. Bejn karrotti u loqom, l-istat jimla l-vojt imħolli min-nuqqas ta' ġustizzja permanenti li tħallas lill-ħaddiema b'mod xieraq, tagħti s-serħan il-moħħ u tiggarantixxi li x-xogħol prekarju ma jkunx l-ordni tal-ġurnata. Waħda mir-rebħiet, għalkemm mhux totali, tal-istat neoliberali hija t-tmermir tal-moviment trejdjunjonistiku. Prattiċi tax-xogħol, li jvarjaw minn xogħol temporanju, prekarju, kontrattwali u bi ftit ħarsien soċjali għal xogħol diġitali mid-dar servew biex qatgħu lill-ħaddiema minn kull possibilità ta' solidarjetà u azzjoni komuni tas-suq huma allerġiċi għall-emanċipazzjoni tal-ħaddiema u jistennew li l-istat irażżan in-nefqa pubblika f'dan ir-rigward. Il-Ħaddiema Globalizzati 'Fil-firda s-Saltna', it-titlu ta' artiklu ieħor tagħna fl-istess gazzetta ILLUM, wera kif l-istat, bi twemminu u azzjonitu, jifred ħaddiem minn ieħor billi, fost l-oħrajn, joħloq dik li tissejjaħ sistema ġuridika parallela, fl-istess spazju ġuridiku. F'dal-proċess, ħaddiema barranin jispiċċaw minn taħt. Saħansitra, il-ħaddiema-immigranti jsiru kriminali mingħajr ma serqu jew qatlu. Il-prinċipju ta' solidarjetà ma' dawk li qegħdin ibatu jew jirrisjkaw ħajjithom, għax qed ifittxu ix-xogħol, sar att kriminali, ikkastigat b'multi u ħabs. Ir-rabta bejn politika u ekonomija privata tilħaq il-milja tagħha meta l-azzjoni ta' initimidazzjoni tal-pulizija, li tinkludi rejds sporadiċi, tgħin lill-kuntratturi jidhru bħala salvaturi għax għandhom f'idejhom il-karta li biha l-ħaddiema immigranti jingħataw il-permess temporanju ta' residenza u fl-istess nifs iħallsu anqas lill-ħaddiema barranin mbeżża'. Il-każ tal-Fortina, fejn numru kbir ta' ħaddiema Torok ilhom ma jitħallsu x-xhur, mhux biss jikxef l-iskjavitù uman li fih jaħdmu miljuni ta' ħaddiema madwar id-dinja, iżda jiżvela wkoll il-kompliċità tal-istat meta dawn il-ħaddiema jitħallew f'limbu ġuridiku. Fil-ġurisdizzjoni nazzjonali, l-istat karċerarju ma jaġixxix waħdu fil-konfront tal-ħaddiema barranin ifittxu x-xogħol; għandu bżonn l-għajnuna ta' parti mis-soċjeta` ċivili medjatika li tmexxi l-mibegħda u l-intimidazzjoni permezz tal-vokabularju vast ta' identitajiet etniċi, razzjali, reliġjużi, eċċ. F'din il-kultura tal-fruntiera, anki l-ilsien jgħodd, eżempju l-għażla bejn 'illegali' u 'irregolari'. Kwistjoni ta' diskors dominanti, ikkulurit minn aġġettivi li jingħataw dawn il-ħaddiema (suwed, imsieken, ecc). Ir-retorika tad-diskriminazzjoni, imbierka mill-istat, kienet suċċess. Ikkonvinċiet lill-ħaddiema fil-Punent jeħduha kontra ħaddiema 'regolari' minn barra. Din wasslet sabiex il-prinċipju dwar il-mobbiltà ħielsa tal-persuni fl-Unjoni Ewropea, il-pilastru taż-Żona Schengen, sar dritt li japplika biss għal dawk b'passaport nazzjonali fl-Unjoni, u mhux għal dawk li huma ħaddiema barranin, legalment residenti f'wieħed mill-istati membri. In-numru ta' dawn il-ħaddiema mhuwiex żgħir, u għalkemm jaħdmu bħal u forsi aktar minn ħaddieħor, mhumiex protetti l-istess. Konklużjoni Il-prijorità tal-istat neoliberali hija l-libertà tal-moviment tal-materjal, tal-prodotti u tal-produzzjoni. Dan jeħtieg isir bl-irħas mod possibbli, bl-anqas xkiel statali u ndustrijali u bl-akbar profitt. Il-ħaddiema jibqgħu sekondarji f'din il-loġika. Sadattant, il-libertà tibqa' relattiva sakemm il-ħaddiema ma jsibux il-ġustizzja u l-wens ta' stat li jimpurtah mill-ħaddiema kollha. | [
12
] |
Aquarius mill-20 ta' Jannar sat-18 ta' Frar Iż-żodjaku għalik Aquarius ser ikun mument aktar stabbli minn dak li int kont qed tesperjenza dan l-aħħar. Għalhekk aħtaf din l-oppurtunita' sabiex tagħraf timxi aktar b'determinazzjoni. Dan huwa perjodu fejn int issa tista' twessa' aktar l-abbilita' tiegħek, tibżax minn dak li riesaq lejk. L-aktar jum ideali għalik għal din il-ġimgħa huwa l-Ġimgħa. Id-dati ideali għal din il-ġimgħa huma: 29, 1, 3 u 4. L-istilla kombinata miegħek ġejja minn Scorpio. Namaste Pisces mid-19 ta' Frar sal-20 ta' Marzu Iż-żodjaku għalik Pisces ser jagħmlek tagħraf aktar il-bżonnjiet personali li int għandek u trid tibda' twettaq. Għalhekk ikun tajjeb li f'dan iż-żmien iddur dawra madwarek sabiex tagħraf aktar kif tista' tibbilanċja aktar it-tqassim ta' madwarek u fl-istess ħin tħares lejn aktar stabbilta'. L-aktar jum ideali għalik għal din il-ġimgħa huwa t-Tnejn. Id-dati ideali għal din il-ġimgħa huma: 28, 30, 1 u 3. L-istilla kombinata miegħek ġejja minn Taurus. Namaste Aries mill-21 ta' Marzu sad-19 ta' April Iż-żodjaku għalik Aries ser jagħmlek tirrifletti u tkun aktar attent ta' kif tagħraf tiddeċiedi xi deċiżjonijiet li resqin lejk. Dan huwa perjodu delikat għalik u din is-sitwazzjoni taf ukoll toħloq ċertu tensjoni fik. Għalhekk int trid tagħraf iżomm kemm tista' tkun kawt sabiex ma tagħmilx diċeżjonijiet magħaġġla. L-aktar jum ideali għalik għal din il-ġimgħa huwa s-Sibt. Id-dati ideali għal din il-ġimgħa huma: 29, 30, 2 u 4. L-istilla kombinata miegħek ġejja minn Leo. Namaste Taurus mill-20 ta' April sal-20 ta' Mejju Iż-żodjaku għalik Taurus ser ikun mument li jagħmlek xi ftit imfixxkel bejn dak li kellek fil-passat u dak li int fil-preżent. Dawn huma fażjiet ta' riflessjoni li jafu joħolqu fik ftit ta' konfużjioni. Għalhekk int għandek biss tiffoka fuq dak li għaddej minnu fil-preżent sabiex tkompli tissaħħah aktar. L-aktar jum ideali għalik għal din il-ġimgħa huwa l-Ħamis. Id-dati ideali għal din il-ġimgħa huma: 28, 29, 1 u 3. L-istilla kombinata miegħek ġejja minn Cancer. Namaste Gemini mill-21 ta' Mejju sal-20 ta' Ġunju Iż-żodjaku għalik Gemini ser ikun mument ta' aktar riflessjoni mis-soltu. Dan jaf ikollu xi effeti għal mod kif ser tkun tiddeċiedi dwar deċiżjonijiet li hemm resqin lejk, iżda jekk int tagħraf din il-gwida li qed taqra, dan il-mument jgħaddi aktar malajr milli taħseb. Għalhekk agħraf iżjed u emmen aktar fik innifsek. L-aktar jum ideali għalik għal din il-ġimgħa huwa l-Erbgħa. Id-dati ideali għal din il-ġimgħa huma: 28, 30, 3 u 4. L-istilla kombinata miegħek ġejja minn Sagittarius. Namaste Cancer mill-21 ta' Ġunju sat-22 ta' Lulju Iż-żodjaku għalik Cancer ser ikun mument ta' aktar opportunitajiet li resqin lejk fil-ġimgħat li ġejjin. Int trid tkun aktar fiduċjuz u trid temmen aktar fik inifsek. Din hija fażi fejn int tagħraf aktar il-kontroll tiegħek innifsek sabiex b'hekk titkattar aktar l-istabilta' ta' madwarek. L-aktar jum ideali għalik għal din il-ġimgħa huwa s-Sibt. Id-dati ideali għal din il-ġimgħa huma: 29, 30, 2 u 4. L-istilla kombinata miegħek ġejja minn Gemini. Namaste Leo mit-23 ta' Lulju sat-22 ta' Awwissu Iż-żodjaku għalik Leo ser jagħmlek toqgħod ftit aktar attent lejn dak li forsi s-soltu ma kontx tagħtih l-importanza mixtieqa. Trid tagħraf li int qiegħed f'fażi ta' ċertu tibdil li minħabba f'hekk trid toqgħod ftit aktar attent kif ser twettaq dan it-tibdil li riesaq lejk sabiex tkun tista' issaħħaħ il-madwar tiegħek. L-aktar jum ideali għalik għal din il-ġimgħa huwa l-Erbgħa Id-dati ideali għal din il-ġimgħa huma: 28, 30, 1 u 3. L-istilla kombinata miegħek ġejja minn Libra. Namaste Virgo mit-23 ta' Awwissu sat-22 ta'Settembru Iż-żodjaku għalik Virgo ser ikun ifisser li trid isaħħaħ xi deċiżjonijiet li hemm bżonn jittieħdu. Aktar minn qabel, minn issa l-quddiem, ser ikun hemm bżonn ta' aktar konċentrazzjoni sabiex dak kollu li ser tiddeċiedi, ser ikun biss dak li huwa verament ideali għalik. L-aktar jum ideali għalik għal din il-ġimgħa huwa l-Ġimgħa. Id-dati ideali għal din il-ġimgħa huma: 29, 30, 3 u 4. L-istilla kombinata miegħek ġejja minn Capricorn. Namaste Libra mit-23 ta' Settembru sat-22 ta' Ottubru Iż-żodjaku għalik Libra ser ifisser mument sabiex tagħraf aktar timxi b'moħħok, b'hekk int tkun tista' timxi b'aktar abbilita' rigward xi deċiżjonijiet li trid tagħraf tieħu. Jekk int jirnexxielek tagħmel dan ser tagħraf kemm hi kbira l-kapaċita' tieghek, għalhekk għaraf kun aktar fiduċjuz fik innifsek. L-aktar jum ideali għalik għal din il-ġimgħa huwa t-Tnejn. Id-dati ideali għal din il-ġimgħa huma: 28, 29, 1 u 3. L-istilla kombinata miegħek ġejja minn Virgo. Namaste Scorpio mill-23 ta' Ottubru sal-21 ta' Novembru Iż-żodjaku għalik Scorpio huwa dak il-mument li ser jinfethulek aktar toroq ta' opportunatijiet fil-karriera tiegħek, pero' bħal issa l-aktar li qed tispikka hija d-deciżjoni dwar bidla personali li qegħda tħassbek xi ftit. Taqtax qalbek. Wettaq din il -bidla meħtiega sabiex b'hekk int tkompli tkun pożittiv. L-aktar jum ideali għalik għal din il-ġimgħa huwa l-Ħamis. Id-dati ideali għal din il-ġimgħa huma: 29, 30, 2 u 4. L-istilla kombinata miegħek ġejja minn Pisces. Namaste Sagittarius mit-22 ta' Novembru sal-21 ta' Diċembru Iż-żodjaku għalik Sagittarius ser iffiser li ser tiċċaqlaq aktar lejn l-istabbilta' ta' dak li int tant ilek tiffoka fuqu. Issa int ser tkun iffokat iżjed fuq il-madwar tiegħek aktar mis-soltu. Dan ser jawgura tajjeb sabiex dak li int tant tixtieq jibda jagħtik is-sodisfazzjon tant meħtieġ, pero' agħraf żomm bilanċ. L-aktar jum ideali għalik għal din il-ġimgħa huwa t-Tlieta. Id-dati ideali għal din il-ġimgħa huma: 28, 1, 3 u 4. L-istilla kombinata miegħek ġejja minn Aquarius. Namaste Capricorn mit-22 ta' Diċembru sad-19 ta' Jannar Iż-żodjaku għalik Capricorn ser jagħmlek tagħraf aktar l-abbilta' tiegħek sabiex ma toqgħodx timxi aktar fuq il-pariri ta' ħaddieħor. Li tieħu parir ikun dejjem utli imma minn hemm il-quddiem għandek tkun b'saħħtek iżejd sabiex tasal għal konklużjonijiet fuq dak li tħoss gewwa fik. Wasal iż-żmien li taqdef għal rasek. L-aktar jum ideali għalik għal din il-ġimgħa huwa t-Tlieta. Id-dati ideali għal din il-ġimgħa huma: 28, 30, 2 u 3. L-istilla kombinata miegħek ġejja minn Aries. Namaste | [
2
] |
Il-Baħar Mediterran, minkejja li huwa parti żgħira mill-oċeani tad-dinja, huwa abitat minn firxa wiesgħa ta' pjanti u annimali. Baħar li jilqa' madwar 17,000 speċi, li jirrappreżentaw bejn 4 u 18% tal-biodiversità tal-baħar tad-dinja. Huwa stmat li bejn 20 u 30% tal-ispeċi fil-Mediterran huma kkunsidrati endemiċi għall-baħar Mediterran. Qed insemmi dan fid-dawl li l-Kummissjoni Ewropea adottat strateġija dwar il-biodiversità għas-sena 2030 u pjan ta' azzjoni assoċjat magħha. Din l-istrateġija għandha l-għan li tkun ibbażata fuq pjan fit-tul biex tkun protetta n-natura u titwaqqaf il-qerda tal-ekosistemi madwar l-Ewropa, filwaqt li tonqos il-ħsara li qed issir lill-biodiversità. Bħala parti minn dan il-pjan, iridu niffukaw b'mod partikolari fuq l-oċeani. L-attivitajiet tal-bniedem, bħall-ħruq ta' fossil fuels u żjut, qed jippumpjaw gassijiet bħas-CO2 fl-atmosfera b'rata ħafna aktar mgħaġġla mill-proċess naturali. Dan kollu joħloq problema, għaliex hekk kif il-konċentrazzjoni ta' CO2 tiżdied, din tiġbed lejha aktar sħana tax-xemx, li hija waħda mir-raġunijiet għalfejn it-temperaturi globali medji telgħu matul l-aħħar deċennji. Hawn tidħol l-importanza tal-oċeani, li jassorbu madwar kwart tas-CO2 kollu li jkun iġġenerat mill-attivitajiet tal-bniedem. Ma nistgħux minn naħa waħda nitfgħu aktar CO2 fl-arja, u minn naħa l-oħra ma nagħtux lill-ibħra u l-oċeani tagħna l-importanza li jistħoqilhom. Qed nisħaq fuq il-ħarsien tal-Mediterran għaliex dak li qed nesperjenzaw illum-il ġurnata huwa fenomenu li qed idgħajjef ir-rwol tal-oċeani u l-ibħra. Dawk li jissejħu 'carbon sinks' li huma depożiti naturali li jassorbu u jaħżnu l-karbonju mill-atmosfera qed jonqsu flok jiżdiedu. Riżultat ieħor ta' dan il-fenomenu inkwetanti hu li l-baħar qed isir iktar aċiduż, fattur li jaffetwa ħażin lill-organiżmi u l-ħajja fil-baħar. Huwa fenomenu li riesaq dejjem aktar lejn ir-reġjun tagħna, b'diversi studji juru li l-baħar Mediterran diġa' għandu ammont inkwetanti ta' aċtu fih, speċjalment fin-naħa tal-Punent. Permezz tal-istrateġija Ewropea dwar il-biodiversità, il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi miri, marbuta b'obbligi legali, li għandhom iwasslu għal titjib fil-biodiversità, u dan huwa pass pożittiv 'l quddiem. Minn naħa tiegħi qed ninsisti li għandna nitfgħu ħarsitna fuq l-oċeani u aktar u aktar għandna niftgħu ħarsitna fuq il-baħar Mediterran. Diġa' nafu li l-Mediterran huwa suxxettibbli għal diversi pressjonijiet, ewlenin fosthom l-attività tal-bniedem, li qed tikkontribwixxi għal fatturi bħat-tibdil fil-klima u invażjonijiet bioloġiċi. Fil-kumitat Ewropew għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sigurtà fl-Ikel (ENVI), qed ninsisti biex tittieħed azzjoni leġiżlattiva biex jonqos l-ammont ta' diossidju tal-karbonju mill-oċeani, sabiex nwaqqfu aktar aċidifikazzjoni u nħallu lill-oċeani jibqgħu jservu ta' reċipjenti naturali tad-diossidju tal-karbonju. Irridu wkoll pjanijiet li jirribattu l-effetti tal-aċidifikazzjoni li qed jagħmlu ħsara lilll-ħajja marittima u l-biodiversità fl-ibħra li jdawwru l-gżejjer Maltin. Dan jista' jsir billi ntejbu l-prattiċi agrikoli fir-reġjun tal-Mediterran. Irridu nħaddmu prattiċi tajba, u nsibu mezzi kif inħeġġu t-tkabbir ta' prodotti indiġeni madwar din iz-zona. Irridu naħdmu kontra d-diforestazzjoni u naħdmu favur ir-rifforestazzjoni ta' zoni li diġa' ġew mittiefsa. Dan minbarra passi ovvji li jipproteġu l-ibħra, ċioe li naraw li l-attivitajiet kollha marittimi ma jikkaġunawx ħsara irreparabbli jew bla proporzjon lill-baħar Mediterran. Qed naħdem biex il-Kummissjoni Ewropea tiżgura li l-iStati Membri kollha jkollhom leġiżlazzjoni stretta u inforzabbli sabiex jkunu protetti l-oċeani. L-istrateġija tinkludi impenji u azzjonijiet speċifiċi li għandhom iseħħu sal-2030, inkluż it-twaqqif ta' network ikbar ta' żoni protetti fl-Unjoni Ewropea fuq l-art u fuq il-baħar, li jkompli jibni fuq żoni ta' Natura 2000 eżistenti, bi protezzjoni stretta għal dawk iż-żoni fejn hemm bijodiversità għolja u ta' valur klimatiku. Madanakollu, irridu nkunu aktar speċifiċi u naħsbu b'mod partikolari fil-Mediterran, wieħed mill-aktar ekosistemi tal-baħar kumplessi. Bħala parti kruċjali mill-European Green Deal, l-istrateġija dwar il-biodiversità għandha tiggwida lis-soċjetà lejn irkupru ambjentali wara l-pandemija. B'mod partikolari f'kuntest post-COVID, importanti li nilħqu bilanċ bejn l-attività li nagħmlu u n-natura li ddawwarna. B'emissjonijiet tal-karbonju deħlin fl-atmosfera tagħna aktar milli joħorġu, li jintlaħaq bilanċ fl-ammont ta' karbonju tidher aktar diffiċli minn qatt qabel, sakemm ma nieħdux azzjoni immedjata. Nibqa' kommessa li naħdem biex nipproteġu l-baħar ta' madwarna, għaliex huwa parti mill-patrimonju li rridu ngħaddu lil uliedna, patrimonju imprezzabbli li fuqu tiddependi saħansittra saħħitna. | [
11,
12
] |
Il-ġimgħa li għaddiet kien waħda twila u bdejna mit-Tnejn meta wara stennija twila Keith Schembri tela' jixhed fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech biex fi kliemu, fl-aħħar "joħroġ il-verità." Iżda x-xhieda tiegħu ħolqot aktar inċertezza. L-eks Chief of Staff ta' Kastilja bażikament ċaħad dak kollu li ntqal dwaru sa issa. Iżda mhux hekk biss. Għamel ukoll allegazzjonijiet fuq diversi persuni, fosthom fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia. Iżda min gideb? Melvin Theuma jew Keith Schembri? Min għandu raġun? Adrian Delia jew Keith Schembri? Yorgen Fenech kien qed jgħid il-verità jew lagħab logħba b'Melvin Theuma u Keith Schembri? Bagħtu għalih jew mar minn jheddu f'Kastilja L-intermedjarju li għandu l-protezzjoni tal-istat, Melvin Theuma, kien xehed li qabel seħħ l-assassinju, Yorgen Fenech kien qallu li se jirċievi telefonata minn Kastilja, mingħand Sandro Craus, biex jiltaqa' ma' Keith Schembri. Schembri insista li jinsab konvint li ħadd ma bagħat għal Theuma. Fi kliemu, Theuma mar minn jheddu għandu biex jitolbu xogħol. Insista li l-laqgħa ma damitx, Theuma ried ritratt miegħu u wara Schembri għadda d-dettalji tiegħu lill-customer care. Fi kliemu, ma kellu l-ebda idea jekk Theuma ngħatax impjieg. Dan kollu seħħ sitt xhur qabel l-assassinju ta' Caruana Galizia. Insista li fl-uffiċċju tiegħu kien hemm "open-door policy" u bħal ta' Theuma kien jirċievi mal-ħames żjajar kuljum. Schembri saħaq li ltaqa' ma' Theuma darbtejn. Din id-darba f'Kastilja u darba oħra fil-farmhouse ta' Fenech, li ddeskrivih bħala ħabib kbir tiegħu. Craus kien ukoll tkellem mal-gazzetta ILLUM u kien insista li "qatt, qatt u qatt" ma għamel pressjoni biex Theuma jingħata xi xogħol mill-Gvern. "Deffsuli ismi f'din l-istorja. Irrabjat, imdejjaq u nħossni użat," kien saħaq Craus. Min qed jigdeb Yorgen u Keith jew Delia u Portelli Meta kien qed jixhed dwar kemm nies kienu jmorru għand Fenech għall-ikel, insista li "ħaddieħor fil-politika li jridha tad-dritt kien imur għandu jiekol u jixrob u jitolbu l-flus." Hawn Schembri kompla ma' dak li xehed jiem qabel Melvin Theuma dejjem skont dak li qalilhom Yorgen Fenech. Schembri qal li Adrian Delia kien mar għand Yorgen Fenech u talbu €50,000 biex jintużaw kontra l-elezzjoni ta' David Casa għall-Parlament Ewropew. Skont Schembri, kien Pierre Portelli, l-eks Kap Eżekuttiv tal-midja tal-Partit Nazzjonaliosta, li kien imur jiġbor il-flus. Insista li Portelli ġieli għamel sigħat jistenna fir-reception ta' Portomaso biex jiġbor il-flus. Kemm Delia u anke Portelli ċaħdu dawn l-allegazzjonijiet u t-tnejn li huma għamlu affidavit ġuramentat. Dwar din l-allegazzjoni serja ħafna infetħet inkjesta maġisterjali. Ħaġa ċerta: Keith Schembri kien ilu sentejn jigdeb dwar 17 Black Ma setax jonqos li waqt ix-xhieda Keith Schembri kien mistoqsi dwar il-kumpanija 17 Black imniżżla bħala 'target client' tal-kumpanija tiegħu u tal-eks Ministru Konrad Mizzi fil-Panama. Keith Schembri kienu ilu sentejn jevita l-mistoqsijiet tal-ġurnalisti dwar jekk kienx jaf li l-kumpanija 17 Black hija ta' Yorgen Fenech. Iżda fix-xhieda tiegħu ammetta li kien jaf minn dejjem li din il-kumpanija kienet ta' Fenech. Huwa ammetta taħt ġurament li 17 Black kienet target client tal-kumpanija tiegħu fil-Panama hekk kif il-pjan tiegħu kien li wara li jitlaq mill-politika, ikun involut f'negozju ma' Yorgen Fenech. Fi kliemu, kien meqjus "prestiġju" li wieħed ikollu negozju ma' Yorgen Fenech. Kellu jew ma kellux x'jaqsam mal-ħelsien mill-arrest? Fir-recordings ta' Melvin Theuma, Keith Schembri jissemma b'rabta mal-ħelsien mill-arrest tal-aħwa Degiorgio. "Ma għandi l-ebda konnessjoni ma' affarijiet bħal dawn. Smajt ir-recordings meta kont fil-lockup ... Meta għafastu lil Melvin Theuma għaliex semma lil Keith Schembri, huwa qalilkom li ried iniggeż lil Fenech. Jiena qatt ma tkellimt dwar ħelsien mill-arrest ta' xi ħadd," insista. Schembri ċaħad ukoll li kien iltaqa' mal-eks Imħallef Antonio Mizzi dwar il-kwistjoni tal-bail, kif kien allegat. Għadda informazzjoni lil Fenech? Kien jaf li hu involut? Tul ix-xhieda tiegħu, għal diversi drabi, Melvin Theuma qal li kien Keith Schembri li kien qed jgħaddi l-informazzjoni dwar l-investigazzjoni lil Yorgen Fenech. Dan awtomatikament ifisser li Schembri kien jaf li Fenech kien ordna l-qtil ta' Caruana Galizia. Schembri insista: "Hu qatt ma qalli li wettaq l-omiċidju." Fi kliemu, qatt ma tkellem dwar il-każ ma' Yorgen Fenech u sar jaf biss mil-laqgħat f'Kastilja tal-Ispettur Keith Arnaud. Insista wkoll li mhux dejjem kien ikun preżenti. Fost oħrajn qal li ma kienx preżenti meta kienet diskussa t-talba għall-ħelsien mill-arrest ta' Vince Muscat u ġieli ntalab joħroġ ukoll mil-laqgħat. "Vera li nidħol fin-nar għal Yorgen Fenech iżda qatt ma tkellimt miegħu dwar dan il-każ ... kien ikolli nibqa' serju u nippretendi li ma nafx," insista Schembri waqt li ċaħad li għadda informazzjoni dwar ir-rejds. Il-ħmar iweħħel f'denbu? Min għadda l-ittra lil Yorgen Fenech L-Ispettur Keith Arnaud staqsih ukoll dwar l-ittra li waslet għand Fenech u li kienet tagħtih struzzjonijiet biex jitfa' l-ħtija fuq Chris Cardona. It-tabib Adrian Vella, it-tabib komuni bejn Schembri u Fenech kien ammetta mal-Pulizija li kien hu li wassal l-ittra u li kien Keith Schembri li talbu jagħmel dan. Dak iż-żmien, Yorgen Fenech kien jinsab ufuq police bail. Schembri ċaħad dan kategorikament. "Vella ma ħa l-ebda dokument mingħandi." Ma gidibx ... Joseph Muscat tah raġun Keith Schembri xehed li kien il-Prim Ministru Joseph Muscat li lejlet l-arrest ta' Fenech kien talbu jiżgura li dan ma jitaqx mill-pajjiż. Skont Schembri, Muscat talbu jċempel lil Fenech u hu hekk għamel. Skont Schembri għamel 20 minuta jipprova jikkonvinċih jibqa' Malta anke jekk Fenech kien qallu li sejjer Sqallija għal xi xogħlijiet fuq il-jott. Joseph Muscat ammetta li talab lil Schembri biex jiżgura li Yorgen Fenech ma jitlaqx minn Malta F'kummenti mat-Times of Malta, wara x-xhieda ta' Keith Schembri li żvela din l-informazzjoni, Muscat ammetta li ċempel lil Schembri u qallu: "kun ċert li ma jitlaqx minn Malta." Fit-tweġiba tiegħu Muscat qal li ma kienx jaf li Schembri ċempel lil Fenech. U l-famuż 'Kenneth' minn Kastilja? Skont Melvin Theuma, Kenneth Camilleri, wieħed mill-istaff ta' Schembri u eks uffiċjal tas-sigurta ta' Joseph Muscat kien iddiskuta miegħu it-termini dwar il-ħelsien mill-arrest tat-tlett irġiel akkużati bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia. Kien Camilleri li skont Theuma qallu li t-tlett irġiel kellhom jieħdu miljun ewro kull wieħed wara li jingħataw il-ħelsien mill-arrest. Theuma kien allega, jew wasal hu għall-konklużjoni, li kien Schembri li qed jibgħat lil Camilleri anke jekk dan qatt ma kkonfermalu. Min-naħa tiegħu, Schembri kkonferma biss li Camilleri kien wieħed mill-istaff tiegħu. Fi kliemu kemm kien jgħidlu "hello u ċaw." "Żgur li le. Qatt ma tkellimt ma' Kenneth fuq il-bail," insista Schembri. Il-verżjoni ta' "Kenneth minn Kastilja" ma nistgħux insiru nafuha għax għażel li ma jixhidx meta l-Qorti wissietu li dak li jgħid jista' jintuża kontrih jew saħanista jinkriminah. | [
12
] |
Għar-raba' ġurnata konsekuttiva, Malta ma rreġistrat l-ebda każ ġdid ta' COVID-19. Fl-aħħar 24 siegħa saru 567 test. Persuna oħra fieqet biex issa l-għadd tal-każi attivi niżel għal 21. 'Ejja ma nitilfux dak li ksibna ... nilbsu l-maskri u l-visors' - Il-MAM tappella lejlet il-ftuħ tal-ajruport | [
12
] |
Il-Pulizija kkonfermaw mas-sit illum.com.mt illi għaddejja tfittxija għal numru ta' immigranti li ħarbu miċ-ċentru ta' detenzjoni f'Ħal Safi. Għadu mhux ċar, lanqas mal-Pulizija, kemm hemm immigranti li ħarbu għalkemm sorsi qalu li huma aktar minn 10 persuni. (Iktar informazzjoni malli taslilna) | [
12
] |
Il-ħajja tista' tgħid li ġiet lura għan-normal iżda huwa fatt magħruf li l-Belt Valletta għadha ma ħaditx ruħ minn wara l-pandemija. Biex malajr kemm jista' jkun il-Belt terġa' timtela' bil-ħajja, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta (VCA) ħabbret programm ta' attivitajiet li l-għan tiegħu huwa li jattira kemm jista' jkun nies lejn il-Kapitali. "Għalija kienet ovvja li l-Belt kienet se tkun l-aktar milquta mill-aspetti kollha għax il-miżuri kienu jfissru li l-qalb kulturali tal-Belt kienet se tieqaf ħesrem. Anke wara li l-Gvern irilaxxa l-miżuri, kien hemm sinjal li jekk mhux se nagħtu attenzjoni partikolari lill-Belt, il-Kapitali kienet se taqa' lura u ddum aktar ma tirpilja minn postijiet oħra," insista iċ-Chairperson tal-VCA, Jason Micallef, f'kummenti mal-gazzetta ILLUM. Kien għalhekk li nħasset il-ħtieġa li jkun hemm pjan li jagħti spinta lill-aspett ekonomiku, kulturali u soċjali lill-Belt. "Ridna ngħinu lis-settur privat li investa fil-Belt Valletta, lill-Gvern li investa bi kbir fi spazji pubbliċi u mużewijiet u anke nattiraw lin-nies lejn il-Belt u jdawru r-rota taċ-ċentru kummerċjali tagħha," saħaq Micallef. Fakkar kif sa ftit tax-xhur ilu, il-Belt Valletta kienet saret l-għażla naturali tal-Maltin biex jiddevertu, jieklu u jixtru. "Il-COVID ta daqqa lill-Belt. Imma konnha proattivi waqt li kien hawn il-miżuri. Tkellimt mal-Prim Ministru u kien kuntent ħafna u għeni bi kbir. Ħejjejna pjan ta' €750,000 għall-Belt Valletta" spjega Micallef waqt li insista li dan qed isir ma' diversi awtoritajiet u entitajiet tal-Gvern u anke għaqdiet kulturali u soċjali tal-Belt. Hekk għat-tliet xhur li ġejjin, mill-1 ta' Lulju, se jidħol fis-seħħ pjan ta' stimolu għall-Belt Valletta. X'jinkludi l-pjan? Fost dawn, it-trasport bil-baħar lejn il-Belt Valletta se jkun b'xejn mis-6pm sa nofsilejl għax-xahrejn li ġejjin, il-mużewijiet kollha tal-Gvern se jkunu miftuħa bla ħlas matul Lulju, l-istess se jiġri fil-mużewijiet li jaqgħu taħt il-Fondazzjoni Wirt Artna u matul il-ġimgħa se jkun hemm medja ta' tliet attivitajiet organizzati mill-VCA. Dan apparti li għat-tliet xhur tas-sajf, il-ħlas biex wieħed jidħol u jipparkja l-Belt (CVA) se jkun maħfur u għall-istess perjodu r-ristoranti u l-barijiet mhux se jħallsu għall-permessi tal-imwejjed u s-siġġijiet. Fi kliemu, il-komunità kummerċjali kollha tal-Belt Valletta u anke dawk fis-settur turistiku laqgħu tajjeb immens dan il-pjan. Il-Belt Valletta hija sabiħa minnha nnifisha iżda mlibbsa hija ħafna aktar. X'hemm isbaħ mil-libsa tal-festa? Apparti l-attivitajiet, għat-tliet xhur li ġejjin, l-erba' festi tal-Belt Valletta ngħaqdu u se jkunu qed jalternaw biex il-Belt Valletta tilbes il-libsa tal-festa. "Mhux qed ngħidu se nagħmlu l-festa tradizzjonali. Iżda l-Belt se tkun imżejna bil-fustumi, il-liedna, il-bandalori u l-pavaljuni. Dak il-kulur, din il-libsa, se tkun iżżejjen il-Belt għal tliet xhur sħaħ," spjega Micallef. 'Ċert li dan pjan li se jirnexxi' Fi kliem Micallef, l-Aġenzija temmen li dan il-pakkett kollu se jkun qed jagħti "spinta immedjata" lill-Belt Valletta. "Pożittivi ħafna ... nemmnu li dan il-pjan se jirnexxi." Ta' min isemmi li apparti l-istimolu lin-negozji fil-Belt, dan il-pakkett se jkun qed jgħin ukoll diversi għaqdiet Beltin li anke huma kienu affettwati ħażin minħabba l-pandemija, fosthom dawk li jorganizzaw il-festi. "Nemmnu fil-komunità tal-Belt u nemmnu li għandna nagħtu inċentivi u ngħinu finanzjarjament lill-għaqdiet tal-Belt b'mod partikolari dawk li jorganizzaw il-festi. Għalhekk dan huwa pjan li jgħin ukoll lill-Beltin u lill-għaqdiet tagħhom li wkoll qalgħu d-daqqa tagħhom. Nemmnu fl-involviment tan-nies tal-Belt għal dan il-pjan għall-Belt Valletta," insista Micallef. '20,000 turist sal-20 ta' Lulju ... il-maġġoranza se jidħlu l-Belt' Imma għax iddendel erba' pavaljuni se jiġu n-nies? Jemmnu li dan il-pjan se jaħdem anke meta wieħed mhux jistenna influss qawwi ta' turisti? Micallef insista li n-nies se jirritornaw il-Belt għax hemm pakkett ħolistiku mit-Tnejn sal-Ħadd. "Nemmnu li rridu nagħmlu dan l-isforz biex inqarrbu l-kultura lejn in-nies anke permezz ta' mużewijiet li ma tantx ilhom miftuħa, fosthom Muża. Nemmnu li permezz ta' dan il-pjan se ngħinu biex dan il-mużew ikun aktar popolari. Dan il-pjan jolqot xi ħaġa għall-gost ta' kulħadd. Din il-ġimgħa kellna c-Cinema City. Huwa suċċess kbir. Kellna mal-500 ruħ kull ġurnata," insista Micallef. Kien hawn liċ-Chairperson tal-VCA saħaq li mill-indikazzjonijiet li waslu għandu waqt laqgħat mal-MTA, qed ikun imbassar li fl-ewwel 20 ġurnata ta' Lulju sa jaslu Malta mal-20,000 turist bl-ajru. "L-istatistika turi li 82% tat-turisti li jiġu Malta jidħlu l-Belt. Aħna rridu nkunu lesti li meta jiftaħ l-Ajruport u jaslu l-ewwel cruiseliners f'Awwissu anke t-turisti jgawdu mill-attivitajiet li se jkollna fil-Belt." B'rabta ma' dan, Micallef saħaq li ftit ftit qed jiżdiedu wkoll il-bookings fl-akkomodazzjonijiet turistiċi fil-Belt. "Xejn ma jsir b'kumbinazzjoni. L-aħbar tagħna nltaqgħet tajjeb ħafna mill-pubbliku. Mill-esperjenza naf li kull meta organizzajna attività, in-nies ġew. Il-Belt hija ġojjell u kumplimentari magħha hija l-organizzazzjoni tajba tal-attivitajiet. Ċert li dan pjan li se jirnexxi," insista. Apparti l-attivitajiet tal-VCA, Micallef fakkar li hemm attivitajiet oħra li se jkunu organizzati minn Pjazza Teatru Rjal, Festivals Malta, Teatru Manoel u oħrajn. Bla dubju, l-akbar attività li se tkun qed tittella' f'dawn ix-xhur, hija l-Valletta Pageant of The Seas, spettakklu fil-Port il-Kbir nhar is-16 ta' Awwissu. Staqsejna lil Micallef jekk jaqbilx dwar il-proposta tas-Sindku Alfred Zammit li jkun hemm ġurnata late-night shopping fil-Belt. "Jiena nappella lil tal-ħwienet biex jagħmlu hekk. Anke l-attivitajiet tagħna jibdew u jispiċċaw tard. Filwaqt li nifhem l-ispejjeż tagħhom, naħseb li huwa fl-interess tal-ħwienet li jiftħu," temm Micallef. | [
12
] |
Hekk kif l-Ajruport se jkun qed jerġa' jiftaħ il-bibien tiegħu għada u hekk kif mil-lejla se jispiċċaw tista' tgħid il-miżuri kollha ta' restrizzjoni li daħlu fis-seħħ fl-aħħar ġimgħat, il-unjin tat-tobba (MAM) qed tħeġġeġ lill-pubbliku biex jibqa' attent u jsegwi l-miżuri ta' prekawzjoni li l-għan tagħhom huwa li jnaqqas it-tixrid tal-COVID-19. Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-President tal-MAM, Martin Balzan saħaq li anke jekk il-ftuħ tal-ajruport huwa neċessarju għall-ekonomija, it-turisit jista' jkun li se jżidu r-riskju għat-tixrid tal-virus. Kien għalhekk li l-MAM qed tappella biex kulħadd jibqa' jilbes il-maskri u l-visors u anke jibqgħu jsegwu l-prinċipju tal-iġjene billi jaħslu idejhom ta' spiss fost oħrajn. Anke jekk il-Gvern mhux se jibqa' jinforza d-distanza soċjali, il-MAM appellat biex il-pubbliku jibqa' jirrispetta din il-miżura. "L-ajruport se jkun qed jiftaħ għada – aħna nafu li l-ekonomija tiddependi ħafna mit-turiżmu u ma naffordjawx għalhekk li nħalluh magħluq," saħaq Balzan. Huwa rrikonoxxa li s-sitwazzjoni f'Malta hija tajba ħafna u l-virus qed jinżamm taħt kontroll. Kien hawn li rringrazzja lill-pubbliku li dejjem ikkopera mal-awtoritajiet tas-saħħa. Irrikonoxxa wkoll kif minkejja l-biża' li kien hawn, il-ftuħ tal-hairdressers u anke r-ristoranti ma żidux il-każi. Madanakollu insista li fil-każ tal-barijiet id-distanza soċjali mhux dejjem kienet qed tkun irrispettata. Insista li sakemm jinstab vaċċin, il-virus se jibqa' sfida għad-dinja u propju għalhekk li appella biex kulħadd jibqa' jipproteġi lilu nnifsu u lil ta' madwaru. "Issa li se jkollna riskju ġdid, huwa importanti li ma nżidux riskju ieħor bl-imġieba tagħna," insista Balzan. Fakkar li jekk jinstab imqar każ wieħed f'lukanda jew fi stabbiliment dan se jkollu jagħlaq temporanjament. "Dan ifisser nuqqas ta' negozju." "Il-messaġġ tagħna huwa dan: Ejja ma nitilfux dak li ksibna fl-aħħar ġimgħar. Ejja nżidu l-attenzjoni tagħna," temm jappella Balzan. | [
