text
stringlengths
80
21.4k
label
listlengths
1
5
Imtella' Lulju 17, 2020 - Aġġornata 17 Ta' Lulju, 2020 4:08pm Konsumatur li għamel kuntatt ma' tvm.com.mt, qasam l-esperjenza tiegħu dwar il-vouchers li mar biex juża f'negozju li jbigħ prodotti tad-ditta f'Tas-Sliema. Qal li meta mar sabiex iħallas għall-prodott li xtaq jixtri, l-impjegata fil-ħanut għarfitu li ma setax juża l-voucher fuq prodotti bis-'sale'. Il-konsumatur ħassu urtat għaliex qal li huma ħafna n-nies li jistennew is-'sale' sabiex jixtru prodotti ta' kwalità tajba bi prezz raġonevoli u l-Gvern qed jagħti dawn il-vouchers biex in-nies fin-negozju jerġgħu iqumu fuq saqajhom malli l-pubbliku jerġa' jibda joħoroġ u jonfoq il-flus. Ma' tvm.com.mt dan il-konsumatur saħaq li ċ-ċittadin għandu d-dritt li jagħżel hu fiex irid isarraf il-vouchers u n-negozji m'għandhomx jimponu fuq liema prodotti jistgħu jintużaw il-vouchers u fuq liema ma jistgħux. Sorsi qrib il-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar qalu lil tvm.com.mt li l-Gvern qed jagħti €44 miljun f'vouchers lill-poplu biex jużahom kif jixtieq u jrid jiġi min-negozji nfushom li jaċċettawhom u jaqdu lill-klijenti tagħhom. Infurmati li huma bosta n-negozji qed jagħmlu offerti tajbin biex in-nies jagħżlu li jonfqu l-vouchers għandhom. B'dawn l-offerti, l-impatt fuq l-ekonomija mistenni jkun akbar għaliex il-konsum domestiku jikber aktar minn €44 miljun. L-istess sorsi qalu li n-negozji huma mħeġġa jidħlu fis-sistema u jaċċettaw il-vouchers li huma ekwivalenti għall-flus. S'issa hemm aktar minn 4,000 negozju li diġà qed juża l-app u qed jaċċettaw dawn il-vouchers kuljum. Tista' tara l-lista tan-negozji li jaċċettaw il-vouchers minn hawn .
[ 3, 14 ]
Imtella' Lulju 17, 2020 - Aġġornata 17 Ta' Lulju, 2020 4:16pm L-awtoritajiet tas-saħħa ħabbru li fl-aħħar 24 siegħa ma nstab l-ebda każ ġdid ta' Covid-19 f'Malta wara li saru 930 swab test. Ġiet irrapportata wkoll li fieqet persuna oħra biex b'hekk l-ammont ta' persuni li rkupraw mill-coronavirus f'Malta issa tela għal għal 662. L-ammont ta' każi ta' Covid-19 irreġistrati f'Malta minn Marzu 'l hawn huwa ta' 674 li minnhom fadal biss 3 każi attivi. L-awtoritajiet fakkru lin-nies biex isegwu l-prinċipju tad-distanza soċjali, jilbsu l-maskra u jżommu livelli għolja ta' iġjene fosthom bil-ħasil tal-idejn. Fakkru wkoll li ċ-ċentri fejn isiru s-swab tests f'Malta u f'Għawdex għadhom joperaw.
[ 1, 3, 14 ]
Il-kampanja nazzjonali 'Ilma – Ibda Minnek', li tnediet is-sena li għaddiet biex tqajjem kuxjenza dwar l-importanza tal-konservazzjoni tal-ilma, issoktat bil-ħidma tagħha f'lokalitajiet differenti wara li għal dawn l-aħħar xhur, il-kuntatt mar-residenti kellu jitwaqqaf minħabba l-Covid-19. Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Michael Farrugia llum żar il-Mosta, fejn mijiet ta' nies marru jiġbru pakkett ta' għodda biex jużawh fid-djar tagħhom biex jiffrankaw il-konsum tal-ilma. Il-Ministru Farrugia qal li l-iskop wara din il-kampanja huwa li jitwassal il-messaġġ li meta nagħmlu dak il-ftit flimkien, inkunu qed nagħmlu ħafna biex nikkonservaw l-ilma prezzjuż ta' pajjiżna, waqt li nkunu l-bidla. Huwa qal li huwa ħafna iktar faċli milli taħseb li tiffranka l-konsum tal-ilma, b'mod partikolari meta tinstalla apparat biex jiffranka l-ilma. Kull residenza primarja f'Malta u Għawdex se tkun qed tirċievi żjara minn xi ħadd mit-tim ta' uffiċjali tal-ilma. Dawn se jkunu qed iqassmu l-gift packs bieb bieb. Dan il-gift pack jinkludi 'aerator' li jnaqqas mill-fluss tal-ilma waqt li jżomm l-ammont ta' pressa, kif ukoll 'plate scraper' li jiżgura li l-platti maħmuġin ikunu jistgħu jinħaslu iktar faċilment, kemm fis-sink kif ukoll fid-dishwasher. Il-pakkett jinkludi wkoll fuljett ta' informazzjoni b'pariri ta' kif tista' tiffranka l-ilma, kif ukoll vawċer li jissarraf fit-tieni pakkett ta' għodda li jiffrankaw il-konsum tal-ilma. It-tieni pakkett jinkludi fih 5 apparati effettivi, bħal 'low flow shower head' li huma faċli sabiex tinstalla u li huma garantiti li jnaqqsu l-konsum tal-ilma mingħajr ma jnaqqsu l-fluss u l-kwalità. Il-vouchers jistgħu jissarrfu mill-mobile unit jew mill-Uffiċċju tal-Informazzjoni miċ-Ċentru Nazzjonali għall-Konservazzjoni tal-Ilma, GĦAJN fir-Rabat.
[ 3, 14 ]
Ingħata bidu għal proċess ta' konsultazzjoni biex titfassal strateġija diġitali fil-qasam tal-ġustizzja li għandha l-għan li ttejjeb l-aċċess taċ-ċittadini għall-ġustizzja. L-istrateġija li hemm ħsieb li tidħol fis-seħħ fi żmien sena se tindirizza aspetti li qed iwasslu għall-dewmien biex titwettaq ġustizzja. Il-Ministru tal-Ġustizzja Edward Zammit Lewis qal li l-inizjattivi diġitali fil-qasam ġudizzjarju se jkopru oqsma bħall-arbitraġġ, il-medjazzjoni, il-kummissjoni permanenti kontra l-korruzzjoni, u n-nutara. "Nuru aktar effiċjenza għax kif dejjem ngħidu, justice delayed is justice denied," qal il-Ministru tal-Ġustizzja Edward Zammit Lewis. Mistoqsi xi sfidi se jiġu indirizzati, Dr Zammit Lewis qal li l-istrateġija se tattakka dak li qed jikkawża dewmien u jdgħajjef il-proċess ġudizzjarju. "Sezzjonijiet tal-Qorti li jkunu virtwali u li l-persuni kollha mhux bilfors li jkunu fl-awla, li tisma xhieda, anki xhieda vulnerabbli li mhux bilfors tkun fiżikament fl-awla fejn qed issir il-kawża. In-nutara li jkollok pubblikazzjoni tal-kuntratti fejn int ma jkollokx persuni preżenti fil-kamra fejn ikun hemmm in-nutar, electronic signatures li taċċetta firem ta' persuni, li mhux neċessarjament tkun oriġinali għax il-persuna ikun eżempju fil-Kanada jew fl-Istati Uniti tal-Amerika," qal Dr Zammit Lewis. Il-proċess ta' konsultazzjoni u l-implimentazzjoni tal-istrateġija diġitali se tkun ffinanzjata permezz ta' €300,000 minn fondi Ewropej. Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal li l-finanzjament mill-fond għar-riformi soċjali kien approvat wara talba li saret mill-gvern Malti. "Huwa importanti għaliex irid ikollok, f'sistema f'qafas ta' soċjeta fejn anki titħares is-saltna tad-dritt, irrid ikollok dejjem aktar effiċenzja fil-qasam ġudizzjarju," qal is-Segretarju Parlamentari għall-fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi. Il-Ministru għall-Ġustizzja qal li l-istrateġija diġitali se tkun implimentata f'sena wara proċess ta' konsultazzjoni maċ-ċittadini u s-sħab ewlenin fil-qasam ġudizzjarju.
[ 0, 3, 14 ]
Imtella' Lulju 17, 2020 - Aġġornata 17 Ta' Lulju, 2020 4:01pm L-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi, l-MDA, se żżid l-isforzi tagħha biex ġirien ta' siti fejn ikun se jsir żvilupp ikunu jafu d-drittijiet tagħhom. Barra minn hekk, l-MDA rabtet lill-membri tagħha biex iħallsu l-ispejjeż ta' perit tal-għażla tal-ġirien għat-tfassil ta' rapport dwar il-kundizzjoni tal-binja tagħhom qabel jibda x-xogħol u dwar il-metodu propost għall-iżvilupp. L-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi – l-MDA – nediet l-ewwel inizjattiva fi skema maħsuba li tagħti informazzjoni dwar id-drittijiet tal-ġirien ta' siti li fihom ikun hemm żvilupp waqt li tgħinhom ikollhom aktar serħan il-moħħ. Id-direttur ġenerali tal-assoċjazzjoni, Marthese Portelli, spjegat li mill-1 ta' Settembru l-madwar 400 żviluppatur li huma msieħba fl-MDA se jkunu obbligati jħallsu għall-perit li jitqabbad mill-ġirien biex jara u jevalwa d-dikjarazzjoni tal-metodu tax-xogħol u r-rapport tal-kundizzjoni tal-istruttura li jkun ħejja l-perit tal-proġett. Skont il-liġi, il-perit mqabbad mill-ġirien jista' jissottometti rapport li jindika r-raġunijiet tekniċi li jistgħu jkunu ta' tħassib għas-siġurtà tal-ġirien jew il-proprjetà tagħhom. Dr Portelli qalet li din l-inizjattiva għandha l-appoġġ unanimu tal-iżviluppaturi membri. Wissiet b'konsegwenzi lil dawk li ma jimxux mal-kelma li taw. "Aħna se nkunu qed inwiddbuh. Jekk jibqa' ma josservax l-inizjattiva tagħna mela allura mbagħad ma jkollniex rotta oħra ħlief li jiġi black listed u wkoll ma nżommuhx membru fi ħdan l-assoċjazzjoni," qalet id-Direttur Ġenerali tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi, Marthese Portelli. L-iżviluppaturi fl-MDA se jkollhom tabella fis-siti tagħhom li tindika li huma parti minn din l-inzjattiva. Il-President tal-MDA, Sandro Chetcuti appella lill-iżvluppaturi li mhumiex membri tal-Assoċjazzjoni biex huma wkoll jattwaw din l-inizjattiva. Qal li l-MDA se tkellem lill-Ministru responsabbli minn din l-industrija biex l-iskema tkun parti mil-liġi.