12
] |
Joseph Muscat kien lest biex iħalli x-xena politika, f'dawn il-jiem minħabba - primarjament - raġunijiet relatati l-aktar max-xogħol privat li qed jagħmel f'konsulenzi, iżda l-Ksur ta' Privileġġ tefa' kollox taħt it-tapit għalissa hekk kif fil-Kumitat Parlamentari tal-Privileġġi se jkun qed jisma' xhieda dwar l-allegazzjoni tad-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi li l-eks PM seta' kien jaf illi Daphne Caruana Galizia se tinqatel u allura - fl-2017 - sejjaħ elezzjoni ġenerali. Nies madwar Muscat u fil-Partit Laburista u li tkellmu mal-ILLUM saħqu illi huma qalulu li meta hu aċċetta li jiftaħ dan il-privileġġ parlamentari kien qed jagħti spazju u opportunità lil Azzopardi biex ikompli "jagħmel xalata" u jiggrava s-sitwazzjoni għal Muscat innifsu b'aktar xhieda li tista' titfa' aktar dellijiet fuq ir-reputazzjoni tiegħu. "Tefa' l-lixka u hu bellagħha, biex issa - apparti l-Qorti - se jkollna pjattaforma oħra minn fejn Azzopardi jkompli jagħmel l-akkużi kontra Muscat. Din il-mossa - speċjalment hekk kif kien lest biex jidħol fid-dinja tax-xogħol privat - mhijiex tipika ta' Muscat," qalu dawk li tkellmu mal-ILLUM. Huma qalu li Muscat seta' xorta tkellem u uża l-istess forza u talbu jirrepeti l-kliem barra l-Parlament lid-Deputat tal-PN u waqaf hemm. Huma wrew il-konvinzjoni li Azzopardi ma kienx se jirrepeti l-istess allegazzjoni barra. Is-sorsi mill-Partit Laburista qalu illi kien hemm min wissa kontra ksur ta' privileġġ, anke jekk Muscat għandu dritt jiddefendi lilu nnifsu. Persuni li tkellmu ma' din il-gazzetta u li jafu l-proċedura Parlamentari tajjeb qalu illi biex Muscat u l-Gvern jevitaw proċess ieħor li jista' jkompli jimbarazzahom - li jgħidu illi hija intenzjoni ta' Azzopardi - hemm 'żewġ possibilitajiet: Jew Muscat iwaqqa' l-ksur ta' privileġġ, li hija probabbilità kbira li mhux se tiġri jew inkella li Muscat jibqa' għaddej bil-pjani tiegħu u jirriżenja. Minkejja li m'hemmx preċedent għal każ bħal dan, dawk li tkellmu mal-ILLUM qalu illi jista' jkun li l-Ispeaker tal-Kamra permezz ta' proċeduri jwaqqaf kollox, ladarba Muscat ma jkunx għadu Deputat. Muscat qed jistabilixxi lilu nnifsu f'xogħol ta' konsulenzi, b'uffiċċju għalih u allura negozju għalih. Minħabba li hu kien Prim Ministru, spjegaw is-sorsi, hu ma jixtieqx li jibqa' Deputat, primarjament għax ma jixtieqx li l-konsulenzi privati li qed jagħmel jispiċċaw taħt skrutinju parlamentari u b'hekk ikun jista' jidħol f'karriera fil-privat, b'mod komplet. X'ġara eżattament? Fil-Parlament id-Deputat Jason Azzopardi qal - dakinhar li rriżulta fil-Qorti li Yorgen Fenech kien jaf li kienet se tissejjaħ elezzjoni bikrija - illi Joseph Muscat ma sejjaħx elezzjoni bikrija minħabba Egrant imma jew għax kien jaf li Daphne Caruana Galizia kienet se tikxef informazzjoni dwar il-proġett tal-Wind Farm fil-Montenegro jew inkella għax kien jaf li se tinqatel u allura, allega, ma kienx jaqbillu jistenna għal elezzjoni. Muscat qal li dan huwa l-agħar każ ta' ksur ta' privileġġ u kalunja kontrih li ma setax jaċċetta. Azzopardi qal li mhu se jiritra l-ebda kliem u allura din l-allegazzjoni tinsab fi triqitha lejn il-Kumitat Parlamentari dwar il-Privileġġi. Azzopardi qal li hu se jsejjaħ diversi xhieda, fosthom indika li hemm xi ħadd li jinsab fil-Ħabs ta' Kordin, għal quddiem dan il-Kumitat. | [
12
] |
Hekk kif intemmet il-laqgħa bejn madwra 16-il Deputat Nazzjonalista, sorsi mill-Grupp Parlamentari li tkellmu mal-gazzetta ILLUM iddeskrivew il-laqgħa bħala "tajba ħafna," u saħqu li d-diskussjoni mistennija tkompli t-Tlieta. Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia u l-Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Parlament, David Agius, dehru deħlin fid-Dar Ċentrali ftit tal-ħin wara. Madanakollu, meta ħarġu d-Deputati, li ħadd minnhom ma kkummenta, Delia baqa' ma ħariġx sakemm telqu l-ġurnalisti. Mistoqsija jekk iddiskutewx il-pożizzjoni ta' Delia, is-sorsi li tkellmu mal-ILLUM saħqu; "nippreferu nistennew sa wara l-laqgħa tat-Tlieta." Aktar qabel Madwar 16-il Deputat tal-Partit Nazzjonalista qed jiltaqgħu bħalissa fid-Dar Ċentrali f'laqgħa li mhix uffiċjali u li ma ssejħitx mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia. - jista' jiżvela l-illum.com.mt. Il-laqgħa bdiet fis-6 pm u fost id-Deputati preżenti hemm Jason Azzopardi, David Thake, Beppe Fenech Adami kif ukoll Karol Aquilina u Chris Said. Sorsi qalu lil dan is-sit li Said, Azzopardi u Aquilina kienu d-deputati li organizzaw din il-laqgħa. Sorprendentement preżenti hemnm ukoll id-Deputat Nazzjonalista Hermann Schiavone - li kien meqjus bħala wieħed mill-aktar Deputati leali lejn Delia. Din il-laqgħa qed tiddiskuti it-triq 'il quddiem wara illi dalgħodu The Sunday Times of Malta ippubblikat storja illi tgħid li kien hemm kuntatt bejn Delia u Yorgen Fenech, meta kien diġa' magħruf li 17 Black kienet ta' Fenech. Kien dejjem Fenech li beda d-diskursata ma' Delia, rrappurtat il-gazzetta. F'messaġġ minnhom Fenech qal lil Delia li jiġri x'jiġri "aħna se nkunu dejjem warajk" filwaqt li darba oħra stiednu għall-ikel u Delia qal li se jqabbad lil Pierre Portelli jirranġaha. Delia ċaħad illi b'xi mod dawn il-messaġġi jfissru li hu qatt waqa' għall-pressjoni ta' Fenech, akkużat bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia. Iktar tard saħaq li ħadd mhu se jwaqqfu milli jkompli jiġġieled kontra l-korruzzjoni. Inizzjalment Delia kien qal li qatt ma ltaqa' jew għamel kuntatt ma' Fenech minn meta kien magħruf li 17 Black hija ta' Fenech u r-rabta li din kellha mal-kumpaniji fil-Panama ta' Keith Schembri u Konrad Mizzi. Il-l;aqgħa | [
12
] |
Matul il-ġimgħa li għadha kif għaddiet madwar l-iskejjel u l-istituzzjonijiet edukattivi saru ċ-ċelebrazzjonijiet tal-aħħar tas-sena, dawk li huma magħrufin bħala l-End of School Celebrations. Qed isiru b'differenza, għaliex din is-sena, li kienet sena skolastika verament bla precedent, dawn l-attivitajiet varji gew organizzati onlajn, b'mod virtwali. Jien hadt sehem f'uhud minnhom. Kollha nafu kif għaddejna dawn il-ġimgħat sħaħ, minħabba l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19. Bħala Ministeru u Dipartiment tal-Edukazzjoni rajna d-dħul ta' miżuri, prattiċi u wkoll sistemi li għenu mhux ftit biex jitħarsu kemm l-istudenti u wkoll l-edukaturi tagħna. Imma forsi l-aktar li messet lill-uliedna l-istudenti u lill-edukaturi kienet it-tkomplija tal-edukazzjoni tagħhom permezz tal-mezzi elettroniċi. U kellhom ikunu wkoll dawn il-mezzi li permezz tagħhom qed isiru dawn l-attivitajiet ħelwin immens. Iċ-ċelebrazzjonijiet kienu sbieħ ħafna, din is-sena aktar mis-soltu. Għax qed isiru f'atmosfera virtwali, meta s-soltu jkun hemm l-element aktar uman bejn l-edukaturi u l-istudenti tagħhom. Din is-sena l-firda tal-kuntatt uman damet ġimgħat sħaħ, minħabba li l-egħluq tal-iskejjel wasslet biex l-edukazzjoni ssir onlajn, bin-nuqqas tal-kuntatt fi klassi, imma min naħa l-oħra l-edukaturi daħlu b'mod virtwali fid-djar tal-istudenti u l-istudenti daħlu fid-djar tal-edukaturi tagħhom. Jiena nieħu l-okkażjoni biex nirringrazzja mill-qalb lill-edukaturi kollha tal-impenn kbir matul dawn il-ġimgħat, lill-istudenti u wkoll lill-ġenituri u l-kustodji ta' uliedna, għas-saġrifiċċji imma bil-wisq aktar l-impenn li wrew. Vera kienet sena mhux bħall-oħrajn, imma li huwa żgur huwa li qed tintemm sena skolastika li m'hi se tintesa' qatt! L-iktar ħaġa li laqtitni f'uħud mil-laqgħat virtwali li attendejt mat-tfal u l-edukaturi tagħna, hu s-sens pożittiv ħafna favur il-ftuħtas-sena skolastika li jmiss f'Settembru. It-tfal u l-edukaturi t-tnejn jinsabu mimlija ottimiżmu u pożittivi favur il-ftuħ tal-iskejjel, fejn l-edukazzjoni tmur lura ghan-normalità. Kulħadd qed iħares b'mod sabiħ ħafna lejn Settembru li ġej meta se nerġgħu niftħu l-bibien tagħna tal-iskejjel għan-normalità li tant qed nieħdu gost nerġgħu ngħixu flimkien. Kburi hafna b'dan is-sens sabih ta' ottimizmu u pozittivita' li zgur ma ġiex b'kumbinazzjoni. +++ Ix-xogħol baqa' għaddej u kien imiss li nniedi l-prospett għas-sena akkademika li jmiss tal-Giovanni Curmi Higher Secondary. Minn qalbi lqajt l-istedina li għamilli l-Kap tal-iskola għat-tnedija ta' dan il-prospett. It-tagħlim post-Sekondarju għandu l-iskop primarju biex jagħti aċċess lill-istudenti tagħna u jħejjihom għad-dinja tax-xogħol. Aħna bħala Gvern dejjem konna kommessi li ngħinu kemm nistgħu lill-istudenti jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u ntuhom l-għodda neċessarja biex ikunu kapaċi jaħsbu b'mod indipendenti. L-edizzjoni li qed tinħareġ din is-sena hija kemxejn differenti mis-snin preċedenti billi tirrifletti ċ-ċirkostanzi partikolari li s-sena skolastika li qed tispicca ghaddiet minnhom. Fil-prospett hemm lista tal-korsijiet kollha offruti, nkluż il-programmi ta' edukazzjoni non-formali, li qed jiksbu suċċess minn sena għall-oħra. Fil-prospett hemm ukoll dettalji dwar ir-rekwiżiti meħtieġa biex wieħed jibda xi wieħed mill-korsijiet offruti mill-iskola. Fil-konferenza tal-aħbarijiet li organizzajna sostnejt li wara l-ftuħ tac-child care centres u l-ftuħ ta' Skola Sajf minn nhar l-erbgħa li ġej, kollox jinsab lest biex niftħu f'Settembru li ġej l-istituzzjonijiet edukattivi tagħna. +++ Din il-ġimgħa kelli wkoll tliet okkażjonijiet interessanti. Ġejt ippreżentat bil-ktieb 'L-Elf Mistoqsijia ta' Dino Ricciolino Dwar il-Virus Corona', pubblikazzjoni li saret bil-kollaborazzjoni tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu u li huwa mmirat għal tfal bejn it-tliet snin u l-għaxar snin. Minħabba l-pandemija COVID-19, ħafna familji madwar id-dinja, speċjalment it-tfal, raw id-dinja tagħhom tinbidel mil-lejl għan-nhar. L-għan ta' dan il-ktieb ċkejken huwa li jispjega b'mod ċar u ħafif, imma xjentifikament korrett, il-ħafna mistoqsijiet li jkollhom it-tfal. L-għarfien huwa l-ewwel pass biex wieħed jifhem l-affarijiet li jkunu qed jiġru, għalhekk b'dan il-ktieb it-tfal qed jinghataw għodda bżonnjuża biex jaffaċċjaw ir-realtà imma wkoll iżidu fis-sens ta' responsabbiltà biex jipproteġu lilhom infushom u lil qrabathom. Din il-pubblikazzjoni hija wkoll ta' għajnuna lill-familji biex iwieġbu l-mistoqsjiet b'mod ċar. Ħadt gost bid-deċiżjoni li jkun ktieb bilingwi, bil-Malti u kif ukoll bl-Ingliż. Dan biex nilħqu t-tfal kollha f'Malta u Għawdex. Se nagħtu wkoll l-ebook bil-Malti u bl-Ingliż b'xejn lill-istudenti. Umbgħad kelli wkoll okkażjoni flimkien mal-Professur Alan Deidun għan-nom tal-Università ta' Malta, li matulha presedejna ċerimonja ta' għoti ta' premjijiet lil studenti li ħadu sehem f'attivitajiet edukattivi ambjentali favur il-ħarsien tal-oċeani. Aħna bħala gvern ninsabu kommessi li inżidu l-għarfien tal-istudenti tagħna permezz tal-edukazzjoni dwar il-pjaneta tagħna u kif l-azzjonijiet ta' kuljum tagħna jħallu impatt fuqha. L-għan ewlieni tal-avveniment huwa li jispira lill-istudenti dwar l-oċeani u li tnissel kuxjenza fi ħdanhom dwar l-importanza għall-bnedmin li nibżgħu ghall-oċeani. Dan sar billi jimpenjahom fi proġetti hands-on, inkluż l-użu mill-ġdid ta' materjal mormi biex jipproduċu xogħlijiet ta' arti jew artifatti utli, kif kien il-każ fl-edizzjonijiet preċedenti ta' dan l- avveniment. Ir-restrizzjonijiet tal-pandemija COVID-19 ta' din is-sena rriżultaw fl-għeluq tal-iskejjel, u għalhekk il-Konsorzju Nazzjonali tal-Litteriżmu dwar l-Oċejani organizza avveniment simili permezz ta' mezzi teknoloġiċi rimoti, billi nieda kwiżż għall-istudenti lokali kollha tal-iskola primarja u sekondarja. Nirringrazzja lill-iskejjel kollha li ħadu sehem billi taw din l-opportunità lill-istudenti tagħhom u għenu jqajmu iżjed għarfien dwar dan is-suġġett bejniethom. Kelli wkoll grupp ieħor ta' studenti li ħadt gost niltaqa' magħhom dil-ġimgħa. Grupp ta' studenti mill-Iskola Sekondarja ta' Ħad-Dingli u mill-Iskola Medja tar-Rabat tal-Kulleġġ San Nikola kklassifikaw fost l-aqwa erba' timijiet fil-proġett Climate Detectives organizzat mill-European Space Agency. ltqajt mal-kapijiet tal-iskola, mal-prinċipal tal-Kulleġġ u mal-għalliema u mal-istudenti li kienu involuti fil-proġett u fraħtilhom għas-suċċess tagħhom. Dawn l-istudenti kienu kapaċi jqajmu kuxjenza dwar it-tibdil fil-klima billi ħolqu materjal li jippromwovi l-użu tad-dawl naturali, l-użu għaqli tal-elettriku u tal-ilma, il-valur tal-iskart bħala riżorsa, is-separazzjoni tal-iskart, tħawwil ta' siġar indiġeni madwar l-iskola u fil-komunitajiet li jgħixu fihom. Jiena ninkoraġġixxi li iżjed skejjel bħal dawn jisimgħu lill-istudenti u jgħinuhom fejn huwa possibbli għax bl-ideat tagħhom kapaċi nġibu bidliet għall-ġid ta' uliedna u ta' ulied uliedna. | [
11,
12
] |
284 immigrant se jkunu trasferiti lejn stati membri oħra tal-Unjoni Ewropea f'eżerċizzju ta' rilokazzjoni kkordinat mill-Kummissjoni Ewropea. In-negozjati bdew meta l-portijiet Maltin kienu magħluqa minħabba l-pandemija u diversi immigranti spiċċaw jistennew bejn sema u ilma 'l barra mit-territorju Malti. Fi stqarrija, il-Gvern saħaq li d-deċiżjoni li Malta żżomm l-immigranti fuq dawn il-bastimenti ttieħdet fl-eqqel tal-pandemija tal-COVID-19 meta pajjiżna ma setax joffri post sigur għal persuni li jaslu Malta irregolarment bil-baħar. Bħalissa beda beda l-proċess sabiex l-ewwel grupp ta' 204 immigrant jiġu rrilokati lejn il-pajjiżi l-oħra. Fil-każ tat-tmenin immigrant ieħor, hemm impenn politiku bejn Malta u l-membri stati kkonċernati li ser ikun segwit mill-Kummissjoni Ewropea. Minbarra l-ħidma biex l-immigranti jiġi rilokati, bdiet ukoll ħidma biex immigranti minn pajjiżi meqjusa bħala siguri jkollhom il-proċess tal-ażil tagħhom aċċelerat. Dan il-proċess qed isir skont proċeduri maħsuba biex każi bħal dawn ikunu proċessati b'aktar ħeffa u allura l-awtoritajiet Maltin ikunu f'pożizzjoni aħjar sabiex jibgħatu lil dawn il-persuni lura lejn il-pajjiż tal-oriġinu tagħhom. Din l-operazzjoni, maħsuba biex tevita riskji marbuta mas-saħħa pubblika, swiet €1.7 miljun u l-gvern Malti għadu għaddej b'taħdidiet bil-għan li jikseb fondi Ewropej. Il-gvern assigura li jsir ittestjar mediku tal-immigranti kollha li kienu abbord dawn il-bastimenti, u ħadd mill-immigranti ma rriżulta pożittiv għal COVID-19. Il-kirja tal-bastimenti kienet ta' €363,440. Kif kienet żvelat il-gazzetta ILLUM, din kienet tikkonsisti fi €3,000 kuljum għal bastimenti tal-Captain Morgan u €6,500 għal bastiment tas-Supreme Travel vessel. Żewġ kumpaniji oħra kienu kkuntatjati iżda ma kinux interessati li jipprovdu s-servizz. Il-provvisti u servizzi marbuta magħhom swew €212,646. Għal dan il-għan, tqabbdu 33 kumpanija u negozji differenti li jipprovdu ikel u xorb, prodotti sanitarji u ħwejjeġ, fost oħrajn. Il-kirjiet ta' dgħajjes biex jitwasslu l-provvisti swew €87,741 u kien hemm infiq ta' €10,908.12 fuq proċeduri ta' diżambarkazzjoni. Minħabba n-natura tal-operazzjoni, il-preżenza tas-sigurtà 24 siegħa kuljum kienet essenzjali. Kien hemm medja ta' 12-il uffiċjal ta' sigurtà f'kull ħin tal-ġurnata għal sebat ijiem fil-ġimgħa. Aktar minn 33,000 siegħa ta' sigurtà rriżultaw f'nefqa ta' miljun ewro. Il-kumpanija ta' sigurtà ntgħażlet għaliex fil-mument li bdiet l-operazzjoni kienet toffri servizzi fil-Marsa Initial Reception Centre, għalhekk setgħu jipprovdu servizz fl-inqas ħin possibbli. "Il-gvern jibqa' kommess li r-rilokazzjoni tkun prinċipju ewlieni tal-politika Ewropea, l-aktar f'dan il-mument importanti fejn qed jiġi diskuss il-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil. Fl-istess waqt, Malta ser tkompli taħdem mal-Libja sabiex tiġi indirizzata din l-isfida kmieni kemm jista' jkun, jiġi evitat it-telf ta' ħajjiet fil-Mediterran u jiġu miġġielda t-traffikanti tan-nies," saħqet l-istqarrija. | [
12
] |
In-Network tas-Soċjetà Ċivili qed jisħaq li Yorgen Fenech għandu jingħata ċ-ċans biex jagħti x-xhieda tiegħu biex jikxef jekk kienx hemm aktar persuni wara l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia u anke dwar każijiet oħra ta' korruzzjoni li l-kumpanija tiegħu 17 Black setgħet kienet ivoluta fihom. Fi stqarrija, is-CSN qed jisħaq li anke jekk ma jaqbilx li dan għandu jingħata l-maħfra presidenzja, minħabba l-pożizzjoni tiegħu u l-allegazzjonijiet serji fil-konfront tiegħu, fl-istess ħin lest jappoġġja tnaqqis fis-sentenza bil-kundizzjoni li jipprovdi evidenza fuq każijiet ta' korruzzjoni u kriminalità, speċjalment fejn jidħlu l-politiċi. "Ninnutaw illi kien Joseph Muscat li ħa d-deċiżjoni biex ma tiġix ikkunsidrata maħfra presidenzjali għal Fenech, l-istess Muscat li kellu jirriżenja wara sħabu ġew implikati fil-qtil ta' Caruana Galizia. Il-kunflitt ta' interess li kellu Muscat f'dik id-deċiżjoni uffiċjali għandu jfisser li din mhix kwistjoni magħluqa, u jidher biċ-ċar li Muscat u l-klikka tiegħu għamlu minn kollox biex jgħattu egħmilhom billi neħħew il-possibilità li jitkellem Fenech taħt ġurament fuq dak kollu li jaf," saħaq is-CSN. L-istqarrija ttemm tgħid li jekk ix-xhieda tiegħu tista' tikxef il-korruzjoni serja li bħalissa qiegħda mistura u se tibqa' midfuna taħt deċiżjoni ta' Muscat, allura se tintilef opportunità biex toħroġ il-verità kollha f'dan il-każ ikkumplikat immens. Matthew Caruana Galizia jirreaġixxi.... Intant, immedjata kienet it-tweġiba ta' Matthew Caruana Galizia, li saħaq li la maħfra u lanqas tnaqqis fis-sentenza ma għandu jkun ikkonsidrat "għal qattiel" bħal Yorgen Fenech. "L-għan tagħna huwa li nilħqu l-ġustizzja," insista Caruana Galizia. "Anke jekk nibagħtu politiċi l-ħabs, ma għandnix noffru skont lil qattiel biex naslu sa hawn. Le." X'jaf Yorgen? Ilbieraħ, il-gazzetta oħt MaltaToday żvelat kif Yorgen Fenech, meta kien qed ikun interrogat, qal lill-Pulizija li l-kumpanija MacBridge kienet twaqqfet apposta biex minnha wkoll jgħaddu flejjes minn proġetti ffinanzjati mill-Gvern. Fenech saħaq li kien lest jikxef dettalji dwar din il-kumpanija misterjuża li flimkien mal-kumpanija tiegħu 17 Black kienet deskritta bħala 'target client' tal-kumpaniji Tillgate u Hearnville, jiġifieri l-kumpaniji fil-Panama ta' Keith Schembri u Konrad Mizzi.Skont is-sorsi, Fenech qal lill-Pulizija li jaf għaliex din twaqqfet u min hu s-sid tagħha. | [
12
] |
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, kiser is-silenzju wara laqgħa li saret ilbieraħ fid-Dar Ċentrali u li għaliha attendew għadd ta' Deputati tal-Partit Nazzjonalista wara li ġew żvelati chats fuq Whatsapp bejn Delia u Yorgen Fenech u dan meta kien magħruf li hu s-sid tal-kumpanija 17 Black. Fuq Facebook, Delia kiteb hekk: "L-ikbar arma tal-korrott u tal-kriminal il-ħabi u l-gideb. L-ikbar arma ta' dak li qiegħed fis-sewwa l-verità; il-verità kollha." Ilbieraħ Delia ċaħad illi b'xi mod dawn il-messaġġi jfissru li hu qatt waqa' għall-pressjoni ta' Fenech, akkużat bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia. Saħaq ukoll li ħadd mhu se jwaqqfu milli jkompli jiġġieled kontra l-korruzzjoni. Minkejja din iċ-ċaħda, għadd ta' Deputati nġabru għal-laqgħa urġenti fid-Dar Ċentrali u li għaliha Delia attenda biss fl-aħħar. Sorsi mill-Grupp Parlamentari li tkellmu mal-gazzetta ILLUM qalu li l-laqgħa u d-diskussjoni dwar it-tmexxija ta' Delia se tkompli għada, b'rapporti jisħqu li mhux qed tkun miċħuda l-possibbilità li jittieħed vot ta' sfiduċja f'Delia. | [
12
] |
F'diversi kitbiet u intervisti, fosthom fuq il-blogg personali tiegħek u fuq il-midja soċjali, iddeskrivejt il-ħidma letterarja tiegħek bħala protesta satirika iżda serja kontra s-sistema u l-klassi politika. Ngħodd dan ir-rumanz bħala satira rrabjata oħra kontra ċerti modi żgarrati ta' kif żvolġa l-proġett "Malta indipendenti". Din żgur ma kinitx l-ewwel waħda fl-istorja riċenti tal-letteratura tagħna. L-ewwel xempju tahulna Alex Vella Gera fl-2012 bir-rumanz Is-Sriep Reġgħu Saru Velenużi . Int weġibt jew aġġornajt il-protesta – agħżel int – daqs tliet snin ilu bir-rumanz Kapitali . Fil-kuntest tal-aħħar żviluppi politiċi, kif tipparaguna dawn iż-żewġ testi? B'liema mod temmen li tassew seħħlek iżżid xi ħaġa ġdida fuq in - narrattiva soċjopolitika ta' Sriep ? Sriep għalija huwa kapulavur li ftit li xejn tista' żżid miegħu; kien , għalija personalment, ir-rivelazzjoni mhux tant ta' kif inhi mnawra s-sistema Maltija, iżda tal-fatt li tal-inqas ma kontx jien li qed nara l-iħirsa kullimkien. L-iħirsa issa qed jarahom kulħadd ta' kuljum fil-midja u pajjiżna għaddej minn ħmar il-lejl awtentiku fejn snin u snin ta' ħmieġ, taħt bosta amministrazzjonijiet, faru u żbroffaw. Nazzarda forsi ngħid li fiż-żmien li nkiteb Sriep , Vella Gera kien qed jagħfas fuq il-kwistjoni tal-klassijiet u l-influwenza tan-negozju fuq il-politika; Kapitali resaq lejn żminijiet iżjed riċenti fejn il-klassi tan-negozjanti kienet diġà belgħet il-kontroll tas-sistema, u ftit li xejn jimporta minn liema klassi soċjali ġejjin dawn in-negozjanti. Kapitali huwa rumanz iktar politiku; Sriep mess temi personalissimi wkoll u ħalla influwenza fuqi u fuq il-mod kif nara 'l pajjiżna. Mentri Sriep esplora l-identità tal-klassi f'kuntest ta' ħabi u t'omertà, Kapitali daħħal il-kunċett tan-nuqqas ta' mistħija, l-arroganza xxellerata u dak illi nista' biss insejjaħlu qżież fil-politika. Daniel Borg u Robert Rutter Miceli huma prodotti ta' ġenerazzjoni ta' qżież mistħajla f'rumanz, fil-kamra tad-Deputati hemm ħafna eżempji oħrajn: in-nuqqas ta' sobrjetà waqt il-kriżi li wasslet għar-riżenja ta' Joseph Muscat jew l-arroganza li biha jġib ruħu Ian Borg fil-konfront ta' NGOs, residenti u bdiewa kull darba li jħabbar xi proġett biex itejjeb mhux tant l-infrastruttura ta' pajjiżna iżda l-ego massiċċ tiegħu. Kapitali kellu s-seħta jantiċipa ħafna minn dan kollu. Jidhirli li bħali inti twelidt, biex ngħidu hekk, fi ħdan il-Partit Laburista. Bosta mill-ilmenti tiegħek jirrappreżentaw id-diżillużjoni ta' bosta xellugin Maltin illi l-Partit Laburista ta' żmienna ormaj tbiegħed bil-kbir minn dawk l-ideali li twaqqaf fuqhom il-Malta Labour Party fl-1921. Dawn l-ilmenti m'humiex ġodda. Ibda biex kienu jintqalu fis-snin tmenin li jiddeskrivi Vella Gera fi Sriep . F'dawn l-aħħar snin dawn l-ilmenti saru l-ordni tal-ġurnata. Int esprimejt dan kollu kemm-il darba. F' Kapitali madankollu tispikka – fost bosta karikaturi ta' politiċi Filistini – ċerta ammirazzjoni lejn l-eks mexxej Laburista Alfred Sant. Minn banda naqsam miegħek dan is-sentiment; mill-banda l-oħra jidhirli li l-ilmenti msemmija qabel ġieli kienu jsiru matul is-snin tat-tmexxija tiegħu wkoll. B'liema modi taħseb li l-Malta Labour Party ta' Sant kien differenti mill-Partit Laburista li tant tattakka f' Kapitali ? Il-Labour ta' Muscat ma jirrappreżentanix. Anke jekk Alfred Sant tbiegħed mix-xellug, żamm lega ta' integrità u serjetà li fi żmien Joseph Muscat ma rajniex. Niftakar Ministru jitkeċċa għax bagħat raġel jumejn jew tlieta kmieni mill-ħabs biex igawdi l-Milied ma' familtu. Fi żmien Muscat kien hemm bosta persunaġġi, fosthom ex Ministri, li mhux talli ma tkeċċewx talli aktarx ser jaħarbu l-ħabs li jistħoqqilhom. F'ċerti aspetti Sant bata minn ċertu idealiżmu u akkademja (biex ma nsemmux il-mod kif ġie ddemonizzat mill-ġenerazzjoni tad-deheb illi kellu l-Partit Nazzjonalista); Muscat imbagħad ma qagħadx jagħmel wisq kalkoli qabel daħħal ċertu persunal fil-Partit. Keith Schembri, Konrad Mizzi u arlekkini bħal Karl Stagno Navarra m'għandhom ebda wirt, storja jew valuri Laburisti. Imbagħad hemm Ministri żgħażagħ, anke fil-Kabinett t'issa, illi donnhom jemmnu li huma intitolati jordmu lid-dinja kollha taħt l-arroganza tagħhom – etika li tmur kontra dik ta' partit tal-ħaddiema. Kapitali oriġinarjament kellu jkun sensiela ta' stejjer dwar backbencher żagħżugħ, għażżien u arroganti, imnebbħa minn dawk li llum saru Ministri b'portafolli xejn mistħoqqha. Bħalma naqraw fir-rumanz Sriep , f' Kapitali nsibu karattri kemxejn stereotipati li għall-inqas sa ċertu punt jirrappreżentaw lill-ulied taż-żewġ partiti l-kbar. Daniel Borg Laburist minn Marsaxlokk, Robert Rutter Miceli Nazzjonalist minn Tas-Sliema. F'dar-rigward laqtitni dis-silta: "Qatt ma fittixna wisq lil xulxin biex ngħid is-sewwa. Jien u hu differenti wisq. Hu Nazzjonalist. Jien Laburist. Hu twieled fil-flus, jien fil-faqar. Hu jitkellem bl-Ingliż, jien bil-Malti. Hu għandu BMW, jien Fiat 500. Hu bl-arloġġ, jien mingħajru." Temmen illi dawn il-mudelli stretti tassew jirrappreżentaw lill-partitarju medju taż-żewġ partiti? U lil hinn mir-rumanz, fil-ħajja reali hemm xi punt partikulari fejn dawn it-tnejn jiltaqgħu? Jistgħu jitħalltu bla xkiel dawn iż-żewġ razzez? Dawn iż-żewġ razez jitħalltu u spiss. Fosthom fil-kwartieri tal-PL ukoll – għandek nies bit-tessera tal-golf club jitħalltu mal-iżviluppaturi jew tobba tar-raħal li saru politiċi. Id-dinja Maltija żgħira ħafna, u fejn ikun hemm interessi u intriċċi li jrendu l-flus il-klassi soċjali tieħu rwol sekondarju. Meta wieħed iqis kif jiżvolġi r-rumanz l-isterjotip tal-politiku f' Kapitali huwa intenzjonat għall-aħħar. Nemmen ħafna fl-isterjotipi – jien trabbejt f'Wied il-Għajn u mort skola fejn 'sħabi' kienu ġejjin mill-borgeżija, uħud minnhom ulied politiċi jew imħallfin jew bankiera – u naħseb illi d-distakk bejn il-klassijiet u l-mod kif jiġi evidenzjat għextu tul is-snin tas-sekondarja. Iżjed milli sterjotipar illi jikkaratterizza lill-partitarju tiegħu huwa sterjotipar li jifforma lill-politiku żagħżugħ ta' żmienna. Sibli, pereżempju, tliet differenzi bejn Alex Agius Saliba u Ryan Callus, jew jekk trid bejn kwalunkwe wieħed minn sħabhom. Ħlief għat-tessera tal-partit tagħhom ngħid għalija ma narax differenzi f'termini ta' politika (mifhuma bħala policy) u ta' valuri. Fil-fehma tiegħi Daphne Caruana Galizia kienet waħda mill-iżjed persunaġġi li rrinforzat bil-qawwi dawn it-tipi ta' stereotipi. Sintendi huwa fatt ma jmerih ħadd illi b'dan l-eżerċizzju tul is-snin tefgħet dell ikrah ħafna fuq il-partitarji Laburisti: "HE CAN'T EVEN HOLD HIS PASTIZZ". Ir-rumanz Kapitali ftit li xejn huwa kumplimentuż fir-rigward ta' Caruana Galizia. Iżda kif taħseb illi kont tevalwa l-ħidma ġurnalistika tagħha kieku dan ir-rumanz ktibtu wara l-assassinju tagħha u mhux qabel? Ir-rumanz inkiteb mill-perspettiva ta' żewġ "sterjotipi". Caruana Galizia tissemma biss b'mod periferali. Kapitali qatt ma pprova jevalwa l-ħidma tagħha. Ir-rumanz żamm kemm kemm 'il barra mill-opinjoni tiegħi dwar xogħolha, fejn inħoss illi kienet tħallat stejjer kbar ma' waqgħat ta' stil orrend. Dik l-opinjoni tiegħi dwarha ma nbidlitx wara mewtha, iżda s -sempliċi fatt illi nqatlet minħabba xogħolha ma' dik l-opinjoni żied saff ta' rispett lejn dik li kont inqis bħala għadu – mhux għax kienet anti-Laburista, iżda għax xogħolha kien ikkaratterizzat mill-klassiżmu li lili jibqa' jtellagħli l-istonku. Kieku Caruana Galizia nqatlet qabel ma ktibtu, onestament ma nafx kif kont nevalwaha – jista' jkun li Kapitali ma kienx ikollu bżonn jinkiteb. Spiss tikkummenta dwar kemm il-politika f'Malta hija simili għal dik Taljana. Anke f' Kapitali ġieli donnok tissuġġerixxi dan: "Non può crollare un sistema per qualche irregolarità..." Bosta Sqallin ħbieb tiegħi li jsegwu l-politika Maltija qaluli dan kemm-il darba. Jgħiduli wkoll illi telqu minn pajjiżhom prorpju minħabba dan kollu. Uħud minnhom maż-żmien saru ċiniċi. Ma nlumhomx. Minkejja l-avvanzi li ġab l-attiviżmu politiku f'pajjiżna bis-saħħa tal-għaqdiet li jsawru lis-soċjetà ċivili – fosthom il-Front Ħarsien ODZ, Kamp Emerġenza Ambjent u l-Moviment Graffitti – ngħid għalija spiss naqta' qalbi minn ċerti battalji. Kemm taħseb illi dawn l-għaqdiet qed jilħqu nies? Temmen li vallapena li ċ-ċittadini jissieħbu f'dawn il-movimenti apartiġġjani? Tagħtihom tort jibżgħu ġaladarba, tajjeb jew ħażin, ftit li xejn għandhom għażla għajr li jieklu mill-frak li jaqa' mis-sistema? Tinisiex: anke "l-protesta ta' ponn residenti dwar is-sitwazzjoni f'Paceville daret f'opportunità." L-għaqdiet li semmejt inti mhux qegħdin ifittxu l-voti: is-sħubija fihom, u naħseb iktar importanti l-kollaborazzjoni magħhom, għandha għanijiet speċifiċi bħal ngħidu aħna dawk ambjentali. Onestament ma nistax nitkellem wisq dwar Front Ħarsien ODZ għax qatt ma kont imsieħeb fih, iżda li nsir membru fil-Graffitti ħassejt illi kien pass naturali għalija bħala "kittieb" "politiku" (virgoletti intenzjonali) tax-xellug. Naħseb li l-għażla li taqta' qalbek, jekk inti attivist, m'għandhiex tkun hemm. Bħal tim tal-futbol żgħir li jkollu ambizzjoni li jasal sa nofs il-klassifika, tirbaħ xi ftit u titlef xi ftit mil-logħbiet. Iżda li ċċedi l-armi huwa sagrileġġ. Ħajti kienet tkun ferm iktar faċli kieku qgħadt biss nippontifika minn fuq xi pedestall – bħal ħafna li spiss tara f'ċerti ċrieki letterarji – sempliċiment biex niġbor ftit taptip fuq dahri u tlegħib ieħor. L-attiviżmu jġiegħlek ixxoqq l-għaraq tad-demm, iżda anke l-iżgħar rebħiet (aħseb u ara dawk kbar) jiswew ħafna – jekk mhux għalik stess, għan-nies li taħdem magħhom, għal residenti li jkunu qed jippruvaw isalvaw dak li fadal mill-kwalità tal-ħajja tagħhom. U milli qed nara dan l-aħħar, l-attiviżmu sar ferm iktar kredibbli mill-politika għal ħafna nies, appuntu għax mhuwiex politika u m'hemmx prostituzzjoni għall-voti. "Il-qaddsa xi dwejjaq!" Nistqarr miegħek li din l-espressjoni – li fir-rumanz Kapitali tidher tal-inqas darbtejn – tesprimi l-mod kif inħossni rigward it-triq li qabad pajjiżna f'dawn l-aħħar ħmistax-il sena. Nagħraf bis-sħiħ li saru bosta avvanzi, b'mod speċjali fid-drittijiet ċivili. Madankollu meta ġejt lura minn barra sibt Malta ferm differenti minn kif ħallejtha snin qabel jew xtaqtha li tkun issa. Lejn it-tmiem ir-rumanz tiegħek minn banda jissuġerixxi l-ħarba bħala soluzzjoni. Mill-banda l-oħra fl-istess nifs donnok trid tagħti lill-qarrejja x'jifhmu li fl-aħħar mill-aħħar il-bniedem kullimkien l-istess. Tassew mela, il-qaddsa xi dwejjaq! Ħafna jistaqsu: x'ser nagħmlu? Liem triq ser nagħżlu? Il-kwietiżmu jew l-attiviżmu? Tgħid mis-soċjaliżmu jaqbel ngħaddu għall-miżantropija? Jien kultant ma nafx x'naqbad naħseb. U int? Il-ħarba mhijiex soluzzjoni, għalkemm xorta nixtieq ħafna naħrab. Konxju li hawnhekk qed inraqqa' l-pannu bil-qargħa aħmar. F'dinja ideali la nkun attivist, la kittieb politiku u lanqas immigrant potenzjali. L-uniku vantaġġ li ġġibli l-ħarba tkun illi l-problemi ta' mkien ieħor ma jkunux il-problemi tiegħi, jew għall-inqas jien hekk naraha. Iżda qabel nitlaq, jekk xi darba nitlaq, żgur li mhux ser nagħżel is-skiet. L-attiviżmu tani spazju ferm ikbar mil-letteratura biex nagħti kontribut favur il-bidla, żgħira kemm hi żgħira, kontra għedewwa bil-qabda ikbar minn sħabi u minni. Iżda kif għedt qabel, l-armi ma nċedihomx – akkost ta' kollox. Kif naraha jien, il-ħbiberiji, is-simpatiji, il-perċezzjonijiet u l-karriera huma sekondarji għall-onestà intellettwali. U nixtieq nara iktar onestà intellettwali minn ħafna kittieba oħra li jibżgħu mill-barri aħseb u ara jippruvaw jaqbdulu qrunu, minn artisti li jibżgħu jiftħu ħalqhom u jsemmu fatti u ismijiet biex ma jmurx jitilfu xi fondi għall-canapès u minn poeti li moħħhom wisq fir-rima iżda mbagħad spiss jinjoraw il-mewġ iħabbat. | [