[ 3, 4, 14 ]
Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Marseanne Farrugia, qalet li hemm biżżejjed provi biex John Paul Woods jitqiegħed taħt att ta' akkuża. Woods jinsab mixli li qatel lil Charlene Farrugia kważi 12-il sena ilu u li ħeba l-katavru tagħha. Il-fdalijiet tagħha nstabu f'Lulju tas-sena l-oħra f'daħla f'sur fil-Bellt taħt ir-riħ tal-lukanda Phoenicia. Ir-raġel ma kienx ammetta l-akkużi u baqa' miżmum arrestat il-ħabs fejn qed jiskonta sentenza fuq serq. Fis-seduta tal-lum, ġew ippreżentati ritratti tal-karozza ta' Woods dieħla u ħierġa mill-Belt fil-ġurnata li allegatament seħħ id-delitt. Fil-Qorti, il-Pulizija qalet li ħadet stqarrija tal-akkużat waqt kien l-isptar jirkupra minn operazzjoni. Il-prosekuzzjoni qalet li Woods irrifjuta l-assistenza legali. Id-difiża staqsiet lill-Pulizija jekk kellhiex f'idejha ċertifikat mediku biex juri li Woods kien f'qagħda mentali tajba biex jagħmel l-istqarrija. Il-Pulizija qalet li ma kellhiex imma l-akkużat kien jidher fi stat ta' saħħa tajba. Il-kumpilazzjoni tax-xhieda tissokta f'Awwissu.
[ 0, 3, 14 ]
Imtella' Lulju 17, 2020 - Aġġornata 17 Ta' Lulju, 2020 7:38pm Fadallu biss l-aħħar irtokki l-proġett tar-riġenerazzjoni tal-Pjazza tal-Imqabba. Il-proġett qed isir mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet b'investiment totali ta' €4 miljun meta tinkludi s-sistema għall-ġbir tal-ilma tax-xita li se ttaffi l-problema tal-għargħar fil-lokalità. Ix-xogħol infrastrutturali u l-pavimentar tal-pjazza lest u fil-jiem li ġejjin, il-ħaddiema se jgħaddu l-wires tad-dawl minn taħt l-art u jagħtu wċuħ ta' asfalt f'diversi żoni qrib il-pjazza fost xogħlijiet oħrajn. Is-Sindku tal-Imqabba, Omar Farrugia, qal li r-residenti ilhom snin għatxana għal dan il-proġett li qal ta bixra moderna lill-pjazza tar-raħal. Il-Ministru għall-Infrastruttura, Ian Borg, tenna l-impenn tal-Gvern li jagħti lura l-ispazji pubbliċi lin-nies bi proġetti ta' tisbiħ f'lokalitajiet oħrajn.
[ 3, 14, 16 ]
Raġel mill-Kroazja ta' 43 sena residenti l-Mosta, ġarrab ġrieħi gravi wara li kien involut f'inċident tat-traffiku. Il-Pulizija qalu li ġew infurmati bl-inċident li seħħ fi Triq F.Busuttil, Birkirkara għall-ħabta tal-5 p.m. Minn stħarriġ preliminari rriżulta li r-raġel tilef il-kontroll tal-mutur li kien qed isuq u nqaleb. Hu ngħata l-ewwel għajnuna minn tim mediku u wara ttieħed l-isptar Mater Dei b'ambulanza fejn ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi. L-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin.
[ 3, 14, 16 ]
Imtella' Lulju 17, 2020 - Aġġornata 17 Ta' Lulju, 2020 9:01pm Fi Brussell għadu ma ntlaħaq l-ebda qbil bejn is-27 kap ta' Gvern tal-istati membri li ltaqgħu f'Kunsill Ewropew barra minn żmien biex jiddiskutu il-budget u l-għajnuna lil dawk il-pajjiżi li l-aktar marru ħażin fil-pandemija. Il-mexxejja Ewropej miġbura fi Brussell inkluż il-Prim Ministru Robert Abela baqgħu iġebbdu sa tard bil-lejl bil-laqgħat imbagħad waqfu jiddiskutu u se jkomplu s-Sibt filgħodu fit-tentattiv li jegħlbu l-ostakli kollha u jilħqu xi forma ta' ftehim dwar il-budget għas-seba' snin li ġejjin u anki dwar il-fond ta' rkupru mill-pandemija. Kienet ġurnata diffiċli dik tal-Ġimgħa għas-27 kap ta' gvern inkluż il-Prim Ministru Robert Abela. Daħlu jiddiskutu fl-10.30 a.m. u ma waqfux sas-6 p.m. Imbagħad straħu għal ftit ħin u komplew bil-laqgħat. Il-Prim Ministru Abela u t-tim ta' negozjaturi Maltin qed jibqgħu jinsistu li l-budget ikun ġust u l-ftehim aħħari jagħraf ir-realtajiet ta' Malta – mhux biss il-kisbiet ekonomiċi tal-aħħar snin imma l-problemi ta' dejjem tal-gżira – fosthom li tiddependi minn dak li jiġri lil hinn minn xtutha. Tiddependi mill-esportazzjoni u mit-turiżmu. Iżda l-problema prinċipali fid-diskussjonijiet li qed isiru hija xort'oħra, maħluqa mill-pożizzjonijiet intransiġenti ta' numru ta' pajjiżi. Il-Prim Ministru Olandiż Mark Rutte għadu qed jinsisti li l-budget għandu jkun marbut ma' riformi strutturali fil-pajjiżi tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-Ewropa. Il-Prim Ministru tal-Fillandja Sanna Marin qed tgħid li mhux lesta toħroġ aktar flus minħabba li jkun diffiċli għaliha li tbiegħ deċiżjoni bħal dik lill-elettorat tagħha. Fuq in-naħa l-oħra l-Ungerija li ma tridx irbit bejn budget u ħarsien tas-saltna tad-dritt. Iż-żewġ affarijiet ma jmorrux flimkien qed jgħid Viktor Orban. Ma jaqblux lanqas mal-pożizzjoni tal-Olanda, il-Franċiżi li qed iħossu riformi imposti fuqhom; u Spanja u l-Italja li jridu ftehim malajr sabiex jibdew igawdu mill-fond ta' rkupru mill-pandemija. Hija meqjusa kobba mħabbla din tal-budget li mhux lakemm tinħall fis-sigħat li ġejjin hekk kif kollox jindika li l-mexxejja Ewropej jaf jirritornaw lejn il-pajjiżi rispettivi mingħajr qbil, bil-possibilità li jerġgħu jiltaqgħu aktar tard dan ix-xahar bit-tama li l-affarijiet ikunu ftit aktar ċari.
[ 3, 14, 16 ]
L-orizzont L-orizzont permezz ta' ritratt tgħid li wara erba' xhur u nofs l-attivitajiet esterni ser jerġgħu jieħdu l-ħajja tant li ser jibdew il-marċi brijjużi bl-ewwel wieħed ser jinżamm il-Ħadd filgħodu. It-tieni rapport jispjega li ħafna drabi Daphne Caruana Galizia ma kinitx korretta fl-istejjer tagħha. Dan sostnieh l-eks-kelliem tal-Gvern Kurt Farrugia fil-Qorti. Huwa qal li f'Kastilja kien hemm arja ta' xokk meta nqatlet il-ġurnalista. Rapport ieħor jgħid li grupp ta' 63 immigrant kienu salvati miż-żona ta' tiftix u salvataġġ ta' Malta u ddaħħlu fil-pajjiż wara li sar kuntatt mal-Għaqda Mhux Governattiva Alarm Phone. The Malta Independent permezz ta' ritratt tal-Prim Ministru Robert Abela libes il-maskra waqt il-Summit tal-Unjoni Ewropea tgħid li twarrab il-mod tradizzjonali kif il-mexxejja isellmu lil xulxin minħabba l-imxija tal-coronavirus tant li sellmu lil xulxin bil-minkebb u tneħħa t-tgħanniq u l-bews. Rapport ieħor jispjega li l-eks-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern Kurt Farrugia jgħid li malli ħarġet l-istorja tal-Panama Papers, Konrad Mizzi ddeskriva din l-istorja bħala bluff. Ir-rapport jgħid li Konrad Mizzi wara ammetta li kien fetaħ kumpanija fil-Panama bħal Keith Schembri. It-tielet rapport jispjega li l-Assoċċjazzjoni tal-Iżviluppaturi pproponiet li l-isviluppaturi jkunu obbligati li jħallsu l-ispejjeż biex jitqabbad perit minn dawk li ħdejn ir-residenti tagħhom ikun ser isir żvilupp. In-Nazzjon In-Nazzjon permezz ta' ritratt tal-immigranti fuq il-partol boat tgħid li wara l-wasla tal-immigranti l-Gvern ma qal assolutament xejn. Jingħad li bħalissa fir-reġjun tal-Mediterran qed jiżdiedu l-vjaġġi klandestini li qed ikunu kordinati mit-traffikanti tal-bnedmin. Rapport ieħor jispjega li kompliet l-inkjesta dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fejn Kurt Farrugia jgħid li ra lil Yorgen Fenech darbtejn f'Kastilja possibilment għal-laqgħat ma' Keith Schembri. Farrugia fil-Qorti jgħid li ma kienx jaf li Keith Schembri u Yorgen Fenech kienu qishom aħwa. Rapport ieħor jgħid li l-Ombudsman Anthony C. Mifsud fir-rapport tiegħu li kien preżentat lill-Ispeaker jagħmel analiżi dettaljata tas-sitwazzjoni preżenti fil-pajjiż u anke jindika rimedji biex is-sitwazzjoni tkun irranġata. The Times permezz ta' ritratt ta' Joseph Muscat u martu tgħid li Muscat ma ħallasx huwa għall-vjaġġ li mal-familja tiegħu ħadu Dubai f'Diċembru li għadda minkejja li kien qal lil gazzetta li huwa kien ħalla l-ispejjeż. Minkejja dan il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika sab li l-eks-Prim Ministru ma kisirx il-kodiċi tal-etika għall-ministri. Rapport ieħor jikkwota lil Kurt Farrugia fil-Qorti fejn spjega li ma hemm ebda post fil-ħajja pubblika għall-persuni li għandhom kumpaniji u strutturi offshore. Farrugia qal li sar ħafna biex tissaħħaħ l-ekonomija taħt Joseph Muscat iżda din kienet imtappna minn interessi mercenarji.
[ 3, 14, 16 ]
Imtella' Settembru 15, 2020 - Aġġornata 15 Ta' Settembru, 2020 8:39pm Illum saru magħrufa l-linji gwida għall-edukaturi u l-istudenti tal-kindergarten u tal-istituzzjonijiet post-sekondarji. Għalkemm differenti fl-età, l-istudenti tal-kindergarten u dawk li waslu fil-livell post-sekondarju għandhom josservaw miżuri simili maħruġa fl-aħħar sigħat mill-awtoritajiet tas-saħħa. Il-linji gwida huma maħsuba biex jillimitaw l-imxija tal-Covid-19 u jkopru pjan ta' azzjoni li jesiġi rutina stretta ta' iġjene personali u tindif. Fil-każ tal-kindergartens, il-linji gwida jisħqu fuq id-diżinfettar tal-ġugarelli u l-uċuh tal-imwejjed wara li jsir użu minnhom. Anki iċ-changing rooms u t-toilets iridu jitnaddfu mill-inqas tliet darbiet kuljum. Il-ġenituri tat-tfal li jattendu l-kindergarten m'humiex se jitħallew jersqu lil hinn mill-għatba tal-bini filwaqt li t-tfal ma jistgħux jieħdu l-ġugarelli personali magħhom l-iskola. Il-pushchairs se jkunu wkoll pprojbiti ħlief għal dawk it-tfal li għandhom diżabbiltà jew bżonnijiet speċjali. Bħall-iskejjel, it-tfal tal-kindergarthen se jkunu jistgħu jikkomunikaw biss ma' grupp ristrett ta' tfal u edukaturi li għandu jkun dejjem l-istess grupp, bid-distanza minima ta' metru u nofs bejn kull tifel u t-tifla. Se jitħallew ukoll massimu ta' ħmistax-il tifel u tifla għall-Kinder 1, u dsatax-il tifel u tifla għall-Kinder 2. L-edukaturi u l-membri tal-istaff huma wkoll obbligati li jilbsu maskra jew visor il-ħin kollu, b'mod partikolari meta jkunu f'kuntatt mat-tfal. It-tfal li għandhom iżjed minn tliet snin huma mħeġġa li jilbsu maskra jew visor meta joħorġu mill-klassi u jekk jużaw it-trasport tal-iskejjel. Mhux permess tqassim ta' kejkijiet u tal-ikel fil-binja tal-iskola u l-ikel tat-tfal ma jistax jinħareġ barra mill-klassi. Ma' kull skola tal-kindergarten se jkun assenjat uffiċjal responsabbli mill-Covid biex jassigura li l-iskola qed issegwi r-regolamenti. Ir-rakkomandazzjoni tad-distanza minima ta' metru u nofs bejn mejda u oħra tapplika kemm għall-istudenti ċkejknin, kif ukoll għall-istudenti f'livell post-sekondarju. Fost l-edukaturi u l-istaff tal-istituzzjonijiet post-sekondarji huwa rakkomandat li jilbsu l-maskra jew il-visor il-ħin kollu ħlief meta jkunu qed jagħmlu l-eżerċizzju fiżiku jew għal raġunijiet mediċi. Fl-istaff rooms, qed ikun irrakkomandat li tinżamm distanza ta' mill-inqas żewġ metri bejn l-għalliema, filwaqt li jrid jitnaddaf l-apparat u l-imwejjed li jintużaw minn iktar minn għalliem wieħed. Ingħata wkoll parir biex il-laqgħat tal-għalliema jsiru b'mod virtwali meta hu possibli; l-istudenti jkollhom timetables li ma jġegħluhomx imorru minn klassi għall-oħra; u biex jinġabar tagħrif għall-contact tracing meta l-istudenti jiċċaqalqu minn klassi għall-oħra jew ikollhom lezzjonijiet barra. F'każ li jinfirex il-virus, kemm għall-kindergarten kif ukoll għall-istituzzjonijiet post-sekondarji hu rrakomandat li jitħejjew pjani alternattivi bħalma huwa t-tagħlim virtwali.
[ 5 ]
Imtella' Settembru 15, 2020 - Aġġornata 15 Ta' Settembru, 2020 8:46pm Omm ta' żewġt itfal li erba' snin ilu nstab li għandha kanċer f'sidirha tistqarr li għadha ħajja grazzi għall-eluf ta' ewro li ngħatat mill-fondazzjoni Malta Community Chest Fund għall-kura li tieħu kull tliet ġimgħat, u li fi kliemha lanqas jekk tbigħ id-dar tagħha ma setgħet qatt tħallasha. Maria Mariella Attard tirrakkonta kif meta kienet tara l-Istrina, tat donazzjoni żgħira iżda qatt ma bassret li kienet se tieħu l-għotja lura f'aktar minn miljun darba. Maria Mariella Attard dejjem titbissem u l-passjoni tagħha tisma' u tgħin lin-nies, kif wara kollox huwa xogħolha full-time. Erba' snin ilu ħajjitha nbidlet mil-lejl għan-nhar meta waqt li kienet qed tinħasel ħasset bħal boċċa żgħira f'sidirha li malajr rriżultat fil-bidu ta' battalja kiefra ħafna. "Kont qed inġorr mostru ġo fija, mostru li kważi kien se jkissirli ħajti… Il-kanċer kollox hu, il-kanċer mostru ikrah li ma jħallikx tħobb lill-familja tiegħek u lil uliedek, tara żewġt itfal jibku għal ommhom… mhux ċajta hux." B'kumbinazzjoni lejlet din l-intervista, is-Sinjura Attard irċeviet l-aħbar sabiħa li x'aktarx hija ħielsa mill-kanċer. Madankollu, it-tobba wissewha li l-battalja ma ntemmitx għax jaf għad hemm traċċi żgħar ħafna tal-kanċer. Għalhekk s'issa l-uniku garanzija biex tibqa' ħajja hija li kull tliet ġimgħat tibqa' tirċievi kura ta' eluf ta' ewro. "Eluf kbar, eluf kbar jiġifieri, li kieku jkolli nbigħ id-dar lanqas ikun biżżejjed." Din il-kura qed tiġi ffinanzjata mill-Malta Community Chest Fund Foundation, li Maria qatt ma ħolmot li xi darba se tiġi bżonn. "Jien forsi b'dik il-€50 jew €10 li tajt issa ġiet għal miljun darba, issa minn jaf kemm se jkun hemm warajha, illum il-familja tiegħi, għada l-familja ta' dak, pitgħada l-familja tal-ieħor, ma tridx tiċċajta mal-Community Chest Fund, trid ittiha, issa għandek dak il-ktieb tal-bank u mill-paga se tfaddal xi ħaġa biex issibha 'l quddiem." Minħabba l-pandemija, il-fondi tal-Community Chest Fund naqsu drastikament u l-Ħadd li ġej se ssir maratona ta' ġbir ta' fondi minn nofsinhar sa nofsillejl li se tixxandar fuq l-istazzjonijiet lokali tat-televiżjoni, fosthom TVM, bil-għan li l-Fondazzjoni jkollha biżżejjed flus biex tkompli tgħin persuni bħal Maria u mijiet oħra li tant jinħtieġu għajnuna. "Mela ejja nagħmlu kuraġġ kulħadd familja waħda, indaħħlu idejna fil-but u kemm hemm joħroġ," appellat Maria.
[ 8 ]
Wara kważi ħmistax-il sena jmexxi l-Knisja f'Għawdex, f'dawn il-ġranet l-Isqof Mario Grech se jibda l-ħidma ġdida li tah il-Papa Franġisku bħala Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet. Hu se jieħu post il-Kardinal Lorenzo Baldisseri li se jirtira bl-età minn din il-kariga. Fil-Vatikan, l-Isqof Grech hu wkoll membru tal-Kunsill Pontifiċju li jippromwovi l-għaqda fost l-insara. Intant, għada, f'għeluq il-mija, sitta u ħamsin sena mit-twaqqif tad-djoċesi ta' Għawdex, l-Isqof il-ġdid Anton Teuma se jagħmel l-ingress solenni fil-Katidral. Parti mir-ritwal f'ħatra ta' Isqof ġdid ta' djoċesi jinvolvi li jagħmel l-ingress solenni fil-Katidral li ħafna drabi jseħħ fl-istess ġurnata li jiġi kkonsagrat Isqof. Minħabba ċ-ċirkustanzi tal-pandemija, il-konsagrazzjoni tal-Isqof il-ġdid ta' Għawdex, Monsinjur Anton Teuma, saret fir-rotunda tax-Xewkija billi hija l-aktar knisja spazjuża f'Għawdex. Għalhekk l-ingress solenni fil-Katidral ser isir illum l-Erbgħa 16 ta' Settembru meta jieħu wkoll il-pussess tal-katedra, li tfisser is-sedja jew is-siġġu li fuqu jpoġġi l-isqof. Minnu toħroġ il-kelma Katidral, li hi s-sede tal-Isqof fid-djoċesi tiegħu. Simbolikament din tfisser il-missjoni tiegħu ta' ragħaj u għalliem tal-Knisja lokali f'isem Kristu stess, ir-Ragħaj il-Kbir. Għal din l-okkażjoni li se tixxandar dirett fuq TVM2 fis-6.30 p.m., saret produzzjoni mill-Kor Djoċesan taż-Żgħażagħ ta' kanzunetta miktuba minn Francesco Pio Attard u b'mużika ta' Richard Grech. Bit-tema "Ibqa' Magħna", il-lirika hi mibnija fuq il-motto magħżul mill-Isqof Teuma għall-episkopat tiegħu "U baqa' miexi magħhom", meħud mir-rakkont tad-dixxipli ta' Għemmaws. Iċ-ċerimonja se ssir f'jum it-tifkira tat-twaqqif tad-Djoċesi ta' Għawdex, avveniment li seħħ nhar is-16 ta' Settembru 1864. F'din id-djoċesi hemm 15-il parroċċa u 106 saċerdoti, bejn dawk attivi jew irtirati minħabba l-età jew mard. Hemm imbagħad 42 saċerdot Għawdxi barra minn Malta, fosthom f'artijiet tal-missjoni. Ħames Isqfijiet Għawdxin qed iservu l-Knisja barra minn Malta – 2 f'xogħol tal-Vatikan u l-oħrajn fil-Libja, il-Ħonduras u l-Perù. Dan apparti diversi reliġjużi, irġiel u nisa, li qed jadu l-Knisja lokali u f'kontinenti oħra. U fis-Seminarju t'Għawdex bħalissa hemm għaxar żgħażagħ fil-formazzjoni biex ikunu saċerdoti. Il-Knisja f'Għawdex hi impenjata wkoll f'diversi ħidmiet soċjali bħall-Caritas u l-Fondazzjoni Arka; u fl-edukazzjoni b'żewġ skejjel sekondarji u erba' fil-livell primarju.
[ 13 ]
Imtella' Settembru 15, 2020 - Aġġornata 15 Ta' Settembru, 2020 8:54pm Għada, fi Brussell, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, se tħabbar il-prioritajiet ta' ħidma għall-Unjoni Ewropea fit-tnax-il xahar li ġejjin. Dan hekk kif mistennija tagħmel id-diskors State of the Union. Għall-ewwel darba fl-istorja, id-diskors se jsir fil-Parlament Ewropew fi Brussell u mhux fi Strasburgu. Se jkun l-ewwel diskors tagħha bħala President tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-istat tal-unjoni – imsejjaħ 'State of the Union'. Fid-diskors il-President Ursula von der Leyen mistennija titkellem dwar il-kisbiet tal-ewwel sena tal-Kummissjoni mmexxija minnha kif ukoll dwar l-isfidi u l-prioritajiet għas-sena li ġejja. Anqas minn sena ilu, meta l-President von der Leyen kienet konfermata fil-kariga, hija kienet poġġiet il-Patt Aħdar Ewropew – il-Green Deal – kif ukoll l-istrateġija għal Ekonomija Diġitali bħala ż-żewġ miri ewlenin tagħha. Il-pandemija tal-coronavirus u l-mod kif l-Unjoni Ewropea qed tilqa' għal din l-imxija, kemm fuq livell ekonomiku kif ukoll ta' saħħa, ukoll mistennija jiġu indirizzati mill-President von der Leyen. Bil-kontra tas-snin li għaddew, id-diskors State of the Union se jsir fil-Parlament Ewropew fi Brussell u mhux fi Strasburgu. Dan peress li Strasburgu, fejn hemm is-sede uffiċjali tal-Parlament Ewropew, tqegħdet fuq il-lista l-ħamra minħabba żieda allarmanti fil-każijiet ta' coronavirus. Infatti, l-Ewroparlamenti ilhom ma jiltaqgħu għall-plenarja fi Strasburgu minn Marzu u baqgħu jużaw biss il-binja fi Brussell jew saħansitra ltaqgħu virtwalment f'dawn is-sitt xhur. L-Erbgħa filgħodu Television Malta se jxandar programm speċjali dwar id-diskors State of the Union 2020 b'diskussjoni u analiżi ma' esperti, politiċi u membri parlamentari Ewropej Maltin. Ix-xandira tibda fit-8.30am fuq Television Malta u fuq tvm.com.mt .