2
] |
Ftit sigħat qabel jitlaqqa' l-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista, li jista' jieħu vot ta' fiduċja, sorsi li tkellmu mal-illum.com.mt urew messaġġi lil dan is-sit ta' diversi Deputati u uffiċjali lill-Kunsilliera jew uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista illi fihom qed iħeġġu biex Delia jitneħħa. Fil-fatt dawn il-messaġġi ilhom minn Jannar tas-sena l-oħra, xi ħaġa li skont dawk li tkellmu ma' dan is-sit juri "kif ilhom jaħdmu kontra l-Kap issa l-istess nies." Jidher li bħalissa hemm tentattiv ta' appoġġ favur Delia b'messaġġi jduru fuq il-midja soċjali, fosthom jgħidu - 'No Delia. No Vote'. Illejla se jitlaqqa' l-Grupp Parlamentari tal-PN li jaf jintalab jieħu vot ta' sfiduċja f'Delia, vot li l-Kap tal-PN hemm ċans li jitlef. Is-sorsi li tkellmu ma' dan is-sit qalu li issa ħafna fil-partit huma mxebbgħin b'dawk li sejħu "attentati moqżieża biex jitneħħa Delia". Wieħed mill-messaġġi fuq il-Whatssapp li ra dan is-sit juri messaġġ li ntbagħat minn Mark Anthony Sammut jgħid illi qala' theddid u li "jekk Delia ma jirraġunax l-affarijiet jistgħu jieħdu direzzjoni ħażina ħafna." L-istess Sammut jisħaq ma' Kunsilliera li kellmu lil dan is-sit illi hu qal illi b'Delia l-Partit Nazzjonalista sar partit tal-35%. F'messaġġ ieħor jidher jgħid li jekk jitkeċċa Delia, mill-ewwel jiżdied l-appoġġ għall-Partit Nazzjonalista b'mod li jkun jista' jerġa' jikkompeti. Intant messaġġi oħrajn li ra dan is-sit juru lid-Deputat Jason Azzopardi jitkellem ma' Kunsilliera bl-istess mod. F'każ minnhom hu jgħid lil xi ħadd illi jekk hemmx xi ħadd li lest jieħu post Delia "huwa sekondarju" għalkemm jinsisti li hemm min huwa lest biex jeħodlu postu , anke bħala Kap Interim. Ikkuntattjat minn l-illum.com.mt Jason Azopardi insista li hu qatt ma' ħeba xejn u dak li kellu jgħid qalu fil-pubbliku. B'referenza għall-messaġġi li jmorru lura għal Jannar - huwa fakkar li dak iż-żmien ukoll kien tkellem b'mod mill-aktar ċar u qatt ma nħeba u kien dejjem konsistenti. Minn naħa l-oħra Sammut qal illi ladarba l-messaġġi kienu ta' sena ilu u aktar huwa għadda dawk il-messaġġi fil-kuntest ta' meta saru u qal ukoll illi wara li l-Kunsill Ġenerali rrijikonferma lil Delia bħala Kap tal-partit, "jiena baxxejt rasi." 'Tliet snin ilhom jippruvaw iħammġuh' Is-sorsi li tkellmu ma' dan is-sit jilmentaw illi xebgħu b'orkestrazzjoni ta' messaġġi kontra l-Kap tal-Partit Nazzjonalista elett demokratikament. Huma jakkużaw lil Jason Azzopardi, Beppe Fenech Adami, Karol Aquilina u David Thake li qed jaħdmu flimkien kontra Delia u jfakkru illi Delia se jkun kandidat fuq it-tmien distrett - li jinkludi Birkirkara, fejn se jkunu kandidati wkoll Fenech Adami u Thake. "Tliet snin ilhom jippruvaw iħammġuh. U issa orkestraw din l-istorja," qal is-sors. Huwa insista li din ta' Fenech mhi minnha xejn u l-messaġġi huma ffabbrikati. "Lanqas biss għandu numru ta' Yorgen Fenech," insistiet il-persuna li tkellmet ma' dan is-sit. Delia qatt ma qal, fil-fatt, li huma ffabbrikati l-messaġġi tal-Whatsapp imma qal biss li huma parti min attakk ikkordinat kontrieh u li l-messaġġi ta' Fenech fl-ebda ħin ma affetwawh. The Sunday Times nhar il-Ħadd li għadda ħarġet sensiela ta' messaġġi bejn Yorgen Fenech u Adrian Delia illi fihom Fenech allegatament qal lil Delia li t-telfa tal-PN fl-2019 - fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew - ma kinitx fuqu u li "aħna se nibqgħu warajk jiġri x'jiġri". Messaġġ ieħor juri lil Fenech jitlob lil Delia biex imorru jieklu b'Delia jwieġeb li se jitlob lil Pierre Portelli jirranġa kollox. Delia, mistoqsi jekk qattx mar jiekol għand Fenech kien qal li hu qatt ma kellu kuntatt mal-akkużat bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia wara li kien magħruf illi 17 Black hija tiegħu. Imbagħad kien qal li ma kellu ebda kuntatt "ta' rilevanza". L-akbar akkuża mdendla fuq ras Delia hija dik li hu jew xi ħadd fil-PN aċċetta €50,000 biex David Casa ma jkunx elett fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, flus allegatament mgħoddijin mingħand Yorgen Fenech. Dan kien indikat mid-Deputat Nazzjonalista David Thake sena ilu, minn Melvin Theuma kif ukoll minn Keith Schembri. Dan tal-aħħar kien saħansitra qal li Portelli kien imur il-lobby tal-Portomaso, fejn Fenech kien jgħaddi dawn l-allegati flus. Fuq dawn il-flus għaddejja Inkjesta Maġsterjali u investigazzjoni mill-Pulizija. | [
12
] |
Minkejja li sorsi viċin il-Kap Nazzjonalista qalu mal-gazzetta ILLUM li Adrian Delia talab lill-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi biex ikun medjatur fil-laqgħa tal-Grupp Parlamentari li se jitlaqqa' llejla, f'kummenti mal-illum.com.mt, l-istess Gonzi saħaq li mhuwiex il-medjatur u lanqas ma ntalab ikun medjatur. Mistoqsi jekk kienx mistieden ikun preżenti għal-laqgħa tal-lejla, Gonzi wieġeb: "le ma ġejtx mistieden inkun preżenti għal-laqgħa tal-lejla." Madanakollu, mistoqsi jekk fis-sigħat li għaddew iltaqax ma' Delia, Lawrence Gonzi ma weġibx. Sorsi li tkellmu mal-ILLUM qalu li Gonzi ltaqa' mal-Kap Nazzjonalista llum stess waranofsinhar. Rapporti qed jisħqu li llejla hemm ċans kbir li jissejjaħ vot ta' sfiduċja li jista' jwassal biex Delia jitneħħa minn Kap tal-Oppożizzjoni anke jekk dan ma jkunx ifisser awtomatikament li ma jibqax Kap tal-Partit. Il-laqgħa tal-lejla se tkompli tiddiskuti dak li ddiskutew uħud mid-Deputati waqt laqgħa spontajna li saret il-Ħadd li għadda wara li The Sunday Times of Malta żvelat chats illi juru li kien hemm kuntatt bejn Delia u Yorgen Fenech, meta kien magħruf li 17 Black kienet tiegħu. Delia ċaħad illi b'xi mod dawn il-messaġġi jfissru li hu qatt waqa' għall-pressjoni ta' Fenech, akkużat bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia. Rabja kbira għal Deputati u uffiċjali tal-PN sigħat qabel Delia jiffaċċja possibilità ta' vot ta' sfiduċja | [
11,
12
] |
Id-Deputati Nazzjonalisti li kienu meqjusin illi ħadmu kontra Adrian Delia kienu milqugħin minn grupp żgħir ta' attivisti Nazzjonalisti bl-għajjat ta' 'ġakbin', 'żibel', 'ħallelin' u 'issa terġgħu teħduh il-vot. Lil-Labour nagħtuh il-vot. Isthu!' Għalkemm il-grupp ta' nies barra kien għir dawk preżenti kienu voiferi fit-tgħajjir tagħhom lejn Deputati bħal Chris Said u Claudio Grech, filwaqt li Clyde Puli u Stephen Spiteri ntlaqgħu biċ-ċapċip. Numru ta' attivisti oħrajn rmew it-tesseri quddiem id-Dar Ċentrali | [
12
] |
Id-Deputata Indipendenti Marlene Farrugia, ħeġġet lid-Deputati Nazzjonalisti li lbieraħ sfiduċjaw lil Adrian Delia biex immorru għand il-President biex ikun jista' jinħatar Kap tal-Oppożizzjoni ġdid, li fi kliemha, jnissel tama u fiduċja. Ilbieraħ, 19-il Deputat ivvotaw kontra waqt vot ta' sfiduċja f'Adrian Delia iżda waqt konferenza tal-aħbarijiet immedjatament wara, Delia iddikjara li jirrispetta l-vot iżda mhux se jitlaq la minn Kap tal-Partit u lanqas minn Kap tal-Oppożizzjoni. Kienu 11-il Deputat li vvotaw favur Delia. Bħala parti mill-Oppożizzjoni, Marlene u Godfrey qalu li jingħaqdu mad-dsatax-il Deputat u insistew li ma għandhomx fiduċja f'Delia. Madanakollu, sa issa għadu mhux magħruf eżatt minn kienu d-Deputati li sfiduċjaw lil Delia u biex imorru għand il-President dawn iridu jikxu isimhom u jiffirmaw il-petizzjoni li turi iswed fuq l-abjad li fiduċja f'Delia ma għandhomx. Madanakollu, l-eks Deputat Nazzjonalista Franco Debono saħaq li issa l-President għandu jieħu rwol attiv u mhux passiv u issa li hu ċar li l-Oppożizzjoni ma għandhiex fiduċja fil-Kap tagħha, għandu jitkellem mad-Deputati individwalment u jasal għal konklużjoni. Fi kliemu, ġaladarba l-isfiduċja hija ċara, idejn il-President huma marbuta u jeħtieġ ineħħi lil Delia u jagħżel kap tal-Oppożizzjoni ġdid. | [
12
] |
Huwa u ħiereġ mill-Parlament id-Deputat David Thake, meqjus bħala wieħed mid-Deputati kontra Adrian Delia qal illi lbieraħ il-Grupp Parlamentari tal-PN għadda messaġġ ċar u qal illi Delia għandu jikkunsidra li tilef il-maġġoranza fil-Grupp Parlamentari tiegħu. Thake sostna li m'għandu xejjn xi jgħid lit-tesserati li għamlu d-deċiżjonijiet tagħhom iżda qal illi l-pajjiż għandu bżonn politika nadifa "u oppożizzjoni li mhi kompromessa b'ebda mod." Mistoqsi x'qed iżommhom milli jmorru għand il-President tar-Repubblika, Thake qal li xejn mhu qed iżomm lil dawn is-19-il Deputat, iżda fakkar li kollox se jieħu l-ħin tiegħu. Ara x'ġara ilbieraħ hawn u l-eżitu tal-laqgħa hawnhekk Ara kif intlaqgħu d-Deputati Nazzjonalisti batta d-Dar Ċentrali kmieni dalgħodu hawnhekk Ara x'qalu votanti Nazzjonalisti li qalu illi jinsabu dizgustati hawnhekk Ara min mexxa 'l quddiem din i-rivolta politika kontra Adrian Delia hawnhekk | [
12
] |
Chris Said - kontestant għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista fl-2017 - kien fuq quddiem fir-rivolta tal-Grupp Parlamentari ta' dan il-lejl. 19-il Deputat ħaduha kontra Delia u wrew sfiduċja fih, fosthom iż-żewġ MEPs Nazzjonalisti David Casa u Roberta Metsola, spjegaw is-sorsi ta' dan is-sit. Iżda kien Said li mhux biss ressaq mozzjoni, issekondata minn Therese Comodini Cachia imma wkoll li kien voċiferu dwar il-bżonn li dan il-vot jittieħed u fis-sigriet. Fil-fatt huwa mifhum illi kieku l-vot ma tteħidx fis-sigriet kien jirbaħ Delia Għalkemm il-vot huwa sigriet u mhux magħruf sorsi li tkellmu ma' dan is-sit qalu illi huwa ovvju li Deputati li dejjem tkellmu kontra Delia - pubblikament u privatament - ivvutaw kontrih. Fost dawn Beppe Fenech Adami, Jason Azzopardi, Therese Comodini Cachia, David Thake u Karol Aquilina. Hemm iżda mistoqsijiet dwar kif ivvutaw Deputati bħal Hermann Schiavone u Kristy Debono, li kienu meqjusin illi kienu leali lejn Delia iżda - speċjalment Schiavone - li fl-aħħar żmien kienu qegħdin apertament jitkellmu kontra l-Kap Nazzjonalista. Stephen Spiteri ukoll jibqa' mistoqsija, anke jekk sorsi indikaw li vvota konrtra Delia. Deputati oħrajn li qed jingħad illi vvutaw kontra Delia huma: Claudio Grech, Kevin Cutajar, Karl Gouder, Ivan Bartolo u Ivan Bartolo l-ieħor, Ryan Callus u Claudette Buttigieg. | [
12
] |
Wara li ġimgħa ilu rajna lil Neil Agius jgħum biex jgħaddi messaġġ favur il-pjaneta li qed ngħixu fiha, nhar is-Sibt li ġej imiss lil Michelle Muscat tagħmel l-għawma tradizzjonali tagħha bħala Chairperson tal-Marigold Foundation - għas-sitt darba f'dak li issa donnu sar avveniment annwali. Din id-darba iżda Muscat mhux se tkun qed tgħumha minn punt sa ieħor imma se tkun qed tesegwixxi maratona ta' għawm bla waqfien, mid-9:00 a.m sas-7:00 p.m. U magħha se tkunu tistgħu tingħaqdu intom tgħumu, tiddevertu u tieħdu pjaċir - għal ħlas ċkejken fil-forma ta' donazzjoni għall-Fondazzjoni. Din is-sena l-għawma se teħodna fir-raħal sabiħ fin-nofsinhar tal-pajjiż, Birżebbuġa, fejn l-attivtajiet u d-divertiment se jkunu għaddejjin il-ġurnata kollha fil-Bajja s-Sabiħa (Pretty Bay). Il-pubbliku se jkun jista' jipparteċipa f'din is-swimathon għal ħlas ta' €10 li jmorru għall-Fondazzjoni Marigold. L-avveniment se jkun miftuħ ukoll għal dawk li għandhom sfidi ta' mobilità b'diversi karreġjati ta' mobilità għal ġol-baħar u siġġijiet tar-roti li jinżlu fil-baħar. Se jkun hemm ukoll tliet karreġġjati oħra: waħda għal dawk li jixtiequ jgħumu b'veloċità, oħra għal dawk li jixtiequ jgħumu normali u oħra msejħa fun lane. L-Assoċjazzjoni tal-Isports Akwatiku se tipparteċipa ukoll billi tinvolvi plejers tal-waterpolo li se jkunu qed jagħmlu l-iswimathon fil-pixxina ta' District5 li tmiss mal-Bajja s-Sabiħa. Fil-bajja se jkun hemm diversi attivitajiet matul il-ġurnata kollha għal dawk l-għexieren jekk mhux mijiet ta' nies li mistennijin jinżlu Birżebbuġa jgħumu, jiddevertu, jaraw lil Michelle Muscat għaddejja bl-iswimathon u jagħtu xi ħaġa żgħira lill-Fondazzjoni. Dawk li jixtiequ jieħdu sehem f'din l-iswimathon flimkien ma' Michelle Muscat għandhom jirresġistraw kmieni kemm jista' jkun minn dawn il-postijiet: Il-Pixxina Nazzjonali f'Tal-Qroqq, il-Kumpless Sportiv tal-Kottonera, il-Kumpless Sportiv ta' Ħal Kirkop, il-Kunsill Lokali ta' Birżebbuġa jew jibgħtu messaġġ lill-Fondazzjoni Marigold fuq il-paġna ta' Facebook tagħha. Mela is-Sibt kulħadd għal Birżebbuġa bil-malji, goggles u €10 fil-but ħa tieħdu gost u tagħtu xi ħaġa żgħira lil min għandu bżonn kbir! X'tagħmel il-Fondazzjoni Marigold? L-għan tal-Fondazzjoni Marigold hija biex tagħti s-saħħa lin-nies u biex ittejjeb l-istandards, tappoġġja inizjattivi u ssaħħaħ il-vuċijiet ta' dawk li fil-bżonn. Kemm fuq livell makro, kif ukoll fuq livell mikro, l-Fondazzjoni Marigold tagħti għajnuna fuq livelli varji primarjament; l-iżvilupp tal-komunità, saħħa, bżonnijiet speċjali u edukazzjoni. Il-Fondazzjoni ma tgħinx individwi kif tagħmel il-Community Chest Fund, per eżempju, imma tgħin għaqdiet non governattivi fl-oqsma li ssemmew hawnhekk - kemm jekk ikunu għaqdiet stabbiliti u anke jekk ikunu għaqdiet li għadhom jibdew. Il-Fondazzjoni Marigold qajmet ħafna għarfien u tagħti wkoll għajnuna lil dawk l-għaqdiet li jgħinu persuni b'mard rari. | [
12
] |
Chris Said u Claudette Buttigieg marru għand il-President tar-Repubblika bil-proposta tal-maġġoranza tad-Deputati Nazzjonalisti biex jitneħħa minn Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, li tilef vot ta' fiduċja nhar it-Tlieta, b'19 kontra 11. Therese Comodini Cachia hija l-persuna li kienet magħżula mid-Deputati Nazzjonalisti li vvutaw kontra Adrian Delia din il-ġimgħa - u allura jidher illi hija dik il-persuna li għandha maġġoranza ta' Deputati tal-Oppożizzjoni warajha. Il-Kap tal-Oppożizzjoni mhuwiex neċessarjamenrt il-Kap ta' partit, imma l-persuna li tikkmanda l-appoġġ tal-maġġoranza tad-Deputati li mhumiex tal-Gvern li fil-każ ta' Malta jinkludi lil Marlene Farrugia u Godfrey Farrugia li kienu eletti taħt it-tikketta tal-Partit Nazzjonalista imma li kkontestaw f'isem il-Partit Demokratiku. Comodini Cachia kienet eletta MEP fl-2014 meta kisbet 7.859 vot fl-ewwel għadd. Hija kienet ġiet eletta fil-Parlament Malti fl-2017, ħalkemm kienet se tirriżenja wara li kienet eletta. Wara kritika li mhux qed tirrispetta lill-votant jekk tirriżenja Comoini Cachia baqgħet Deputat fil-Parlament Malti. Comodini Cachia hija l-avukat tal-familja ta' Daphne Caruana Galizia fil-każi li hemm il-Qorti u li jitrattaw l-assainju tal-ġurnalista. Opinjonijiet differenti dwar l-irwol tal-President Il-President tar-Repubblika - ġeneralment kariga ċerimonjali -se jkun qed jieħu pożizzjoni ċentrali fil-kriżi fuq il-bankijiet tal-Oppożizzjoni fejn bħalissa u sa issa hemm Kap tal-Oppożizzjoni li m'għandux l-appoġġ maġġoritarju tal-Membri Parlamentari tiegħu stess. Din is-sitwazzjoni hija bla preċedent, anke jekk kien hemm kwistjonijiet fejn Gvern jitlef maġġoranza - primarjament fl-1998 meta waqa' l-Gvern ta' Alfred Sant u fl-2012 -2013 meta il-Gvern ta' Lawrence Gonzi tilef il-maġġoranza. Peress li m'hemmx preċedent għal dak li qed jiġri, il-proċess qed jieħu ftit iktar żmien b'interpretazzjonijiet ta' x'jista' u x'għandu jagħmel il-President George Vella. F'kummenti mal-Maltatoday il-Professur Kevin Aquuilina qal illi Vella jeħtieġ u għandu l-obbligu illi jgħajjat lid-Deputati Nazzjonalisti li vvutaw kontra Delia biex jara jekk humiex qegħdin jappoġġjaw persuna oħra li tista' ssir Kap tal-Oppożizzjoni. "Bħala gwardjan tal-Kostituzzjoni il-President jeħtieġ jieħu l-inizjattiva għaliex din id-darba dan mhuwiex sempliċiment spekulazzjoni imma mozzjoni li nafu min kien il-proponent tagħha (Chris Said) b'riżultat ikkonfermat uffiċjalment mill-Partit Nazzjonalista." Minn naħa l-oħra iżda ma' The Times l-Imħallef Emeritus Giovanni Bonello qed jisħaq li l-President m'għandux obbligu jgħajjat lid-Deputati u probabbilment qed jistenna li dawn jagħtuh xi forma ta' notifika formali. Qal ukoll li l-fatt li l-vot ittieħed fis-sigriet mhuwiex problema. Bħalissa l-President tar-Repubblika qed jiltaqa' mad-Deputati Nazzjonalisti wieħed, wieħed. | [
12
] |
Malta għandha biss seba' każijiet attivi biss ta' COVID-19 hekk kif fl-aħħar 24 siegħa fiequ żewġ pazjenti oħra u ma kien hemm l-ebda każ ieħor pożittiv fl-aħħar 24 siegħa. Ilbieraħ saru 775 test għal total ta' 105,683 minn meta feġġet il-pandemija f'Malta. Minn meta ħareġ l-ewwel każ pożittiv f'Malta, kien hawn 674 każ u minnhom 658 pazjent fieq. F'Malta, il-medja ta' żmien li pazjent qed jieħu biex ifiq għal kollox mill-virus huwa ta' 16-il ġurnata. | [
12
] |
It-turiżmu kien wieħed mis-setturi li l-iktar intlaqat bħala riżultat tal-pandemija Covid-19. Tul is-snin in-numri tat-turisti li ġew iżuruna żdied kull meta tjiebet il-konnettività: min-naħa l-oħra hekk kif il-konnettività naqset u eventwalment waqfet kompletament, ġara bil-maqlub. Iktar kmieni din il-ġimgħa bdew jaslu l-ewwel turisti fil-port u l-ajruport tagħna. Bil-mod qed terġa' tiġi stabilita l-konnettività li twassal biex it-turiżmu jibda jirpilja bil-mod. Il-Ministru tat-Turiżmu Julia Farrugia-Portelli f'dawn il-ġranet ħabbret il-mira tal-Gvern : 700,000 turist sal-aħħar tas-sena. Iktar kmieni t-tmexxija tal-Ajruport Internazzjonali ta' Malta kienet emfasizzat li jeħtieġ madwar sentejn biex il-wasla tal-passiġġiera tirkupra u naslu fejn konna qabel ma faqqgħet il-pandemija. Jista' t-turiżmu qatt jilħaq il-livelli ta' qabel il-pandemija? Jeżistu stimi diversi dwar il-kontribut tat-turiżmu lejn l-ekonomija. Stima minnhom tipponta lejn kontribut dirett ta' 5 fil-mija tal-ekonomija. Imma, bħala riżultat tal-impatt fuq setturi oħra dan is-sehem jitla għal madwar 12 fil-mija. Barijiet, restoranti, ħwienet li jbiegħu bl-imnut, attivitajiet pubbliċi, l-industrija tad-divertiment u t-trasport (in partikolari l-kiri tal-karozzi) huma dipendenti fuq it-turiżmu. Setturi partikolari bħat-tagħlim tal-Ingliż u ċ-ċentri tal-għaddasa huma meqjusa bħala parti integrali mill-ekonomija turistika. Intqal ħafna dwar l-impatt tal-pandemija fuq il-lukandi. Imma anke dawk li jipprovdu sodod turistiċi barra mil-lukandi ġarrew fuq spallejhom impatt sostanzjali avolja ftit li xejn issemmew fid-dibattitu konness mal-impatti tal-pandemija. Dan huwa settur li jinvolvi negozjanti żgħar u dawk li nirreferu għalihom bħala micro--businesses li kull wieħed minnhom jimpjega inqas minn għaxar persuni. UNCTAD, l-Aġenzija tal-Ġnus Magħquda dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp, iktar kmieni din il-ġimgħa ħabbret li l-iġġammjar tat-turiżmu minħabba l-pandemija ser jiswa' lill-industrija globali tat-turiżmu madwar $1.2 triljun . Din l-istima tista' tirdoppja skond kif tiżviluppa t-tieni mewġa tal-pandemija. Il-Ġamajka tista' titlef madwar 11 fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku, t-Tajlandja 9 fil-mija, l-Italja 5 fil-mija. Fl-Unjoni Ewropeja l-agħar impatti huma mal-kosta Mediterranja fejn l-ekonomija hi dipendenti ħafna fuq it-turiżmu. Minbarra Malta hemm l-Italja, l-Kroazja, is-Slovenja, Cipru u l-Greċja li kollha ntlaqtu sew. It-Turkija u t-Tunesija, parteċipanti Mediterranji fl-industrija turistika ukoll iġġammjaw, wara li gawdew minn żidiet sostanzjali fin-numri ta' turisti tul is-snin. Il-miġja fostna tal-linji tal-ajru low-cost bħala parti essenzjali mill-politika tat-turiżmu illum tpoġġi emfasi ikbar fuq in-numri. Din hi għażla politika li saret u li teħtieġ li tkun eżaminata u analizzata fil-fond Jagħmel sens li l-Gvern, f'dan il-waqt, permezz tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, qiegħed jiffoka fuq li jġib lill-industrija tat-turiżmu lura fuq saqajha. Dan imma, mhux biżżejjed. Jeħtieġ li nibdew naħsbu dwar il-futur tal-industrija u dan billi neżaminaw fid-dettall dak li l-industrja teħtieġ li tiffaċċja fit-tul. Fi tmiem is-sena li għaddiet, l-2019, ilħaqna in-numru ta' 2.8 miljun turista iżuruna. Il-punt hu jekk dawn in-numri humiex sostenibbli. Dan hu argument ta' dejjem li ilu għaddej sa minnmeta n-numri kienu ferm iżgħar. Id-dibattitu kien, u għandu jibqa' jkun dwar jekk għandniex niffukaw iktar fuq il-kwalità milli fuq il-kwantità. Il-miġja fostna tal-linji tal-ajru low-cost bħala parti essenzjali mill-politika tat-turiżmu illum tpoġġi emfasi ikbar fuq in-numri. Din hi għażla politika li saret u li teħtieġ li tkun eżaminata u analizzata fil-fond. L-impatti ekonomiċi għandhom jitqiesu fl-istess ħin mal-impatti ambjentali. Irridu niftakru kontinwament li t-turiżmu jiġġenera bosta impatti ambjentali. Wasal iż-żmien li nirrealizzaw li d-dibattitu meħtieġ dwar il-futur tat-turiżmu jeħtieġ li jsir fl-isfond tal-Patt l-Aħdar: The Green Deal. L-emissjonijiet tal-ajruplani ser ikollhom ikunu indirizzati fil-futur qarib. Hu inevitabbli li jiddaħħlu taxxi dwar dawn l-emissjonijiet (carbon taxes) fi żmien mhux il-bogħod. Jekk mhux ser jittieħdu passi immedjati dwar dawn l-emissjonijiet ser ikun ħafna iktar diffiċli, biex ma ngħidx impossibli, biex ikunu ndirizzati l-konklużjonijiet tas-Summit Klimatiku ta' Pariġi tal-2015. Summit li Malta ħarġet tiftaħar li kienet wieħed mill-ewwel pajjiżi li rratifikatu. F'dak il-mument (jekk nibqgħu ma nieħdux passi) mhux biss it-turiżmu jaqla' daqqa kbira oħra imma tkun il-kwalità tal-ħajja tagħna lkoll li tieħu daqqa l-isfel. Il-gżejjer Maltin, bħall-parti l-kbira tal-gżejjer imxerrda mal-ibħra, ikunu minn tal-ewwel biex jaqilgħu ġo fihom l-impatti tat-tibdil fil-klima. Il-kosta tkun effettwat bl-għoli tal-livell tal-baħar. Tajjeb li niftakru li l-infrastruttura tat-turiżmu qegħda kważi kollha mal-kosta! Iktar ma ninjoraw dan il-fatt bażiku ikbar tkun id-daqqa li naqilgħu. S'issa naħseb li kulħadd irrealizza kemm l-industrija tat-turiżmu hi waħda fraġli. Kull xokk li l-industrija isofri jista' jwassal għal tnaqqis kbir fl-impiegi f'din l-industrija. It-turiżmu għadu staġjonali wisq u dan minnu innifsu jwassal għal kundizzjonijiet tax-xogħol ta' natura prekarja. Jeħtieġ li nippjanaw iżjed billi nħarsu il-bogħod u fuq medda twila ta' żmien: naħsbu u nippjanaw sewwa dwar l-impatti soċjali, ambjentali u ekonomiċi ta' kull deċiżjoni. Dan wara kollox hu l-proċess li jwassal għal żvilupp sostenibbli. Hu l-unika mod kif nistgħu nassiguraw li l-impatti negattivi tal-industrija tat-turiżmu nistgħu nindirizzawhom illum qabel għada. | [
11,
12
] |
Bħalissa hemm stennija kbira fil-Partit Nazzjonalista u lilhinn biex ikun magħruf l-eżitu ta' diskussjonijiet li l-President tar-Repubblika kellu ma' kull Deputat tal-Partit Nazzjonalista. Dan is-sit jinsab infurmat illi dawk ta' kontra Delia għandhom in-numri kontrihom bi 17-il Deputat Nazzjonalist - u jista' jkun 18 hekk kif sorsi sostnew ma' dan is-sit li wieħed li vvota favur Delia din il-ġimgħa issieħeb mar-ribelli - jisfiduċjaw lil Delia quddiem il-President tar-Repubblika George Vella. Vella ilu mill-bieraħ jiddelibera dwar din id-deċiżjoni bla preċedent li mistennija issa tifrex it-triq 'il quddiem għall-Partit Nazzjonalista b'Adrian Delia jidher riżolt illi jibqa' fil-kariga, jiġri x'jiġri. Hemm diversi interpretazzjonijiet tal-Kostituzzjoni b'esperti fil-Kostituzzjoni - Austin Bencini, Giovanni Bonello u Kevin Aquilina - jgħidu illi l-Kostituzzjoni tgħid illi l-Kap tal-Oppożizjoni huwa l-Kap tal-akbar partit fl-Oppożizzjoni sakemm dan ikollu maġġoranza ta' Deputati warajh. Jgħidu illi żewġ artikoli li jidhru illi huma kontradittorji fil-fatt mhumiex u waħda tirreferi għall-ħatra tal-Kap tal-Oppożizzjoni wara elezzjoni ġenerali u oħra għal ħatra matul leġiżlatura. Jidher li hemm minn qed jinterpreta illi l-Kostituzzjoni tgħid li l-Kap tal-Oppożizzjoni għandu dejjem ikun il-Kap tal-Partit, anke bla appoġġ ta' Deputati warajh. Paul Borg Olivier, eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, qal mal-illum.com.mt illi jekk il-President tar-Repubblika jżomm lil Delia bħala Kap tal-Oppożizzjoni bbażat fuq il-premessa li huwa l-Kap tal-akbar partit fl-oppożizzjoni jkun qed jiddefendi l-kariga ta' Kap tal-partit qabel dik ta' Kap tal-Oppożizzjoni. "Din l-interpretazzjoni stretta li qed tintefa' bl-addoċċ, tkun qed iġġiegħel lill-Kostituzjoni tidher illi qed tagħti protezzjoni lill-kariga ta' Kap tal-partit - anke jekk ikun tilef l-appoġġ tal-maġġoranza - iktar milli tagħti importanza lill-kariga Kostituzzjonali ta' Kap tal-Oppożizzjoni," temm jgħid Borg Olivier. | [
12
] |