[ 3 ]
Imtella' Settembru 15, 2020 - Aġġornata 15 Ta' Settembru, 2020 10:04am Il-Parlament Ingliż approva liġi kontroversjali li se tbiddel elementi mill-ftehim għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, minkejja li deputati min-naħa tal-Gvern kienu kontra din il-mossa. Partijiet mil-liġi dwar is-suq intern se jkunu qed jiġu imposti fuq il-ftehim li ġie ffirmat mal-Unjoni Ewropea dwar l-Irlanda ta' Fuq u l-għajnuna li tingħata mill-istat. Il-ftehim huwa maħsub biex jipprevjeni milli jixxekkel in-negozju bejn l-erba' pajjiżi tar-Renju Unit jekk ma jintlaħaqx ftehim mal-Unjoni Ewropea. Il-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Boris Johnson iddeskriva l-liġi bħala lqugħ legali importanti. Bħalissa r-Renju Unit jinsab f'perjodu ta' tranżizzjoni, fejn irid isegwi r-regoli tal-Unjoni Ewropea sal-aħħar tas-sena.
[ 10 ]
Imtella' Settembru 15, 2020 - Aġġornata 15 Ta' Settembru, 2020 12:36pm Fl-aħħar 24 siegħa nstabu 49 każ ġdid ta' Covid-19 f'Malta, wara li saru 1,666 swab tests. L-awtoritajiet tas-saħħa qalu wkoll li 41 persuna oħra ġew iddikjarati mfejqa, u b'hekk l-ammont ta' persuni f'Malta li fiequ mill-Covid-19 tela' għal 1,931. Minn total ta' 2,454 każijiet ikkonfermati f'Malta mill-bidu tal-pandemija, bħalissa hemm 507 li għadhom attivi. L-awtoritajiet tas-saħħa qalu li l-aħħar każijiet għadhom qed jiġu investigati. Sadanittant, mill-każijiet tal-bieraħ, 14 kienu membri tal-familja minn każijiet diġà magħrufa, 1 kien kollegai tax-xogħol ta' każ pożittiv, 1 kien kuntatt dirett ma' persuna pożittiva, 2 każi oħra kienu impurtati, waqt li 3 oħra kienu f'ġabra ta' nies fejn kien hemm każi pożittivi.
[ 1 ]
Imtella' Settembru 15, 2020 - Aġġornata 15 Ta' Settembru, 2020 6:32pm Ma kinux biss id-dgħajjes li fl-aħħar jiem inkaljaw fuq il-blat kawża tal-maltemp. Illum waranofsinhar delfin ukoll spiċċa fuq il-blat fil-bajja tal-Mellieħa. Fuq il-post marru jassistu t-tim tas-salvataġġ fl-ilma tas-Soċjetà Maltija tas-Salib l-Aħmar, flimkien ma' membru tal-Protezzjoni Ċivili, u bl-assistenza ta' Nature Trust. Minkejja l-isforzi li saru, sfortunatament id-delfin jidher li kien laħaq miet qabel ma nstab.
[ 7 ]
Imtella' Settembru 15, 2020 - Aġġornata 15 Ta' Settembru, 2020 3:43pm Sid ta' klieb ma nstabx ħati li ħallihom jiġru bla ċinga, b'konsegwenza li daħlu f'parapett ta' residenza u qatlu qattus. Il-każ seħħ fl-14 ta' Jannar 2019, meta Marianne Scerri marret fl-għassa tar-Rabat biex tirrapporta li żewġt iklieb kannella tar-razza tal-fenek kienu daħlu fid-drive-in ta' darha fil-Buskett u qatlulha l-qattus. Hija qalet li l-klieb huma ta' Paul Vella, u li mhux l-ewwel darba li daħlu fil-propjetà tagħha. Sostniet li kienet rat lill-klieb jidħlu mix-xatba magħluqa u jaħfu waħda mill-qtates li kellha fil-kennels. Qalet li kellha tagħti daqqa ta' kanna lil wieħed mill-klieb biex jitlaq il-qattusa. Min-naħa tiegħu Paul Vella ċaħad li dawn il-klieb kienu tiegħu, għax m'għandux klieb tal-fenek kannella, iżda wieħed iswed imħallat. Qal li dakinhar kien żarma mix-xogħol u mar s'għand sieħbu, u li l-klieb kien żammhom fil-vann il-ħin kollu. Fix-xhieda tiegħu sieħbu kkonferma li ra żewġt iklieb tal-kaċċa fil-vann ta' Vella, u żied li Vella kellu kelb ieħor li kien dejjem iżommu fuq in-naħa ta' wara tal-vettura, iżda ma kienx jaf x'kulur hu. Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, innutat li l-verżjonijiet ta' Scerri u Vella ma kinux qed jaqblu. Il-Qorti qalet li l-prosekuzzjoni kienet fid-dmir li tikseb iktar provi, fosthom verifiki tal-għamla tal-klieb li għandu Vella u l-ġrieħi li sofra l-qattus. Fin-nuqqas ta' dawn il-provi, il-Qorti ddikjarat li ma tistax issib lil Vella ħati.
[ 0 ]
Il-gvern se jibda l-proċess biex jibni impjant ġdid għat-trattament tal-iskart kliniku fil-Magħtab. Dan se jieħu post l-inċineratur tal-Marsa. Għall-proġett il-gvern jistma li se jagħmel investiment ta' €50 miljun; bl-ewwel pass se jkun il-ħruġ ta' sejħa għall-offerti għall-istudji ambjentali u d-disinn ta' dan l-impjant. L-Inċineratur tal-Marsa mistenni jitneħħa – bil-pjan tal-Gvern hu li l-iskart kliniku u l-fdalijiet tal-annimali jibdew jinħarqu f'impjant ġdid u aktar modern li se jinbena fil-Magħtab. Fi żjara fl-inċineratur tal-Marsa, il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia ħabbar li fil-jiem li ġejjin se toħroġ sejħa għall-offerti għal studji ambjentali u d-disinn tal-impjant, li qal se jkun mgħammar bl-aħħar teknoloġija li hawn fis-suq. "Se nagħmlu sejħa allura għal impjant ġdid. Nafu li dan hu wieħed qadim u b'hekk iridu naraw allura impjant state of the art li jingħaqad mal-kumplessi l-oħra, mal-impjanti l-oħra fil-kumpless ecohive fil-Magħtab. L-impjant il-ġdid se jkun jiswa' madwar €50 miljun," qal il-Ministru għall-Ambjent, Aaron Farrugia. Il-Ministru Farrugia qal li b'dan l-impjant, waqt l-inċinerazzjoni se tkun tista' tiġi ġġenerata enerġija nadifa. Il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ, Richard Bilocca qal li sakemm jitlesta' l-impjant il-ġdid, qegħdin isiru diversi bidiliet fl-inċineratur tal-Marsa biex jonqos l-inkonvenjent għar-residenti tal-madwar. Qal li diġà ġew indirizzati numru ta' kwistjonijiet bħall-ħażna aktar addattata tal-frakassi tal-għadam, tijib fis-sistema ta' trattament tal-ilma maħmuġ u tiketti aktar addattati għall-iskart li jkun dieħel. "Qed naħdmu fuq sistemi li jnaddfu l-arja, fuq sistemi li jtejbu l-operat u barra minn hekk fil-jiem li ġejjin ħa nkunu qed nibagħtu ittra lil kull min iġib skart tal-annimali f'dan l-impjant biex ngħidulhom kif huma b'sagrifiċċji żgħar, b'titjib żgħir fl-operat tagħhom ħa jkunu jistgħu jgħinuna nagħmlu differenza kbira f'dan l-impjant. Dan l-impjant jiddependi fuq kwalità tajba tal-iskart jiġifieri l-iskart jasal hawnhekk frisk – dan qed nitkellmu fuq fdalijiet tal-annimali," qal il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ, Richard Bilocca. Is-Sur Bilocca irrimarka li l-iskart li jittieħed fl-inċineratur tal-Marsa għadu fil-biċċa l-kbira tiegħu jidħol kontaminat, fosthom bi plastik li jagħmel ħsara kbira lill-impjant, kif ukoll annimali mejta u prodotti sekondarji tal-annimali li ta' spiss jitwasslu fi stat avvanzat ta' dekompożizzjoni.
[ 7 ]
Imtella' Settembru 17, 2020 - Aġġornata 17 Ta' Settembru, 2020 2:10pm Dr Lydia Abela, mart il-Prim Ministru, qalet li tixtieq tuża l-pjattaforma tagħha biex tagħti vuċi lil ċertu kwistjonijiet li ma jingħatawx wisq importanza. Fost dawn semmiet il-problema tas-solitudni, fejn studju li sar is-sena l-oħra mill-Fakultà għall-Ġid tas-Soċjetà wera li 43.5% ta' dawk intervistati qalu li jħossuhom waħedhom. Żiedet li matul din is-sena, meta faqqgħet il-Covid-19, dan l-ammont żdied b'mod drasiku. Dr Abela esprimiet il-fehma li s-soċjetà għandha titkellem ma' dawn in-nies u tara għalfejn qed iħossuhom daqshekk waħedhom. L-intervista sħiħa ma' Dr Abela tixxandar illejla waqt il-programm Xtra Sajf fuq TVM, wara l-aħbarijiet tat-8.00pm.
[ 12 ]
Imtella' Settembru 17, 2020 - Aġġornata 17 Ta' Settembru, 2020 6:44pm Mal-200 propjetà jew art tal-Gvern li tinsab fuq ċens temporanju li jiskadi mhux inqas minn 5 snin oħra, jista' jkollha ċ-ċens temporanju imġedded sa 65 sena oħra. Avviż legali għandu l-għan li jneħħi xkiel għall-investiment minħabba iż-żmien qasir li fadal fuq iċ-ċens tal-art. Jesiġi wkoll li l-art tingħata jekk il-proġett jirrendi lill-ekonomija tal-pajjiż u jwassal għal żieda fl-impiegi. Skont il-liġi, ċens temporanju fuq fond kummerċjali jista' jiġġedded biss meta jagħlaq. Madanakollu, avviż legali li daħal fis-seħħ minn din il-ġimgħa se jwassal biex dawk li għandhom art jew propjetà tal-Gvern mogħtija b'ċens kummercjali li jiskadi mill-bidu ta' Settembru ta' ħames snin oħra jistgħu japplikaw biex jinbidel iċ-ċens. Il-kap eżekuttiv tal-awtorità tal-artijiet James Piscopo qal li dan se jsir permezz ta' kuntratt ġdid ta' ċens temporanju sa massimu ta' 65 sena. Is-Sur Piscopo qal li l-għan wara dan l-avviż legali hu biex jiżblokkaw sitwazzjoni fejn persuni jonqsu milli jagħmlu investiment għax iċ-ċens ikun qasir wisq. Qal li dan qed iwassal għal inċertezza għan-negozji, nuqqas ta' għajnuna mill-bank, u propjetajiet tal-Gvern li jitħallew jiddeterjoraw. Skond l-avviż legali, l-art tingħata mill-Awtorità jekk proġett kummerċjali jirrendix lill-ekonomija tal-pajjiż u li n-numru ta' impiegi li joħloq huwa adegwat. Dawk li jridu jġeddu jridu jippreżentaw pjan tan-negozju dettaljat, ġustifikazzjoni li turi li l-proġett hu vijabbli, prova li m'hemmx arretrati ta' ħlas ta' ċens, stima ta' valur tal-art ġdida u ħlas ta' €1,000 mal-applikazzjoni. Is-Segretarju Parlamentari għall-Artijiet, Chris Agius, qal li l-applikazzjonijiet se jintlaqgħu mill-5 t' Ottubru. "Jekk l-awtorità taqbel mal-investiment, inressqulha quddiem il-kumitat tal-verfiika biex ikun il-Parlament li japprova l-investiment ġdid. Aħna qed ngħidu li ċ-ċens jitwal għal 65 sena b'kundizzjonijiet u ċens li jkun attwali għaż-żminijiet." Il-Ministru Ian Borg qal l-kummerċ huwa parti essenzjali mis-sinsla tal-ekonomija u l-gvern impenjat li jkompli jagħti l-għajnuna tiegħu biex in-negozjanti jkomplu jiksbu s-suċċess mill-investimenti li jkunu għamlu matul is-snin.