Din kienet il-ġimgħa tal-Partit Nazzjonalista - ġimgħa illi fiha Adrian Delia ffaċċja l-akbar kriżi politika li qatt iffaċċja dan il-partit fl-istorja moderna. Il-gazzetta ILLUM qed tagħti ħarsa lejn kif din il-ġimgħa nqasam il-Grupp Parlamentari - biex għall-ewwel darba fi snin kellna żviluppi politiċi inkredibbilment drammatiċi li ħallew Kap tal-Oppożizzjoni mbuttat 'il barra mill-Grupp Parlamentari tiegħu stess. Għal fini ta' din l-analiżi qsamna lill-Grupp Parlamentari fi tliet gruppi differenti. Il-grupp anti-Delia, u allura dawk li l-aktar kontra Delia apertament u voċiferament, il-grupp tan-nofs li kien favur jew huwa kontra imma mhux daqstant voċiferu u l-grupp Pro-Delia. Fil-qosor nagħtu ħarsa lejn kull persuna minn dawn u għalfejn huwa kontra, favur jew fin-nofs. Kontra Delia bil-qawwi Jason Azzopardi - Dan mill-ewwel kien apertament kontrih u apparti intervalli qosra ta' ħidma konġunta, Jason Azzopardi baqa' kontra Delia sal-aħħar. Azzopardi kien għamel l-akkuża famuża illi Delia kien "iż-żiemel ta' Trojja" mill-Partit Laburista, biex dan jassigura li jibqa' jiggverna. Azzopardi huwa qrib ħafna Repubblika u l-familja Caruana Galizia - u ħareġ għonqu bħala wieħed mis-17 Blue Heroes* Therese Comodini Cachia - Din kienet għamlet l-antipatija tagħha lejn Delia ċarissima meta aktar kmieni din is-sena, wara inkwiet simili bħal dan ta' issa, kienet qalet li "l-partit hemm bżonn isiblu mezz biex jitkeċċa". Hija qrib il-familja Caruana Galizia u kienet ukoll waħda mis-17 Blue Heroes. Comodini Cachia hija l-kandidat tar-ribelli biex tieħu post Delia bħala Kap tal-Oppożizzjoni. David Casa - Casa kien dejjem meqjus bħala kontra Delia u kien wieħed mill-aktar persuni li ħarġu għonqhom għal Simon Busuttil meta Delia talbu jitlaq mill-Grupp Parlamentari. Biex tgħaxxaq hemm allegazzjoni li Delia kien aċċetta flus biex Casa ma jkunx elett fl-aħħar elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Roberta Metsola - Metsola m'għamlitx sigriet li kkampanjat għal Chris Said u wriet l-iskuntentizza tagħha dwaru fl-ewwel (u l-uniku sa issa) Mass Meeting li indirizza Delia. Minkejja illi fl-aħħar xhur qagħdet ħafna iktar attenta u kienet qed tidher li qed tfaħħar lil Delia, finalment din il-ġimgħa vvutat kontrih. Karol Aquilina - Aquilina wkoll huwa qrib ta' Repubblika u tal-familja Caruana Galizia. Minkejja ħidma ma' Delia Aquilina dejjem kien meqjus bħala kontra l-Kap Nazzjonalista bi preżenzi fi protesti dwar ġustizzja għal Daphne Caruana Galizia, fejn Delia kien jiġi kkritikat (u meta mar ġie mxekkel) bosta drabi Chris Said - Said qatta' ħafna minn dawn it-tliet snin taħt ir-radar mingħajr qatt ikkritika fl-apert lil Delia, li kien ikkontesta kontrih għall-kariga ta Kap tal-PN. Said u Delia kienu qrib xulxin fir-riżultat b'Delia jikseb 52.7% - 'il bogħod mit-tkaxkira li kien hemm min bassar li se jagħti. Finalment Said kien l-akbar sorpriża hekk kif kien hu li mexxa l-vot kontra Delia din il-ġimgħa. Beppe Fenech Adami - Iben l-eks Prim Ministru Nazzjonalista qatt ma kien miftuħ wisq fil-kritika tiegħu minn dejjem kien magħruf bħala persuna mhux wisq qrib Delia. Hemm diversi teoriji dwaru u għalkemm ħafna u ħafna inqas dirett, ċar u preżenti fi protesti li fihom jiġi kkritikat Delia wkoll, jissemmew raġunijiet distrettwali u ta' ambizzjonijiet li seta' kellu għat-tmexxija. Mario De Marco - Iben l-eks President Emeritus u eks Deputat PM Nazzjonalist qatt ma lissen kelma fil-pubbliku kontra Delia, forsi għax huwa politiku diplomatiku. Imma xorta ħareġ kontra d-deċiżjoni li jitneħħa Busuttil wara Egrant, kien wieħed mis-17 Blue Heroes u vvota kontra Delia din il-ġimgħa. Ivan Bartolo - Bartolo kien il-persuna li mexxa 'l quddiem vot ta' fiduċja fil-konfront tal-Kap Nazzjonalista fl-istess żmien illi l-partit kien qed isofri minn telf ta' nies permezz ta' riżenji: primarjament Kristy Debono, Clyde Puli, Robert Arrigo - li reġa' rtira r-riżenja - u Mark Anthony Sammut. David Thake - Jekk hemm persuna li ħassitha skomda ma' Delia huwa dan. Thake irriżenja minn Viċi Sindku tal-PN f'San Pawl il-Baħar għax ma riedx jaħdem ma' Delia. Sena ilu indika li Delia kien allegatament irċieva flus mingħand Yorgen Fenech biex David Casa ma jkunx elett - parti mir-raġuni għall-għawġ tal-lum. Claudio Grech - L-id il-leminija tal-eks Ministru Austin Gatt ukoll ftit li xejn qatt esprima kritika fil-pubbliku għal Delia, anzi hu kien persuna li qed tingħata ħafna appoġġ u spazju minn Delia fil-qasam finanzjarju u f'termini ta' ideat. Karl Gouder - Imexxi l-midja tal-Partit Nazzjonalista u fil-pubbliku wkoll qatt ma tkellem kontra Delia. Minkejja dan hu kien wieħed minn dawk meqjusin illi ħaduha kontra Delia diversi drabi, finalment din il-ġimgħa stess kien ikkonfermat meta listi fil-midja soċjali qalu li vvota kontra Delia. Huwa kien ukoll wieħed mill-grupp ta' 17-il Deputat li ħaduha kontra Delia ktar kmieni din is-sena. Claudette Buttigieg - Hija d-Deputat Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti u waħda minn dawk is-17-il Deputat li ħaduha kontra Delia aktar kmieni din is-sena fid-dawl ukoll ta' sondaġġi li kienu qed juru numri ħżiena ħafna għall-PN - xhur wara li l-Partit Nazzjonalista tilef elezzjoni tal-Prlament Ewropew bil-kbir. Ryan Callus - Minkejja li dejjem żamm profil baxx, Callus deher fil-lista kemm ta' dawk is-17 li ħaduha kontra Delia u issa wkoll fost dawk li vvutaw kontra l-Kap tal-PN Kevin Cutajar - Dan id-Deputat Għawdxi dejjem żamm profil baxx ħafna għalkemm huwa mifhum, li vvota kontra Delia din il-Ġimgħa. Ximkien fin-nofs jew mhux daqstant kontra/favur Hermann Schiavone - Schiavone kien, fil-bidu , wieħed mill-aktar Deputati favur Adrian Delia - wieħed mill-ftit Deputati fil-fatt li kkampanjaw għal Delia. Schiavone baqa' leali sakemm dan l-aħħar għamel twissija ċara lill-Grupp Parlamentari li spiċċat ġiet leaked u li fiha jwissi li l-PN hemm bżonn jagħmel xi ħaġa għaliex id-differenza bejn il-partiti bħalissa tinsab ta' madwar 90,000 vot. Mhux ċar kif ivvota din il-ġimgħa, għalkemm fuq il-midja soċjali intqal li vvota kontra Delia - xi ħaġa li ma ċaħadx. Kristy Debono - Kristy flimkien ma' Hermann Schiavone, kienet akkużata illi organizzat laqgħa ma' Yorgen Fenech dwar kiri ta' swali għal attivitajiet tal-PN - wara li kien żvelat illi 17 Black hija ta' Yorgen Fenech. Mhux ċar kif ivvotat għalkemm isimha deher ma' dawk kontra Delia fuq il-midja soċjali u hi ma ċaħditx. Stephen Spiteri - Tabib popolari fil-Kottonera, kwiet u ftit li xejn jidħol f'kontroversji. Żgur li qatt ma mar fil-pubbliku kontra Delia, lanqas f'każi illi fihom numru ta' Deputati ħarġu għonqhom. Jidher iżda illi bħal Schiavone u Debono, Spiteri vvota kontra l-Kap Nazzjonalista - pass mhux antiċipat. Il-gazzetta ILLUM hija nfurmata illi kien mhedded quddiem ir-residenza tiegħu. Ivan Bartolo - Fil-listi jinsab bħala persuna li vvutat kontra Delia. Huwa preżentatur fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalista u swticher. Jidher iżda li huwa wieħed minn dawk li fl-aħħar xhur ħaduha kontra Delia. Dawk li huma favur Delia bil-qawwi Clyde Puli - Eks Segretarju Ġenerali li meta rriżenja kien kiteb ittra qawwija u b'saħħitha illi fiha indika li baqgħu jsiru l-bsaten fir-roti u allura l-PN ma setax jimxi 'il quddiem David Agius - Huwa l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista u wieħed mill-aktar persuni viċin Delia. Robert Arrigo - Viċi Kap u persuna oħra qrib Delia li mhux l-ewwel darba illi wera' ċerta frustrazzjoni għall-kritika interna li ssir. Responsabbli miċ-ċedoli u l-finanzi tal-partit, Arrigo kien irriżenja iżda mbagħad dawwar ħsiebu u baqa'. Maria Deguara - Mart l-eks Ministru tas-Saħħa Louis Deguara vvotat favur Adrian Delia Edwin Vassallo - Id-Deputat Mosti ivvota favur Delia u huwa meqjus MP leali lejn Delia. Robert Cutajar - Id-Deputat Mellieħi vvota favur Delia u huwa meqjus bħala persuna li dejjem kienet favur il-Kp tal-PN Mario Galea - Deputat li jżomm profil baxx imma lealissimu lejn Delia. Carm Mifsud Bonnici - Deputat li jżomm profil baxx b'familja bi storja fil-PN. Dejjem baqa' wara Delia. Toni Bezzina u Frederick Azzopardi - żewġ Deputati li wkoll qatt ma tkellmu dwar materji li jirrelataw mal-Kap tal-PN iżda li wkoll dejjem baqgħu wara l-Kap Nazzjonalista Marlene u Godfrey Farrugia - Dawn it-tnejn mhumiex parti mill-Partit Nazzjonalista però huma parti mill-Oppożizzjoni f'termini Parlamentari. Dawn ma tantx għamluha xi sigriet illi qatt ma kellhom wisq pjaċir b'Delia wara l-pajttaforma li ngħataw minn Simon Busuttil. Wara żviluppi nhar it-Tlieta Marlene Farrugia ħeġġet lid-Deputati tal-PN imorru għand il-President. *17 Blue heroes huma is-17-il Deputat tal-Partit Nazzjonalista li d-Deputat tal-PN Jason Azzopardi qal illi riedu lil Adrian Delia barra | [
12
] |
Id-Deputat Nazzjonalista David Thake - f'referenza għall-programm li fuqu kien Delia llejla - saħaq illi hu qatt ma għajjat lil Delia mostru imma b'mostru kien qed jirreferi għal dawk li jsejjaħ bħala kriminali li ħatfu lill-Partit Laburista u skont hu jridu jaħtfu lill-Partit Nazzjonalista wkoll. "Jiena ma bżajtx minn Joseph Muscat, Keith Schembri, Konrad Mizzi, Chris Cardona, Yorgen Fenech, pulizija korrotta u l-bqija tal-kukkanja ta' kriminali u mafja li ħakmet il-pajjiż ... nassigura lil Delia li mhux se nibża', lanqas minnu." Thake huwa wieħed minn dawk id-Deputati li vvutaw kontra Adrian Delia f'vot li ttieħed il-ġimgħa l-oħra u li sfiduċjawh mill-ġdid quddiem il-President tar-Repubblika. Thake kien għamel l-antipatija tiegħu lejn Delia ċara meta rriżenja minn Viċi Sindku ta' San Pawl il-Baħar. Minkejja dan huwa kien elett fil-Parlament din is-sena stess wara li Simon Busuttil, l-eks Kap tal-PN, irriżenja mill-Parlament Malti u beda jokkupa kariga fil-Partit Popolari Ewropew (PPE). Taħt il-messaġġ ta' Thake xi attivisti nazzjonalisti bdew jisħqu illi huwa "ċar li Delia huwa appoġġjat mill-Labour jew li l-Labour jaqbillu illi jibqa' Delia", narrattiva li qed taqbad l-art fost dawk l-attivisti li ma jriduhx jibqa' Kap tal-partit. | [
12
] |
Il-politika taffettwa lil kulħadd mhux biss lill-adulti jew lill-avukati. Dan jinkludi liż-żgħażagħ. Kemm jekk fil-PN u anke fil-PL, importanti li jkun hemm l-involviment taż-żgħażagħ fil-politika biex ikun hemm ilħna li jirrappreżentaw lilhom." Hekk beda jisħaq mal-gazzetta ILLUM Thomas De Martino, wiċċ żagħżugħ u ġdid fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. L-ILLUM iltaqgħet miegħu u tibda tistaqsih dwaru nnifsu u għaliex minn tant affarijiet, għażel li jidħol fil-politika. Fi kliem De Martino, ħadd daqs iż-żgħażagħ infushom ma jista' jifhem l-isfidi u l-aspirazzjonijiet tagħhom. "Adulti jistgħu jifhmu dak li jridu ż-żgħażagħ imma ħadd ma jista' jpoġġi 'l quddiem politika li tolqot direttament liż-żgħażagħ, ħlief iż-żgħażagħ infushom," saħaq De Martino. Kompla jisħaq li għall-kuntrarju ta' dak li jingħad, iż-żgħażagħ jitkellmu ħafna fuq il-politika, għax fi kliemu, biex titkellem fuq il-politika, ma jfissirx li trid titkellem fuq il-PN jew fuq il-PL. "Mhux ħafna żgħażagħ jitkellmu fuq Adrian Delia u Robert Abela, iżda ħafna żgħażagħ jitkellmu kif mhux qed ilaħħqu bl-istipendju, kif it-trasport pubbliku mhuwiex effiċjenti, ħafna jitkellmu dwar it-traffiku u l-ambjent, dwar il-fatt li ż-żgħażagħ taħt it-18-il sena ma għandhomx fejn imorru jiddevertu, dwar l-abbuż mid-droga u dwar il-kostruzzjoni bl-addoċċ. Iż-żgħażagħ mhux bilfors qed jitkellmu dwar l-aħmar u l-blu imma jitkellmu ħafna fuq it-temi li fl-aħħar mill-aħħar huma politiċi," saħaq De Martino. De Martino huwa esponent tal-PN iżda jaħseb li fadal iż-żmien għall-politika partiġġjana? Ma jaħsibx li f'Malta ffissati wisq fuq il-PN u l-PL? Ma jeħodhiex bi kbira. Fi kliemu, il-polarizzazzjoni hija frott il-fatt li aħna Mediterranji u f'kollox irridu ndaħħlu r-rivalità. "Anke f'sempliċiment festa. L-iċken raħal ikollu żewġ każini. Aħseb u ara fil-politika," insista De Martino. Saħaq li hu ma jaqbilx ma' min, għax ikun għamel xi ħaġa l-PL, u għax huwa Nazzjonalist, jara kollox ħażin u viċi-versa. "Ir-rivalità mhijiex għal kollox ħażina. Li jkun hemm ċertu rivalità bejn żewġ partiti, min se jagħmel l-aħjar politika, min se jolqot l-aktar nies, min se jifhem aktar ir-realtajiet tan-nies … hemm ir-rivalità tkun pożittiva għax bħal għandek inċentiv biex dejjem toffri l-aħjar. Jekk iż-żewġ partiti dejjem ikunu għassa fuq xulxin, it-tnejn li huma se jipprovaw joffru l-aħjar," saħaq De Martino. Mill-banda l-oħra insista li r-rivalità tista ssir għadu meta tintuża biex wieħed ikisser lill-ieħor. "Ir-rivalità għandha tkun hemm biex tgħinha ntejbu lil xulxin. Jekk il-PL ippropona xi ħaġa li jiena ma naqbilx magħha mhux nattakkaha u daqshekk imma nipprova nippreżenta xi ħaġa li hija ħafna aħjar," insista De Martino. "Ħares lejn pajjiżna. Ara kemm imxejna 'l quddiem mill-Indipendenza 'l hawn. Flimkien tejjibna l-pajjiż. Ara kemm tista' tagħmel affarijiet, speċjalment meta ż-żewġ partiti jibnu fuq it-tajjeb ta' xulxin." Jien mhux qiegħed hawn għax nammira l-istorja tal-PN. Mhux qiegħed hawn qisni qiegħed f'mużew. Qiegħed hawn għax ċert li l-PN fadallu x'joffri Thomas De Martino Għaliex daħal fil-PN meta jaf li l-Partit jinsab għarkupptejh? L-ILLUM tistaqsih għaliex għażel il-PN għax ngħiduha kif inhi, ma daħalx fih fl-isbaħ żminijiet? De Martino jibda jgħid kif hu qatt ma jiftakar lill-PN fl-aqwa żminijiet tiegħu. Jispjega kif fi żmien ir-Referendum tal-Unjoni Ewropea, hu kien għadu tarbija. Fakkar li hu ġej minn familja Nazzjonalista u involuta fil-politika u għalhekk, fi kliemu, ikun qed jigdeb jekk jgħid li dan ma affettwahx. "Imma mhux għalhekk biss. Naf li l-PN, tul l-istorja, ta' kontribut enormi biex ġab pajjiżna 'l quddiem. Il-PN ġabna mill-ġlied f'Tal-Barrani għal Brussell. Ara partit politiku, meta jaħdem sew, kemm jista' jagħmel ġid. Il-PN ħadna minn kważi gwerra ċivili għall-pajjiż fl-Unjoni Ewropea," insista l-politiku żagħżugħ. Iżda ma waqafx hawn. Insista li jinsab ċert li l-PN fadallu jagħmel aktar ġid lill-pajjiż. "Jien mhux qiegħed hawn għax nammira l-istorja tal-PN. Mhux qiegħed hawn qisni qiegħed f'mużew. Qiegħed hawn għax ċert li l-PN fadallu x'joffri," kompla jisħaq. Fakkar li anke l-Partit Laburista għadda minn żminijiet diffiċli u rnexxielu jirriġenera lilu nnifsu. "Il-PL tela' fil-Gvern, għamel il-ġid u għamel il-ħażin ukoll. Taqbel ma taqbilx it-tajjeb trid tgħidlu tajjeb, imma għamel il-ħażin ukoll u aħna rridu naraw kif nistgħu ntejbu u nagħtu futur aħjar." 'Jekk nieqfu mal-esperjenza biss insiru biss mużew' L-ILLUM tistaqsih jekk il-PN għadux attraenti għaż-żgħażagħ. Tħares lejn il-PL tarah mimli żgħażagħ. Biss biss insemmu d-Deputat Mexxej il-ġdid għall-Affarijiet tal-Partit, Daniel Micallef u anke diversi membri tal-kabinett. Mill-banda l-oħra, il-PN għamel riforma b'Louis Galea, poġġa bħala Segretarju Ġenerali lil Francis Zammit Dimech u lil Censu Galea bħala President tal-Kunsill Ġenerali. Għaliex qiesu qed iħares lura flok 'il quddiem? "Għalhekk jien qiegħed hawn. Qiegħed hawn biex inbiddel dik," insista waqt li tenna li l-partit xorta waħda għandu bżonn nies ta' esperjenza. "Imma jekk nieqfu mal-esperjenza biss insiru biss mużew. Irridu l-enerġija, il-ħeġġa, l-innovazzjoni. Jien għalhekk qiegħed hawn. Jien kuljum niġri wara ż-żgħażagħ u nitkellem magħhom." L-ILLUM tistaqsih jekk jaħsibx li qed jaqdef fil-vojt iżda hu jisħaq li jirbaħ min jirbaħ l-elezzjoni li jmiss, irid li jkollu kuxjenza safja li jkun għamel dak kollu li seta' jagħmel. "Jekk nirbħu tajjeb. Jekk le, ngħid li jiena dmiri għamiltu ma' dak il-partit li nibqa' nemmen li jista' joffri futur aħjar," insista ż-żagħżugħ. 'Dawn l-intriċċi jsewdulek qalbek u jumiljawk' Tkellimna dwar il-vot ta' sfiduċja f'Adrian Delia, riżultat ta' sitwazzjoni li kienet ilha ġejja u li fl-aħħar splodiet. Meta jara hekk, hu li għadu żagħżugħ, ma jaqtax qalbu? Ma jitlifx il-fiduċja fil-politika? "Fi grupp, il-bnedmin mhux dejjem jaqblu. Jiena nemmen li dawn huma affarijiet li wieħed irid jerfa' l-piż tagħhom meta jkun irid iservi partit u l-pajjiż ... Jekk mhux se tippersisti mhux se tasal. Jekk tieqaf żgur li mhux se tasal. Jekk tippersisti tista' tasal," insista De Martino. Madanakollu ammetta li dawn mhux żminijiet sbieħ. "Ovvjament dawn l-intriċċi jsewdulek qalbek, iweġġgħuk u jumiljawk man-nies. Meta n-nies ikunu jafu li inti Nazzjonalist u li tkun ħafna d-Dar Ċentrali, aktar jumiljawk speċjalment wara dak li ġara din il-ġimgħa. Qalbek tinqasam tara dawn l-affarijiet imma dak huwa parti mill-prezz li trid tħallas jekk sinċeriment temmen li kapaċi toffri xi ħaġa għall-pajjiż," kompla jisħaq. Kien hawn li insista li biex dan iseħħ, biex il-Partit joffri xi ħaġa aħjar għall-pajjiż, irid ikun hemm kulħadd jaħdem fuq l-istess linja għax jekk le, fi kliemu, inutli jkollok l-aqwa nies. Mhux inkwetanti li anke ż-żgħażagħ fil-PN mifruda? Hawn l-ILLUM twaqqfu u tfakkru li fil-PN lanqas iż-żewġ fergħat taż-żgħażagħ ma jimxu fuq l-istess linja. L-MŻPN ma għandux fiduċja f'Delia filwaqt li Team Start jiddefendu l-Kap. Dan jawgura tajjeb għall-futur tal-PN? De Martino beda billi fakkar f'dak li żvela s-sit illum.com.mt, jiġifieri li l-istqarrija tal-MŻPN, li talbet għar-riżenja ta' Delia, ma kinitx ġiet approvata mill-eżekuttiv tal-istess fergħa taż-żgħażagħ. Fi kliem De Martino, huwa ironiku li stqarrija li tippriedka fuq id-demokrazija u l-istqarrija nnifisha hija anti-demokratika. Kompla jisħaq li ż-żewġ fergħat jaħdmu ma' faxex differenti ta' żgħażagħ u għalhekk anke jekk jaħdmu flimkien, ma jagħmilx sens li jkunu ħaġa waħda. "Il-problema hija li għandek fergħa li għandha fehma dwar il-Kap u fergħa oħra li l-fehma tagħha hija differenti. Imma ma hemmx żewġ fergħat minħabba l-kwistjoni tal-Kap. Saru biex ikun hemm rappreżentanza aktar wiesgħa ta' żgħażagħ. Bħala Team Start nagħmlu li nistgħu biex ikollna relazzjoni tajba mal-MŻPN. Għal dan is-sajf kellna proġetti li kellna naħdmu flimkien dwarhom. Ma niddejjaqx naħdem magħhom sakemm naħdmu flimkien għall-ġid tal-Partit," insista. 'Vot ta' 19-il persuna ma jistax iġib null il-vot tat-tesserati' De Martino jidher ħafna ma' Delia, iżda wara l-aħħar żviluppi, verament jaħseb li hu għaqli li Delia jibqa' l-Kap tal-PN? Beda jfaħħar id-determinazzjoni ta' Delia għax fi kliemu, fil-mumenti meta ta' madwaru jkunu qatgħu qalbhom, partikolarment meta wieħed iqis l-ostakli li sab ma' wiċċu f'dawn it-tliet snin, l-enerġija tiegħu hija "inkredibbli." Dawn huma karatteristiċi, kompla jispjega, li jrid ikollu kull kap tal-partit u kull Prim Ministru. Ma tistax tieqaf mal-ewwel mewġa. Saħaq li Delia wera li kapaċi jegħleb l-ostakli u jibqa' għaddej b'aktar determinazzjoni," insista. "Is-sitwazzjoni li ninsabu fiha hija miskina. Iddejjaq lin-Nazzjonalisti ġenwini," saħaq De Martino. Fakkar li bħala Kap tal-Oppożizzjoni, Delia tilef l-appoġġ tad-Deputati iżda insista li bħala Kap tal-PN, Delia għandu l-appoġġ tal-maġġoranza tat-tesserati. "Kif nistgħu nippriedkaw id-demokrazija u politika li tirrispetta l-opinjonijiet tan-nies u mbagħad vot ta' 19-il persuna iġib null il-vot ta' eluf ta' tesserati u kunsilliera." Kien hawn li De Martino insista li l-fattur komuni f'dawn il-problemi huma d-Deputati li ma jridux jaħdmu ma' Delia. '...nukleu li jrid jiddetta dak kollu li jridu l-partitarji u l-kunsilliera' "X'jiġri jekk nagħmlu Kap ġdid tal-PN u d-Deputati jibqgħu ma jaċċettawhx? Se nibqgħu neleġġu Kap ġdid sakemm dawn jaċċettawh? Dawn 19-il ruħ li ħafna minnhom ilhom hawn żmien twil. Aħna qed nippruvaw inġeddu l-partit … u hijacked minn erba' min-nies li jaħsbu li għandhom xi jedd speċjali fuq il-Partit," saħaq b'passjoni. "Jien irrid naħdem ma' kulħadd. Inkluż ma' dawn id-Deputati. Aktar ma jkolli nies miegħi, aktar għandi voti. Aħna rriduhom magħna. Imma ma nistgħux nibqgħu sejrin hekk, b'nukleu li jiddetta dak kollu li l-partitarji u l-kunsilliera jridu." Kompla jisħaq li l-argument ta' min jgħid li Delia ma kiseb xejn għall-PN fl-aħħar tliet snin ma jagħmilx sens għax fi kliemu dan beda "bil-gambetti," minn qabel sar Kap. "Gambetta wara l-oħra fit-tellieqa u nneħħuk għax tlift flok inneħħu lil min qed jagħmel il-gambetti," insista De Martino. "Mill-esperjenza naf li Delia kemm-il darba ressaq l-id tal-ħbiberija u dawn ma aċċettawx." Insista li partit ikun sinjur meta jkollu ideat u opinjonijet differenti għax hekk ifisser li qed jirrappreżenta nies differenti. Madanakollu saħaq li ma jistax ikun li ftit nies jibqgħu jiddettaw huma x'jiġri. "Aħna daħħalna d-demokrazija u issa se nkunu aħna li nimminawha," insista De Martino. 'Riedu jtajruh mill-bidu nett...' Iżda l-ILLUM tinsisti miegħu li għall-pajjiż u l-partit din mhijiex sitwazzjoni feliċi. F'dan l-istadju, Delia, mhux aħjar iwarrab għal ġid ta' kulħadd? "Delia qatt ma tħalla jaħdem. Mill-ewwel ġurnata beda bit-tfixkil," tenna De Martino waqt li insista li l-allegati chats ma' Yorgen Fenech mhumiex ir-raġuni vera għaliex iridu jtajru lil Delia. "Riedu jtajruh mill-bidu nett, minn qabel sar Kap … daqqa minħabba problemi familjari, daqqa għax ħareġ sondaġġ, daqqa għax tlifna l-elezzjoni u issa sibna skuża oħra." Jaħseb li Delia għandu jitlob mill-ġdid il-fiduċja tat-tesserati? De Martino ma jaqbilx. "Kemm se ndumu sejrin hekk? Is-sajf li għadda morna għall-vot tal-kunsilliera … fl-2017 ivvutawlu madwar 53% tal-kunsilliera u s-sena l-oħra vvutawlu 67%. Dan wara telfa elettorali. In-nies jafu li dan qatt ma ngħata ċans. Kif nistgħu ngħidu li aħna għandna l-bniedem fiċ-ċentru tal-politika tagħna u mbagħad għax ġie bniedem ġdid naħarquh." Riedu jtajruh mill-bidu nett, minn qabel sar Kap … daqqa minħabba problemi familjari, daqqa għax ħareġ sondaġġ, daqqa għax tlifna l-elezzjoni u issa sibna skuża oħra Thomas De Martino Ħiereġ għall-elezzjoni? Ħallejna l-Partit Nazzjonalista u erġajna tkellimna fuq Thomas u l-ambizzjonijiet tiegħu. Fejn jarah jasal fil-politika? Irid ikun fil-Parlament, fil-Parlament Ewropew, jew jibqa' jaħdem fil-Partit biss? "MEP żgur li le. Jiena ma nimmaġinax lili nnifsi ngħix barra minn Malta," wieġeb minnufih. "Ma nħarisx lejn karigi. Inservi biss fejn nara li n-nies jixtiquni nservi. Jekk in-nies iridu nasal sal-Parlament, jew għal xi kariga fil-PN, imbagħad nikkunsidra." L-ILLUM staqsietu jekk jixtieqx jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss. "Kieku jdendluni tal-familja. Jiena għadni student. It-tentazzjoni hija kbira ħafna imma rrid niffoka fuq l-istudji tiegħi u anke għax nemmen li għandi ħafna kontribut x'nagħti fil-PN, mingħajr ma nkun kandidat," temm jgħid De Martino. | [
12
] |
Aquarius mill-20 ta' Jannar sat-18 ta' Frar Il-bidu ta' żodjaku ta' Leo għalik Aquarius ser jagħmlek tagħraf iżjed li kollox għandu ż-żmien tiegħu, minħabba dak li int għaddej minnu fil-preżent. Imma din ser tkun fażi u ser toħroġ minnha, basta tagħraf timxi b'moħħok biex b'hekk terġa taqbad ir-ritmu ta' stabilta' li tant hi bżonjuża. Għaraf dan. L-aktar jum ideali għalik għal din il-ġimgħa huwa l-Ġimgħa. L-aktar żodjaku ideali għalik għal din il-ġimgħa huwa Pisces. Aquarius huma magħrufin bħala persuni ta' fehema soda. Namaste Pisces mid-19 ta' Frar sal-20 ta' Marzu Il-bidu ta' żodjaku ta' Leo għalik Pisces ser ikun iffiser aktar impenn ta' responsabilita' fil-madwar kollu tiegħek. Hekk int ser tagħraf turi kemm int responsabbli. Minn naħa l-oħra int issa ser tagħraf kemm huwa importanti li ttejjeb il-madwar tiegħek, dan sabiex tagħraf aħjar dak li hemm riesaq lejk. L-aktar jum ideali għalik għal din il-ġimgħa huwa t-Tlieta. L-aktar żodjaku ideali għalik għal din il-ġimgħa huwa Cancer. Pisces huma magħrufin li jimxu mal-mument. Namaste Aries mill-21 ta' Marzu sad-19 ta' April Il-bidu ta' żodjaku ta' Leo għalik Aries ser ikun iffiser aktar impenn fil-karriera tiegħek. Hekk li minn issa int ser tagħti spinta kemm biex int ittejjeb iżjed ħidmietek u ovvjament sabiex twessa' aktar ħiltek. Iżda dan trid tagħraf tagħmlu b'mod għaqli sabiex b'hekk tkabbar dak li tixtieq. L-aktar jum ideali għalik għal din il-ġimgħa huwa s-Sibt. L-aktar żodjaku ideali għalik għal din il-ġimgħa huwa Scorpio. Aries huma magħrufin għat-tmexxija ntensiva tagħhom. Namaste Taurus mill-20 ta' April sal-20 ta' Mejju Il-bidu ta' żodjaku ta' Leo għalik Taurus ser ikun iffiser impenn ta' preparazzjoni f'dak li int għandek riesaq lejk sabiex hekk int tkun tista ttejjeb aktar il-kapaċitajiet tiegħek. Persuna ser tavviċinak u ser toffrilek oppurtunita'. Għaraf li tieħu parir sew qabel tagħmel xi pass lejn din l-oppurtunita'. L-aktar jum ideali għalik għal din il-ġimgħa huwa t-Tnejn. L-aktar żodjaku ideali għalik għal din il-ġimgħa huwa Leo. Taurus huma magħrufin għat-tfassil dettaljat tagħhom. Namaste Gemini mill-21 ta' Mejju sal-20 ta' Ġunju Il-bidu ta' żodjaku ta' Leo għalik Gemini ser ikun iffiser aktar impenn dwar il-proġetti li issa trid tibda twettaq. Fejn għalkemm dan l-aħħar għaddejt minn xi sitwazjonjiet delikati xorta waħda int kapaċi tasal fejn vera tixtieq tasal. Iżda għaraf li timxi iżjed b'moħħok. Għalhekk irrefletti. L-aktar jum ideali għalik għal din il-ġimgħa huwa l-Erbgħa. L-aktar żodjaku ideali għalik għal din il-ġimgħa huwa Sagittarius. Gemini huma magħrufin għas-sensittivta' li joffru. Namaste Cancer mill-21 ta' Ġunju sat-22 ta' Lulju Il-bidu ta' żodjaku ta' Leo għalik Cancer ser ikun ifisser aktar impenn lejn dak li verament tixtieq għalik. Hekk li issa din il-fażi ser tagħtik iċ-ċans ta' dawra kompluta madwarek kemm mill-lat kif tibda tippreżenta lilek, kemm kif torganiżża il-madwar tiegħek iżda wkoll fid-dehra tiegħek. L-aktar jum ideali għalik għal din il-ġimgħa huwa l-Ħamis. L-aktar żodjaku ideali għalik għal din il-ġimgħa huwa Aquarius. Cancer huma magħrufin għal-burdata stabbli tagħhom. Namaste Leo mit-23 ta' Lulju sat-22 ta' Awwissu Il-bidu ta' żodjaku ta' Leo għalik l-istess Leo ser iġiegħlek taħseb li wasal iż-żmien li tbiddel l-istil ta' madwarek. Ipprova twebbisx rasek għax din il-bidla hija bżonjuża kemm għal dak li hemm riesaq għalik u kemm biex int tagħraf lilek aktar. Għalhekk tajjeb li tgħamel riflessjoni dwar dan. L-aktar jum ideali għalik għal din il-ġimgħa huwa t-Tnejn. L-aktar żodjaku ideali għalik għal din il-ġimgħa huwa Aries. Leo huma magħrufin bħala persuni ta' komunikazzjoni pożittiva. Namaste Virgo mit-23 ta' Awwissu sat-22 ta'Settembru Il-bidu ta' żodjaku ta' Leo għalik Virgo ser jagħmlek tkun tħossok persuna aktar dixxiplinata. Din is-sitwazzjoni ser tagħtik nifs ġdid u bis-saħħa tagħha ser tlaqqek ma' persuni ġodda bil-probabilta' ta' proġetti ġodda. Biss int trid tagħraf li tkun imħejji sew u li int lest tkun kapaċi għal dan it-twettiq. L-aktar jum ideali għalik għal din il-ġimgħa huwa s-Sibt. L-aktar żodjaku ideali għalik għal din il-ġimgħa huwa Gemini. Virgo huma magħrufin bħala persuni ta' moral effetiv ħafna. Namaste Libra mit-23 ta' Settembru sat-22 ta' Ottubru Il-bidu ta' żodjaku ta Leo għalik Libra ser iwasslek għal-fażi ta' trankwillita' sabiex int kemm tista' tiprova żomm lilek taħt sitwazzjoni kajmana. Prova għaraf dak li int esperjenzajt fil-passat sabiex ma' terġax tirrepeti u hekk tkun tista' tħares aktar b'fiduċja u stabilta' lejn dak li riesaq lejk. L-aktar jum ideali għalik għal din il-ġimgħa huwa l-Erbgħa. L-aktar żodjaku ideali għalik għal din il-ġimgħa huwa Virgo. Libra huma magħrufin għal-bilanċ li huma kapaċi iwettqu. Namaste Scorpio mill-23 ta' Ottubru sal-21 ta' Novembru Il-bidu ta' żodjaku ta' Leo għalik Scorpio ser jagħmlek tagħraf li dan huwa il-mument fejn tagħraf li s-sitwazzjoni finanzjarja ta' madarek sejra lura u dan qiegħed joħloq ċertu pressjoni madwarek. Iżda jekk int minn issa tagħraf tagħmel forma ta' pjan finanzjaru dan ikun ferm utli għalik għall istabilita'. L-aktar jum ideali għalik għal din il-ġimgħa huwa l-Ġimgħa. L-aktar żodjaku ideali għalik għal din il-ġimgħa huwa Capricorn. Scorpio huma magħrufin għal-istabilita' tagħhom. Namaste Sagittarius mit-22 ta' Novembru sal-21 ta' Diċembru Il-bidu ta' żodjaku ta' Leo għalik Sagittarius ser jagħmlek tagħraf kemm huwa mportanti li minn issa tibda toħroġ iżjed bil-qawwa kollha tiegħek. Għalkemm uħud minn madwarek m'humiex jaraw li sejjer jirnexillek twettaq dan il-pass kbir li int sejjer tagħmel. Imma ibqa żgur li ser tħalli lill kulħadd sorpriż. L-aktar jum ideali għalik għal din il-ġimgħa huwa l-Ħamis. L-aktar żodjaku ideali għalik għal din il-ġimgħa huwa Libra. Sagittarius huma magħrufin bħala nies motivati ħafna. Namaste Capricorn mit-22 ta' Diċembru sad-19 ta' Jannar Il-bidu ta' żodjaku ta' Leo għalik Capricorn ser jagħmlek iddur dawra madwarek. Għalhekk f'dan il-perjodu int għandek tosserva aktar dak kollu li jibda jseħħ madwarek sabiex b'hekk int tkun tista' tanaliżża dak kollu li jkun għaddej u min hemm int tkun tista' tieħu direzzjoni ideali għalik. L-aktar jum ideali għalik għal din il-ġimgħa huwa t-Tlieta. L-aktar żodjaku ideali għalik għal din il-ġimgħa huwa Taurus. Capricorn huma magħrufin għad-direzzjonijiet pożittivi tagħhom. Namaste | [
2
] |
Għad m'hemm l-ebda ħjiel tat-tmiem tal-gwerra ċivili fil-PN. Din qed tagħmel ħafna ħsara, mhux biss lill-PN: fl-aħħar minn l-aħħar qed tagħmel il-ħsara lill-pajjiż kollu. Kull wieħed miż-żewġ darbiet fejn ġie espress vot ta' sfiduċja fil-Kap tal-PN Adrian Delia iwassal messaġġ politiku ċar li s'issa l-Kap tal-Opposizzjoni għad ma fehem xejn minnu. Meta Delia stqarr li l-vot ta' sfuduċja espress mill-grupp parlamentari Nazzjonalista u iktar tard mill-Kumitat Eżekuttiv tal-PN ma kellhom l-ebda sinifikat partikolari, kien qed jesponi l-miżerja ta' kredenzjali demokratiċi tiegħu kif ukoll kien qed jirrifletti l-immaturità politika tiegħu. Dan fl-aħħar m'għandux biss rifless fuq il-kredibilità ta' Adrian Delia imma ukoll fuq dik tal-PN innifsu. Il-gwerra ċivili fil-PN qed tisraq l-attenzjoni li presentement jixraq li tkun fuq materji oħra ta' importanza kbira. L-irkupru mill-impatti sostanzjali tal-pandemija Covid-19 u t-tisħiħ tal-kapaċità ta' Malta kontra l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus jeħtieġu ferm iktar attenzjoni u enerġija. Mhux biss mill-Gvern, imma anke mill-Opposizzjoni. Jeħtieġ li niddiskutu fid-dettall pjan ta' rkupru mill-pandemija Covid-19 li jinfirex fuq l-oqsma kollha effettwati: pjan li għandu jkun wieħed integrat ma' strateġija li tindirizza t-tibdil fil-klima u dan fil-qafas tal-konklużjonijiet tas-summit ta' Pariġi. Alternattiva Demokratika diġà tat il-kontribut tagħha xi ġimgħat ilu permezz tal-pubblikazzjoni tar-rapport: Pjan Aħdar: Ġust u Sostenibbli. Studju riċenti ta' Deloitte li kien ikkummissjonat mill-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Restoranti (MHRA) jindika li l-industrija tat-turiżmu bdiet ġejja f'sensiha. Qed tirrealizza li l-irkupru mhux biss seħħ bil-mod, iżda bil-mod ħafna: iktar kajman milli qatt antiċipaw. L-Air Malta irrevediet il-pjan kummerċjali tagħha u issa qed tantiċipa li teħtieġ madwar seba' snin biex tkun f'posizzjoni li terġa' tibda iġġorr l-istess numru ta' passiġġiera li kienet iġġor qabel ma faqqgħet il-pandemija. Dan kollu jwassal għal osservazzjoni waħda – evitata minn bosta – dwar kemm l-aspettattivi tal-industrija tat-turiżmu dwar l-irkupru tal-industrija mhumiex realistiċi. Ikun ferm aħjar kieku napprofittaw ruħna mis-sitwazzjoni u nippjanaw aħjar biex l-industrija tat-turiżmu tissaħħaħ billi ma tibqax tiffoka fuq in-numri imma fuq il-kwalità tat-turist. Pjan ta' din ix-xorta, bla dubju, jkun jista' jindirizza l-impatti ambjentali negattivi sostanzjali tal-industrija b'mod effettiv. Il-Ministru tat-Turiżmu Julia Portelli-Farrugia ma tantx tidher li taqbel ma dan, għax il-ħin kollu tredden bin-numri. Il-Moneyval hu Kumitat tal-Kunsill ta' l-Ewropa magħmul minn esperti li jevalwaw miżuri kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Hu grupp ta' monitoraġġ permanentI bl-inkarigu li jara li l-istati membri tal-Kunsill ta' l-Ewropa qed jieħdu l-miżuri meħtieġa u maqbula fuq livell internazzjonali. Meta Delia stqarr li l-vot ta' sfuduċja espress mill-grupp parlamentari Nazzjonalista u iktar tard mill-Kumitat Eżekuttiv tal-PN ma kellhom l-ebda sinifikat partikolari, kien qed jesponi l-miżerja ta' kredenzjali demokratiċi tiegħu Fl-aħħar rapport dwar Malta ippubblikat fl-2019 il-Moneyval, tagħmel 40 rakkomandazzjoni spjegati f' 233 paġna. Rakkomandazzjonijiet dwar x'inhu meħtieġ li jsir. Ir-riskji għal Malta huma ċari: għandna ekonomija li hi vulnerabbli ħafna primarjament minħabba d-daqs tagħha kif ukoll minħabba l-fatt li hi esposta ħafna għal dak kollu li jiġri barra minn xtutna. Ir-rapport tal-Moneyval jemfasizza li r-remote gaming, per eżempju hu vulnerabbli ħafna għall-ħasil tal-flus u dan "due to the high number of customers, mainly non-resident, the high volume of transactions, the non-face-to-face nature of the business and the use of prepaid cards." Mhux biżżejjed li għandna liġijiet li huma ġeneralment liġijiet tajbin. Hemm ħtieġa qawwija ta' riżorsi għax mingħajr r-riżorsi ma tista' timplimenta xejn. Ix-xhieda riċenti tal-Assistant Kummissarju tal-Pulizija Ian Abdilla fl-inkjesta pubblika dwar l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia, ftit jiem wara li tneħħa mit-tmexxija tat-taqsima tar-reati ekonomiċi jindika n-nuqqas ta' impenn biex il-ħafna dikjarazzjonijiet li jsiru kontra l-ħasil tal-flus ikunu implimentati. Sfortunatament id-dikjarazzjonijiet u l-assigurazzjonijiet repetuti tal-Gvern mhumiex kredibbli. Mhux aħjar l-Opposizzjoni tuża' l-ħin tagħha dwar dan? Iktar ma jikkonkludu l-glied intern malajr, aħjar għal kulħadd. Hemm ħafna x'isir wara li Adrian Delia jiġi f'sensieh u jaċċetta l-inevitabbli. | [
11,
12
] |
Id-Deputat Jason Azzopardi żvela fuq Facebook kif l-Oppożizzjoni fil-Parlament tal-Montenegro qed titlob il-koperazzjoni tal-Parlament Malti biex ikun investigat dak li qed jissejjaħ l-iskandlu tal-wind farm tal-Montenegro. Fuq Facebook, Azzopardi ppubblika l-kommunikazzjoni li kien hemm bejnu u bejn membru tal-Oppożizzjoni mill-Montenegro wara li ġie deċiż, fil-Montenegro, li jitwaqqaf kumitat parlamentari speċjali li jinvestiga dan l-investiment. Azzopardi insista li għall-kuntrarju ta' dak li qed jagħmel il-Parlament Malti, dak fil-Montenegro qed jagħti importanza kbira lil dan "l-iskandlu" tant li qed jorbtu mhux biss mal-korruzzjoni imma mal-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia. Id-Deputat saħaq li se jkun qed iwieġeb lill-Oppożizzjoni tal-Montenegro u se jkun qed joffri l-għajnuna tiegħu. Dan il-każ idur mal-kumpanija 17 Black, il-kumpanija ta' Yorgen Fenech li minnha kellhom jgħaddu flus fil- kumpaniji Tillgate u Hearnville, kumpaniji fil-Panama miftuħin minn Keith Schembri u Konrad Mizzi rispettivament. Allegatament, Fenech għamel profitt ta' €4.6 miljun mix-xiri tal-wind farm fil-Montenegro mill-Enemalta. Kienet il-kumpanija Cifidex li biegħet l-ishma tal-wind farm bi prezz ta' €10.3 miljuni lill-Enemalta u li allegatament xtrat ġimagħtejn qabel biss minn Fersa Renovables - Konsorzju Spanjol - għal €2.9 miljun, differenza ta' €7.4 miljuni. Skont investigazzjoni li saret minn Reuters u The Times of Malta, €3 miljuni kienu trasferiti minn 17 Black għal għand Cidifex. Dan ifisser li l-flus ta' Cidifex biex tixtri l-Wind Farm kienu ġejjin minn Yorgen Fenech. Ftit wara li l-Enemalta xtrat il-wind farm mingħand Cifidex, din tal-aħħar għaddiet €7.4 miljuni lill-kumpanija 17 Black, jiġifieri t-€3 miljuni li kienu għaddew qabel u profitt ta' madwar €4.6 miljun. | [
12
] |
Taljan ta' 57 sena, li jgħix San Pawl il-Baħar, inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat li wettaq atti indiċenti quddiem minuri, waħda minnhom tifla ta' sitt snin, fil-bajja ta' Dawret it-Tunnara, fil-Mellieħa. Skont il-Prosekuzzjoni, l-istess Taljan kien instab ħati ta' atti simili fl-Italja. L-Ispettur John Spiteri spjega kif fil-ħin li r-raġel kien qed jagħmel l-atti indiċenti kien hemm diversi tfal fil-viċin. Huwa telaq minn fuq il-post meta nduna li kienu rawh xi nies. Jidher li l-każ seħħ nhar l-Erbgħa li għadda iżda r-raġel irritorna fl-istess bajja nhar is-Sibt u għamel l-istess mossi. Fuq il-bajja kien hemm diversi tfal u ġenituri li nzertaw kienu hemm l-Erbgħa ta' qabel. Wieħed mill-ġenituri nnota li r-raġel kien qed jgħum bla malja. Id-difiza talbet għall-ħelsien mill-arrest fosthom għax mar-raġel tgħix ommu ta' 85 sena u li jieħu ħsiebha. Il-Qorti ċaħdet din it-talba. | [
12
] |
Jekk il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, bejn nhar il-Ġimgħa u s-Sibt li ġej se jagħżel it-triq li jimxi għall-elezzjoni ta' Kap ġdid Nazzjonalista jidher li hemm lista ta' nies li lesti jitfgħu isimhom biex jikkontestaw għal din l-ogħla kariga f'partit li bħalissa jinsab f'nofs kriżi politika u li qed jiffaċċja problemi kbar kemm biex jattira votanti ġodda imma b'mod speċjali biex iżomm il-votanti tiegħu stess li ilhom jonqsu mill-elezzjoni tal-2008. Bernard Grech: Popolari imma 'ġdid' Fuq quddiem għal din il-kariga ta' toqol kbir hemm l-avukat minn Birżebbuġa Bernard Grech. Grech ilu jissemma għal din il-kariga u għandu s-saħħa tal-popolarità minn fost firxa tal-għeruq - kif jidher ċar mill-kummenti li jaqla' fuq il-midja soċjali imma wkoll kif ikkonfermaw is-sondaġġi li saru, kemm dawk ippubblikati fuq il-gazzetta oħt Maltatoday imma wkoll fuq dawk ta The Times. F'dak ta' The Times - li huwa l-aktar riċenti - is-sondaġġ juri illi Grech huwa meqjus bħala l-favorit biex jieħu post Adrian Delia jekk issir elezzjoni għal Kap Nazzjonalista ġdid. B'14% Grech qiegħed fuq quddiem bħala l-favorit minn fost il-votanti kollha u jsegwih hemm l-avukat Joe Giglio b'11%, filwaqt li 7% iridu li jibqa' Delia. Skont dan is-sondaġġ 9% jemmnu li Roberta Metsola tista' tkun l-aqwa Kap tal-partit. Dan jaqbel xi ftit jew wisq mas-sondaġġ mill-Mediatoday dwar kandidati prospettivi għat-tmexxija tal-PN li sar f'Diċembru li għadda. Fil-fatt mistoqsijin lil min jafdaw biex imexxi lill-Partit Nazzjonalista, globalment, 15.1% qalu Bernard Grech, filwaqt li 12.9% wieġbu li hija l-MEP Roberta Metsola. Minn dawk li vvutaw lill-Partit Nazzjonalista fl-2017 jidher ċar illi Grech jinsab fuq quddiem b'33.3% jgħidu illi jafdaw fih bħala Kap suċċesur filwaqt li 22.6% lil Roberta Mestsola. L-istess sondaġġ juri illi 23% ta' dawk li vvutaw PN fl-2017 jemmnu li Delia jibqa' Kap li jafdaw fih. L-Avukat Bernard Grech Roberta Metsola: MEP, kompetenti imma "ta' Simon" Roberta Metsola ukoll mistennija titfa' isimha għal elezzjoni li jista' jkun hemm fil-Partit Nazzjonalista. Metsola hija popolari fost il-votanti Nazzjonalisti u fl-aħħar żewġ elezzjonijiet tal-MEPs kienet l-aktar kandidata Nazzjonalista li kisbet voti. Fl-2014 hija kisbet 32,360 vot, b'Casa warajha b'eluf ta' voti b'19,582 vot. Fl-2019 kisbet 38,206 vot filwaqt li Casa kiseb 20,493 vot warajha. Fis-sondaġġi Metsola ġiet it-tieni post f'dan tal-Maltatoday u fir-raba' post fis-sondaġġ ta' The Times, kif diġa' ġie msemmi f'dan l-artiklu. Delia jerġa joħroġ - għad għandu appoġġ , imma ma tax riżultati u bomba tal-ħin Naturalment ma' dawk li nistennew illi jitfgħu isimhom hemm il-Kap kurrenti Adrian Delia li jemmen li għad għandu appoġġ qawwi fost it-tesserati, biżżejjed biex jirbaħ. Għalkemm is-sondaġġi jmeruh dan - bl-aħħar wieħed jurih fdat fost in-Nazzjonalisti li vvutaw PN fl-2017 daqs Therese Comodini Cachia - wieħed ma jistax jinnega li l-Kap kurrenti għad għandu saħħa u appoġġ fil-partit, speċjalment fl-għeruq u anke fost il-kunsilliera. Delia mexxa lill-PN fi tliet snin pjuttost turbolenti bl-aħħar ġimgħat il-partit jispiċċa fi gwerra assoluta u qasma. 49% ta' dawk li vvutaw PN fl-aħħar elezzjoni ġenerali m'għandhomx fiduċja f'Adrian Delia, skont l-aħħar sondaġġ tal-Maltatoday (u lanqas f'Robert Abela). Oħrajn li huma intertessanti Hemm oħrajn li qed jissemmew u jista' jkun li jerġgħu jitfgħu isimhom għal din il-kariga. Fost dawn hemm Therese Comodini Cachia, il-magħżula tad-Deputati ribelli għal Kap tal-Oppożizjoni - li jidher minn dak li sorsi qalu lil din il-gazzetta f'dawn l-aħħar jiem ma tantx hija popolari ħafna mal-għeruq. Jidher li hemm appoġġ iżda fost it-tesserati. Sorsi semmew ukoll lil Mark Anthony Sammut u anke - mill-ġdid lil Alex Perici Calascione. Sammut għandu popolarità li ġejja minn fost dawk ta' kontra Delia u Perici Calascione huwa meqjus għażla nieqsa mill-eċitament pero' waħda sobrija u serja. Minkejja dan kontrih hemm il-fatt li diġa' kkontesta fl-2017 u ma marx tajjeb. Sosri fil-PN li huma kontra Delia qaluna: "Aktar kemm ikun hemm kandidati, aktar aħjar. ħalli iktar ikun hemm għażla minflok Delia." L-akbar vantaġġi u żvantaġġi ta' Bernard L-akbar vantaġġi ta' Bernard Grech huma li qatt ma ħa pożizzjoni jew tkellem kontra Adrian Delia - u għax mhuwiex fl-istrutturi tal-partit qatt ma vvota biex jitneħħa. It-tieni vantaġġ huwa li mill-ftit li nafu huwa politiku nadif u onest, filwaqt li xorta għandu kapaċitajiet komunikattivi ta' politiku ta' esperjenza. Huwa bniedem minn nofsinhar tal-pajjiż - meqjus tan-nies, fil-fatt ilu ftit ġimgħat iżur il-każini. L-akbar żvantaġġ tiegħu huwa li huwa ġdid għall-istrutturi tal-partit, eżatt kif kien Delia. Wara din l-esperjenza jista' jkun li dawk li ma jridux li jibqa' Delia isibuha diffiċli jerġgħu jivvotaw lil xi ħadd li mhux qiegħed fl-istrutturi tal-partit. Metsola: Mara, kompetenti imma "ta' Simon" Metsola hija meqjusa politiku kompetenti f'xogħolha fi Brussell u għal ħafna votanti Nazzjonalisiti - qed ngħidu medja ta' 35,000 hawnhekk - iħossu li qed tagħmel biċċa xogħol tajba bħala MEP. Metsola tista' tkun dak li Miriam Dalli kienet se tkun għall-Partit Laburista - l-ewwel Kap mara. Dan minnu nnifsu huwa pożittiv għalkemm naturalment l-ġeneru waħdu ma jfisser xejn jekk persuna ma tkunx kompetenti. L-akbar żvantaġġ għaliha hija li vvutat u tat sehem attiv biex Delia ma jibqax Kap Nazzjonalista u ilha meqjusa persuna "ta' Simon". Diversi jarawha wkoll tal-istess qatgħa u allura ftit jemmnu li tista' tagħmel dawk il-kisbiet elettorali li l-partit għandu bżonn. Il-vantaġġi u l-iżvantaġġi li jibqa' Delia Il-vantaġġi li jibqa' Delia hija li nukkleu ta' votanti li jippreferu lilu ma jintilfux mill-partit u allura ċ-ċans huwa li l-emoraġija ma tiggravax. Vantaġġ ieħor huwa li l-partit ma jkollux kap li xhur wara - jista' jkun biss ftit xhur - ikollu jiffaċċja elezzjoni meta jkun għadu qed isib saqajh jew issib saqajha. L-iżvantaġġi li jibqa' huma: L-ewwel u qabel kollox dak li jaf xi ħadd - mhux il-pubbliku - li għad irid joħroġ fir-rigward ta' messaġġi bejn Delia u Yorgen Fenech, li dwarhom Delia qal li "ma nistax insibhom". It-tieni nett minħabba żjajjar li seta' għamel għand Fenech u finalment l-inkjesta maġisterjali u żewġ investigazzjonijiet tal-pulizija li jirrigwardaw lilu: Waħda dwar akkużi ta' ħasil ta' flus u oħra dwar allegati flus li għaddew mingħand Yorgen Fenech għal għand Delia, biex ma jkunx elett David Casa. Dan kollu jista' jkun aħbar li għad trid toħroġ minn issa sa elezzjoni ġenerali jew saħansitra qabel l-elezzjoni ġenerali, riċetta ċerta għal telfa ħafna akbar. Dan apparti li jekk jibqa' hu Kap tal-PN il-probabbilità hija li aktar nies ikomplu jitbiegħdu mill-partit - kif ilu jiġri dawn l-aħħar 10 snin, b'ħeffa akbar f'dawn l-aħħar tliet snin. | [
12
] |
It-teżi tiegħek tal-Baċellerat fil-Malti tittratta l-lirika tal-Brikkuni. It-teżi tinqeda bit-teorija u bil-kritika letterarja biex tistħarreġ il-lirika tal-kanzunetti ta' dan il-grupp filwaqt li tistaqsi jekk din tappartinix lid-dinja tal-letteratura Maltija. Qabelxejn, għaliex għażilt il-lirika tal-Brikkuni? Taħseb illi din tassew tista' tingħadd b'letteratura? Tidentifika fiha elementi li jbejnuha mill-bqija tal-kanzunetti Maltin? Meta ġejt biex nagħżel is-suġġett tat-teżi tiegħi tal-Baċellerat fil-Malti, ġietni f'moħħi l-idea ta' analiżi letterarja tal-lirika. Deherli li dan ix-xogħol qajla kien sar bil-Malti u oriġinarjament l-idea feġġet jien u nisma' l-album Ġuf ta' Plato's Dream Machine. Madankollu wara li ddiskutejt din l-idea mat-tutur Prof. Adrian Grima, wasalt għall-konklużjoni li jaqbel niffoka fuq il-lirika ta' grupp wieħed sabiex ir-riċerka tkun aktar unita u awtentika. Kont iffortunata għax fl-2017, meta bdejt nikteb it-teżi, ma konniex neqsin mill-għażla fejn tidħol il-lirika Maltija. Gruppi bħal Plato's Dream Machine, Brodu u l-Brikkuni kollha ħajruni, imma għażilt lill-Brikkuni peress li dik il-ħabta kienu se jagħlqu 10 snin minn meta twaqqaf il-grupp, kienu għadhom kemm ħarġu t-tielet album tagħhom Rub Al Khali, u fost dawn li semmejt kienu l-aktar grupp stabbilit. Għalhekk kelli aktar fejn infannad fil-lirika. Ta' min jinnota li l-lirika tal-Brikkuni hija rikka ħafna. Miċ-ċanfir, ir-ribeljoni u l-protesta tal-ewwel żewġ albums, li fihom donnha l-għajta tqawwiet mill-ewwel għat-tieni wieħed, sal-malinkonija li tiddomina u l-kalma li ġġib magħha fit-tielet album – din id-diskografija tista' titqies bħala mixja poetika sħiħa. Minn dak li kkonkludejt fir-riċerka tiegħi nemmen li, iva, ħafna mil-lirika ta' Mario Vella, il-kantawtur tal-Brikkuni, tista' titqies letteratura. Madankollu hemm ċerti kanzunetti li fil-fehma tiegħi jeħtieġu l-mużika biex takkumpanja l-lirika biex ikunu tassew uniti, ngħidu aħna l-kanzunetta "Firien." Kanzunetti bħal "L-Assedju ż-Żgħir," "Irkotta" u "Il-Maħbuba l-Midruba" kapaċi joqogħdu waħedhom fuq paġna mingħajr mużika u jitqiesu bħala poeżiji. Is-sinifikat fit-teknika użata fil-lirika tal-Brikkuni għalija huwa fil-ħila mirquma li huma miktubin biha l-kanzunetti, li, biex nikkwota lil Immanuel Mifsud, huma "poeżiji maħdumin, li min kitibhom fortuntament nesa li l-pop Malti tradizzjonalment illimita ruħu għat-tradizzjoni tal-inħobbok u tal-għalfejn-tlaqtni u tal-kif-se-mmut-mingħajrek." L-elementi li qed tistaqsini dwarhom huma propju l-mekkaniżmi letterarji użati, ewlenin fosthom il-metafora, l-ironija u l-intertestwalità. Mil-lirika tal-Brikkuni iżjed tard għaddejt għat-traduttoloġija, tant li bħalissa qiegħda ssegwi Maġisteru fit-traduzzjoni fl-Università ta' Malta. Donnu għal bosta persuni li jistudjaw l-ilsien Malti dan il-pass partikulari sar għażla naturali. X'jiġbdek l-iżjed lejn dan il-qasam? Ninnota żewġ kategoriji ta' studenti f'dan il-qasam: waħda li tqis dan il-kors bħala biljett li jwassal għal karriera fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, l-oħra bħala mezz ta' speċjalizzazzjoni fit-teorija u l-prattika tat-traduzzjoni, l-iżjed b'enfażi fuq it-traduzzjoni letterarja. B'dispjaċir ninnota li din tal-aħħar hija kategorija żgħira ħafna. Minn dawn it-tnejn ma' liem kategorija tidentifika ruħek l-iżjed? Ma nqisx li t-traduzzjoni hi pass naturali għall-istudenti tal-Malti. Ninnota li, kulma jmur, donnhom qegħdin jonqsu l-istudenti gradwati fil-Malti li jfittxu dan il-kors. Minkejja dan, minn dejjem kelli ħajra li nkompli l-istudji akkademiċi tiegħi billi nsegwi dan il-kors wara li niggradwa fil-Malti għaliex, bħala persuna li nħobb il-lingwi, it-traduzzjoni dejjem qistha bħala linja potenzjali f'ħajti. Meta sirt naf aktar dwarha, iżda, speċjalment meta sirt midħla tat-traduzzjoni letterarja, inġbidt lejn il-ħila li jrid ikollhom it-tradutturi sabiex jirnexxilhom jaqilbu test minn lingwa għall-oħra, għaliex ma tridx biss l-għarfien profiċjenti taż-żewġ lingwi konċernati, imma anke taż-żewġ kulturi, tad-dinja li qed tittraduċi minnha u tad-dinja li qed tittraduċi fiha, sabiex tifhem dak li trid tgħid, u mbagħad tifhem sewwasew kif se tgħidu. Fil-każ tiegħi, naqa' fiż-żewġ kategoriji li qed issemmi, għaliex nigdeb jekk ngħid li ma xtaqtx nagħmel dal-kors bl-intenzjoni li naħdem mal-Unjoni Ewropea, iżda, fl-istess waqt, grata ħafna li fis-sena li bdejt il-kors jiena bdew jiġu offruti l-ispeċjalizzazzjonijiet tat-traduzzjoni teknika, dik awdjoviżiva u dik letterarja, u jien għażilt din tal-aħħar. Minkejja li donnha li din it-taqsima hija l-inqas popolari fost l-istudenti, probabbilment għaliex ma twassalx għal xogħol fiss iżda aktar twasslek għal xogħol għal rasek, jiena ħadt gost neduka ruħi dwar id-diffikultajiet partikolari li jaffaċċjaw it-tradutturi meta jkollhom jittraduċu silta letterarja minn xi lingwa għal oħra. Hemm baħar jaqsam bejn il-ġeneri, l-ewwel nett, jekk tkunx poeżija, proża jew teatru, u t-tradutturi dejjem iridu jżommu f'moħħhom l-udjenza. Bosta tradutturi spiss jilmentaw li l-mestier tat-tradutturi f'pajjiżna ma jgawdix il-prestiġju u r-rispett illi jixraqlu. Minkejja li dan jirrikjedi formazzjoni edukattiva esiġenti daqs bosta professjonijiet oħra u l-avvanzi li saru f'dawn l-aħħar snin, il-qagħda professjonali tat-tradutturi bbażati f'Malta ftit li xejn rat titjib konkret. Jidhirli li dan jgħodd ukoll għal attivitajiet lingwistiċi oħra, fosthom il-qari tal-provi. Ibda biex it-tradutturi f'pajjiżna m'għandhomx warrant professjonali u lanqas unjin li tħares l-interessi tagħhom. Din is-sitwazzjoni qiegħda tippermetti bosta abbużi, fosthom prospetti skarsi fil-karriera b'rati ta' ħlas baxxi immens. Mhix esaġerazzjoni li tgħid li ironikament l-unika possibbiltà ta' karriera sodisfaċenti għat-tradutturi Maltin hija impjieg barra l-pajjiż. Quddiem dan kollu, kif tħossok bħala studenta żagħżugħa li minkejja kollox għażilt din it-triq? Taħseb li hemm lok għal bidla f'dis-sitwazzjoni? Huwa minnu li ħafna minn dawk li jagħżlu li jistudjaw it-traduzzjoni jimmiraw li jaħdmu barra, imma naf bosta gradwati riċenti tal-kors li sabu xogħol fit-traduzzjoni ma' kumpaniji f'Malta. Għalkemm mhux kollha jittraduċu, hemm ħafna opportunitajiet marbutin mat-traduzzjoni bħal maniġer tal-proġetti tat-traduzzjoni. Dan kien qasam li jiena ksibt xi esperjenza fih meta għamilt apprentistat fl-Iskozja s-sena li għaddiet bħala parti mill-Maġisteru tat-Traduzzjoni. Minkejja dan il-lat pożittiv, m'hemmx għaqda formali jew xi tip ta' unjin li tirrappreżenta lit-tradutturi. It-tradutturi m'għandhomx warrant uffiċjali, u b'hekk kultant iseħħu abbużi fir-rigward ta' ħlas, xi ħaġa li anke jien, li għadni kemm bdejt nirfes f'dan il-qasam, intbaħt biha. Madankollu, hemm sforzi biex is-sitwazzjoni titjieb, ngħidu aħna bil-Fondazzjoni HELA li tirrappreżenta lill-kittieba, lill-pubblikaturi, lill-edituri u lit-tradutturi, u tfittex li tagħtihom pjattaforma sabiex jilħqu aktar lill-pubbliku. Tul ħafna snin ħdimt f'diversi għaqdiet tal-ilsien Malti, b'mod partikulari fl-Għaqda tal-Malti (L-Università). Bħalissa tokkupa l-kariga ta' Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi. Din l-għaqda studenteska twaqqfet minn Rużar Briffa u Ġużè Bonnici fl-1931 bil-għan li tmexxi 'l quddiem l-ilsien Malti u l-oqsma marbuta miegħu mal-istudenti u lil hinn. Taħseb illi dan l-għan tabilħaqq qiegħed jintlaħaq? Fl-aħħar mill-aħħar, minkejja l-preżenza tal-Għaqda, fil-biċċa l-kbira il-lingwa franka tal-edukazzjoni terzjarja f'pajjiżna hija l-Ingliż. Lil hinn mid-Dipartiment tal-Malti lsien pajjiżna ftit li xejn jista' jintuża, tant li bħala regola mhux possibbli titressaq teżi miktuba bil-Malti. X'inhuma l-veduti tal-Għaqda f'dar-rigward? L-Għaqda tal-Malti dejjem tara li ġġedded lilha nfisha u taġġorna ruħha skont il-ħtiġijiet u ż-żminijiet. F'dawn l-aħħar snin, l-Għaqda mmodernizzat ruħha sabiex verament tkun għaqda attwali tal-istudenti li jipparteċipaw fiha. Kulma jmur, l-Għaqda tfittex li tippromwovi l-ilsien Malti b'modi u mezzi differenti. Biex nagħti eżempju konkret, f'dawn ix-xhur tal-pandemija, meta kulħadd kien imsakkar ġo daru, l-Għaqda riedet iżżomm kuntatt mal-membri u s-segwaċi tagħha. Għalhekk, nediet żewġ inizjattivi: Kwarantina? Aqralna Kwartina u Ktieb Kuljum. Tal-ewwel kienet inizjattiva sabiex in-nies jibagħtu l-filmati tagħhom jaqraw xi silta letterarja favorita, u t-tieni biex jibagħtu suġġerimenti ta' kotba lokali. Iż-żewġ inizjattivi xxerrdu fuq Facebook sabiex jintlaħqu udjenzi wiesa', li forsi normalment, b'attività ma nilħquhomx. Aħna nixtiequ li kieku l-Malti jkun aktar preżenti fuq il-kampus, nixtiequ kieku nisimgħu l-Malti mitkellem b'mod mirqum daqskemm nisimgħu l-Ingliż. Madankollu, naċċettaw u nifhmu li l-lingwa tal-Università, anke minħabba ċerti reġistri, hija l-Ingliż. Minkejja dan, bħala Għaqda, ġieli semmajna leħinna fuq kwistjonijiet fejn ħassejna li l-Malti jixraqlu post aħjar, pereżempju dwar il-kors tal-liġi peress li dan mgħallem bl-Ingliż mentri fil-qorti, l-avukati mistennijin jużaw il-Malti. L-istudji akkademiċi u l-ħidmiet volontarji tiegħek bla dubju jpoġġuk f'qagħda idonea biex tosserva mill-qrib ix-xena letterarja lokali, b'mod partikulari l-ktieb Malti. Tul dawn l-aħħar snin il-ktieb Malti – b'mod partiklari fiċ-ċrieki letterarji tagħna – qajjem bosta kontroversji, saħansitra fuq il-livell nazzjonali. F'dar-rigward ninnota bosta fehmiet differenti. Ċerti qarrejja għandhom ħabta jissopravalutaw il-kwalità tal-ktieb Malti mentri oħrajn jemmnu li fl-aħħar mill-aħħar l-għażla ta' xogħlijiet tassew validi għadha fqira ħafna. L-għadd ta' kittieba kiber, iżd a l-livell donnu baqa' fejn kien. Minnu li fil-ġenerazzjoni tiegħi hemm għadd ta' kittieba li pproduċew xogħlijiet validi immens. Minnu wkoll illi dan għamluh ukoll il-ġenerazzjonijiet ta' kittieba preċedenti, għad illi forsi llum, kif spiss jiġri kullimkien, ormaj ħabtu jirrepetu ruħhom. X'ġejjieni tara għal-letteratura lokali f'pajjiżna? Jiena m'ilnix wisq li bdejt insegwi x-xena letterarja Maltija mill-qrib, dawn l-aħħar snin tista' tgħid, iżda naħseb biżżejjed ngħid li l-ixkafef tiegħi kulma jmur dejjem qegħdin jitqalu bil-pubblikazzjonijiet il-ġodda. Naturalment, dan ma jfissirx li x-xogħol ippubblikat kollu fih mertu letterarju, iżda wieħed xorta japprezza l-isforz li qed isir sabiex ikun hawn għażla ta' xogħlijiet letterarji li jolqtu lil kull tip ta' udjenza. Fil-ħidma tiegħi fl-Għaqda tal-Malti, li ilni involuta fil-Kumitat tagħha għal 3 snin, niltaqa' ma' bosta kittieba żgħażagħ, li ma jibżgħux jisfidaw in-normi letterarji jew it-tradizzjonijiet letterarji li aħna mdorrijin bihom. Dawn iqawwuli qalbi li l-letteratura lokali qiegħda f'idejn tajba. Minkejja dan, nagħraf ukoll li għadhom jeżistu ċerti lakuni fil-letteratura lokali, partikolarment, pereżempju, fit-teżi tiegħi tal-Maġisteru fit-Traduzzjoni qiegħda nistħarreġ il-lakuna li teżisti fir-rigward ta' testi ta' natura sesswali. Nittama li fis-snin li ġejjin dawn il-kittieba żgħażagħ li semmejt jaraw li mhux biss jimlew il-lakuni, imma anke joħolqu spazji letterarji ġodda lokalment. Il-membri tal-Għaqda tal-Malti | [
2
] |
Aħna lkoll inħobbu lill-Partit Nazzjonalista, bla ebda dubju. U min iħobb il-Partit jitkellem ċar, bittama għal dak li hu ġenwinament aħjar. Il-fatti huma ovvji. Il-Partit Nazzjonalista jinsab f'salib it-toroq, imħawwad u qalbu maqtugħa wara laħħar ftit snin. Imma t-triq it-tajba qiegħda wkoll quddiemna: kemm nagħrfu liema hi u naqbduha. B'hekk nibdew it-triq li tagħti lill-Partit ħajja ġdida. Issa, mhux meta jkun tard wisq. Ma nistgħux nistennew, għax is-sinjali qed jiggravaw Meta xi ħadd jara organizzazzjoni bi problema, ma joqgħodx jistenna sentejn biex jagħmel xi ħaġa. U s-sinjali tal-problema huma ovvji u qed jaggravaw: it-telf tat-tielet siġġu fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew b'distakk li kiber għal 43,000 vot, it-telf ta' ħafna Kunsilli Lokali (tlifna 49 minn 68) b'distakk ta' 47,000, appoġġ dejjem nieżel għall-Partit, u fiduċja saħansitra anqas fil-Kap tiegħu, ħaġa li qiegħda ttaqqal u tkompli tniżżel il-fiduċja fil-Partit. U dan meta għandna quddiemna Gvern mgħerreq fil-kriminalità Statali u fit-tixħim. Jiġifieri meta messna qegħdin ħafna aħjar. Dan kollu ngħiduh bl-istess diqa li tħossu intom. Fi stħarriġ li għadu kemm sar fostkom, tliet kwarti tagħkom il-Kunsillieri Ġenerali tal-Partit għedtu li ma għandkom l-ebda tama għall-elezzjoni ġenerali li ġejja. Din hi fil-fatt ħaġa tal-biża': li intom, il-qalba tal-Partit, tkunu tant qalbkom maqtugħa inqas minn sentejn qabel elezzjoni ġenerali. Jekk m'aħna se nagħmlu xejn issa, il-Partit li tant inħobbu se jkun qed jaqla' daqqa enormi fl-elezzjoni ġenerali li ġejja. Imma hemm x'nagħmlu biex noħorġu lill-Partit minn dan il-periklu kbir. Jekk m'aħna se nagħmlu xejn issa, il-Partit li tant inħobbu se jkun qed jaqla' daqqa enormi fl-elezzjoni ġenerali li ġejja. Imma hemm x'nagħmlu biex noħorġu lill-Partit minn dan il-periklu kbir Richard Muscat u Paula Mifsud Bonnici It-tesserati mal-Kunsill Ġenerali għandhom jingħataw l-għażla li jeleġġu Kap tal-Partit It-triq 'il quddiem għall-Partit Nazzjonalista hi li jkollu elezzjoni ġdida u sħiħa għal Kap. Fuq dan intom il-Kunsillieri Ġenerali tal-Partit imsejħin tivvutaw għada u s-Sibt li ġej. L-Eżekuttiv tal-Partit qabel unanimament li jagħti għażla sħiħa lilkom u lit-tesserati. U l-Kap tal-Partit stess iddikjara li jekk iddeċiżjoni tagħkom il-Kunsillieri Ġenerali tkun li ssir elezzjoni fostkom u fost it-tesserati, hu joħroġ għal dik l-elezzjoni. Diversi nies oħrajn iddikjaraw li lesti joħorġu għall-elezzjoni ta' Kap. Mela, f'elezzjoni għal Kap tal-Partit fi ftit ġimgħat, hu ċar li se jkun hemm għażla sabiħa u sħiħa ta' nies ta' talent li lesti jservu lill-Partit, li ħerqana biex jgħaqqdu l-Partit warajhom, li lesti għall-ħidma qawwija biex iġedduh, ħalli jkunu kapaċi jagħtu għażla ġdida u konvinċenti lill-pajjiż fl-elezzjoni li jmiss. Għażla vera, ġenwina u ċara biex nerġgħu ngawdu l-Partit li jixirqilna Id-deċiżjoni li għandkom f'idejkom għada u s-Sibt hi kbira imma tista' tkun ta' sodisfazzjon. Intom u tagħtu lill-Kunsill Ġenerali stess u lit-tesserati d-dritt li tivvutaw f'elezzjoni ġdida ta' Kap tal-Partit, tkunu qed tagħtu lilkom infuskom u lill-bqija tat-tesserati l-aqwa għażla, dik li fiha jippreżenta ruħu kull min iħoss li għandu t-talent għas-servizz tal-Partit. B'hekk il-Partit ikollu quddiemu għażla vera, ġenwina u ċara. Din hi l-aqwa għażla, għażla li lkoll nistgħu nagħmlu sewwa. U wara li ssir, fis-snin li ġejjin, ikollkom is-sodisfazzjon li kontu dawk li qabbadtu triq ġdida u rebbieħa lill-Partit. Aħna lkoll inħobbu ħafna lill-Partit Nazzjonalista li għamel affarijiet kbar għal Malta. Ejja issa nerġgħu nqabbduh it-triq it-tajba biex nerġgħu nrabbu l-kuraġġ u nerġgħu ngawdu l-Partit li jixirqilna. | [
11,
12
] |
Il-ġimgħa l-oħra kienet ġimgħa oħra ta' xogħol fil-Ministeru li matulha komplejna għaddejjin bil-preparamenti, diskussjonijiet u wkoll laqgħat dwar diversi proġetti li għaddejjin fis-settur edukattiv. Għalkemm ix-xhur tas-Sajf b'mod ġenerali jkunu kajmani fl-attività, imma fil-Ministeru l-preparamenti għax-Xitwa jkunu fil-qofol tagħhom. U din is-sena hija sena li matulha kellna l-perjodu tal-COVID-19, li mingħajr ma ridna daħħalna wkoll f'atmosfera differenti u bla preċendet, li issa bil-ħidma kollettiva tal-Gvern ħriġna minnha. Il-ħidma kollettiva għaddejja wkoll fis-settur edukattiv. Din il-ġimgħa iffokajna sew fuq xogħol infrastrutturali li għaddej u li se jgawduħ l-istudenti u l-edukaturi meta jirritornaw għall-bankijiet tal-iskola fl-istaġun skolastiku li jmiss. Fuq quddiem hemm ix-xogħol fl-iskola l-ġdida tal-Qawra. Bħala gvern u permezz ta' dan il-ministeru, għandna prijorità li fejn huwa possibbli naraw li jkollna skejjel moderni, mgħammra bl-aħħar teknoloġija u wkoll li jkollhom ambjent li fih kemm l-istudenti u wkoll l-edukaturi jkunu komdi fil-vjaġġ eċitanti edukattiv tagħhhom. U dan l-ambjent żgur li wettaqnieh fl-iskola l-ġdida tal-Qawra. Skola ġdida u moderna, b'investiment ta' madwar €13-il miljun, li hija mifruxa fuq medda ta' 9,500 metru kwadru u li tant kien hemm bżonnha f'din iż-żona ta' pajjiżna. Skola b'39 klassi, kindergarten u wkoll Ċentru għall-Ħarsien tat-Tfal u b'kumdità ta' lifts biex il-binja tkun aċċessibli għal kulħadd, li huwa mportanti ferm. Hemm ukoll sala li tkun tista' tintuża għal skopijiet differenti, u faċilitajiet sportivi kemm fuq barra kif ukoll fuq ġewwa, b'parkeġġ għal 400 karozza li qiegħed taħt l-iskola. Bħal ma sar fl-iskola l-ġdida ta' Marsaskala, hemm ukoll kodiċi ta' kuluri li qed tintuża biex tagħti dehra isbaħ, imma fl-istess ħin biex tgħin lit-tfal. Filfatt it-tliet sulari fl-iskola tal-Qawra fejn se jkun hemm il-klassijiet tat-tfal tal-primarja saru b'kuluri differenti apposta, bil-għan li t-tfal ikunu jafu f'liema sular hija l-klassi tagħhom. Imma dawn il-kuluri jagħtu dehra sabiħa u vivaċi lill-ambjent li se jkunu fih l-istudenti. L-iskola se tiftaħ f'ħinijiet normali u għal dawk il-ġenituri li jaħdmu, huwa fil-pjan tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi li minn Settembru/Ottubru li ġej jinfetaħ ukoll Klabb 3-16 fil-Qawra stess. Semmejt l-iskola l-ġdida ta' Marsaskala. Naf żgur li l-ferħ u l-eċitament li kellhom it-300 student meta fi Frar tas-sena li għaddiet żanżnu l-iskola ġdida tal-primarja ta' Wied il-Għajn b'investiment ta' €6 miljun, se jkun replikat fuq wiċċ il-500 student li se jżanżnu din l-iskola l-ġdida. B'hekk f'dawn is-snin li ilna fil-Gvern inkunu bnejna 7 skejjel ġodda. U dalwaqt nibdew dik tal-Imsida. Anké hawn għaddej xogħol kbir. Filfatt issa wasal fi tmiemu l-iskavar tas-sit tal-Iskola Primarja l-ġdida fl-Imsida. Hawn se nibnu skola kompletament ġdida, li wkoll se tkun mgħammra b'ċentru għall-ħarsien tat-tfal u kindergarten. Din l-iskola, bħal skejjel oħrajn li qegħdin nibnu, se jkollha parkeġġ taħt l-art u wkoll se tkun waħda li tirrifletti ambjent sikur, ħarsien tal-ambjent u fuq kollox ambjent modern u bl-aħħar teknoloġija għall-istudenti u l-edukaturi tagħna. Apparti x-xogħol infrastrutturali, nkomplu għaddejjin ukoll bi tħejjijiet oħra. Wara l-għeluq tal-iskejjel minħabba l-pandemija, qed nagħmlu minn kollox biex l-esperjenza edukattiva għall-istaġun skolastiku li jmiss tkun waħda impekkabbli għat-tfal tagħna u wkoll dawn li jindukrawhom fit-tagħlim tagħhom. Fuq binarju ieħor nibqa' wkoll għaddej nagħti l-appoġġ tiegħi lill-għaqdiet imxerrda ma' pajjiżna bix-xogħol importanti tagħhom biex jgħinu lill-membri tagħna fil-komunità. Qed nirreferi hawnhekk għat-tnedija tal-80's & 90's Music Festival organizzat mill-Għaqda Mużikali San Leonardu ta' Ħal Kirkop. Waqt it-tnedija ta' din l-attività tajna dettalji dwar waħda mill-akbar attivitajiet organizzati matul dawn l-aħħar erba' snin mill-Għaqda Mużikali San Leonardu b'risq tal-Fondazzjoni Inspire. Apparti mis-suċċess tal-attività nnifisha, bl-organizzazzjoni għal din l-attività ammont kbir ta' żgħażagħ jinteressaw ruħhom biex jingħaqdu mal-għaqda mużikali u jgħinu lil nies vulnerabbli. Dawn l-attivitajjiet nagħtihom kull appoġġ u għajnuna għaliex nemmen li l-edukazzjoni ma tingħatax biss fil-klassi imma anke barra mill- iskola, inklużi għaqdiet mużikali lokali li joffru tipi differenti ta' tagħlim u żvilupp ta' ħiliet. F'dan il-każ, l-Għaqda Mużikali ta' San Leonardu involviet tliet għalliema professjonali biex joffru taħriġ speċjali f'sezzjonijiet differenti li jifforma parti minn banda tipika Maltija. Apparti mill-edukazzjoni mużikali, għaqdiet mużikali joffru liż-żgħażagħ u lil membri ħafna opportunitajiet biex jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom permezz ta' tagħlim informali. Żgħażagħ u membri jistgħu jkunu parti mill-organizzazzjoni ta' attivitajiet varjati filwaqt li jkunu parti minn kumitati varjati. Barra minn hekk, huwa enfasizzat li bħala parti mill-impenn soċjali, tkun organizzata attività annwali għall-ġbir ta' fondi għal nies fil-bżonn. Tul is-snin, għaqdiet mużikali madwar Malta komplew jevolvu, kemm fil-mod tal-organizzazzjoni tal-festa u anke fl-edukazzjoni tal-mużika. Illum il-ġurnata għaqdiet mużikali għandhom settijiet professjonali tagħhom stess għall-edukazzjoni tal-mużika. Din is-sena se tkun immarkata bħala l-ħames sena tal-festival tal-mużika li jsir f'Ħal Kirkop għal darb' oħra b'kollaborazzjoni mal- Fondazzjoni Inspire sabiex iktar donazzjonijiet ikunu miġbura għal kawża filantropika u ġusta. Ta' min isemmi li matul dawn l-aħħar erba' snin inġabru u ngħataw total ta' €10,000 lill-Fondazzjoni Inspire. Nixtieq insmmi wkoll żewġ okkażjonijiet ta' dil-ġimgħa nteressanti ferm. Ġejt ippreżentat bi ktieb 'L-Esperjenza tat-Tagħlim' ta' Dr Terence Portelli, senior lecturer fil-Fakultà tal-Edukazzjoni fl-Università ta' Malta, bi speċjalizzazzjoni fuq it-tagħlim tal-Malti. Ktieb ġdid jagħti ħarsa strutturata u dettaljata lejn l-istadji ewlenin taċ-ċiklu tat-tagħlim: it-tħejjija, it-twettiq u t-tgħarbil ta' din l-esperjenza kumplessa. L-idea wara dan il-ktieb hija li l-esperjenza edukattiva tal-istudenti tkun waħda pożittiva skont kemm l-għalliema jagħrfu jinsġu flimkien komponenti differenti taċ-ċiklu tat-tagħlim tul il-vjaġġ edukattiv tal-istudenti tagħhom. U nagħlaq billi ngħid prosit lill-Iskola primarja ta' Birkirkara fi ħdan il-Kulleġġ Santa Tereża u l-Iskola Primarja Żejtun B li kklassifikaw fit-tieni u t-tielet post fid-dinja rispettivament li l-aktar għamlu użu mill-pjattaforma diġitali J2Webb waqt il-pandemija. | [