[ 12 ]
Imtella' Settembru 17, 2020 - Aġġornata 17 Ta' Settembru, 2020 8:28pm Il-prevenzjoni tal-kriminalità b'aktar Pulizija fit-toroq li jkunu qrib taċ-ċittadin ser ikun wieħed mill-pilastri ewlenin ta' strateġija li l-Korp tal-Pulizija fassal għall-operat tiegħu fis-snin li ġejjin. Il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà, qal li l-istrateġija li se tiġi pubblikata fil-jiem li ġejjin tirrifletti fost l-oħrajn deċiżjoni dwar il-preżenza tal-Pulizija fil-lokalitajiet u l-użu tal-għases. Semma kif għall-ewwel darba l-korp għandu uffiċċju għall-prevenzjoni tal-kriminalità li jħaddem il-kunċett tal-Pulizija tal-Komunità. Li l-Korp tal-Pulizija għandu għassa tista' tgħid f'kull belt u raħal hu fatt. Sa erbgħin sena ilu, meta mhux f'kull dar kien hemm telefown, l-għases kienu jkunu miftuħa l-ħin kollu, fosthom għaliex telefonati b'messaġġi mill-isptar jinfurmaw qraba bi twelid jew mewt kienu jsiru lill-għassa u mbagħad il-Pulizija jmorru jinfurmaw lil min hu konċernat. Mill-għases kienu jitqassmu prodotti essenzjali għall-familji fil-bżonn, fuq loud speaker imwaħħal mal-faċċata kienu jxandru l-aħbarijiet u l-avviżi tal-gvern permezz tar-Rediffusion, u n-nies kienu jmorru l-għassa għal affarijiet li mbagħad bdew jirrikorru għalihom għand il-kunsilli lokali. Stħarriġ li għamel Television Malta sab li ħafna għases sekondarji – li huma għases li m'għandhomx assenjat Spettur – ilhom snin ma jkunu miftuħa fuq bażi ta' 24 siegħa kuljum. Jinfetħu kultant, u meta fil-lokalità jkun hemm xi avveniment, bħall-festa. Mistoqsi dwar dan, il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà, irrisponda li l-korp illum għandu pożizzjoni ċara dwar dawn l-għases. "Jien ngħid x'inhi l-ħtieġa li tinfetaħ dik l-għassa? Għax dak il-Pulizija ġol-għassa kif qed jipprevjeni r-reati? Allura dak li qegħdin nagħmlu, illum dan qegħdin niddokumentawh, qegħdin nippubblikawh, hi policy tagħna li l-Pulizija jkunu aktar fit-triq milli wara bank ta' għassa." Il-preżenza ta' aktar Pulizija fit-triq, qrib in-nies, qed issir permezz tal-Pulizija tal-Komunità. Bħalma ġara fl-aħħar sena fil-Mellieħa, issa se jkun hemm ħames timijiet oħra li bejniethom se jkopru ħdax-il lokalità. Il-Kummissarju ħabbar li l-Pulizija tal-Komunità qed jaħdmu taħt il-kappa ta' uffiċċju ġdid li twaqqaf fi ħdan il-korp, għall-prevenzjoni tal-kriminalità, immexxi minn Spettur. Il-Kummissarju spjega li l-korp qed jipprovdi servizzi oħra alternattivi għall-għases sekondarji, fosthom bl-istallazzjoni ta' sistema ta' komunikazzjoni diretta mad-depot fuq barra. "Jekk xi ħadd fettillu jmur f'għassa li hi magħluqa, qed nintroduċu wkoll intercom systems. U dik l-intercom system jekk tmur u ċċempel dik il-qanpiena tqabbdek mal-control room tal-Pulizija u min jeħodlok it-telefonata se jagħmel risk assessment u jara jekk hemmx bżonn li l-Pulizija jiġu onsite jew jirreferik għall-eqreb għassa jekk mhux daqshekk urgenti." Spjega wkoll li l-pubbliku m'għadx għandu għalfejn imur l-għassa biex jagħmel kwalunkwe rapport. Rapporti ta' reati fejn mhemmx ħtieġa li l-Pulizija jmur fuq il-post u mhemmx vjolenza qed jittieħdu online. Assigura li l-korp hu impenjat jagħti r-riżorsi meħtieġa u jsaħħaħ l-għases distrettwali li jkunu miftuħa 24 siegħa kuljum u fejn isir ħafna xogħol, anke investigattiv. "Jekk għadhom kemm laħqu numru ta' kuntistabbli ġodda, dawn kollha marru jaħdmu fid-distretti. Mela aħna nsaħħuhom qegħdin id-distretti. Illum ix-xiftijiet kollha fid-distretti huma mmennjati min-numru ta' surġenti rikjesti." Il-Kummissarju Angelo Gafà qal li dawn l-isforzi kollha jorbtu ma' wieħed mill-prinċipji ewlenin ta' Strateġija ta' Trasformazzjoni għall-Korp tal-Pulizija li se tiġi pubblikata dan ix-xahar fejn se tingħata ħafna importanza li s-servizzi tal-Pulizija jirriflettu aktar dak li jrid iċ-ċittadin.
[ 0 ]
Imtella' Settembru 18, 2020 - Aġġornata 18 Ta' Settembru, 2020 9:31am Ħamsin sena ilu Villa Bighi ntużat għall-aħħar darba bħala sptar, wara 167 sena ta' servizz kontinwu. Wirja permanenti fiċ-ċentru interattiv għax-xjenza l-Esplora tikkomemora l-perjodu meta l-binja kienet isservi bħala l-isptar navali fiż-żmien meta Malta kienet kolonja Ingliża. Il-wirja tinkludi tagħrif dwar l-arkitettura, il-personalitajiet u t-teknoloġiji mediċi li ntużaw fl-isptar. Il-binja storika ta' Bighi hija assoċjata maċ-ċentru interattiv tax-xjenza, l-Esplora, iżda l-anzjani x'aktarx jiftakruha wkoll bħala sptar navali fi żmien l-Ingliżi. Villa Bighi nbniet fl-1675 minn Fra Giovanni Bichi, li kien membru tal-ordni ta' San Ġwann, iżda inbidlet fi sptar għall-pesta waqt l-epidemija tal-1813, taħt it-tobba Luigi Pisani u Gio Batta Saydon. Il-binja mbagħad għaddiet formalment f'idejn il-qawwiet Ingliżi fl-1822 meta Malta saret kolonja Ingliża. Il-gvern Ingliż iddeċieda li juża l-binja bħala sptar, li kompla jirfinaha bil-bini ta' swali ġodda tal-kirurġija u ta' kontra l-mard infettiv fil-bidu tas-seklu 20. "Ġie maħsub bħala sptar għandek ammont kbir ta' arja għal kull sodda jew pazjent biex ikun hemm ċirkolazzjoni, verandi kbar u bħala kura ħa ngħidu hekk kienet meqjusa bħala waħda mill-aħjar," qal Clayton Cutajar, Uffiċjal tal-Esplora. Is-Sur Cutajar qal li l-isptar kellu rwol importanti fi tliet gwerer, meta kien jintuża biex idewwi l-feriti fil-gwerra fil-Krimea tal-1854, u fl-ewwel u t-tieni gwerer dinija. Ix-xorti ma kinitx ħanina fl-aħħar gwerra dinija minħabba li partijiet sostanzjali tal-isptar ma żgiċċawx il-qilla tal-bumbardamenti mill-ajru. L-Ingliżi xorta baqgħu jagħmlu użu mill-isptar sal-1970, u kien propju fis-sbatax ta' Settembru ta' ħamsin sena ilu li ħarġu mill-binja għall-aħħar darba. "Imbagħad ġie fi stat dilapidat u minn għaxar snin hawnhekk beda proċess taħt il-Kap Eżekuttiv tal-MCST, Dr. Jeffrey Pullicino Orlando, fejn illum il-ġurnata huwa interactive science center kontemporanju, wieħed mill-aqwa Ċentri tax-Xjenza fl-Ewropa." Żorna partijiet mill-binja fejn is-swali għolja, twieqi kbar u l-kuruturi mdawlin jagħtu ħjiel tal-mod kif kienu mqassma il-kmamar tal-isptar. Skoprejna li fl-isptar ingħataw kura wkoll personalitajiet partikolari. "Fl-1863, l-isptar Bighi laqa' lit-tifel ta' Queen Victoria, Prince Alfred, u għamel xahar marid, u hemm iddokumentat li mar jgħid, u teżisti wkoll fil-kitba, kemm ingħata kura tajba għal dak iż-żmien." Tispikka iċ-ċavetta tal-kanċell tal-bieb prinċipali tal-isptar li hija esebita bi prominenza, flimkien ma' ġabra ta' istejjer u rakkonti dwar il-mod kif il-bini u l-użu tiegħu evolva mal-milja tas-snin. "Fl-1847 ingħata l-ewwel lopju Malta ġo Bighi, u anki fil-bidu tas-seklu 20 kien jintuża għal x-rays fis-surgical blocks in-naħa l-oħra." L-esebizzjoni permanenti: Il-Ħajja f'Bighi, tinsab fil-bini tal-lift tal-Esplora, magħruf bħala l-cot lift li kien it-tieni lift f'Malta li jaħdem bl-elettriku u kien jintuża biex idaħħal lill-pazjenti b'mod dirett mill-baħar.
[ 2 ]
Il-Prim Ministru Libjan, Fayez al-Sarraj, ħabbar li se jirrizenja sal-aħħar ta' Ottubru. F'messaġġ televiżiv, Sarraj qal li ser ikun qiegħed iħalli l-kariga tiegħu biex din tgħaddi f'idejn awtorità eżekuttiva ġdida fi sforz biex ikun jista' jintlaħaq ftehim għall-paċi fil-pajjiż. F'Ġunju li għadda l-Armata Nazzjonali Libjana temmet 14-il xahar ta' attaki fuq il-belt ta' Tripoli. Sarraj qal li raġuni għar-riżenja hija biex il-kap tal-Gvern il-ġdid ikun jista' jmexxi b'mod paċifiku. Sarraj ilu mill-2015 iservi bħala Prim Ministru tal-gvern Libjan rikonoxxut internazzjonalment.