11,
12
] |
Karkariż, eks Deputat Nazzjonalista u eks Sindku tal-lokalità ta' Birkirkara. Michael Asciak reġa' kien fl-aħbarijiet hekk kif kien hu li fl-aħħar żewġ laqgħat tal-Eżekuttiv mexxa 'l quddiem mozzjonijiet kontra Delia - waħda ta' sfiduċja li Asciak u dawk kollha kontra Delia rebħu u din il-ġimgħa mozzjoni oħra biex issir elezzjoni għal Kap ġdid Nazzjonalista wara vot ta' sfiduċja fil-Kunsill Ġenerali. F'artiklu li deher fuq The Sunday Times tal-Ħadd li għadda inti għidt li titħasseb illi jekk il-PN jibqa' sejjer kif inhu għandu xorti jtella' ħames siġġijiet fl-elezzjoni ġenerali li jmiss. Ma taħsibx li parti mir-raġuni hija r-reżistenza għal u l-inaċettazzjoni tar-riżultat elettorali fil-PN fl-2017? Temmen illi kieku l-partit aċċetta din ir-rebħa ta' Delia ma kienx ikun fil-frakass li jinsab fih illum? Kieku konna sena biss wara l-elezzjoni tal-2017, jew tnejn, forsi ngħid li ma kinx għadda żmien biżżejjed biex Adrian Delia jaħdem. Imma issa għaddew tlett snin u bdejna it-tellieqa għall-elezzjoni u s-sitwazzjoni qed tmur mill-ħażin għall-agħar. Mhu qed nirranġaw xejn anzi l-partit mhux qed jiffunzjona b'mod sew, u waħda mill-funzjonijiet ta' kap ta' partit hija li jgħaqqad is-sezzjonijiet differenti, f'team wieħed. Bin-numri għall-PN fis-sondaġġi dejjem sejrin lura bħal granċ, ma tantx jgħin lanqas u lanqas jgħinu r-riżultati li kellna tal-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u dawk tal-Parlament Ewropew, sena u nofs ilu. Illum Adrian Delia qed ji rreġistra fiduċja f'dawn is-sondaġġi ta' bejn 11% u 13% li hija tal-biki. Issa għandek ukoll żewġ terzi tal-grupp parlamentari li vvota kontrih, kif ukoll l-Eżekuttiv tal-partit li wera sfiduċja fih. Dan juri li fl-elezzjoni ġenerali li ġejja se naqilgħu tkaxkira papali mill-Partit Laburista u allura jeħtieġ li jsir xi ħaġa issa. Fuq kollox ukoll, Adrian Delia għamel ċertu żbalji kbar li ma kellux jagħmilhom, bħal meta ma għamilx lil Chris Said Viċi Kap u meta keċċa lil Simon Busuttil. Dawk li ma jridux lil Delia qed jipproponu lil Therese Comodini Cachia. Is-sondaġġi li inti tikkwota fl-istess artiklu, juru li l-fiduċja lejn Comodini Cachia hija biss ta' 13.1% - bħall-fiduċja li qed juru f'Delia. Ma taħsibx li allura lanqas hi ma tidher li tista' tiġbed l-votanti u tqajjem l-ħeġġa fil-PN? Din tista' tħares lejha minn angoli differenti. Min-naħa waħda irrid ngħid li fl-ewwel sondaġġ Therese Comodini Cachia ġabet voti daqs Delia, meta hu ilu hemm tliet snin. Hi qiegħda hemmhekk bħala l-magħżula biex tirrappreżenta, lill-maġġoranza tal-Membri Parlamentari tal-PN li żewġ terzi minnhom ivvotaw kontra Adrian Delia. Wieħed irid jiftakar però, li jekk Delia jirriżenja u ssir elezzjoni ġdida għal-Kap ġdid tal-partit (li issa l-Kunsill Ġenerali se jiddeċiedi dwarha), iridu jinfetħu n-nomini mill-ġdid u l-kunsilliera jridu jagħżlu minn nomini li jkun hemm u nfakkar illi kull tesserat tal-PN jista' jitfa' ismu. Issejjaħ Kunsill Ġenerali. Sena wara li vvota favur Adrian Delia. X'argumenti se tuża biex tħeġġeġ lill-Kunsilliera jisfiduċjawh - propju sena jew sena u nofs (jew inqas) qabel elezzjoni ġenerali? L-istess argument li ktibt fl-ittra tiegħi. Kull sena sejrin mill-ħażin għall-agħar u fl-elezzjoni se naqilgħu tkaxkira kbira b'din ir-rata. Għal bidu u sa ftit ilu kont naħseb li lest nistenna sal-elezzjoni ġenerali u jsir it-tibdil waħdu hemmhekk, tibdil li se jseħħ żgur, imma b'din ir-rata u bin-numri għal Adrian Delia dejjem neżlin 'l isfel naħseb ikollna xorti intellgħu nofs id-deputati li għandna bħalissa. U allura naħseb li wasal iż-żmien li niċċaqalqu għaliex wara, ser ikun tard wisq! Jeħtieġ isir xi ħaġa urġenti issa ħalli niġbru gieħna - inkella jekk nkunu ġwejda wisq u passivi wisq ser ikun tard. Imbagħad ikun biss dmugħ tal-kukkudrilli jekk noqgħodu nibku wara. Jekk Delia jirbaħ dak il-vot inti titlaq mill-PN? U jekk le, għaliex? Qed nissoponi li qed tgħid għall-vot tal-Kunsill Ġenerali li jrid isir bilfors. Jiena nħoss li jekk Delia jirbaħ dan il-vot jiena xorta nibqa' naħdem għall-partit kif għamilt dawn l-aħħar 40 sena. Inkun għamilt dak kollu possibli biex navża u nuri u niftaħ għajnejn il-Kunsilliera u t-tesserati tal-PN għat-tgħassida u froġa li ġejja. Issa min irid jgħaddas rasu fir-ramel, jara hu. Jiena xbajt iċempluli nies u tesserati jgħiduli li mhux se jivvotaw PN sakemm idum Delia. L-akbar traġedja se tkun li għandna Gvern Laburista jdejh maħmuġin b'korruzzjoni kbira u bi qtil ta 'persuna minn protagonisti ewlenin tiegħu u dan jerġa' jirbaħ l-elezzjoni. Il-fatt li l-PL qed jaghmel tant sforz fil-media tiegħu, biex il-PN iżomm lil Delia f'postu, għandu jiftaħ l-għajnejn ta' min irid jara. It-tneħħija ta' Delia tista' tkun parti mis-soluzzjoni. Kif temmen li l-Partit Nazzjonalista jista' jerġa jressaq in-nies lejh u jirnexxilu jkisser l-eġemonija Laburista - li l-PN jimplika li hija korrotta - mibnija fl-aħħar 10 snin? Irid ikollok mexxej li jagħti fiduċja lin-nies u kapaċi jkellem lil kulħadd. Irid ikollok mexxej, li jaf jitkellem imma ma hemm l-anqas l-inqas tebgħa ta' korruzzjoni fuqu. Irid ikollok mexxej, li flok jiġġieled u jġelled il-partijiet kollha tal-PN kontra xulxin, jgħaqqad lil dawn is-sezzjonijiet f'armata politika waħda, mhux kif qegħdin illum. Irid ikollok mexxej li jgawdi l-fiduċja ta' kulhadd kemm tal-partit u tal-poplu. Irid ikollok mexxej li ma joħloqx kriżijiet fil-partit u l-pajjiz kull ġimgħatejn. Irid ikollok mexxej li jkollu d-dehen immexxi lill-partit għal rebħa u jkun alternattiva serja għall-Gvern tal-ġurnata. Irid ikollok mexxej tajjeb u dehen tal-pożizzjoni tiegħu. Jekk ikollna dan il-bniedem, jiena ċert li s-sitwazzjoni titranġa malajr u qatigħ u jista' jkollna ċans tajjeb ukoll li nirbħu l-elezzjoni ġenerali! Bħalissa ma għandna ċans ta' xejn. | [
12
] |
Il-Kap Mediku Irlandiż qed iwissi illi hemm ċans li Malta titneħħa mil-lista l-ħadra ta' pajjiżi siguri u dan hekk kif il-pajjiż qed ikompli jirreġistra żidiet fin-numri ta' pazjenti bil-Covid-19 - imbuttati mhux ftit mid-dħul ta' immigranti f'pajjiżna. Mill-bidu tal-ġimgħa Malta daħħlet 127 immigrant, li 85 minnhom irriżultaw fil-pożittiv għall-virus. Rapport fuq The Independent tal-Irlanda qal illi r-rata ta' Malta hija ogħla minn dik tal-Irlanda b'6.9 għal kull 100,000 persuna. Il-lista li tgħid lill-Irlandiżi fejn jistgħu jsiefru mingħajr ma joqgħodu kwarantina tinbidel kull ġimagħtejn. Ir-rapport jagħmel referenza għall-65 immigrant li daħlu Malta u jfakkru li dan huwa l-akbar grupp ta' nies b'covid-19 li qatt kellu pajjiżna. L-istess rapport jgħid li mhuwiex probabbli li l-Irlanda tinkludi żoni fi Spanja li għandhom livelli baxxi ta' Covid-19 u dan hekk kif ir-rata fi Spanja hija ta' 49.2 għal kull 100,000 persuna. Fl-Irlanda kienu rreġistrati 14-il każ ġdid ta' Covid u l-ebda mewt. It-total ta' każi ta' Covid-19 fl-Irlanda huwa ta' 25,942 li minnhom irriżultaw 1,764. | [
12
] |
Fi stqarrija maħruġa mill-Konferenza Episkopali Maltija, l-Isqfijiet ta' Malta u Għawdex ħabbru li qed iwaqqfu uffiċjalment il-pellegrinaġġi għal matul is-sena 2020. Iż-żewġ djoċesijiet kienu taw il-permess li jsiru pellegrinaġġi bil-vari titulari u sekondarji hekk kif is-sitwazzjoni tal-pandemija f'Malta kienet taħt kontroll, iżda wara l-aħħar żieda fil-każi, ittieħdet id-deċiżjoni li dawn jerġgħu jitwaqqfu. Fl-aħħar jiem Malta rreġistrat żieda fil-każi wara għadd ta' każijiet li żviluppaw mill-party Holiday Takeover u anke mill-Festa ta' Santa Venera. Nhar il-Ħamis li għadda, hekk kif il-Gvern daħħal mill-ġdid xi restrizzjonijiet, kien deċiż li l-pellegrinaġġi jkunu limitati għal 100 persuna biss iżda dan qajjem tħassib fost diversi dilettanti tal-festi, anke għax fi kliemhom mhux possibbli tikkontrolla l-folol. Anke l-Għaqda Każini tal-Banda kienet tat parir lill-membri tagħha biex ma jiħdux sehem fil-pellegrinaġġi minħabba dan il-limitu u insistiet li l-pellegrinaġġi għandhom jitwaqqfu. Fil-fatt, kien hemm parroċċi, fosthom dik ta' San Duminku tal-Belt Valletta, li mill-ewwel ħassru l-pellegrinaġġ. Dan ifisser li għal din is-sena, il-festa se tkun ridotta biss għall-quddiesa waħda fil-ġurnata li fiha normalment tiġi ċċelebrata l-festa jew inkella fil-jum liturġiku. | [
12
] |
Fl-aħħar 24 siegħa saru xejn inqas minn 1,748 test u minnhom irriżultaw 21 każ ġdid ta' COVID-19 biex issa l-għadd tal-każi l-ġodda tela' għal 171. Skont l-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet tas-saħħa: Il-maġġoranza tal-każi kienu kuntatti ta' persuni oħra li fl-aħħar jiem irriżultaw pożittiv Il-maġġoranza tal-pazjenti l-ġodda għandhom inqas minn 35 sena Żewġ każi huma importati Każ wieħed huwa ta' persuna li għandha 'l fuq minn 80 sena Tliet każi huma ta' immigranti li kienu fi kwarantina | [
12
] |
Aquarius mill-20 ta' Jannar sat-18 ta' Frar Iż-żodjaku għalik Aquarius ser joffrilek aktar għarfien ta' kif int ser tikkonfronta lill min bħal qisu ser jipprova jgħaddik minn għajn il-labra. Issa int trid toqgħod ferm attent għax dak li int ser tħoss ġewwa fik mhux sejjer jkun dak li int tħoss normali u meta' tiġi kontra l-kurrent, taf tkun xi ftit aktar agressiv. Irrifletti. L-aktar jum ideali għalik għal din il-ġimgħa huwa l-Ġimgħa. Iż-żodjaku ta' aspirazzjoni għalik ġej minn Scorpio. Aquarius huma magħrufin li jimxu mal-mument. Namaste Pisces mid-19 ta' Frar sal-20 ta' Marzu Iż-żodjaku għalik Pisces ser ikun ta' impatt fil-mod ta' kif int ser tibda' tħejji l-ħsieb li jiġġenera ċertu deċiżjonijiet li fil-passat kont tkun trid it-tieni opinjoni dwarhom. Għalkemm fl-aħħar tkun int li tasal sabiex twettaq id-deċiżjonijiet li resqin lejk. Għalhekk għaraf dan sew. L-aktar jum ideali għalik għal din il-ġimgħa huwa t-Tlieta. Iż-żodjaku ta' aspirazzjoni għalik ġej minn Leo. Pisces huma magħrufin għat-tmexxija tagħom. Namaste Aries mill-21 ta' Marzu sad-19 ta' April Iż-żodjaku għalik Aries ser jurik kif int għandek tieħu deċiżjoni tajba għal dak li riesaq lejk. Fiż-żmien qrib ta' din id-deċiżjoni ser issir taf li ser ikollok impatt differenti fil-format tal-ħajja minn dik ligħandek illum u kif qed tagħmila. Ftakar biss li f'dan il-mument int trid temmen iżjed fik iniffsek. L-aktar jum ideali għalik għal din il-ġimgħa huwa s-Sibt. Iż-żodjaku ta' aspirazzjoni għalik ġej minn Capricorn. Aries huma magħrufin għat-tfassil dettaljat tagħhom. Namaste Taurus mill-20 ta' April sal-20 ta' Mejju Iż-żodjaku għalik Taurus ser ikun bidu fejn int tibda' tippjana jew tħejji lilek innifsek biex tkun ferm aħjar minn dak li int fil-preżent. Issa trid iżżomm il-pass li għalkemm ser ikun hemm dan il-ħsieb madwarek toħloqx inċertezza. Ftakar biss li minn issa int ser tkattar aktar l-istabbilta' tiegħek. L-aktar jum ideali għalik għal din il-ġimgħa huwa l-Erbgħa. Iż-żodjaku ta' aspirazzjoni għalik ġej minn Libra. Taurus huma magħrufin għas-sensittivita' tagħhom. Namaste Gemini mill-21 ta' Mejju sal-20 ta' Ġunju Iż-żodjaku għalik Gemini ser ikun kif int trid tkattar aktar l-impatt tiegħek fil-mod kif minn issa ser tkabbar dak li int akkwistajt. Għalkemm ser ikun hemm xi ftit mumenti ta' tfixkil, mill-esperjenzi personali tiegħek tagħraf iżżomm sod u dak li hemm madwarek mhux biss iżżommu anzi tkabbru. L-aktar jum ideali għalik għal din il-ġimgħa huwa l-Ħamis. Iż-żodjaku ta' aspirazzjoni għalik ġej minn Sagittarius. Gemini huma magħrufin għal-gwida li jafu joffru. Namaste Cancer mill-21 ta' Ġunju sat-22 ta' Lulju Iż-żodjaku għalik Cancer ser ikun iffiser bidu ta' idejat ġodda, idejat li jafu jkunu fundimentali f'dak li hemm preparat għalik sabiex tkompli tkabbar ta' dak li hemm madwarek. Tibżax tiżviluppa dawn l-idejat anzi għaraf wettaqhom sabiex tisaħħaħ aktar. L-aktar jum ideali għalik għal din il-ġimgħa huwa s-Sibt. Iż-żodjaku ta' aspirazzjoni għalik ġej minn Aquarius. Cancer huma magħrufin bħala persuni ta' komunikazzjoni pożittiva. Namaste Leo mit-23 ta' Lulju sat-22 ta' Awwissu Iż-żodjaku għalik Leo ser ikun iffiser tisħiħ aktar profond f'dak li int għandek madwarek. It-tkabbir li hemm ġej huwa kollu dovut għal dak li int ġewwa fik qiegħed taspira u xejn aktar. Għalhekk dan jaf ikun il-mument tiegħek. Għaraf żomm ħsibijietek ġewwa fik. L-aktar jum ideali għalik għal din il-ġimgħa huwa t-Tlieta. Iż-żodjaku ta' aspirazzjoni għalik ġej minn Aries. Leo huma magħrufin bħala persuni ta' moral effettiv. Namaste Virgo mit-23 ta' Awwissu sat-22 ta'Settembru Iż-żodjaku għalik Virgo ser ikun iffiser aktar enerġija pożittiva favur tiegħek minn kull angolu. Kollox ma' kollox dan ifisser li int għandek perjodu ferm interessanti fejn int ser tagħraf dak kollu li int vera trid u tixtieq. Dan jista' jiġi lejk. Għaraf biss lilek innifsek u mhux min jista' jinfluwenzak. L-aktar jum ideali għalik għal din il-ġimgħa huwa l-Ġimgħa. Iż-żodjaku ta' aspirazzjoni għalik ġej minn Gemini. Virgo huma magħrufin għat-twebbis ta' rashom. Namaste Libra mit-23 ta' Settembru sat-22 ta' Ottubru Iż-żodjaku għalik Libra ser ikun iffiser li wasal iż-żmien li tbiddel l-iskeda li int għandek ifformulata madwarek. Dan ser iseħħ sabiex int tagħraf aktar it-tajjeb, mhux biss ta' kif tippjana jew tqassam il-karriera tiegħek, iżda ukoll kif għandek twettaq iżjed it-tisħiħ ta' madwarek kollu. L-aktar jum ideali għalik għal din il-ġimgħa huwa t-Tnejn. Iż-żodjaku ta' aspirazzjoni għalik ġej minn Pisces. Libra huma magħrufin għall-immġinazzjoni tagħom. Namaste Scorpio mill-23 ta' Ottubru sal-21 ta' Novembru Iż-żodjaku għalik Scorpio ser ikun mument fejn ser tibda' tara iżjed id-dawl ta' dak li int tant ilek tistenna. Dan ser ikun dak is-sinjal li minn issa ser tibda' tissaħħaħ fil-ħiliet u l-kapaċitajiet tiegħek. Għalhekk għaraf dan il-mument sabiex taħtaf kull opportunita' ġenwina li riesqa. L-aktar jum ideali għalik għal din il-ġimgħa huwa l-Ħamis. Iż-żodjaku ta' aspirazzjoni għalik ġej minn Taurus. Scorpio huma magħrufin għall-motivazzjoni tagħhom. Namaste Sagittarius mit-22 ta' Novembru sal-21 ta' Diċembru Iż-żodjaku għalik Sagittarius ser ikun iffisser il-bidu tal-ħolma tiegħek li int tant ilek tistenna sabiex twettaq. Dak li dejjem xtaqt u ħsibt, fl-aħħar mill-aħħar ser taraħ iseħħ rejalment. Issa fl-aħħar wasal dak il-mument fejn int tibda' taħsad minn dak li żrajt. Irrifletti. L-aktar jum ideali għalik għal din il-ġimgħa huwa l-Erbgħa. Iż-żodjaku ta' aspirazzjoni għalik ġej minn Virgo. Sagittarius huma magħrufin għad-direzzjoni pożittiva tagħhom. Namaste Capricorn mit-22 ta' Diċembru sad-19 ta' Jannar Iż-żodjaku għalik Capricorn ser ikun iffisser bidu ta' attivita kompletament miftuħa fuq skala differenti minn dak li kont attwalment qed twettaq. Pero' din l-attivita' issa trid li jkollok tħejjija aktar pożittiva għat-twettiq tal-pjan li trid twettaq. Żomm lilek innifsek iffokat u ħares il-quddiem. L-aktar jum ideali għalik għal din il-ġimgħa huwa t-Tnejn. Iż-żodjaku ta' aspirazzjoni għalik ġej minn Cancer. Capricorn huma magħrufin kemm huma nies ta' fehma soda. Namaste | [
2
] |
Bħalissa għaddejja laqgħa tal-imsieħba soċjali li qed titratta s-sitwazzjoni tal-Covid-19 fil-pajjiż bħalissa, bl-aħħar aġġornamenti jkunu ta' 20 każ ġdid lokali llum - fosthom erbat itfal. Il-Gvern ilu għal dawn l-aħħar ġimagħtejn jiffaċċja presjoni qawwija mill-pubbliku u minn diversi imsieħba soċjali biex jieħu miżuri u jilqa' għal dik li tidher illi tista' tkun it-tieni mewġa ta' Coronavirus f'pajjiżna. Minkejja din iż-żieda fin-numri - minħabba li ħafna mill-każi kienu qed ikunu żgħażagħ - sa issa ftit huma dawk li kellhom jiddaħħlu l-isptar. Sa dalgħodu iżda dar tal-anzjani kellha tingħalaq għall-viżitaturi minħabba każ ta' anzjan residenti ta' 80 sena li rriżulta fil-pożittiv. Hu u dieħel għal-laqgħa l-President tal-MUMN Paul Pace sostna illi llum qed inħallsu l-prezz tal-fatt li "ħsibna illi l-battalja kontra l-Covid-19 intrebħet" u sostna li jekk in-numri jibqgħu telgħin kif inhuma, il-lockdown xorta jkollu jsir anke jekk ma jkunx sejħu l-PM. L-MUMN sejħet għal azzjonijiet industrijali minn għada l-Ġimgħa bl-Assoċjazzjoni Medika Maltija tibda l-azzjonijiet mil-lum stess . Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci waqt il-laqgħa tal-MCESD Martin Balzan (MAM) waqt il-laqgħa | [
12
] |
Id-dar tal-anzjani tas-Simblija fin-Naxxar, waqqfet iż-żjarat wara li wieħed mir-residenti tagħha rriżulta pożittiv għall-COVID-19 wara li ddaħħal l-isptar. F'ittra mibgħuta lir-residenti u lill-qraba, id-dar tal-anzjani saħqet li l-istaff u anke l-viżitaturi li kellhom kuntatt mal-anzjan diġà sarilhom it-test u bħalissa qed jerġa' jsir it-test lill-impjegati kollha li b'xi mod jew ieħor ġew f'kuntatt tar-residenti. Hu mifhum li l-anzjan li rriżulta pożittiv għandu 'l fuq minn 80 sena. Fl-aħħar jiem, pazjent ieħor biss kellu 'l fuq minn 80 sena, hekk kif l-awtoritajiet tas-saħħa qalu li l-maġġoranza tal-każi l-ġodda tal-aħħar jiem kienu fost pazjenti li għandhom inqas minn 35 sena. Fil-fatt huma inqas minn għaxra dawk il-pazjenti li jinsabu rikoverati fi sptar. | [
12
] |
Dawn l-aħħar xhur kienu ġimgħat intensivi ta' laqgħat u diskussjonijiet dwar il-budget li jmiss tal-Unjoni Ewropea. Wara li l-mexxejja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea qablu fuq il-budget u l-għajnuna finanzjarja biex l-ekonomija Ewropea tirkurpra minħabba l-effetti negattivi tal-pandemija, fil-Parlament Ewropew ivvutajna biex dan il-budget jidħol fis-seħħ. Kull budget isir f'kuntest partikolari imma dak li ġie approvat għas-seba' snin li ġejjin sar fi żmien biex iwieġeb ukoll għar-riperkussjonijiet ta' saħħa, u sfidi ekonomiċi u finanzjarji kbar li l-pandemija ġabet magħha. Proġetti li jagħmlulek differenza L-Unjoni Ewropea kienet dejjem strumentali biex Malta u Għawdex ingħatajna għajnuna finanzjarja biex nimmodernizza l-infrastruttura b'toroq aħjar, isiru inizjattivi fil-qasam soċjali fosthom fl-impjiegi, proġetti fis-saħħa bħal bini tal-isptar għall-kura tal-kanċer, inwettqu proġetti ambjenti, u ningħataw għajnuna għal setturi differenti fosthom is-sidien ta' negozji żgħar u medji, il-bdiewa, is-sajjieda u r-raħħala. Kisba li ġab il-PN li tibqa' trendi Fl-istorja politika ta' pajjiżna, il-Partit Nazzjonalista ġab għall-poplu Malti u Għawdxi kisbiet politiċi kbar biex għamel minn pajjiżna pajjiż modern u Ewropew. Id-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea hi kisba minnhom. Il-politika tal-Partit Nazzjonalista tibqa' trendi ta' ġid għall-poplu Malti u Għawdxi, u l-budget li ġie approvat mill-Parlament Ewropew hu konferma oħra ta' dan. Imma għall-Partit Nazzjonalista, l-Unjoni Ewropea mhix marbuta ma' budget finanzjarju biss. Nibqa' nemmen li s-sħubija ta' Malta hi rabta ma' kull ċittadin dwar valuri, drittijiet u standards. Il-politika m'għandiex tinbena fuq in-numri u l-istatistika imma tkun mibnija fuq in-nies – dak li jagħmel differenza għall-aħjar fil-ħajja tan-nies. Għaldaqstant il-mod kif għandu jintuża l-budget tal-Unjoni Ewropea għandu jkun mibni fuq il-ħtiġiet tan-nies. Inizjattivi ta' solidarjetà Wieħed mill-valuri tal-Unjoni Ewropea hu s-solidarjeta'. Dan hu valur importanti ħafna għall-Partit Nazzjonalista. Il-programmi finanzjati mill-Unjoni Ewropea għandhom ikunu mibnija fuq is-solidarjetà u għaldaqstant jindirizzaw il-bżonnijiet ta' nies vulnerabbli, li jinsabu l-aktar f'riskju, biex aktar nies jiġu integrati fil-ħajja edukattiva u soċjali, biex aktar nies jidħlu f'impjieg dinjituż u li jirrendi għalihom u għal dawk li jiddependu minnhom. Anki inizjattiva li tagħmel differenza għal persuna waħda biss jew għal ftit nies għandha tkun ikkunsidrata u implimentata. Il-ħajja tan-nies hi aktar importanti min-numri fl-istatistika. Proġetti li jħarsu saħħitna Għall-Partit Nazzjonalista, is-saħħa ta' kull wieħed u waħda minna hi importanti ħafna. Għalhekk anki l-proġetti ambjentali u infrastrutturali li jsiru għandhom jikkunsidraw kif is-saħħa tan-nies tkun aħjar. Fiż-żmien li pajjiżna kien kważi qiegħed f'lockdown u għalhekk l-ammont ta' karozzi fit-toroq kienu naqsu, kellna titjieb fil-kwalita' tal-arja. Ħasra li l-arja tjiebet meta n-nies kellhom joqgħodu ġewwa biex jipproteġu b'mod aħjar saħħithom. Kwalita' ta' arja aħjar hi dritt ta' kull ċittadin, daqs kemm bi dritt kull ċittadin jistenna li jsib kura tas-saħħa mill-aqwa b'faċilitajiet u tagħmir sofistikat. Għaldaqstant inqis li bħala wieħed mill-oġġettivi tal-proġetti u inizjattivi li se jsiru bil-fondi tal-Unjoni Ewropea għandhom ikunu proġetti li jtejbu mhux biss id-dehra ta' pajjiżna, imma li fuq kollox ikunu proġetti ambjentali li jtejbu s-saħħa tagħna. Dan jgħodd minn proġetti miftuħa ta' spazji pubbliċi għal mod kif isiru n-networks ta' toroq, mill-mezzi alternattivi ta' trasport għal għajnuna li tingħata lill-bdiewa, raħħala u sajjieda. Il-bdiewa biex insemmi eżempju wieħed huma fost l-akbar għassiesa u persuni li jindokraw l-ambjent tagħna b'impatt pożittiv fuq saħħitna. Il-bdiewa jkabbru prodotti ġenwini tajbin għal saħħitna waqt li jħarsu l-ambjent. Tkun traġedja għal pajjiżna li l-bdiewa jonqsu. Meta nkun qed inżur diversi lantijiet tax-xogħol napprezza l-fatt meta nara żgħażagħ jagħżlu l-biedja bħala x-xogħol tagħhom. Naf li x-xogħol mhux faċli, stapazzuz, jirrikjedi ħinijiet twal u sagrifiċċji imma l-benefiċċji ambjentali u tas-saħħa li ssir b'ħidmiethom hi kbira. L-ambjent hu konsiderazzjoni importanti fil-budget tal-Unjoni Ewropea. Importanza lis-saltna tad-dritt Aspett ġdid li l-Unjoni Ewropea qed torbot mal-budget hu li l-pajjiżi membri jridu jieħdu inizjattivi fl-ambjent u fis-saltna tad-dritt. Jekk ma jagħmlux hekk ikunu qed jissugraw li jitilfu mill-fondi li hemm allokati. Id-demokrazija, is-saltna tad-dritt, il-liberta' huma kollha valuri li l-Partit Nazzjonalista jħaddan. Huma wkoll valuri Ewropej. Fuq il-karta faċli tista' tgħid li taqbel magħhom imma dak li jgħodd hu li tagħmel il-prattika. Dan se jkun test ieħor importanti għall-Gvern Laburista. Il-korruzzjoni, il-kriminalita' minsuġa mal-poter, il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, kollha ħallew impatt fuq pajjiżna. Dak li għamlu esponenti tal-Gvern Laburista hu ħażin fih innifsu u l-konsegwenza hu li għarraq il-kredibilita' ta' pajjiżna. Għall-ewwel darba l-fondi huma marbuta ma' dak li jagħmlu l-Gvernijiet dwar is-saltna tad-dritt. Għal darb'oħra din hi xhieda li r-rabta għandha tkun fl-interess tan-nies, maċ-ċittadin, miegħek u mhux tal-istituzzjonijiet jew il-gvernijiet. Fejn tidħol is-saltna tad-dritt hemm inizjattivi li jrid jieħu l-Gvern direttament u jindirizzahom. Oħrajn iridu jsiru mill-istituzzjonijiet li għandna f'pajjiżna fosthom mill-Pulizija. Il-lista ta' x'għandu jsir hi twila. Imbagħad hemm inizjattivi oħra li jistgħu joħorġu minn ideat li jiġu waqt laqgħat u proċessi ta' konsultazzjoni mal-pubbliku in ġenerali, soċjeta' ċivili, NGOs, union tal-ħaddiema, għaqdiet ta' min iħaddem, rappreżentanti ta' setturi differenti fejn dawn jidentifikaw bl-aħjar mod kif jiġu investiti l-fondi Ewropew biex pajjiżna jgawdi u jagħmlu użu bl-aħjar mod mill-fondi allokati. Kuntraju għal dak li qal il-Ministru tal-Finanzi, il-Partit Nazzjonalista ma jqisx il-fondi ewropej bħala bajtra tax-xewk imma għalqa li għandha tkompli tintela' b'aktar żerriegħa biex tagħti l-frott, kif diġa saru b'fondi Ewropej li kienu innegozjaw u ġabu għal Malta gvernijiet immexxija mill-Partit Nazzjonalista | [
11,
12
] |
Bħala Membru Parlamentari Ewropew il-ħidma tiegħi tifrex ukoll f'qasam li nħoss li huwa importanti ferm u wkoll hemm bżonn ta' aktar kuxjenza u ħidma dwaru – is-sehem tal-mara fis-soċjetà, l-irwol tagħha, u l-ugwaljanza tal-ġeneru. Meta nħares lejn dan is-suġġett narah ukoll mil-lenti Ewropea. F'dawn l-aħħar snin kien hemm passi tajbin 'l quddiem fejn tiħdol ugwaljanza tal-ġeneru u tista' tgħid li dan l-argument qiegħed jingħata prijorità. Imma minkejja dan, għad hemm ħafna x'naqdfu u wkoll għad hemm ħafna xogħol x'isir biex tassew nibdew naraw il-mara fuq l-istess livell tar-raġel fil-prattika. Tajjeb pero li nirrikonoxxu il-progress li qed isir anke lokalment. Fil-ġimgħat li għaddew f'pajjiżna rajna nisa ta' stoffa maħtura f'karigi importanti. Mhux biss rajna lil Ramona Attard f'kariga importanti bħala President tal-Partit Laburista, imma kellna wkoll l-aħbar tal-ħatra ta' Norma Saliba bħala Kap tat-Taqsima Aħbarijiet tax-Xandir Nazzjonali u ta' Dr Yvonne Farrugia bħala Prosekutur Ewropew. Kien sinifikanti d-diskors ta' Ramona, speċjalment l-istqarrija tagħha li l-Partit Laburista emmen fiha sa mill-bidu u taha l-opportunitajiet kollha biex illum waslet f'dan il-punt. Imma wkoll meta spjegat li kemm-il darba kien hemm min iddubita l-kapaċità tagħha għal dan ir-rwol għax hija omm ta' tlett itfal. Ir-risposta li niżlet tajjeb ferm kienet "inlaħħaq bi tlett itfal bħalma jlaħħaq kieku hawn raġel minfloki." Iva, mara hija kapaċi daqs kull raġel ieħor, u kulħadd għandu jirrikonoxxi dan il-fatt. Issa hu l-waqt li naraw x'nistghu naghmlu aktar biex insostnu dawn il-passi pożittivi, fosthom permezz ta' possibiltajiet ta' 'remote work' u 'flexi-work' Ħadt gost naqra wkoll l-intervista li tat Lydia Abela lill-ġurnal lokali. Intervista li fiha qalet li kull mara għandha tħares lejha nnifisha bħala individwu b'valur uniku, u wkoll li l-mara għandha ħafna x'toffri, kemm fis-soċjetà, kemm fil-politika u anke fid-dinja tax-xogħol. Lydia wkoll tat prova li mara kapaċi issib il-bilanċ tajjeb bejn karriera u familja. Filfatt spjegat li qabel Jannar li għadda, meta bdiet rwol importanti bir-raġel tagħha Prim Ministru ta' pajjiż, kienet ilha tokkupa l-kariga ta' segretarju tal-eżekuttiv għaxar snin u għalhekk kienet drat tadatta ruħha għall-ħajja pubblika imma wkoll timmaniġġja l-ħin tagħha. Tajjeb li nfakkru li Gvern Laburista ntroduċa miżuri effettivi biex iħeġġu aktar parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol. Miżura pożittiva' kienet dik tat-twaqqif tal-Fond tal-Maternita', kif ukoll l-introduzzjoni taċ-Ċentri tal-Kura tat-Tfal b'xejn - miżura li tagħti l-istampa li t-tfal u r-responsabbiltà tal-familja, m'għandhomx ikunu biss, u mhumiex ir-responsabbiltà esklussiva tal-omm. Issa hu l-waqt li naraw x'nistghu naghmlu aktar biex insostnu dawn il-passi pożittivi, fosthom permezz ta' possibiltajiet ta' 'remote work' u 'flexi-work'. Irridu nintensifikaw il-ħidma tagħna wkoll fejn jidħol sehem il-mara fil-politika u hawn ukoll Gvern Laburista kien protagist billi xpruna riforma biex ikun hemm 'reserved seating mechanism' fil-Parlament Malti. Dan ikun ifisser li mill-Elezzjoni Ġenerali li ġejja s-siġġijiet jimtlew bl-elezzjoni normali kif nafuha u jekk ma jkunx hemm min ta' lanqas 40% ta' dawk eletti mis-sess sottorappreżentat, f'dan il-każ in-nisa, allura jkun hemm ammont limitat ta' siġġijiet addizzjonali li jimtlew mill-kandidati nisa. Fil-fora Ewropea, l-Istrateġija tal-Ġeneru kienet pass kuraġġuż mill-Kummissjoni Ewropea l-ġdida. Tajjeb li nsemmi xi punti, u nagħfas fuq argument li qiegħed fil-quċċata ta' din id-diskussjoni: il-kwistjoni reali u tanġibbli tal-paga ugwali; li mara fl-istess kariga ta' raġel ikollha l-istess paga u kundizzjonijiet tal-istess kariga li tkun mimlija minn raġel. U hawn fejn irid ikun hemm aktar diskussjoni u azzjoni b'determinazzjoni bejn dawk kollha nvoluti; l-awtoritajiet, aġenziji, dawk li jħaddmu u wkoll it-trade unions. Argument ieħor marbut ma' dan is-suġġett hu propju li r-riżorsi tal-Unjoni Ewropea jiġu investiti b'mod aktar għaqli u sensittiv lejn il-ġeneru. Jekk dan isir b'mod effettiv, dawn il-fondi jistgħu jikkontribwixxu biex jingħelbu l-ostakli li qed ixekklu l-ugwaljanza. Dan kollu jitfa' responsabbiltà fuqna l-Membri Parlamentari Ewropew. Responsabbiltà bħala 'policy-makers' li niżguraw li l-ħidma tagħna twassal biex verament ikollna ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-isferi kollha tal-ħajja. Dan irid isir b'ħidma koordinata, b'edukazzjoni, informazzjoni, djalogu u wkoll azzjoni konkreta fil-fora kollha biex naraw li dan li qed naħdmu għalih, u nemmnu fih, isir realtà. | [
11,
12
] |
Għadu kemm ġie f' idejja filmat ta' raġel għarwien jiġri barra t-toroq tagħna. Ġie ffilmjat biex jiġi rredikolat? Dan il-filmat ġera' mal-erbat irjieħ ta' Malta jekk mhux ma' l-erbat irjieħ tad-dinja. Bla dubju hemm xi ħaġa mhux f'postha, hemm fin-nofs is-saħħa mentali. Kundanna lejn min xerred dawn il-filmati. Għax jekk ifettillek ixxerred xi intervista li marret żmerċ ta' xi "ikona" politika, ħoll xagħrek u ġib iż-żejt. Imma r-redikolu ta' dan il-bniedem fit-toroq għarwien ħuta fit-toroq Maltin, kien iċ-ċajta tal-ġurnata. X'kont tħoss li kieku dak il-proxxmu kien missierek, ibnek jew ħuk? U donnu l-bniedem biex jgħatti tiegħu, jispiċċa jxerred u jesponi l-istejjer tal-vulnerabbli. Tgħid biex jiggustawh? U donnu f' pajjiżna għandna t-tendenza u l-ħabta, naraw l-istorja minn barra biss. Jekk naraw bniedem jiġri u jdur bil-lejl, bħal xafra tal-moħriet lesti biex noħorġu għalih jew għaliha. Ma naħsbux u naraw x'nistgħu nagħmlu għaliex forsi dak il-bniedem għaddej minn sfidi iebsa f'ħajtu, imma minflok arana naslu għal konklużżjoni ta' dak li jtina moħħna. Normalment liema konklużżjoni li wasalt għaliha tkun il-mera tiegħi stess. X' ipokrezija! U min ixerred dawn il-filmati jew min jipprova jdaħħak bil-vulnerabbli, (b' wiċċhom jidher) kważi, kważi ferħan se jtir u jħossu li għamel xi kapolavur. Lil dan il-liġi ma tkellmux? Li tkampa bl-istigma ta' marda mentali hija devastanti. Jistgħu jittkellmu dwarha dawk il-bnedmin li jgħixu ma xi ħadd li jħobbu u jew famijari. Żejda li tipprova tirredikolhom, anzi tkompli żżid t-toqol tal-ħajja ma' dak li diġà għandhom. Tiġini f' moħħi mara anzjana vulnerabbli, nstigata minn żewġ irġiel Maltin biex turihom il-parti privata tagħha, waqt li tiġi ffilmjata. L-istorja ma tieqafx hemm, imma l-filmat jinxtered ma' kullimkien. F'ġurnata rċevejt l-istess filmat mal-għaxar darbiet. Nispiċċa niġġieled bl-sms ma' għaxar persuni, li prattikament bgħatuli dan il-filmat biex nidħaq. Jien ma nidħakx b' dawn il-filmati, anzi nweġġa' ħafna. Jekk irrid nidħak u ndaħħaq lil sħabi, nagħmel filmat kif naf jien bis-sens umoristiku stil tiegħi u mhux bil-bnedmin vulnerabbli. Biex nidħaq noqgħod insegwi lil Patricia Routledge bil-kummiedja tagħha "Keeping Up Appearences" u mhux bi bnedmin li għaddejjin minn sfidi kontinwi. Biex nidħak m'għandix għalfejn indaħħaq lil kulħadd b' mara anzjana li jinstigawha bil-politika, u jieħdu gost jarawha toffendihom. Min jaf binha xi jħoss? Il-ġmiel spiċċa mill-bniedem, li issa hu għarwien, mikxuf, u mwaqqa' għaż-żufjett. Ma baqa' xejn ħlief bniedem tellief u umiljat! Fejn huma l-Awtoritajiet ikkonċernati? Nistennew u naraw …… Id-diżordnijiet mentali jolqtu lil mijiet ta' miljuni ta' nies f'kull parti tad-dinja u jħallu effett fuq il-ħajja tal-maħbubin tagħhom. Wieħed minn kull erba' persuni se jiġi affettwat minn xi diżordni mentali f'xi żmien f'ħajtu. Id-dipressjoni hija l-ikbar fost l-isfidi ta' mard mentali fid-dinja. L-iskiżofrenja u d-diżordni bipolari huma fost l-iktar diżordnijiet qliel u li jagħmlu bnedmin inkapaċi. Għalkemm numru kbir ta' bnedmin huma effettwati, id-diżordnijiet mentali jibqgħu moħbijin, traskurati u diskriminati. Biex ngħidu kollox bosta bnedmin b'mard mentali jżommu lura milli jfittxu l-kura minħabba l-istigma assoċjata miegħu. Għalkemm il-biċċa l-kbira tad-diżordnijiet mentali jistgħu jiġu kkurati, insibu bosta bnedmin li ma jirċevux il-kura. Professjonisti jgħidulna li bnedmin b' diżordni mentali hi waħda li l-ħsieb, il-kontroll emozzjonali, u l-imġiba tagħha jkunu differenti mhux ħażin minn dak li jitqies normali. Il-kundizzjoni spiss iżżomm persuna milli tifhem lil ħaddieħor jew milli tkampa mal-istress tal-ħajja. Is-sintomi jistgħu jvarjaw fit-tul u fl-intensità skont l-individwu u l-marda partikulari u ċ-ċirkustanzi. Jista' jaffettwa kemm irġiel u kemm nisa, nies ta' kull età, kultura, razza, reliġjon, jew livell ta' edukazzjoni u dħul finanzjarju. Id-diżordnijiet tas-saħħa mentali ma jiġux minn xi dgħufija personali jew xi difett fil-karattru. Madanakollu permezz ta' kura medika u adattata, diversi bnedmin jistgħu jiġu kkurati u jistgħu jgħixu ħajja produttiva u sodisfaċenti. Bosta bnedmin tgħallmu jkampaw b'diżordnijiet mentali wara li kisbu fehma aħjar tal-kundizzjoni tagħhom u segwew il-kura mogħtija lilhom minn professjonisti tas-saħħa mentali. Illum dak, dik u l-oħra u għada nista nkun Jien, ħija, oħti jew ibni. Pero' l-aħbar sabiħa hi, li llum hawn il-mezzi, billi ssegwi l-kura li jagħtuna l-professjonisti, billi żżomm rutina u żżomm ruħek attiv. Minbarra l-mistrieħ u l-irqad, tirrilassa u tipprova tgħix ħajja bilanċjata u ta' kwalita, fuq kollox tiekol tajjeb u tevita dak kollu li ma jagħmillekx ġid bħall-alkoħol u drogi li ma jkunux preskritti mit-tobba mediċi. Importanti wkoll li tevita toqgħod waħdek u tqatta' mumenti ma' bnedmin li jridulek il-ġid u mhux joqgħodu jiffilmjawk, biex wara jdaħku n-nies bik. L-ilbies li jagħmel lill-bniedem parti mis-soċjetà; jagħtik ċerta identità, ċerta dinjità. Bħar-raġel għarwien jiġri fit-toroq tagħna li juri b'xi mod li tilef postu fis-soċjetà, fuq kollox imżeblaħ minn kulħadd, tilef kollox inkluż id-dinjita. Il-ġmiel spiċċa mill-bniedem, li issa hu għarwien, mikxuf, u mwaqqa' għaż-żufjett. Ma baqa' xejn ħlief bniedem tellief u umiljat! Fejn huma l-Awtoritajiet ikkonċernati? Nistennew u naraw ….. | [
11,
14
] |
Il-President tal-Unjin għall-Infemiera u l-Qwiebel (MUMN) qal li numru rekord ta' ħaddiema tas-saħħa se jkunu qed jingħalqu fi kwarantina. Fi kliemu, aktar minn 100 ħaddiem tas-saħħa bħalissa jinsabu fi kwarantina, 'il bogħod mill-familji u minn uliedhom. "Dan għadu biss il-bidu. Ix-xitwa se tkun agħar," insista Pace. Numru rekord ta' każi ġodda … it-tobba jestendu d-direttivi | [
12
] |
L-Assoċjazzjoni Medika Malta qed tisħaq li l-Gvern issa ma għandu l-ebda għażla oħra ħlief li jwaqqaf l-attivitajiet kollha tal-massa u dan hekk kif, skont l-istess Assoċjazzjoni, illum se jitħabbru rekord ta' każi ġodda ta' Covid-19. Fi stqarrija, il-MAM saħqet li lbieraħ, erba' pazjenti ddaħħlu Mater Dei b'sintomi serji, biex issa hemm total ta' seba' pazjenti li għandhom bżonn il-kura. Apparti minn hekk, tabib irriżulta pożittiv u ieħor jinsab fi kwarantina u qed jistenna li jsirlu t-test. Il-MAM akkużat lill-Gvern li qed juża ħażin l-argument li ftit huma n-nies li jinsabu l-isptar u fakkret li evidenza xjentifika turi li l-Covid-19 jikkawża medja ta' mewta għal kull 75 każ bejn it-tielet u s-sitt ġimgħa wara li l-każi jkunu reġgħu bdew jiżdiedu. Fakkret li tliet stati Baltiċi, l-Irlanda, l-Islovenja, il-Greċja u anke r-reġjuni Taljani ta' Emilia Romagna u l-Pulgia poġġew restrizzjonijiet fuq l-ivjaġġar minn u lejn Malta, biċ-ċentru tal-Istati Uniti għall-Kontroll tal-Mard ipoġġi lil Malta mal-lista tal-pajjiżi l-aktar milquta mill-virus. Għalhekk, il-MAM se tkun qed testendi d-direttivi tagħha sal-14 ta' Awwissu. L-istqarrija spjegat kif id-direttivi se jkun sospiżi biss għal ġimgħa bejn il-15 ta' Awwissu u t-23 ta' Awwissu. Jekk, sa dak iż-żmien, il-Kabinett ma jiħux deċiżjonijiet serji u effettivi kontra l-imxija, il-MAM qalet li se ddaħħal mill-ġdid id-direttivi u terġa' twaqqaf ukoll l-operazzjonijiet li mhux urġenti u li mhux relatati ma' kanċer. | [
12
] |
In-Norveġja wkoll poġġiet lil Malta mal-lista ta' pajjiżi meqjusa mhux siguri għas-safar u dan minħabba r-rata ta' trasmissjoni tal-Covid-19. Kull persuna li tasal minn Malta, kemm jekk residenti u anke jekk turisti, iridu jagħmlu kwarantina. L-Olanda wkoll neħħiet lil Malta mil-lista ta' pajjiżi siguri u r-reġjun Taljan ta' Puglia qed jisħaq li kull persuna li tasal minn Malta trid tagħmel kwarantina ta' 14-il ġurnata. Sqallija wkoll qed tordna lill-Isqallin kollha li jaslu minn Malta biex jagħmlu kwarantina, filwaqt li l-Gvern Taljan qed jordna lil dawk kollha li jidħlu l-Italja, inkluż turisti, biex jagħmlu swab test. Tliet stati Baltiċi, l-Irlanda, l-Islovenja u anke l-Greċja wkoll poġġew restrizzjonijiet fuq l-ivjaġġar minn u lejn Malta. Il-Litwanja għalqet kompletament il-fruntieri tagħha għal Malta. Kull persuna li tasal minn Malta, kemm jekk residenti u anke jekk turisti, iridu jagħmlu kwarantina | [
12
] |
Il-Maġistrat Rachel Montebello ordnat investigazzjoni mill-Pulizija dwar ir-recordings ta' Melvin Theuma u li ġew ippubblikati fuq il-midja soċjali, minn xi ħadd mhux magħruf, il-ġimgħa li għaddiet. Montebello saħqet li l-investigazzjoni għandha tiddetermina min seta' ħareġ dawn ir-recordings. Hija ordnat dan hekk kif dalgħodu kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech, l-allegat mandant tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia. Il-Maġistrat ordnat ukoll li tinfetaħ investigazzjoni kriminali kontra l-lettur tal-Università Simon Mercieca hekk kif dan ippubblika l-istess recordings fuq il-paġna tiegħu ta' Facebook. Jixhed il-kaptan tal-jott Intant, l-uniku xhur tal-lum kien il-kaptan Logan Wood, responsabbli mill-jott ta' Yorgen Fenech. Huwa żvela kif fil-lejl tad-19 ta' Novembru kien infurmat mill-uffiċjal tas-sigurtà ta' Portomaso li l-Pulizija kienu qed iduru mal-yacht. Qal li ra wkoll tliet camerpersons fiż-żona. Wood informa lil Fenech dwar din is-sitwazzjoni u Fenech qallu: "tinkwetax, għax qed jipprovaw jagħmlu xena sħiħa daqslikieku se naħarbu." 'Tinkwetax. Ma għandna xejn x'naħbu' Mistoqsi mill-Avukat tad-Difiża Marion Camilleri, Wood qal li Fenech kien qallu: "tinkwetax. Ma għandna xejn x'naħbu." Il-jott kien twaqqaf mill-Forzi Armati ta' Malta hekk kif kien ħiereġ mill-marina ta' Portomaso nhar l-20 ta' Novembru, mas-sebħ. Wood, fix-xhieda tiegħu, issuġġerixxa li Fenech kien jaf dwar l-arrest imminenti tiegħu. Il-kaptan insista li kien se jieħu l-jott Sqallija biex isir fuqu xi xogħol ta' manutenzjoni. Insista li dan kien jagħmlu ta' spiss u dejjem kien jitlob lil xi ħadd mid-diretturi ta' Tumas biex imur miegħu. Jekk ħadd ma jkun jista', kien jgħid lil xi ħabib. Huwa ċaħad suġġerimenti li kienu se jippruvaw jaħarbu u insista li l-pjan tiegħu kien li jirritorna Malta bil-Katamaran. Insista li ma kellux idea x'kienu l-pjanijiet ta' Fenech. | [
12
] |
Dawk kollha li jidħlu r-Renju Unit minn Malta, Franza u l-Olanda, fost oħrajn, se jkunu obbligati jagħmlu kwarantina ta' erbatax-il ġurnata, b'din id-direttiva tidħol fis-seħħ min-nhar is-Sibt. Ħabbar dan il-Ministru għat-Trasport Ingliż, Grant Shapps hekk kif intemmet laqgħa tal-kabinett. Mal-lista tal-pajjiżi mhux siguri għas-safar, ir-Renju Unit daħħal ukoll lil Monaco, Caicos u Aruba. Il-Ministru saħaq li din id-deċiżjoni, iebsa kemm hi iebsa, ittieħdet biex ir-rata ta' infezzjonijiet fir-Renju Unit tibqa' waħda baxxa. Aktar qabel, il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson insista li l-Gvern se jkun iebes fid-deċiżjonijiet li jieħu biex jipproteġi liċ-ċittadini tiegħu. Ir-Renju Unit ħa din id-deċiżjoni wara ż-żieda ta' każi ta' Covid-19 madwar l-Ewropa. Malta llum irreġistrat numru rekord ta' 55 każ ġdid. Din id-deċiżjoni mistenni jkollha impatt sinifikanti fuq Malta, hekk kif dak tar-Renju Unit huwa l-aktar suq turistiku b'saħħtu għal pajjiż. L-Olanda wkoll neħħiet lil Malta mil-lista ta' pajjiżi siguri u r-reġjun Taljan ta' Puglia qed jordna lil kull persuna li tasal minn Malta biex tagħmel kwarantina ta' 14-il ġurnata. Anke n-Norveġja ħabbret illum li poġġiet lil Malta fil-lista tal-kwarantina għax mhijiex sigura għas-safar. Sqallija wkoll qed tordna lill-Isqallin kollha li jirritornaw minn Malta biex jagħmlu kwarantina, filwaqt li l-Gvern Taljan qed jordna lit-turisti Maltin biex jagħmlu test malli jaslu jew inkella jieħdu magħhom ir-riżultat ta' test li jkunu għamlu 74 siegħa qabel waslu fil-pajjiż. Tliet stati Baltiċi, l-Irlanda, l-Islovenja u l-Greċja wkoll poġġew restrizzjonijiet fuq l-ivjaġġar minn u lejn Malta. Il-Litwanja għalqet kompletament il-fruntieri tagħha għal Malta. | [
12
] |
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, qalet li 109 persuni ġew immultati għax instabu li ma kinux liebsa l-maskra fil-postijiet indikati, fosthom fil-ħwienet, it-trasport pubblika u l-vapur ta' Għawdex. Gauci spjegat kif b'kollox saru 742 spezzjoni. Kull min jinqabad bla maskra jeħel multa ta' €50. "Aħna ma niħdux gost nagħtu ċitazzjonijiet. Aħna rridu li n-nies jifhmu għaliex għandhom jilbsu l-maskra. Bħalma kulħadd meta joħroġ ma jinsiex in-nuċċali jew il-mowbajl, l-istess ħadd ma għandu jinsa l-maskra," saħqet Gauci Appellat li kulħadd għandu jkun responsabbli u mhux jilbes biss il-maskra meta hemm l-għassa. "Meta tidħol fil-karozza, tilbes is-seatbelt mhux meta hemm il-Pulizija biss." 1,200 persuna jinsabu fi kwarantina; 77 minnhom huma ħaddiema tas-saħħa f'Mount Carmel Ifiequ 54 pazjent … 31 każ ġdid fl-aħħar 24 siegħa | [
12
] |
Jekk hawn festa li l-Maltin iħobbu, bla dubju ta' xejn din hija l-Festa ta' Santa Marija. Mhux biss minħabba l-btajjel, iżda anke għax tfakkarhom fil-ġrajja storika tal-Konvoj ta' Santa Marija li mmarkat it-tmiem tat-Tieni Gwerra f'Malta. Mhux ta' b'xejn li diversi parroċċi madwar Malta u Għawdex jiċċelebraw bi kbir din is-solennità. Anke jekk din is-sena, ix-xbihat sbieħ ta' Santa Marija, mhux se jinħarġu jduru fit-toroq ta' diversi bliet u rħula, fost iċ-ċapċip, id-daqq tal-qniepen u l-banda, il-kant u l-ħoss tal-murtali, il-gazzetta ILLUM xorta waħda ħasbet biex tiċċelebra din il-festa. Għada, 16 ta' Awwissu, il-gazzetta ILLUM se tippubblika erba' paġni speċjali dwar ix-xbihat kollha ta' Santa Marija mxerrda madwar Malta, Għawdex u anke Kemmuna. Dawn il-paġni jinkludu ritratti tal-vari u l-istorja dwar kull vara, mill-istellarju sal-bankun tagħhom. Jekk int dilettant tal-festi, jew għandek għal qalbek lil Santa Marija, titlifx il-gazzetta ILLUM ta' għada. | [
2
] |
Ir-rata ta' ttestjar għall-Covid-19 f'Malta mis-17 ta' Awwissu - skont is-sit ourworlddata.org - kienet ta' 4.81 test għal kull 1,000 persuna li tpoġġi lil pajjiżna fit-tielet post fid-dinja f'dak li għandu x'jaqsam ma' numru ta' testijiet li qed isiru minn fost il-popolazzjoni. Fl-aħħar ġimgħa, minkejja żieda sostanzjali fin-numru ta' każi attivi, it-total ta' testijiet li saru ġeneralment qed jaqbeż l-2,000 persuna kuljum. Ilbieraħ, per eżempju t-total ta' testijiet kien ta' 2,261, nhar it-Tlieta kien ta 2,124, nhar it-Tnejn u allura s-17 tax-xahar in-numru ta' testijiet tela' għal 2,269. Dan ifisser illi din il-ġimgħa biss, sal-bieraħ, kienu diġa' saru 6,654 test. L-uniċi pajjiżi li qed jittestjaw aktar minn Malta huma l-Emirati Għarab Magħquda (UAE) u l-Bahrain li għandhom rata ta' 6.04 u 5.84 test għal kull 1,000 persuna rispettivament. Wara Malta hemm New Zealand, l-Istati Uniti u r-Renju Unit. | [
12
] |
F'dawn l-aħħar jiem ġie fi tmiemu proġett ieħor ta' restawr u konservazzjoni ffinanzjat bl-appoġġ tal-Bank of Valletta. Il-kwadru titulari tal-Kappella ta' Kemmuna reġa' sab ruħu f'nofs il-fliegu, sewwa sew fil-Bajja ta' Santa Marija wara li għal din l-aħħar sena kien fil-laboratorju ta' PrevArti fil-Mosta, fejn għadda minn proċess ta' restawr estensiv. Il-kwadru li għandu bħala suġġett ir-Ritorn tal-Familja Mqaddsa mill-Eġittu, kellu jgħaddi minn proċess rigoruż, metikoluż u li jirrikjedi ħafna attenzjoni u preċiżjoni minħabba l-kundizzjonijiet ħżiena li kienu jinsabu fihom il-pittura u t-tila ta' taħt. Ir-restawratur Pierre Bugeja, spjega li apparti dak li hu estetiku kien jidher skur bil-verniċ, mill-parti tan-nofs 'l isfel instabu diversi ħsarat, fosthom żebgħa li kienet qegħda tinqala', kif ukoll partijiet oħra fejn iż-żebgħa kienet inqalgħet għal kollox. Mir-riċerka li saret, bl-għan li din il-pittura tiġi attribwitha lil min ħoloqha, l-istoriku tal-Arti Sandro Debono qal li kollox jindika li l-pittur li eżeġwixxa dan il-kwadru huwa Carlo Zimach, qassis minn Ħaż-Żebbuġ li kellu rabtiet mill-qrib mal-Parroċċa tan-Nadur, tant li fl-istess Bażilika, jinsabu bosta xogħlijiet attribwiti lilu. Minkejja li l-pittura ta' Kemmuna baqgħet waħda anonima, tant li ma nstabet l-ebda firma jew inizjali fuq il-kwadru, Sandro Debono spjega li Zimach kien imnebbaħ minn inċiżjoni ta' kwadru mpitter minn Giovanni Battista Paggi għall-Knisja ta' Santa Maria degli Angeli ta' Ġenova u minn hemm ħoloq il-verżjoni tiegħu ta' din il-pittura li tmur lura għas-seklu 18. Ir-rettur tal-Kappella ta' Kemmuna, Monsinjur Ġużeppi Attard, laqa' bil-ferħ it-tkomplija ta' dan il-proġett, li malli ħa l-inkarigu tal-kappella f'idejh madwar sentejn ilu, kien intebah mill-ewwel bil-kundizzjonijiet ħżiena li kien jinsab fihom dan il-kwadru. Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv fit-Taqsima tal-PR u l-Marketing tal-Bank of Valletta, Charles Azzopardi tenna s-sodisfazzjon tiegħu li bis-saħħa ta' dan ir-restawr, il-pubbliku se jkun jista' jerġa' jgawdi s-sbuħija kollha ta' din il-pittura. Barra mnn hekk wieħed ukoll jista' japrezza li kappella fuq gżira daqstant ċkejkna, tħaddan fiha patrimonju tassew rikk u importanti fl-istorja tal-arti tal-Gżejjer Maltin. | [
2
] |
Il-Gvern Laburista qed ikompli joffri viżjoni għall-futur ta' pajjiżna, liema viżjoni hija ċ-ċentru ta' politika li trid twassal biex il-poplu tagħna jkollu kwalità ta' ħajja aħjar. Biex insostnu din il-viżjoni u narawha titwettaq fis-snin li ġejjin, pajjiżna għadu kemm kiseb mill-Unjoni Ewropea, l-akbar pakkett li qatt ġie negozjat għal Malta, jiġifieri €2.25 biljun li se jservu għal aktar investiment u għajnuna għat-tisħiħ tar-riġenerazzjoni ekonomika ta' pajjiżna. Il-Prim Ministru Robert Abela l-ġimgħa l-oħra kellu l-opportunita jfisser fid-dettal din il-viżjoni waqt laqgħa tal-Kabinett li saret fil-bini tal-Kamra tal-Kummerċ. Viżjoni ta' mudell ekonomiku ġdid ibbażat fuq kwalità ta' ħajja aħjar għal kulħadd. Il-Governanza Fix-xhur li għaddew il-Gvern Laburista ħadem bis-sħiħ biex għadda mill-Parlament numru ta' liġijiet importanti, fil-parti l-kbira tagħhom approvati b'mod unanimu, li bihom kompla jissaħħaħ il-qafas Kostituzzjonali tagħna. Bosta poteri li sa mill-Indipendenza 'l hawn kienu dejjem jappartjenu lill-Prim Ministru, għaddew f'idejn l-istituzzjonijiet tal-pajjiż u dan sar bi qbil mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Veneżja. Dan kien sinjal ċar tad-determinazzjoni tal-Gvern li jsaħħaħ il-Governanza u s-Saltna tad-Dritt fil-pajjiż. Fil-viżjoni li tkellem dwarha l-Prim Ministru Robert Abela l-ġimgħa l-oħra, huwa stqarr li l-Governanza tajba hija ċentrali għal ekonomija b'saħħitha li toffri a level playing field għal kulħadd. Kif ħa nkabbru l-ekonomija Id-direzzjoni ekonomika li ta lil pajjiżna l-Gvern Laburista mill-2013 'l hawn kienet waħda li tagħtna suċċess. Kellna tkabbir bla preċedent li wassal biex saħħaħna bil-kbira il-finanzi tal-Gvern tant li sena wara l-oħra rreġistrajna surplus. Il-qagħad tniżżel f'livelli li qatt ma kien fihom u l-livell tal-għajxien tal-poplu tagħna tjieb bil-bosta. Iżda issa, jeħtieg li b'din il-viżjoni ġdida, it-tkabbir ekonomiku jsir b'mod li jwassal għal kwalità ta' ħajja aħjar. Irridu aktar xogħol ta' kwalità aħjar għall-ħaddiema filwaqt li l-familji jkollhom aktar ħin xi jqattgħu flimkien u li s-soċjeta tagħna tkun aktar ħanina l-aktar ma' dawn li jkunu qed jaqgħu lura. Il-ħajja tal-poplu tagħna tkun aħjar jekk inkunu qed ngħixu f'ambjent aħjar b'inqas storbju, b'inqas trabijiet fl-arja, b'postijiet aċċessibbli għal kulħadd u b'aktar dixxiplina f'diversi oqsma mhux l-inqas fl-indafa ta' pajjiżna. B'ambjent aħjar irridu niffaċċjaw l-isfida tal-iskart, jkollna Malta aktar nadifa u ippjanar tajjeb li jagħti aktar spazji miftuħa liċ-ċittadini tagħna. Irridu nkomplu nagħmlu suċċess fit-turiżmu, mutur ewlieni għat-tkabbir ekonomiku billi nattiraw lejn pajjiżna kwalità aħjar ta' turist. Edukazzjoni – pedament ewlieni tal-viżjoni ekonomika Il-viżjoni tal-gvern tqis l-edukazzjoni bħala wieħed mill-pilastri fundamentali għal aktar suċċess. Edukazzjoni li twassalna għal ekonomija b'saħħitha fit-tul taż-żmien. It-tfal tagħna jridu jkunu ppreparati sew fil-Matematika, ix-Xjenzi u l-ekonomija diġitali. Irid ikollna sistema edukattiva li tipprepara lit-tfal u ż-żgħażagħ Maltin għall-oqsma l-ġodda tal-ekonomija dinjija, bħal Life Sciences, ir-robotika, coding, l-infrastruttura tal-IT, l-iżvilupp tas-sistemi ta' software, l-intelliġenza artifiċjali, cloud computing u oqsma oħra li llum qed jitqiesu bħala r-raba' rivoluzzjoni industrijali fid-dinja. Għaldaqstant il-viżjoni tagħna hija li nibqgħu nimmodernizza l-infrastruttura edukattiva tagħna mhux biss fil-bini tal-iskejjel imma fil-preparazzjoni tal-għalliema u l-istudenti. L-infrastruttura biex ikollna ħajja aħjar Il-Gvern qed jaħseb biex għas-snin li ġejjin, jkompli jsaħħaħ l-infrastruttura tal-pajjiż fid-diversi oqsma tagħha. Mhux l-inqas fil-bini tat-toroq tagħna fejn qed nistqarru li wasal iż-żmien li nitkellmu bis-serjeta fuq mezzi tat-trasport tal-massa li huma verament innovattivi. Hawnhekk wasal iż-żmien li jittieħdu d-deċiżjonijiet. L-infrastruttura trid taħseb ukoll biex tipprovdi mezz kif wieħed jivvjaġġa b-modi differenti, mhux inqas bil-mixi jew bir-roti. Jeħtieġ ukoll li l-pajjiż ikollu infrastruttura diġitali aktar b'saħħitha bil-għan li titnaqqas il-burokrazija manwali u s-servizzi kollha għan-negozju jkunu online, miġburin f'portal wieħed. L-infrastruttura diġitali ta' pajjiżna trid tibqa' tissaħħaħ u f'dan ir-rigward tħabbar li Malta dalwaqt ikollha it-tieni fibre-optic cable li jgħaqqad b'mod aktar b'saħħtu lil Malta u Għawdex. Il-miri ambjentali Ewropej nagħmluhom tagħna Il-viżjoni tal-Gvern dwar l-ambjent tikkumplimenta dak li qed titlob l-Unjoni Ewropea, jiġifieri li sas-sena 2050, Malta wkoll tkun "Carbon Neutral". Biex naslu għal dan il-Gvern qed ifassal miri intermedjarji li jridu jintlaħqu fis-sena 2030, fl-2040 u mbagħad fl-2050. B'dawn il-miri ambizzjużi fil-qasam tal-ambjent se nibdew inħarsu lejn dan il-qasam bħala ingredjent kruċjali għall-iżvilupp ekonomiku li jwassal għal kwalità ta' ħajja aħjar. Robert Abela, meta fisser il-viżjoni tiegħu fil-jiem li għaddew għamel stedina lill-aqwa mħuħ fil-pajjiż biex jingħaqdu flimkien ħalli jitfassal il-pjan ta' kif se titwettaq din il-viżjoni ambjentali. Fuq kollox, dan il-pjan irid jagħti prijorita lill-investiment barrani li jkun qed jipproponi proġetti li jħallu l-inqas impatt ambjentali fuq Malta jekk mhux ukoll impatt pożittiv. Ix-xogħol ta' ippjanar li għaddej bħalissa dwar kif ser jintużaw il-Fondi Ewropej fis-seba' snin li ġejjin se jkun iggwidat minn dawn il-ħames prinċipji u se jkun parti mit-twettieq ta' dawn l-għanijiet importanti. Wara esperjenza ta' sebgħa snin ta' bidla mill-qiegħ fid-direzzjoni tal-pajjiż, bidliet u riformi kbar f'kull qasam tas-soċjeta Maltija, issa irridu nimbarkaw fuq proċess ta' aktar tiġdid ta' pajjiżna b'investiment b'saħħtu imsejjes fuq il-ħames prinċipji li semmejt. Dan l-investiment jiżgura li pajjiżna jibqa' jirnexxi u flimkien negħlbu l-isfidi li għandna quddiemna u niżguraw Għada Aħjar. | [
11,
12
] |
Għada il-Ħamis L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) ħabbret li għada se tagħmel strajk ta' siegħa - mit-8:00 a.m sad-9:00 a.m. - mit-tobba kollha ħlief dawk li qed jagħmlu l-iswabbing. Il-MAM qalet illi dan l-istrajk ta' siegħa se jsir bħala protesta kontra dik li sejħet "indħil politiku u mhux xjentifiku mill-Gvern li mhumiex tas-Saħħa fix-xogħol tas-Saħħa Pubblika bir-riżultat illi deċiżjonijiet żbaljati jistgħu jirriżultaw fil-mard tal-popolazzjoni u l-professjoni medika." "It-tobba mhux se jieħdu responsabilità ta' deċiżjonijiet li qed jittieħdu mingħajr l-għarfien tagħhom," temmet tgħid il-MAM. Intant ara hawn x'kienet ir-reazzjoni tal-MUMN għall-miżuri li jitrattaw bars u każini. | [
12
] |
Nirreferu għaliha bħala l-'First Lady' iżda anke jekk tidher ħafna maġenb il-President George Vella, ftit li xejn nafu dwarha anke jekk tħobb titħallat ħafna man-nies. Din il-ġimgħa, il-gazzetta ILLUM żaret il-Palazz ta' San Anton u ltaqgħet mas-Sinjura Miriam Vella biex issir tafha aħjar. Poġġejt bilqiegħda fuq sufan, f'waħda mill-kmamar bellezza ta' dan il-Palazz storiku, imdawra b'għamara antika u mill-isbaħ. Quddiemna ftit ħelu ppreparat mill-kċina tal-Palazz. Malli waslet is-Sinjura Vella, l-eċitament malajr tar u minnufih qbadna diskursata sħiħa. Tkellimna fuq il-ħajja privata tal-familja Vella, il-ġurnata tipika tal-First Lady, l-irwol tagħha, il-kċina tal-Palazz, l-imbierka pandemija, l-isfidi li kellu jiffaċċja l-President u elf ħaġa oħra. "Jiena mara sempliċi ħafna. Mara tad-dar. Twelidt iż-Żejtun. Iżżewwiġt żgħira. Għandi tlett itfal. Ħajti ddedikajtha għalihom u għar-raġel. Kull deċiżjoni li ħa George, dejjem sab lili warajh. Dik hi Miriam Vella." Hekk iddeskriviet lilha nnifisha l-First Lady meta bdejt nistaqsiha ftit mistoqsijiet bil-għan li nsiru nafuha aħjar. Spjegat magħna wkoll kemm kienet ta' sostenn u appoġġ għall-President Vella, tul il-karriera professjonali tiegħu ta' tabib. Meta kien jipprattika bħala tabib kienet teħodlu ħsieb l-appuntamenti kollha tal-pazjenti. Illum il-ġurnata, lis-Sinjura Vella narawha ta' spiss takkumpanja lill-Eċċellenza Tiegħu fid-diversi appuntamenti u attivitajiet li jkollu. Hi stess saħqet mal-ILLUM li jħossuhom komdi ħafna flimkien u li, anke jekk imħabbta, jaħtfu kull okkażjoni biex ikunu flimkien. 'Ħafna mumenti ta'sodisfazzjon … iżda din il-Presidenza għandha ħafna sfidi' Issa George Vella ilu aktar minn sena President. L-ILLUM staqsiet lis-Sinjura Vella kif kienu dawn l-aħħar xhur għalihom, bil-First Lady minnufih tammetti li bħal kollox, fil-ħajja, issib is-sabiħ u l-ikrah. "F'dawn ix-xhur iffaċċjajna ħafna sfidi imma kien hemm ħafna mumenti ta' sodisfazzjon kbir," saħqet Vella. Tispjega kif bħalissa qed jinħass in-nuqqas ta' attivitajiet u ta' żjarat li jġibuk qrib il-poplu, u dan qed ikollu impatt ħażin anki fuq ix-xogħol ta' volontarjat u għajnuna li tmexxi hi. Fi kliemha, il-ġbir ta' fondi hu bżonjuż għal dawk il-ħafna pazjenti u familji li qed iħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet kbar. "Din il-Presidenza għandna sfidi kbar. Il-Covid-19 ma għenitx. Ġabet id-dinja kollha għarkuptejha u aħna mhux speċjali. Imbagħad ikun hemm mumenti sbieħ ukoll. Allaħares kollox ħażin." Kien hawn li l-gazzetta ILLUM staqsiet lis-Sinjura Vella jekk qattx, f'dawn ix-xhur, iddispjaċiha li daħlu għal din il-ħajja. Twieġeb fin-negattiv. Tgħid biss kif minħabba li l-impenji żdiedu sew, ma tantx għadu jkollha ħin ma' wliedha u n-neputijiet. Kompliet tisħaq kif kull rwol iġib responsabbiltajiet miegħu, u hi adattat faċilment f'din il-ħajja ġdida. Fil-Palazz ta' Sant'Anton tinsab komda u kuntenta u faħħret ħafna lill-istaff. Iżda possibbli, meta tara l-isfidi li kellu jiffaċċja l-President, qatt ma xtaqet li kieku dan kollu qatt ma seħħ u baqgħu kwieti d-dar u komplew igawdu l-pensjoni għall-kwiet? "Din konnha ħsibna ħafna fuqha. It-tnejn mhux żgħar u ġieli ħsibna kif setgħat tkun ħajjitna kieku ma dħalniex għal din l-isfida. Forsi konna nkunu aktar mistrieħa, kalmi u liberi, iżda nemmnu t-tnejn li aħna li stajna nkomplu nagħtu kontribut lill-pajjiż u s-soċjetà. Xejn ma jiddispjaċini li ħadna din id-deċiżjoni," saħqet. 'Osservajna r-regoli bħal kulħadd… immissjajt ħafna lit-tfal' Iż-żmien li, bħal ħafna familji Maltin, kellhom jingħalqu ġewwa minħabba l-virus, kien żmien diffiċli ħafna għas-Sinjura Vella, tant li hi stess, għal aktar minn darba, għamlet referenza għal dan tul l-intervista. L-aktar ħaġa li ddispjaċiha kienet li ma setgħetx tara lill-uliedha u lit-tfal tagħhom. "Waqaf kollox. Minn dak il-kalendarju mimli b'kollox – safar, attivitajiet u laqgħat – spiċċajna f'sitwazzjoni ta' iżolament, bħal kull min kien jitqies vulnerabbli skont id-direttivi tal-Awtoritajiet tas-Saħħa. Almenu konna ninżlu sal-ġnien u naqraw xi kotba u nsegwu l-aħbarijiet, imma r-rutina ta' kuljum sfumat fix-xejn. Kulħadd għadda minn żmien diffiċli, inklużi George u jien," saħqet is-Sinjura Vella. Issa xi ftit jew wisq, anke jekk il-pandemija għadha fostna, l-affarijiet reġgħu bdew jiċċaqilqu u għalhekk il-ġurnata tal-President u s-Sinjura tiegħu bdiet timtela' wkoll. "Almenu issa qed noħorġu ftit, dejjem fl-osservanza tar-regoli. Anke George qed ikollu ftit laqgħat barra mill-Palazz," kompliet tirrakkontalna. X'inhu l-irwol tal-First Lady? Staqsejtha x'inhu l-irwol tagħha bħala First-Lady u jekk għandhiex affarijiet jew inizjattivi li tmexxi hi. Semmiet minnufih il-kampanja tal-Piggy Bank, dak il-karus li jitqassam fl-iskejjel u lilhinn biex anke t-tfal jieħdu sehem fl-Istrina. "Din is-sena ġietna l-idea li nqabbdu lit-tfal jagħmlu t-tpinġijiet ta' xi tfisser għalihom din l-inizjattiva u anke jpinġu dwar dan iż-żmien li fih kienu d-dar. Minn dis-sena l-karus mhux se jkun tal-plastik, ħalli nieħdu ħsieb l-ambjent. Se jkun tal-kartun u fuqu se jkun hemm it-tpinġijiet li għamlu t-tfal," kompliet is-Sinjura Vella. Tgħidilna li x-xewqa tagħha hija li, jekk iċ-ċirkostanzi jippermettu, it-tfal u l-ġenituri tagħhom jitlaqqgħu fil-Palazz biex il-President u hi miegħu jkunu jistgħu jirringrazzjawhom. Ovvjament, kollox jiddependi mis-sitwazzjoni tal-pandemija. Fil-fatt, għal Jum l-Omm, is-Sinjura Vella kienet ħejjiet attività kbira. Fakkret kif Jum l-Omm ġie fi żmien meta l-attivitajiet kienu wieqfa, iżda għal Jum il-Missier saret attività oħra, dejjem bil-miżuri ta' mitigazzjoni, fejn ġew mistiedna missirijiet li għaddew minn sfidi u li sabu l-għajnuna tal-MCCFF. "It-talbiet għall-għajnuna mhux se jistennew il-pandemija tgħaddi. Dawk baqgħu ġejjin u bqajna naraw kif se ngħinuhom. Bqajna niltaqgħu kull ġimgħa biex żgur ma nħallu lil ħadd jistenna," saħqet is-Sinjura Vella. Ta' min isemmi wkoll ix-xogħol li twettaq is-Sinjura Vella fi ħdan diversi strutturi, inkluża l-MCCFF inifisha, bħall-Bord tas-Soċjal, biex tingħata l-assistenza medika, u kultant anki finanzjarja, lil min ikollu bżonn. Is-Sinjura Vella hija wkoll attiva ma' strutturi oħra bħalma huma l-Hospice Movement, u tagħti wkoll sehem f'diversi kampanji bħal ma hija dik ta' kontra l-vjolenza domestika. Id-dar jew il-Palazz? L-ikel tagħha jew tal-kok? Ħallejna ftit il-Covid-19 warajna u anke l-irwol uffiċjali tas-Sinjura Vella u komplejna nitkellmu magħha dwar aspetti mill-ħajja ta' kuljum. X'tippreferi Miriam Vella? Id-dar taż-Żejtun jew Sant'Anton? "Id-dar nimmissjaha. Kelli nżarma ħafna affarijiet minnha qabel tlaqt. Meta naraha żarmatha, taqbadni ħlewwa ta' qalb. Inħoss in-nuqqas taż-Żejtun u taż-Żwieten, li dejjem irrispettawna. George kien tabib tajjeb ħafna u maħbub. Iżda hawnhekk, fil-Palazz ta' Sant'Anton, ninsab kuntenta ferm ukoll." Qaltilna. Meta kienet id-dar, Miriam Vella kienet issajjar hi, inkluż għat-tfal meta kienu jmorru jieklu għandhom fil-Ħdud. Illum issib l-ikel lest. X'tippreferi? "Ma kontx xi koka prima għall-bidu. George dejjem isemmi kif, meta konna għadna miżżewġin friski, ma tantx kont ninqala', iżda wara ftit ħadt il-qagħda sew u kont naqla' ħafna kumplimenti, kemm mingħandu kif ukoll mingħand it-tfal. Is-sigriet kien li nsajjar b'imħabba," irrakkontat. "L-ikel tal-Palazz inħobbu ħafna u vera jieħdu ħsieb li jkun ikel ġenwin u tajjeb għas-saħħa. Li ma tkunx ippreparajt inti, jinżillek għasel," tgħidilna bid-daħka simpatika tagħha. 