[ 10 ]
Imtella' Settembru 17, 2020 - Aġġornata 17 Ta' Settembru, 2020 12:46pm Dimostranti indġeni fil-Kolombja waqqgħu l-istatwa tal-konkwistatur Spanjol Sebastián de Belalcázar fil-belt ta' Popayán. Il-pulizija ħarsu lejn membri tal-komunità Misak huma u jużaw ħbula biex jiġbdu l-istatwa. Sebastián de Belalcázar kien waqqaf il-belt fl-1537. Il-mexxejja tal-komunità indiġena jgħidu li de Belalcázar jirrapreżenta ħames sekli ta' ġenoċidju u skjavitù. Il-komunità Misak twaħħal f'de Belalcázar għall-qtil tal-antenati tagħha u teħid ta' art. Is-Sindku ta' Popayán qal li dan kien att ta' vjolenza kontra simbolu ta' belt multikulturali. De Belalcázar mexxa numru ta' spedizzjonijiet fil-Majjistral tal-Amerika t'Isfel u waqqaf ukoll dik li llum hija l-kapitali tal-Ekwador, Quito. It-twaqqigħ ta' statwi assoċjati ma' l-iskjavitù u l-kolonjaliżmu spiċċa att prominenti fil-protesti Black Lives Matter li kienu qed isiru fl-Istati Uniti u fl-Ewropa. Il-moviment kien fuq quddiem f'demostrazzjonijiet li bdew wara l-mewt tar-raġel Afro-Amerikan George Floyd waqt li kien fil-kustodja tal-pulizija. Kienu saru protesti kbar fl-Istati Uniti u bnadi oħra fid-dinja kontra l-brutalità mill-pulizija u d-diskriminazzjoni razzjali.
[ 10 ]
L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa ddikjarat li tinsab imħassba serjament bil-mod kif qed tiżviluppa s-sitwazzjoni tal-COVID-19 fl-Ewropa. Dan hekk kif il-każi attivi fil-kontinent qabżu l-għadd ta' każi f'Marzu li għadda. L-imxija tal-COVID-19 madwar l-Ewropa qed terġa tiżdied, hekk kif fi Franza kien hemm ftit anqas minn għaxar t'elef każ ġdid (9,784) fl-aħħar 24 siegħa, filwaqt li fi spanja kien hemm ftit inqas minn 5,000 każ ġdid (4,728). Fil-kapitali Spanjola, Madrid, huwa mistenni li jerġgħu jidħlu fis-seħħ numru ta' restrizzjonijiet biex jiġu mrażżna l-każi ġodda tal-virus. Fir-Renju Unit fejn fl-aħħar 24 siegħa ġew reġistrati madwar 4,000 (3,991) każ ġdid, numru ta' reġjuni mhumiex ilaħħqu man-numru ta' persuni li qed jitolbu li jagħmlu test tal-COVID-19. Ingliża qalet li biex tingħata test qisek ser tirbaħ il-lotterija. Fl-Istati Uniti, Il-President Donald Trump qal li sal-aħħar ta' din is-sena l-Istati Uniti ser tkun qiegħda tqassam mal-100 miljun tilqima tal-COVID-19. Mhux tal-istess fehma iżda id-direttur taċ-Ċentru tal-mard infettiv Amerikan, Robert Redfield, li qal li wisq probabli l-vaċċin ser ikun aċċessibli għall-pubbliku lejn nofs is-sena d-dieħla u li dan mhux ser ikun effettiv 100 fil-mija. Saħaq fuq l-ilbies tal-maskri. L-Istati Uniti jibqa' l-agħar pajjiż milqut mill-COVID-19 b'aktar minn 6 miljun każ.
[ 10 ]
Fil-Kanada raġel ġie arrestat wara li ħa nagħsa waqt li l-vettura Tesla, li tinstaq waħidha, rreġistrat veloċità ta' 150 kilometru fis-siegħa. Il-pulizija sabu li waqt li l-vettura kienet qed tinstaq waħidha, is-sewwieq ta' għoxrin sena u l-passiġġier li kellu miegħu ħadu nagħsa bis-seats imniżżlin, waqt li l-karozza kienet qed taqbeż il-limitu ta' veloċità.
[ 10 ]
Skont il-figuri tal-Università John Hopkins fl-Istati Uniti, l-għadd ta' nies infettati bil-Covid-19 qabeż it-tletin miljun, fejn mietu 940,000. L-iktar dawk milquta ħażin huma l-Istati Uniti, l-Indja, u l-Brazil, iżda qed tiġi rrappurtata qabża fil-każijiet anki fl-Ewropa. Intant, il-Gvern Ingliż mistenni jdaħħal iktar miżuri bil-għan li jikkontrolla l-pandemija, madanakollu l-iskejjel u ħafna postijiet tax-xogħol se jibqgħu miftuħa. Dan wara li skont il-konsulent xjentifiku tal-Gvern, hemm tbassir li fir-Renju Unit, l-għadd ta' mwiet se jogħla sal-aħħar ta' Ottubru. Qed jingħad li l-Gvern mistenni li jagħlaq postijiet turistiċi bħal lukandi, u jillimita s-sigħat tal-ftuhħ tal-barijiet u ristoranti.
[ 10 ]
Imtella' Settembru 17, 2020 - Aġġornata 17 Ta' Settembru, 2020 10:24am Erba' membri tal-Korp tal-Pulizija stazzjonati l-Mellieħa bħalissa qed jirrappurtaw għax-xogħol b'uniformi differenti minn ta' kollegi oħra. Dan mhux isir għaliex huma Pulizija tal-Komunità. Il-Korp tal-Pulizija qed jaħdem biex fix-xhur li ġejjin jintroduċi uniformi ġdida b'disinn differenti u drapp adattat għall-klima lokali. Bħala parti minn dan il-proċess, uniformi bid-disinn u l-materjal magħżul ingħatat lil dawn l-erba' membri tal-korp bi prova biex jagħtu r-reazzjoni tagħhom fosthom għall-materjal magħżul. Dan qed isir qabel l-aħħar pass fi proċess li issa ilu għaddej, meta l-korp tal-Pulizija jmexxi bl-ordni għal uniformi ġdida u komuni għal aktar minn 2,000 membru.
[ 0 ]
Imtella' Settembru 16, 2020 - Aġġornata 16 Ta' Settembru, 2020 5:59pm Iż-żewġ unions tal-għalliema, l-MUT u l-UPE qed jitolbu lill-Gvern biex jipposponi l-ftuħ tal-iskejjel u minflok l-lezzjonijiet għandhom jibdew isiru online. L-MUT qalet li talbet formalment lill-Gvern biex jikkunsidra li jipposponi l-ftuħ tal-iskejjel primarji, sekondarji, post-sekondarji u terzjarji; filwaqt li l-UPE qed tikkunsidra li tordna azzjoni industrijali jekk jinfetħu l-iskejjel. Hekk kif fit-28 ta' Settembru l-Gvern qed jippjana li jinfetħu l-iskejjel, iż-żewġ unions tal-għalliema, l-MUT u l-UPE qed jitolbu biex il-bidu tas-sena skolastika ġdida jkun pospost. L-MUT qed tgħid li filwaqt li se tkompli tiddiskuti mal-Ministeru tal-Edukazzjoni, ma tridx li l-iskejjel jinfetħu kif ippjanat, bil-President tal-MUT Marco Bonnici jgħid li l-kunsill jinsab inkwetat li biż-żieda ta' każijiet. Talab li l-iskejjel jiġu ċertifikati li huma siguri qabel ma jaċċettaw lill-istudenti u l-għalliema. "Jekk inkunu f'pożizzjoni li l-iskejjel ikunu compliant li jimxu mal-protokolli u implimentazzjoni aċċettabbli mbagħad jiftħu l-iskejjel, imma f'dan l-istadju, la llum u lanqas ġimgħa oħra mhu se nkunu qrib din il-pożizzjoni." Is-Sur Bonnici qal li waħda mill-problemi għall-ftuħ tal-iskejjel hi li l-protokolli tas-saħħa għall-iskejjel ħarġu tard wisq, u l-iskejjel għandhom problemi kbar biex isegwuhom, fosthom minħabba nuqqas ta' spazju. Qal li din mhix id-deċiżjoni finali tal-Union. TVM staqsa lis-Sur Bonnici x'qed jissuġġerixxu li jsir, f'sitwazzjoni fejn it-tfal ilhom minn Marzu ma jkollhom lezzjoni normali fl-iskejjel. "Il-mudell li jinfetħu l-iskejjel bil-pjani li hemm mhux aċċettabbli u għalhekk l-MUT tissugerixxi li tibda l-online, u l-ftuħ jiġi pospost għal data ulterjuri." Intant il-UPE Voice of the Workers qed tappella wkoll lill-Gvern biex iħalli l-iskejjel magħluqin għax qalet li s-sitwazzjoni attwali mhix sostenibbli. Il-union talbet lill-Prim Ministru biex il-lezzjonijiet isiru online u qalet li qed tikkonsidra li jekk jiftħu l-iskejjel tordna azzjoni industrijali għall-membri tagħha. Jirreaġixxi l-PN Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Clyde Puli qal li l-Gvern inqabad li mhux ippreparat biex jiftħu l-skejjel u lanqas biex joffri t-tagħlim online. Fi stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista, is-Sur Puli qal li n-nuqqas ta' kontroll fl-imxija tal-pandemija fl-aħħar ġimgħat qed tħasseb lill-ġenituri u rriżultat ukoll f'reazzjoni iebsa mill-unjins tal-għalliema. Il-Partit Nazzjonalista qal li ilu xhur jappella għal pjani u xenarji differenti li jistgħu jinqalgħu minħabba l-imxija tal-pandemija.
[ 5 ]
Imtella' Settembru 17, 2020 - Aġġornata 17 Ta' Settembru, 2020 6:22pm Koppja li jbigħu l-laħam qed ikunu akkużati li bi trasferiment ta' proprjetà li kienu jafu li ġejja minn attività kriminali, li operaw istituzzjoni finanzjarja bla liċenzja u b'ħasil ta' flus, bir-raġel waħdu akkużat li wettaq reat meta kien bi probation. Anthony Manicaro u martu Mary Grace Manicaro wieġbu mhux ħatja tal-akkużi. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest tagħhom għax qalet li l-akkużi huma serji u hemm ir-riskju ta' tbgħabis tal-provi. Il-Qorti semgħet kif il-koppja Manicaro tbigħ tiġieġ, fniek u bajd, bl-avukati tad-difiża jgħidu li l-klijenti ġieli ma jkollhomx biex iħallsu, u għalhekk jitħallew iħallsu iktar tard, kultant b'ċekkijiet tas-sigurtà soċjali. Qalu li t-tranżazzjonijiet kien hemm rekord tagħhom fiċ-ċekkijiet li ngħataw, u li l-Pulizija kienet ħadet pussess tad-dokumenti u l-irċevuti kollha, u għalhekk ma kienx hemm raġuni għalfejn ma jingħatawx il-ħelsien mill-arrest. Żiedu li l-koppja kellhom iben b'diżabbiltà li jridu jieħdu ħsiebu. Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Doreen Clarke, laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta' €2,000 u garanzija personali ta' €10,000 kull wieħed, bl-obbligu li jiffirmaw fil-Qorti darba f'ġimgħa. Il-Qorti ordnat ukoll l-iffriżar tal-assi tagħhom. Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Oriana Spiteri, Keith Mallan u Danilo Francalanza, waqt li Dr Arthur Azzopardi and Dr Stefano Filletti qed jidhru għall-akkużati.
[ 0 ]
Imtella' Settembru 18, 2020 - Aġġornata 18 Ta' Settembru, 2020 7:38pm Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia nieda l-kampanja tiegħu għall-elezzjoni ta' Kap tal-Partit. Bit-tema tkun Għaqda b'Lealtà, Dr Adrian Delia qal li ma jistax ikun hemm għaqda veru bla lealtà. Dwar ir-rapport tad-due diligence, Adrian Delia qal li jinsab sodisfatt bih u sostna li lest li jippubblika iktar dettalji dwar il-punti li ħarġu mill-istess rapport. Fit-tnedija tal-kampanja tiegħu għall-elezzjoni ta' Kap tal-Partit Nazzjonalista, Dr Adrian Delia ta rendikont ta' x'kiseb il-Partit Nazzjonalista kemm ilu hu fit-tmexxija. Dwar il-finanzi tal-Partit, Dr Delia qal li qabel it-tmexxija tiegħu kienet qed tissemma l-possibbilità li jinbiegħu propjetajiet u każini tal-Partit. Spjega kif dawn ġew ikkumerċjalizzati biex illum is-sussidju fuqhom niżel għal €440,000. Qal li tliet snin ilu l-ammont ta' tesserati kien ta' 19,000 u dan issa' tela' għal 26,000 u l-għan tiegħu hu li jitla' għal 30,000 tesserat. Dwar is-slogan tiegħu, Għaqda b'Lealtà, Dr Delia qal li ma jistax ikun hemm għaqda veru bla lealtà. Dr Delia tkellem dwar il-prijoritajiet politiċi u fosthom semma l-fatt li kull sena l-Oppożizzjoni toħroġ dokument ta' qabel il-budget bi proposti tagħha. Qal ukoll li fost affarijiet oħra l-Partit Nazzjonalista għamel proposti fuq il-pandemija u wkoll fuq it-tibdil kostituzzjonali. Adrian Delia qal li se jibqa' jindirizza l-korruzzjoni li qal fniet lill-pajjiż. "Nixtieq nirringrazzja, għax issa tawni n-numri, 'il fuq minn 1,600 tesserat, pratikament kważi 4 darbiet iktar mill-ewwel darba li ikkontestajt 3 snin ilu, li allura jekk kelli nagħsar wara dak kollu li għedt in sustanza ta' dak li lħaqna f'3 snin minn 5, nixtiequ nikkommettu li nilħqu f'dak li huma finanzi, dak li huma kif namministraw u naħdmu fil-Partit u f'dawk li huma l-miri politiċi." Adrian Delia qal li jekk ma jirbaħx din l-elezzjoni ta' Kap, lest li jservi fi kwalunkwe rwol li jkun iridu fih il-Partit Nazzjonalista. Dwar ir-rapport tad-due diligence, Adrian Delia qal li hu sodisfatt bih u b'min għamlu, u qal li jaqbel ma' dak li nkiteb. Qal li hu dejjem mexa skont il-liġi u li lest jippubblika d-dokumenti kollha li jistgħu jagħtu konfort fuq dak li ssemma fihom hu.
[ 12 ]
Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, qal li fil-Budget tas-sena d-dieħla il-Gvern ser ikompli jgħin lill-familji, pensjonanti u negozji minkejja li jinsab f'morsa finanzjarja kawża tal-pandemija. Fost il-miżuri li ser ikunu parti mill-budget għas-sena d-dieħla, il-Ministru Scicluna qal li mhux ser ikun hemm taxxi ġodda. Waqt laqgħa ta' konsulazzjoni pubblika dwar il-miżuri tal-budget għas-sena d-dieħla, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, qal li minkejja li din is-sena n-nefqa tal-Gvern żdiedet minħabba l-COVID-19, fil-budget li jmiss il-Gvern mhux ser ikun qiegħed iżid jew jintroduċi taxxi. "Se mmorru għat-taxxi? Le, għax għandna spazju, issa ejja ngħid li jkollna defiċit ta' biljun, ta' 7% li huwa goff imma għall-bżonn qiegħed isir, imma l-pajjiż jiflaħ għalih." Dwar il-miżuri tal-COVID, il-Ministru qal li l-Gvern qiegħed jipprepara għad-deficit tas-sena d-dieħla minħabba li l-Gvern ser ikompli jgħin lill-familji u n-negozji sakemm tgħaddi l-pandemija tal-COVID-19. Qal li f'dan ir-rigward il-Gvern ser ikun qiegħed jirfina l-għajnuniet tal-COVID biex imorru għand min verament għandu bżonn, filwaqt li ser jkompli jħajjar lin-nies jonfqu. Dwar l-ambjent, qal li l-kriżi tal-COVID-19 għandha tagħmel lil kulħadd konxju tal-bżonn tal-kwalità tal-ħajja u l-importanza ta' ambjent san. Sostna li l-budget ser ikun qiegħed jagħti prijorità biex jitħares l-ambjent u l-arja tkun aktar nadifa, fosthom b'żieda fl-inċentivi għall-karozzi elettriċi. Fuq il-pensjonijiet, il-Ministru Scicluna qal li se jerġgħu jiżdiedu l-pensjonijiet, speċjalment il-koppji li jridu jgħixu b'pensjoni waħda. Il-Ministru qal li l-Gvern ser ikompli bil-mizura tal-first time buyers u li ser ikun qiegħed jinvesti fit-taħriġ tal-blockchain fost oħrajn permezz ta' scholarships imħallsa mal-Gvern. Fuq Għawdex, il-Ministru qal li l-bżonnijiet partikolari tiegħu ser ikunu indirizzati fil-budget fosthom, biex jattira iktar in-negozju u biex l-Għawdxin ikunu jistgħu jaħdmu f'Għawdex. Qal li l-Gvern ser ikun qiegħed jindirizza d-distanza fiżika bejn iż-żewġ gżejjer, biex l-ivvjaġar bejn iż-żewġ gżejjer isir b'katamarani jew b'tariffi mnaqqsa.
[ 4 ]
Dr Bernard Grech, nieda l-kampanja tiegħu għall-elezzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Bit-tema Ningħaqdu, nirnexxu, u niġġeddu, Dr Grech qal li jrid jara Partit Nazzjonalista magħqud u sħiħ, għalkemm imsejjes fuq il-ħiliet individwali. Fit-tnedija tal-kampanja, l-Avukat Bernard Grech qal li s-slogan ta' Ningħaqdu, Nirnexxu u Niġġeddu jirrifletti l-prinċipji li fuqhom qed jibni l-kampanja tiegħu. Sostna li jrid jara partit wieħed, partit sħiħ magħmul u msejjes fuq il-ħiliet indivdiwali. Qal li dejjem ħadem ma' kulħadd u li lest jaħdem ma' kulħadd. Kompla jgħid li qed jaħdem għal spirtu ta' għaqda fejn ikun hemm spazju għal kulħadd. Dr Grech qal li l-firda tingħeleb ukoll bil-ħdima, mhux biss bil-ġesti, bl-attitudni jew biż-żmien. Sostna li jekk ikun elett Kap tal-Partit Nazzjonalista jrid li jkollu ħafna laqgħat mal-grupp parlamentari, mal-eżekuttiv u mal-organi kollha tal-Partit. Qal li madankollu l-għaqda titlob ukoll id-dixxiplina u li l-etika hi l-bażi tal-ġenwinità, l-onestà u t-trasparenza. "Irridu ningħaqdu, irridu ngħaqqdu l-istrutturi tal-partit, inżidu l-komunikazzjoni fil-Partit imma wkoll man-nies. Irridu niġġeddu. Irridu niġġeddu l-istrutturi, il-mod ta' kif naħsbu, il-mod ta' kif nagħmlu l-politika u rridu wkoll flimkien nistgħu nirnexxu għax bla dubju meta inti qiegħed organizzat, qed twassal il-messaġġ tiegħek aktar frisk u b'mod aktar b'saħħtu, tista' bil-politika fejn tpoġġi l-persuna fin-nofs ta' dik il-politika tista' wkoll tirnexxi u anke tirbaħ." Dr Grech qal li ż-żgħażagħ iridhom spalla ma' spalla fit-tfassil tal-politika. Sostna li ż-żgħażagħ mhumiex passivi, imma jistgħu jaħdmu fi ħdan il-Partit Nazzjonalista favur it-tiġdid. Semma l-importanza li n-nisa jkollhom rwol importanti u f'kull livell, mingħajr ebda diskriminazzjoni. Tenna x-xewqa tiegħu li jekk ikun Kap, il-Viċi Kap tkun mara. Dr Grech qal li qed joffri lilu nnifsu li jkun Kap li jgħaqqad u li jġedded dan il-Partit. Sostna li jekk it-tesserati jafdaw lilu bit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, l-ewwel rebħa tkun l-għaqda tal-Partit, it-tieni rebħa tkun li jġeddu l-partit u li joffri programm b'saħħtu u kredibbli lill-poplu Malti u Għawdxi.
[ 12 ]
120 tifel u tifla qed jieħdu sehem f'taħriġ tal-futbol organizzat mill-klabb Taljan ta' Juventus FC. Din hi l-ewwel darba li r-rebbieħa tal-kampjonat Taljan qed jorganizzaw kamp ta' taħriġ għat-tfal f'Malta. Għal ħamest ijiem, 120 tifel u tifla f'Malta ngħataw l-opportunità li jagħmlu taħriġ intensiv fil-kamp ta' taħriġ organizzat mill-akkademja tal-klabb Taljan tal-Juventus. Fl-ewwel okkażjoni li din l-akkademja tal-Juventus organizzat kamp ta' taħriġ għat-tfal f'Malta, wieħed minn tliet coaches tal-akkademija, Nicolo' Sarti, qal li l-għan ta' dan kollu hu li tfal kollha madwar id-dinja jingħataw l-opportunità li jduqu ftit mit-taħriġ li t-tfal Taljani jkollhom f'Torino. Meta żorna t-taħriġ li kien mifrux fuq ħamest ijiem fil-grounds ta' Luxol St Andrew's, stajna ninnutaw lil dawn it-tfal jagħmlu t-taħriġ b'ċertu ħerqa u joqogħdu għall-pariri tal-coaches Taljani kif l-aħjar jużaw il-ħiliet tagħhom tal-futbol. Il-coaches Taljani qalu li l-Akkademja tal-Juventus tiffoka fuq l-istil tal-logħob, il-ħila teknika u t-tattika, iżda wkoll il-fattur tal-emozzjonijiet, fosthom li l-players jissaħħu b'sens ta' sagrifiċċju, kuraġġ u kollaborazzjoni bejniethom stess. Il-120 tifel u tifla kienu mqassmin f'gruppi żgħar għal attenzjoni individwali.