'Meta ninżel iż-Żejtun, xorta mmur s'għand tal-merċa' Miriam Vella hija dħulija ħafna. Anke fl-attivitajiet taraha tiltaqa' u titħallat man-nies. Nhar ta' Ħadd, anke għax il-quddiesa fil-Palazz ta' San Anton m'għadhiex issir minħabba l-pandemija, hi flimkien mal-President imorru l-Quddies fis-Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt u jpoġġu bilqiegħda fost in-nies (dejjem fl-istess post) u wara jgħidu kelma magħhom ukoll. Erġajt semmejtilha l-ħajja ta' kuljum fiż-Żejtun. "Meta ninżel iż-Żejtun, xorta mmur s'għand tal-merċa. Għamilt ħabta kont ninżel nhar ta' Tnejn filgħodu," qaltilna. "Jiena nħobb inżomm ħafna kuntatt man-nies. Dik ix-xirja ta' kull filgħodu u dawk il-kelmtejn man-nies kont inħobbhom wisq. Nammetti li kien ikun ferm iktar diffiċli nibqa' ġewwa f'dawn l-aħħar ġimgħat, kieku kont għadni ż-Żejtun." X'tammira l-aktar f'żewġha? Ġieli bassret li se jkun President? U kieku kellha ssemmi kwalità waħda li tammira fir-raġel tagħha, din xi tkun? "Hemm ħafna. Naħseb l-iktar waħda li napprezza huwa li għandu karattru sod. Jiena għalija għandu ħafna kwalitajiet tajbin. Ma nistax insemmi waħda biss. Fiż-żwieġ u l-ħajja tal-familja sibt ħafna xorti għax kulma nkun nixtieq, b'xi mod, dejjem ikkuntentani," qaltilna b'għajnejha jixegħlu. Staqsejtha jekk qattx għadditilha minn moħħha li żewġha kien se jkun President ta' Malta. Wieġbet illi qatt ma basret li dan ser ikun il-każ. "Ħaġa waħda se ngħid. Meta rtira mill-politika u ma baqax jaħdem ta' tabib, l-ewwel tliet xhur għaddew. Għamel dak li kien ilu biex jagħmel. Irranġa l-kamra fejn iqatta' ħafna ħin, bajjadniha u biddilna l-għamara. Meta għaddew dawn ix-xhur, kont nara li qed inħoss in-nuqqas tal-ħajja attiva li kellu sa ftit qabel. Konna noħorġu darba s-Sibt għall-quddiesa u forsi nieklu l-Ħadd f'nofsinhar. Jiena bqajt għaddejja b'ħajti normali. Bqajt noħroġ. Imma għalih kienet ħajja differenti ħafna minn dik li kien għex sa ftit qabel. Kważi ssakkar ġewwa. Kien iqatta' ħafna ħin jaqra u fil-ġnien." 'Ninduna meta jkun inkwetat' Tkellimna ftit fuq il-Presidenza ta' George Vella. Iffaċċja diversi sfidi. Fi ftit xhur kien hawn kwistjoni politika fil-pajjiż, riżenja ta' Prim Ministru u, dan l-aħħar, anke l-kwistjoni fil-Partit Nazzjonalista, fejn il-President kellu jieħu deċiżjoni importanti dwar il-Kap tal-Oppożizzjoni. Bosta kienu dawk li kienu qed jistennew il-kelma tal-President, anke biex jagħti direzzjoni, imqar morali, lill-pajjiż. Kienet tinkwieta meta tarah inkwetat? Ġieli talabha parir? Vella saħqet li Dr Vella ftit li xejn juriha meta jkun inkwetat. "Imma jiena ninduna," kompliet. "Dejjem kont hemm, ma' uliedi, biex inkunu ta' appoġġ għalih, anke fil-mumenti l-aktar diffiċli." Għandha xi ħolma? Staqsejtha jekk għandhiex ħolma u li tixtieq taħdem fuqha biex taraha sseħħ. Bdiet tisħaq li, l-ewwel u qabel kollox, tixtieq ħafna li l-ħajja tirritorna għal dik li kienet qabel. "Kif għidtlek, il-Covid, biddlitilna l-istil tal-ħajja tagħna," tenniet. Iżda l-akbar xewqa ta' Miriam Vella tinvolvi l-fondi biex ikunu jistgħu jgħinu lill-persuni fil-bżonn. "Nixtieq nivvinta, nixtieq naħseb f'xi ħaġa, li tirrendi l-flus biex inkunu f'sitwazzjoni li ngħinu lil kulħadd." Fil-fatt, is-Sinjura Vella kienet bdiet taħdem fuq dan il-proġett flimkien ma' grupp ta' nies li kienu qed jiltaqgħu b'mod regolari, bl-attivitajiet kienu qed irendu xi ftit tal-fondi għall-MCCFF, iżda l-Covid-19 anke hawn ħalla l-effett. "Din il-ħolma tiegħi. Li kull min iħabbat il-bieb b'talba għall-għajnuna, ikun jista' jirċievi l-għajnuna." 'Ħmistax ilu qattajna ġurnata l-familja kollha wara ħafna ġimgħat' U t-tfal u n-neputijiet, ikollhom ċans imorru Sant'Anton? Jistgħu jqattgħu ħin bħala familja? "Dażgur li iva, imma din is-sena kemm l-Għid, kemm Jum l-Omm, u anke l-birthday ta' George inzertaw meta konna magħluqa ġewwa. Għall-birthday, it-tfal kellmuh fuq Skype. Tlifna ħafna okkażjonijiet. Ħmistax ilu ltqajna lkoll għall-ewwel darba hawn wara ħafna ġimgħat. Qattajna ġurnata flimkien. Illum il-familja tgħodd l-20. In-neputijiet kollha bil-boyfriends u l-girlfriends. Il-ħajja tinbidel. Konna niltaqgħu Ħadd iva u Ħadd le għandi d-dar. Kont insajjar għal riġment," irrakkontatilna b'xi ftit ta' nostalġija wkoll. 'Il-mara tasal fejn trid' Tkellimna wkoll fuq l-irwol tan-nisa fis-soċjetà. "Ħa nibda billi ngħidlek din," waqqfitna fil-pront. "Fis-Segretarjat tagħna, l-irġiel qegħdin fil-minoranza. Kulħadd għandu jiġi stmat għall-kapċitajiet tiegħu, irrilevanti jekk mhux mara jew raġel. George u jiena dejjem hekk emminna, u anki lill-uliedna u n-neputijiet hekk tellajnihom jaħsbu." Kien hawn li appellat lin-nisa kollha, speċjalment lit-tfajliet, biex ma jaqtgħux qalbhom. "Kelli bżonn ġejt fiż-żmien tal-lum għax kieku żgur kont inkun mara ta' karriera. Anke lil min hu mħajjar għall-politika, jiena ma naqtagħlux qalbu … Jiena nemmen li l-mara tasal fejn trid," insistiet. Ħaditna lura fiż-żmien. Tirrakkonta kif kienet tieħu l-inizjattiva li tistieden lill-kollegi tar-raġel tagħha kollha d-dar biex tibni dak l-ispirtu ta' koperazzjoni u ħbiberija li għandu jkun hemm f'kull grupp. "Kont nipprova nkun attiva kemm nista' u nagħmel mill-aħjar li nista'," qaltilna. Vella faħħret ukoll inizjattivi li ħa l-Parlament Malti, bħal pereżempju l-ħinijiet tal-laqgħat, biex jgħin lid-deputati ommijiet u missirijiet ikollhom il-ħin tagħhom mal-familja u t-tfal u appellat biex anke l-kumpaniji jieħdu dan l-eżempju. "Lin-nisa ma naqtagħlhom qalbhom xejn. Il-pajjiż għandu bżonnkom," appellatilhom. Nirringrazzjak George Fl-aħħar tal-intervista, ħallejna kollox f'idejn is-Sinjura Vella biex twassal il-messaġġ tagħha lill-President Vella. Il-messaġġ tagħha kien wieħed qasir, iżda deher ħiereġ minn qalbha: "Kompli kif inti sejjer. Jiena dejjem emmint fik. Nirringrazzjak tar-rispett li dejjem ġibtli u tal-ħajja sabiħa u mimlija ferħ li tajtni." | [
12
] |
X'inhu l-iskop ta' din l-entità u x'inhuma s-siti storiċi li din l-entità tieħu ħsieb? Liema entitajiet jinsabu f'idejha? Heritage Malta hija aġenzija governattiva, jiġifieri mwaqqfa mill-Gvern bil-għan ewlieni tagħha hu li tieħu ħsieb il-wirt kulturali nazzjonali li jiġi fdat lilha. Il-missjoni ta' Heritage Malta hija fil-fatt dik li tipproteġi, tikkonserva, tippromovi u tagħmel aċċessibbli l-wirt kulturali li jiġi taħtha. Dan il-wirt kulturali jinkludi siti bħal tempji ta' Ħaġar Qim u l-Mnajdra, bħall-Ġgantija, it-tempji ta' Tarxien, l-Ipoġew ta' Ħal Saflieni, kif ukoll hawnhekk fejn qegħdin fil-Forti Sant'Iermu u l-Mużew tal-Gwerra, il-MUŻA. B'kollox għandha madwar 27 sit u mużew illi tiftaħ kuljum u hemm xi 15/16 il-sit ieħor illi huma magħluqin jew jiftħu biss b'appuntament. Jiġifieri meta ngħidu intom tieħdu ħsiebhom, intom sempliċiment taraw illi l-manutenzjoni qed issir u daqshekk? Jew l-irwol tagħkom imur oltrè minn sempliċiment manutenzjoni u day-to-day needs ta' sit? Il-manutenzjoni hija biss faxxa minn dak illi nagħmlu. Hija biċċa ta' dak li jsir ġos-siti u l-mużewijiet tagħna. Aħna għandna kollezzjoni estensiva ta' artifatti illi rridu nieħdu ħsieb. Irridu nieħdu ħsiebhom mhux mill-lat ta' konservazzjoni biss iżda mil-lat ta' riċerka fuqhom, ta' pubblikazzjoni u ta' edukazzjoni. Irridu nedukaw lill-pubbliku. Irridu wkoll kif għidt, nippromwovu dan il-wirt kulturali fdat lilna, kemm lokalment lill-Maltin u l-Għawdxin u t-tfal u l-familji, iżda wkoll għat-turisti. L-għanijiet ewlenin tagħna huma dawk fil-fatt, madwar l-aċċessibbiltà tal-wirt kulturali. Meta ngħid aċċessibbiltà, mhux biss aċċessibbiltà fiżika, jiġfieri li wieħed ġie u daħal ġo mużew u ra b'għajnejh, miss b'idejh u tgħallem, iżda wkoll aċċessibbiltà intellettwali, biex ngħid hekk, jiġifieri dawk l-elementi kollha illi wieħed jista' jgħallem bihom lill-pubbliku, aħna nużawhom u nisfruttawhom għall-wirt kulturali u għal ġieħ il-pubbliku. Semmejt l-artifatti. Waħda mill-aħħar akkwisti fil-fatt ta' Heritage Malta hija pittura ta' Mattia Preti. Irriklamajtu dan l-akkwist ħafna fuq il-midja. X'inhu l-iskop fil-fatt illi jsiru dawn it-tip ta' akkwisti? U għalfejn isiru dawn l-akkwisti, speċjalment dan per eżempju, għalfejn sar? Ikun hemm forsi min mhuwiex daqshekk intiż fil-qasam kulturali, jgħidlek 'Qed nonfqu dal-miljuni biex inġibu pittura …' Il-Mużew Marittimu se jkollna esperjenza tal-binja, ħa nagħtu esperjenza tal-istorja marittima ta' Malta, jiġifieri minn żmien il-Feniċi meta ġew bil-baħar, il-ħakkiema li kellna Malta – kollha bil-baħar ġew Noel Zammit/CEO Heritage Malta L-għan ta' Heritage Malta wkoll jinkludi t-tkabbir tal-kollezzjoni nazzjonali. U dan nagħmluh b'modi varji. Jiġifieri nagħmluh billi jkun hemm min jagħti donazzjonijiet ta' artifatti lil-Aġenzija. Biss però wkoll inkunu qed nippruvaw naraw jekk ikunx hemm xi bejgħ ta' artifatti illi nkunu nistgħu nidħlu għalihom. Din il-pittura li għadek kif semmejt hija ta' Boezju u l-Filosofija hija pittura ta' Mattia Preti li kien wieħed mill-aħħar akkwisti li għamlet l-Aġenzija b'għajnuna ta' entitajiet oħra. U għalhiex xtrajna din il-pittura? Mela l-ewwel nett kienet pittura illi kienet imdendla ġol-Palazz tal-Gran Mastru l-Belt, jiġifieri l-Palazz tal-President, fejn kien jiltaqa' l-Parlament biex nifthiemu. Dik kienet indendla hemmhekk iżda fi żmien l-Ingliżi, inħarġet minn hemm u spiċċat f'kollezzjonijiet privati. Kienet pittura illi Mattia Preti pinġa fl-aqwa tal-karriera artistika tiegħu. Jiġifieri għandha wkoll valur artistiku importanti u b'saħħtu ħafna. Hija pittura kbira bħala daqs u maestuża allura ħassejna li għandha terġa' tiġi lura f'darha u f'postha u eventwalment tiddendel fil-Palazz tal-Gran Mastru u hemm fejn verament jistħoqqilha tiddendel, hux hekk? Dawn l-akkwisti huma importanti ħalli nwessgħu l-kollezzjoni nazzjonali tagħna kemm jista' jkun, jiġifieri l-valur tal-kollezzjoni tagħna, kull ma jmur jiżdied, mhux biss f'valur monetarju. Aħna mhux lejn il-flus inħarsu hawnhekk meta naraw il-kollezzjoni nazzjonali tagħna, imma l-valur artistiku. L-akkwist minn Heritage Malta' ta' 'Boezju u l-Filosofija' ta' Mattia Preti Semmejt il-Palazz tal-Gran Mastru. Fil-fatt bħalissa għaddej proġett ta' rinovar fil-Palazz tal-Gran Mastru. Għaddejjin ukoll proġetti fil-Mużew Marittimu u Għar Dalam. Tista' forsi tispjegalna f'liema stadju wasal kull proġett? Il-proġett ta' Għar Dalam jinvolvi r-refurbishment tal-Visitor Centre u tar-reception area. Dan għamilnieh għax ħassejna li Għar Dalam jistħoqqlu titjib. Kien qed isir popolari mat-turisti, iktar ma jmur, allura kien hemm bżonn illi t-turist jew il-Malti, kif jidħol Għar Dalam, isib naqra spazju frisk u mmodernizzat. B'hekk għamilna reception area ġdida fejn għandna filmati awdjo-viżivi li jispjegaw lil kull min jiġi jżur Għar Dalam: x'inhu das-sit? Għaliex hemm dal-għar? X'inhi l-kollezzjoni? Ħalli mbagħad meta jmur ġo l-għar jifhem aktar dak illi qed ngħidu. Dan huwa proġett illi għaddej bħalissa u mistenni jkun lest sal-aħħar ta' Awwissu. Minn naħa l-oħra l-proġett tal-Mużew Marittimu, proġett għal qalbi ħafna, huwa interessanti. Il-Mużew Marittimu qiegħed ġo binja storika ġewwa l-Birgu li fi żmien l-Ingliżi kienet il-Bakery Navali; jaħmu l-ħobż, għan-navy kollha - kien joħroġ jidhirli mal-ħames tunnellati ħobż kuljum minn ġo din il-binja. Hija binja interessanti ħafna illi fl-aħħar se tingħata l-ħajja permezz ta' fondi nazzjonali u fondi tan-Norveġja tal-EEA. Qed inħarsu lejn il-Mużew Marittimu bħala proġett wieħed. Qed nirrestawraw spazji illi qabel kienu magħluqin għall-pubbliku u ħa niftħuhom. Qed nirrestawraw spazji fejn se niġbru kollezzjoni importanti ta' Jacques Cousteau, esploratur imsemmi ħafna. Se naħdmu wkoll fuq l-interpretazzjoni tal-istorja marittima ġewwa din il-binja. Jiġifieri barra li ħa nagħmlu restawr estensiv tal-binja, ħa ninterpretaw il-binja - Għaliex kienet tintuża fi żminijiet differenti. Jiġifieri dan se jkun aktar minn proġett fejn tmur, tara oġġett u daqshekk? Le. Esperjenzi. Aħna illum tgħallimna illi mużew m'għadux titfa' ftit oġġetti, tgħid x'inhuma u daqshekk. Le. Illum il-mużew huwa esperjenza. U esperjeza biex tkun suċċess trid tkun multisensory. Il-Mużew Marittimu se jkollna esperjenza tal-binja, ħa nagħtu esperjenza tal-istorja marittima ta' Malta, jiġifieri minn żmien il-Feniċi meta ġew bil-baħar, il-ħakkiema li kellna Malta – kollha bil-baħar ġew. Hemm fran ġo maħżen f'din il-binja li huma tal-Ingliżi. Nixtiequ nirrestawraw xi wieħed minnhom u nippruvaw inħaddmuh u naħdmu l-ħobż, il-galletti, hekk kif kienu jaħmuhom missirijietna U meta taraw li fil-fatt ser ikun lest dan il-proġett? L-ewwel fażi tiegħu, jiġifieri s-silos u l-kollezzjoni ta' Jacques Cousteau u l-interpretazzjoni tal-marittimu se jkunu lesti lejn l-aħħar tas-sena d-dieħla, il-bidu tas-sena ta' wara. It-tieni fażi, jiġifieri l-kumplament sat-tmiem l-2022. U l-Palazz tal-Gran Mastru fejn kien hemm il-Parlament l-antik? X'qed jiġri? X'se jiġri fil-fatt f'dak li kien il-Parlament qabel mexa' għal fejn huwa llum? Il-Proġett tal-Palazz tal-Gran Mastru huwa l-ikbar li qatt kellha Heritage Malta. Dan se jiġi jiswa bejn wieħed u ieħor €28 miljun ewro. Biex nagħtik eżempju, il-proġett ta' Sant'Anġlu ġie jiswa mat-€12-il miljun. Xogħol ta' restawr u konservazzjoni fil-Palazz tal-Granmastru, il-Belt Dan il-proġett maqsum f'numru ta' fażijiet. L-ewwel fażi ffinanzjata b'fondi tal-UE, ta' €10 miljuni se tieħu ħsieb li tirrestawra l-pitturi ta' ġos-swali u ta' ġol-kurituri. U tieħu ħsieb ukoll it-trasferiment tal-Armerija minn fejn hi llum isfel, għal fuq fejn fil-fatt kien jiltaqa' l-Parlament. Hemmhekk kienet l-Armerija oriġinali fi Żmien il-Kavallieri. Allura se nerġgħu neħduha f'postha. L-ewwel fażi jiġifieri din tal-fondi tal-UE tinkludi wkoll restawr tal-elementi tal-ġebel li hemm ġo partijiet mill-Palazz. Fortunatament il-President tar-Repubblika għinna billi ddeċieda li għal dan iż-żmien joħroġ mill-Parlament u jmur San Anton, ħalli nkunu nistgħu naħdmu fuq il-kumplament tal-Palazz. U b'hekk l-ispiża fuq il-proġett tal-Palazz, minn €10 miljuni telgħet ħafna, għax filli qed nagħmlu terz tal-Palazz, filli ħa nagħmlu l-Palazz kollu. F'sena, qabel ma daħħalna l-Passaport, biex nagħtik eżempju, kienu jiġu bejn 20,000 u 30,000 Malti ġos-siti tagħna. Minn mindu daħħalna l-Passaport, ġew aktar minn 120,000 Noel Zammit/CEO Heritage Malta Bħalissa qed niddiskutu l-COVID f'pajjiżna, bħal ma qed jiddiskutu madwar id-dinja kollha. Heritage Malta mhix lukanda. Però tiddependu ħafna mit-turisti. L-ewwelnett kemm tiddependu mit-turisti bħala dħul? U kemm rajtu dak id-dħul jonqos waqt il-pandemija? Iva. It-turist huwa d-dħul prinċipali ta' Heritage Malta. Jiġifieri biex nagħti eżempju, Heritage Malta għandha bżonn bejn wieħed u ieħor €12 il-miljun biex tgħix - pagi, manutenzjoni, upkeep tal-mużewijiet, sigurtà u aktar. Minnhom, dawn it-€12 il-miljun, jagħtina bejn wieħed u ieħor €5 miljuni biss il-Gvern. Il-kumplament irridu niġġenerawhom bis-saħħa tad-dħul tal-miżati tal-mużewijiet. Jiġifieri iva, il-COVID affetwatna. Meta kellna nagħlqu l-mużewijiet u s-siti li kien fit-13 ta' Marzu, filli konna għaddejjin b'ritmu tajjeb ħafna, filli waqafna ħesrem. Fortunatament, konna wkoll bil-għaqal tul it-tliet snin illi għaddew u għamilna wkoll xi profitti li servew ta' lqugħ. Hemm xi linji gwida f'dak li għandu x'jaqsam ma' saħħa issa, meta persuna żżur is-siti tagħkom, anki biex min qed jaqra din l-intervista jkollu moħħu mistrieħ li meta se jiġi f'wieħed mill-mużewijiet ta' Heritage Malta hemm linji gwida u protokolli ta' saħħa? Iva, aħna flimkien mad-Direttorat tal-Promozzjoni tas-Saħħa għamilna linji gwida għall-mużewijiet tagħna. Dawn il-linji gwida ġibnihom ukoll mill-ICOM li huwa l-International Council of Museums illi bażikament jagħti pariri fuq livell globali fejn jidħol mużewijiet u siti storiċi. U għalhekk ħriġna numru ta' linji gwida sabiex nissalvagwardjaw is-saħħa, kemm tal-impjegati ta' Heritage Malta tal-mużewijiet u s-siti kif ukoll ta' kull min jiġi jżurna. Għamilna pereżempju auto dispencers u hand sanitizers kullimkien. Nagħtu wkoll maskri, anka b'xejn, lil min jiġi bla maskra ġo xi mużew li huwa ġewwa. Noqogħdu attenti wkoll biex naraw li ma jkunx hemm ammonti kbar ta' nies f'daqqa ġo mużew u sit u żidna il-membri tas-sigurtà biex jieħdu ħsieb illi l-limitu ta' nies stabbilit bil-liġi ma jinqabiżx. X' kien ir-rispons tal-inizzjattiva li kien ħa l-Gvern tal-Pass tat-tfal li jistgħu jieħdu l-ġenituri u adult magħhom f'mużew? Kemm kellkhom rispons tajjeb? Minn midnu għamilniha qisu sena u ftit xhur ilu, l-ewwel ma ħriġna kienet l-Pass tat-tfal, jiġifieri l-Passaport tat-tfal fejn bih tifel jew tifla jkun jista' jieħu sa żewġ adulti miegħu u b'xejn, fi kwalunkwe sit ta' Heritage Malta. U r-rispons kien inkredibbli. F'sena, qabel ma daħħalna l-Passaport, biex nagħtik eżempju, kienu jiġu bejn 20,000 u 30,000 Malti ġos-siti tagħna. Minn mindu daħħalna l-Passaport, ġew aktar minn 120,000 - żieda ta' iktar minn minn erba' darbiet . U l-Passaport tal-Anzjani jaħdem billi jkun hemm anzjan, japplika għalih u miegħu ikun jista' jieħu żewġ adoloxxenti. B'hekk f'inizjattiva waħda nippromwovu t-tfal jieħdu l-ġenituri u fl-oħra nippromwovu l-anzjani jieħdu n-neputijiet. Ħriġtu bl-inizzjattiva ta' mużewijiet u siti li huma virtwali. Imma din ma tistax taħdem kontrikhom fis-sens illi n-nies jippreferu jużaw il-mezzi virtwali, milli fil-fatt imorru jħallsu d-dħul u jmorru f'mużew. U x'rispons kellkhom għal dikn l-inizzjattiva? L-ewwel nett aħna, il-mużewijiet u s-siti tagħna għamilnihom b'mod virtwali flimkien ma' sħubija ma' Google. Google huwa ġgant fit-teknoloġija, jiġifieri ma tistax iġġibha ħażina. U allura l-mużewijiet u s-siti tagħna li poġġejna fuq l-internet, jiġifieri aċċessibbli b'mod virtwali, kienu ta' kwalità. Issa, għall-mistoqsija tiegħek – l-effett tagħhom. Pjuttost il-kontra. Kull min iżur sit u mużew b'mod virtwali jitħajjar iktar jiġi jarah fiżikament. U dik kienet ir-rispons diretta li ħadna minn barranin – Amerikani, Ġermaniżi, Awstrijaċi, Pollakki… ir-rispons dirett li ħadna meta dawn daħlu per eżempju hawnhekk Sant'Iermu u raw is-swali. Marru Sant'Anġlu u raw il-guva fejn kien hemm Carvaggio per eżempju. Dawn kollha l-kummenti tagħhom kienu 'jien se niġi Malta u ħa mmur f'dan il-post. Jien ħa niġi nara – ħa niġi nara dan il-mużew … ' U finalment X'inhuma l-pjanijiet tagħkom għall-futur? Il-pjanijiet għall-futur huma varji. Aħna nieħdu pjaċir naraw reġjun u nagħmlu strateġija għalih. Per eżempju ħa nieħu l-Belt, ir-reġjun tal-Belt. Hemmhekk barra li għandna Sant'Iermu, il-MUŻA, il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija u l-Palazz li ilhom f'idejna, ħadna wkoll iċ-ċisterni taħt il-Belt, dik li hemm quddiem il-Qorti u t-tunnels kollha li hemm taħt il-Belt, ħa nippruvaw nagħmluhom aċċessibbli. U għandna wkoll il-Knisja tal-Pilar, nippruvaw nagħmluha aċċessibbli, niftħuha għall-pubbliku wkoll. Ħadna wkoll il-Fortress Builders – binja li hemm Biagio Step. Dik beħsiebna nagħmluha ċentru ta' interpretazzjoni tal-wirt intanġibbli tal-Belt – illi fejn nikkaverjaw il-karnival, il-festi, l-Għid u tant u tant aktar xogħol. | [
12
] |
Din il-ġimgħa ħarġet l-istatistika tar-rapport EU-SILC li jitratta l-qagħda soċjali ta' individwi u familji f'pajjiżna u li wera' illi f'pajjiżna hawn kważi 83,000 persuna li jinsabu f'riskju ta' faqar. Issa meta ngħidu riskju ta' faqar x'jiġifieri? Ifisser illi ċerti affarijiet bażiċi ma jistgħux jagħmluhom - ma jifilħux għal spiża mhux mistennija u lanqas jifilħu jieħdu vaganza lilhinn mid-dar. Inkella f'każi iktar estremi ma jistgħuix isaħħnu djarhom jew lanqas jifilħu jieklu ikla bnina tliet darbiet fil-ġimgħa. Il-bniedem komdu minn dan ma tantx jinteressah u ġeneralment min huwa komdu jgħidlek li ħafna minn dawn in-nies jinsabu f'din il-qagħda għax għażżenin, is-soltu preġudizzju soċjali u politiku li jixgħel f'dan il-pajjiż. Huwa vera fil-fatt li 53% ta' dawk f'riskju ta' faqar huma bla xogħol - u dan sal-2019 meta l-livelli tal-qgħad kienu għadhom baxxi! Aħseb u ara x'se jkollna fir-raport SILC ta' din is-sena bil-qgħad jerfa' rasu. Jeħtieġ naqsmu lil dawn il-53% fi gruppi - għaliex mhux qed isibu xogħol? Jew għaliex huma bla xogħol? Liema tip ta' xogħol qed ikun offrut lilhom? Liema tip ta' kundizzjonijiet għandna fis-suq in ġenerali? X'ħiliet għandhom? U kif qed intejbu l-ħiliet tagħhom? U fil-każ tal-preżent irridu naraw ukoll f'liema setturi qed jintilfu l-impjiegi u dawk li kienu jaħdmu fihom kif se jsibu xogħol. Waiter li spiċċat bla xogħol, għandha jew qed nagħtuha biżżejjed ħiliet biex issib impjieg ġdid li forsi huwa differenti? Persuna li kellha negozju żgħir b'marġini żgħar ta' profitti (bħal ħafna SMEs f'Malta) u għaliex magħluq jew miftuħ għalxejn spiċċa jirreġistra, qed nagħtuh it-taħriġ li hemm bżonn biex - per eżempju - niddiversifikaw in-negozju tiegħu? Hemm bżonn naraw ukoll x'se jiġri bil-moratorji u s-self…inutli qed jinġemgħu ammonti ta' self pospost biex imbagħad malli l-persuna jerġa jkollha xi forma ta' stabbilità jew jerġa' jkollha paga diċenti issib ma' wiċċha muntanja dejn. Dan itawwal biss it-tbatija tal-ħafna Ir-rapport SILC tas-sena l-oħra jeħtieġ jittieħed fil-kuntest tal-preżent, sena illi fiha l-faqar qed jieħu dimensjonijiet ġodda għaliex wara snin ta' "abbundanza" ekonomika, issa irridu nibdew nissikkaw iċ-ċinturin f'ekonomija li qed tiċkien mhux tikber. Għalhekk jeħtieġ nistaqsu: Il-miżura tajba u fejjieda tal-Gvern li jsostni parti mill-paga tal-ħaddiema għandha tibqa' għal setturi ta' ħaddiema li qed ibatu l-aktar u forsi tiżdied ukoll? Din il-gazzetta tħoss li l-ammont għandu jkun ikbar u iktar ikkonċentrat fuq ħaddiema li m'għandhomx impjieg, f'kumpaniji li qegħdin f'qagħda prekarja u fuq dawk li kienu foqra qabel il-pandemija u ftqaru iktar issa. Hemm bżonn naraw ukoll x'se jiġri bil-moratorji u s-self…inutli qed jinġemgħu ammonti ta' self pospost biex imbagħad malli l-persuna jerġa jkollha xi forma ta' stabbilità jew jerġa' jkollha paga diċenti issib ma' wiċċha muntanja dejn. Dan itawwal biss it-tbatija tal-ħafna. Jekk nieħdu ħsieb saħħitna u nerġgħu niksbu l-kontroll li kellna tas-sitwazzjoni tal-Covid-19 ikun jaqbel għal saħħitna u għas-saħħa tal-ekonomija tagħna Il-gazzetta ILLUM taqbel perfettament mal-Alleanza Kontra l-Faqar li issa wasal iż-żmien - anzi ngħidu li issa ż-żmien opportun - biex tiġi diskussa l-introduzzjoni ta' Living Wage - kunċett illi permezz tiegħu jiġi kkalkulat skont il-bżonnijiet bażiċi, kemm huwa dħul diċenti għal persuna jew familja. Huwa l-mument opportun għax kif nafu b'inqas dħul, inqas opportunitajiet ta' xogħol u allura aktar diffikultajiet ekonomiċi. Finalment hemm bżonn ukoll li nieħdu ħsieb saħħitna u din hija responsabilità kollettiva. Jekk nieħdu ħsieb saħħitna u nerġgħu niksbu l-kontroll li kellna tas-sitwazzjoni tal-Covid-19 ikun jaqbel għal saħħitna u għas-saħħa tal-ekonomija tagħna - ħalli nerġgħu ndawwru r-rota u jgawdi kulħadd. U l-Gvern irid jara li jgawdi kulħadd u jaċċerta li ħadd ma jaqa' lura - lanqas fid-diffikultajiet tal-preżent. | [
11,
12
] |
Nirreferi għall-artiklu ' Il-Kamra tal-Kummerċ titlob għar-riżenja ta' Mario Cutajar ' li deher fuq is-sit Illum.com.mt, nhar is-17 ta' Awwissu 2020. Il-fatti huma fatti: ħu s-Segretarju Permanenti Ewlieni qatt ma tkeċċa minn mal-Gvern u għalhekk qatt ma ġie "reinstated" mal-Gvern jew li didaħħal lura mal-Gvern wara l-2013. Wieħed ma għandux jistrieħ fuq suppożizzjonijiet imma fuq is-sewwa: L-uffiċjal pubbliku daħal fis-servizz pubbliku għall-ewwel darba fl-1989; Fl-2004, huwa kien tressaq il-Qorti fuq akkużi ta' miżapproprijazzjoni ta' fondi, fost oħrajn; Fit-2 ta' Frar 2005, huwa wieġeb ħati tal-akkużi fil-konfront tiegħu u ngħata sentenza ta' sentejen ħabs sospiżi għal erba' snin, b'interdizzjoni perpetwa; Fit-22 ta' April 2005, il-Maġistrati Jacqueline Padovani ddeċidiet li tneħħi l-interdizzjoni perpetwa li kienet tat hi stess fit-2 ta' Frar 2005; Il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, maħtura minn amministrazzjoni Nazzjonalista, investigat il-każ skont ir-regoli fis-servizz pubbliku u fis-16 ta' Ġunju 2005 irrakkomandat li l-interdizzjoni imposta fil-konfront tiegħu skont kif iddikjarat il-Qorti. Il-Kummissjoni qalet li l-persuna in kwistjoni għandha titlef il-paga miżmuma matul is-sospensjoni u tingħata twissija; Il-Prim Ministru Lawrence Gonzi qabel ma' din ir-rakkomandazzjoni u ffirmaha fl-1 ta' Lulju 2005; Sussegwentament, il-persuna involuta ħadem ħadmet f'diversi dipartimenti taħt diversi Ministeriministeri; Dan ifisser li mhux minnu li l-persuna xi darba tkeċċa tkeċċiet minn mal-Gvern. Għalhekk, mhux minnu lanqas li huwa qatt ġie "reinstated" mal-Gvern, u wisq iktar mhux minnu li ddaħħal lura mal-Gvern wara l-2013; Fis-17 ta' Awwissu 2016, jiġifieri 11-il sena wara li l-Qorti tal-Maġistrati neħħiet l-interdizzjoni perpetwa, huwa ntbagħat mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, fejn kien jaħdem dak iż-żmien, fl-Ambaxxata Maltija f'Beijing. Dan il-pass sar wara li l-Ministeru rispettiv talab u ngħata l-clearances kollha meħtieġa mis-Servizz tas-Sigurtà; Fl-1 ta' Marzu 2018, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin bagħat lil din il-persuna fil-Konsulat Malti f'Shanghai. Din il-kariga intemmet fis-7 ta' Settembru 2019. Is-Segretarju Permanenti Ewlieni ma kellu l-ebda konnessjoni mal-ebda ċirkostanzi hawn fuq imsemmija. Kulħadd jaqbel li l-etika li tkellmet dwarha The Malta Chamber ma torbotx biss lill-uffiċjali pubbliċi iżda lil kulħadd. L-etika wkoll twassal għal fatti. Dan l-artiklu huwa dritt għar-risposta skont Att Nru XI tal-2018 u għalhekk ġie ppubblikat kelma b'kelma kif mibgħut lis-sit illum.com.mt | [
12
] |
Fl-aħħar 24 siegħa, hekk kif saru 2,194 test, 55 persuna rriżultaw pożittiv għall-Covid-19. Mill-banda l-oħra, fiequ 43 pazjent biex issa l-għadd tal-każi attivi huwa ta' 680. Il-każi tal-lum għadhom qed ikunu investigati. Intant, mill-35 każ imħabbra lbieraħ jirriżulta li: ħamsa kienu qraba ta' pazjenti li rriżultaw pożittiv fil-jiem li għaddew; ħamsa kienu kuntatti diretti ta' pazjenti; tnejn kienu kollegi ta' pazjenti li ħarġilhom il-Covid-19; każ wieħed huwa mill-cluster ta' Paceville; każ wieħed kien impurtat; u erba' każi rriżultaw minn attivitajiet li għalihom attendew għadd ta' persuni. Il-bqija tal-każi mħabbra lbieraħ kienu sporadiċi. Id-dettalji tal-każi li rriżultaw fl-aħħar 24 siegħa se jingħataw għada mill-awtoritajiet tas-saħħa. | [
12
] |
Wara diskussjoni fil-Kabinett mmexxija mill-Ministru Edward Zammit Lewis il-Gvern mistenni jmexxi l-proposta biex dak li jissejjaħ Avukat tat-Tfal - kif jgħid ismu stess wara kollox - verament isir rappreżentant legali tat-tfal fi proċeduri bejn il-ġenituri u ma jibqax biss espert tal-Qorti kif inhu llum. Dawn il-bidliet qed isiru wkoll wara li kienet il-Qorti stess li sabet illi kif inhuma l-affarijiet illum qed tinħoloq anomalija. Sorsi li tkellmu mal-gazzetta ILLUM fakkru illi preżentament l-Avukat tat-Tfal qed jinħatar bħala espert u jħejji rapport wara li jkun tkellem mat-tfal. Dan ir-rapport jinżamm kunfidenzjali mill-Qorti tal-Familja imma fl-istess waqt l-istess Qorti tużah biex tiddeċidi dwar aċċess taż ġenitur li ma jkollux il-kustodja tat-tfal, sakemm jispiċċaw il-proċeduri ta' separazzjoni. "Il-problema b'din il-prassi," spjegaw is-sorsi li tkellmu mal-gazzetta ILLUM. "filwaqt li wieħed jifhem li dan isir fl-interess tat-tfal, jirriżulta li dan iqajjem kwistjonijiet ta' smigħ xieraq meta ġenitur jitneħħielu d-dritt li jara lil uliedu fuq rapport li lanqas biss hemm aċċess għalih." Biex tissolva din l-anomalija l-Ministru Zammit Lewis għalhekk qed jipproponi bidliet sabiex ikun ċar fl-irwol tal-Avukat tat-Tfal illi r-responsabilità tiegħu hija biex isemma' leħen il-minuri fi proċeduri bejn il-ġenituri. Dawn il-bidliet se jaffetwaw każijiet ġodda u mhux dawk li huma pendenti. X'kienet iddeċidiet il-Qorti dwar din l-anomalija? Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili mmexxija mill-Imħallef Robert G Mangion kienet diġa' tat ħarsa dettaljata lejn dawn il-proċessi u qalet illi hemm ksur tad-dritt fundamentali tal-missier (f'dan il-każ) skont il-Kostituzzjoni ta' Malta u l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali meta dan il-missier ġie imwaqqaf milli jara lil uliedu 1) Mingħajr ma ngħata opportunità jwieġeb u jirrispondi jew inkella jara r-rapport tal-Avukat tat-Tfal u 2) mingħajr ma kellu ċ-ċans illi jevalwa u jeżamina r-rapport tal-Avukat tat-Tfal. Kien hawn li l-Qorti appellat sabiex "jittieħdu l-passi neċessarji ħalli l-kunflitt bejn l-irwol tal-Avukat tat-Tfal bħala espert u dak ta' Avukat tat-Tfal bħala avukat … tkun indirizzata fl-interess u b'rispett tad-drittijiet tal-minuri u tal-ġenituri." Miżuri oħrajn ta' protezzjoni għat-tfal 1 - L-aqwa li kollha fil-Qorti tal-Familja ġew mgħammra beix persuni vulnerabbli fosthom nisa u tfal jixhdu dwar każijiet familjari mingħajr biża' f'każi li jinvolvu membri tal-familja tagħhom 2 - Qabel kien hemm żewġ awli li kellhom faċilità ta' video conferencing. Issa kull awla għandha din il-faċilità 3 - Għajnuna legali, 24 siegħa kuljum mingħajr ħlas 4 - L-ewwel Kummissarju full-time għall-Vjolenza Domestika | [
12
] |
Subsets and Splits
No community queries yet
The top public SQL queries from the community will appear here once available.