[ 15 ]
Imtella' Settembru 19, 2020 - Aġġornata 19 Ta' Settembru, 2020 8:33am Minn għada TikTok u WeChat mhux se jkunu jistgħu jitniżżlu mill-app stores fl-Istati Uniti, sakemm il-President Donald Trump ma jilħaqx ftehim fl-aħħar ħin. L-amministrazzjoni ta' Trump temmen li dawn l-apps jheddu s-sigurtà nazzjonali għax jiġbru ħafna informazzjoni personali tal-utenti, li imbagħad jistgħu jgħaddu f'idejn il-gvern Ċiniż. Iċ-Ċina u l-kumpaniji qed jiċħdu din l-allegazzjoni, b'TitTok tgħid li żiedet livelli ta' trasparenza bla preċedent u se tkompli tissielet kontra din l-ordni, waqt li WeChat qalet li r-restrizzjonijiet kienu sfortunati u li se tkompli t-taħditiet mal-gvern Amerikan biex tinstab soluzzjoni. Dawk li diġà qed jużaw dawn l-apps fl-Istati Uniti jistgħu jkomplu jużawhom sat-12 ta' Novembru, u wara din id-data l-ħsieb huwa li l-apps ikunu aboliti għal kollox. Il-pjan kien li TitTok jingħaqad mal-kumpanija Amerikana ByteDance, iżda s'issa għadu ma nstab l-ebda ftehim li jaqbel għall-partijiet kollha.
[ 10 ]
Imtella' Settembru 19, 2020 - Aġġornata 19 Ta' Settembru, 2020 12:04pm Ritratti: Reuters - Arkivji Emenda fil-liġi tal-Afganistan se tippermetti li isem l-omm jibda jidher fuq il-karta tal-identità tal-individwu. Din il-bidla hija pass importanti ħafna għad-drittijiet tan-nisa, li ma setgħu jużaw isimhom imkien. Isem il-mara ma jistax jidher fuq l-istediniet tat-tieġ, fuq preskrizzjoni tat-tabib, fuq iċ-ċertifikat ta' mewtha, u lanqas fuq qabarha. L-emenda, iffirmata fil-liġi mill-President Ashraf Ghani, waslet wara l-kampanja qawwija Where Is My Name, li sabet l-appoġġ ta' ħafna personalitajiet. Il-konservattivi mistennija jopponu din il-bidla bil-qawwi, bil-fundatur tal-kampanja, Laleh Osmany, tgħid li qed tibża' għal ħajjitha hekk kif irċeviet diversi theddid. Jeżisti wkoll tħassib dwar il-futur tad-drittijiet tan-nisa fid-dawl tad-diskussjonijiet bejn il-gvern Afgan u t-Taliban li se jibdew fi tmiem il-ġimgħa. Ħafna qed jibżgħu li d-drittijiet miksuba fl-aħħar 20 sena minn meta t-Talibani tneħħew mill-poter, se jiġu ssagrifikati biex jintlaħaq ftehim ta' paċi.
[ 10 ]
Mill-ispezzjonijiet li qed jagħmlu uffiċjali ta' Transport Malta jirriżulta li l-iktar li sabu nies bla maskra fil-pubbliku huwa fuq tal-linja. Fi 3 ġimgħat inħarġu mat-300 multa wara li saru 13,000 spezzjoni fi ħwienet, ajruport u trasport b'tal-linja, taxi jew coaches. Tagħrif li kiseb TVM mingħand Transport Malta, juri li l-aktar post pubbliku fejn ġew immultati nies minħabba li ma libsux il-maskra kien fuq tal-linja. Xahar ilu l-uffiċjali tal-infurzar fi ħdan Transport Malta ngħataw ir-responsabbiltà mis-Supretedent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci biex jissorveljaw u jinfurzaw l-ilbies tal-maskri fuq it-trasport pubbliku, ħwienet u postijiet pubbliċi oħra. Id-Direttur għall-Infurzar ta' Trasport Malta, Clint Axisa qal ma' TVM li l-ikbar problema li affaċjaw l-uffiċjali kienet proprju fuq ix-xarabanks fejn xi persuni saħansitra rrifjutaw li jilbsu l-maskra wara li ġew imwiddba. "Għamilna 'l fuq min 13,000 spezzjoni fl-ajurport, il-ħwienet tal-Belt, f'tas-Sliema fejn sibna u għamilna numru ta' kontravenzjonijiet li jammontaw għal 300 kontravenzjoni. Kellna sitwazzjonijiet fejn min ma jridx jilbisha niżżilnih minn fuq tal-linja." Is-Sur Axisa qal li l-uffiċjali nnotaw tendenza komuni b'persuni jilbsu l-maskra sabiex jitilgħu fuq tal-linja u jneħħuha ftit mumenti wara meta x-xuffier idawwar wiċċu. Biex tiżgura li ma jkunx kemm ksur, TM ferrxet l-uffiċjali f'vened varji madwar Malta bl-għan li l-uffiċjali bdew jgħassu l-agir tal-passiġġiera. "L-uffiċjali kellhom jaffaċjaw sitwazzjoni xejn feliċi. Jien nirrigranzja lill-uffiċjali kollha tal-ħidma li għamilna biex nibqgħu fuq quddiem ta' din il-pandemija." L-istatistika ta' Trasport Malta turi fost l-oħrajn li fl-ewwel ġimgħa biss, 122 persuna ġew immultati għaliex ma kienux lebsin il-maskra waqt li kienu fuq tal-linja. Apparti minn hekk, matul l-istess ġimgħa kważi ħamsin passiġġier ġew immultati għax instabu mhux lebsin il-maskra fit-taxis, u 16 oħra ma kellhomx maskra meta kienu fi ħwienet.
[ 8 ]
Imtella' Settembru 20, 2020 - Aġġornata 20 Ta' Settembru, 2020 8:19pm Għandu 40 sena u ilu seba' snin jivvjaġġa minn pajjiż għall-ieħor jibni l-kastelli bir-ramel, u jgħix ġo kamp. Peter Havel mir-Repubblika Ċeka qal li għalih dan huwa l-isbaħ stil ta' ħajja, għax minkejja m'għandux għaxja ta' lejla, jgħid li jgħix kuntent. Bħalissa l-artist Peter Havel qiegħed Malta, u sab rifuġju fil-bajja tal-Għadira. Kull m'għandu huma rota, kamp, u ftit għodda biex joħloq l-arti tiegħu. Peter Havel għandu 40 sena, mir-Repubblika Ċeka u għal dawn l-aħħar seba' snin iddeċieda li jibda jgħix ħajja ta' nomadu, bl-aħħar 3 snin qattagħhom fuq bajja f'Alicante fi Spanja, jibni l-kastelli bir-ramel. Għal Peter il-fatt li l-elementi tan-natura jistgħu jeqirdulu kull ma jibni u anki jispiċċa jsofri l-ġuħ, il-bard jew sħana kbira, mhix problema. Peter kien jgħix anki fi Franza, u issa ilu Malta għal ħmistax, jibni kastelli mill-isbaħ u bid-donazzjonijiet jixtri x'jiekol. Peter qal li biex jibni l-kastell idum għaddej bosta jiem. Peter qal li jieħu l-ħajja kif tiġi. Kif jirnexxielu jġemma' ammont ta' flus mid-donazzjonijiet, imbagħad isiefer x'imkien ieħor. Staqsejtu jekk hux qed jippjana li jgħix ta' nomadu għal dejjem. Peter qalilna li biex fil-ħajja tkun ferħan ma tridx torbot qalbek mal-affarijiet materjali, imma s-sigriet ta' ħajja kuntenta hija ħajja sempliċi li tħalli l-univers jieħdok fejn irid hu.
[ 6 ]
Din is-sena l-vendemmja naqset iżda l-kwalità tal-għeneb kienet tajba ħafna. Dan intqal minn produttur ewlieni tal-inbid lokali Jeremy Cassar li appella wkoll biex iż-żgħażagħ li jixtiequ jinvestu fl-agrikoltura u l-vitikultura jingħataw iktar għajnuna minn fondi tal-Unjoni Ewropea. Minkejja li din is-sena l-produzzjoni tal-għeneb tammonta għal 25% anqas mill-medja, il-kwalità kienet ta' livell għoli. Dan intqal f'konferenza tal-aħbarijiet mill-Kap Eżekuttiv ta' kumpanija ewlenija li tipproduċi l-inbid lokali, Jeremy Cassar. Intqal ukoll li jidher ċar li s-sena tal-biedja bdiet tajjeb għax bejn Settembru u Diċembru tas-sena l-oħra niżlet ammont abbundanti ta' xita iżda wara Jannar ta' din is-sena n-nixfa ħakmet sew ħlief għal żewġ okkażjonijiet fosthom meta f'Mejju kienet niżlet xita bis-silġ li qerdet madwar 75% tal-għeneb fil-vinji fl-inħawi magħrufa bħala ta' Wied l-Isqof, fl-inħawi tar-Rabat. Intqal ukoll li n-nuqqas ta' xita affettwaw ħażin id-dwieli tal-Girgentina u l-Ġellewza iżda t-temperaturi sħan ħallew effett fuq il-mod kif id-dwieli jimmaturaw għax inħolqu kundizzjonijiet eċċellenti li waslu biex l-għeneb ikun ferm aktar ħelu. Spjega wkoll li n-nuqqas ta' umdità naqqas il-possibiltà tal-mard allura l-għeneb kien aktar matur u b'hekk kellu togħma ferm aħjar. Fatt pożittiv ieħor kienet id-differenza bejn it-temperatura ta' matul il-ġurnata u ta' matul il-lejl matul is-sajf. Minħabba li naqset l-aċidità l-inbid abjad ser ikun aktar frisk filwaqt li l-aħmar aktar bilanċjat. Jeremy Cassar ħeġġeġ biex it-tradizzjoni tal-vitikultura u l-agrikoltura jibqgħu ħajjin iżda ilmenta dwar l-użu tal-art għax sostna li din għandha tintuża għall-produzzjoni. "Din il-problema qed tiżdied minħabba l-fatt li hemm inċentiva għall-bdiewa biex propju ma jużawx l-art, jgħidulha s-sussidju tal-qamħ, flok qed jużaw l-art biex jiżrgħu xi frott jew dak li jridu qed jiġu inċentivati biex l-art propja ma tintużax, dan mhux qed jgħin produtturi bħalna." Jidher li l-agrikolutura u l-vitikultura għaddejjin minn żmien diffiċli tant li żgħażagħ li jridu jinvestu fil-biedja qed isibu diversi sfidi. Minħabba f'hekk, il-biedja qed tkun kunsidrata biss bħala delizzju u mhux xogħol li huwa vijabbli. Sar appell ukoll biex tingħata l-għajnuna minn fondi tal-Unjoni Ewropea.
[ 7 ]
Inġabru ftit aktar minn €500,000 s'issa waqt il-maratona ta' ġbir ta' fondi mill-fondazzjoni Malta Community Chest Fund. Il-maratona li qed tixxandar dirett fuq Television Malta bdiet f'nofsinhar b'waqfa għall-aħbarijiet tat-tmienja u tkompli eżatt wara l-bulettin. Aktar kmieni llum, il-President George Vella u s-Sinjura Miriam Vella wasslu messaġġ lill-poplu Malti u Għawdxi waqt il-maratona ġbir ta' fondi b'risq il-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund. Huma appellaw lill-pubbliku biex jaħseb f'min hu inqas ixxurtjat minnu f'dan iż-żmien diffiċli filwaqt li rringrazzjaw lil kull min ta donazzjoni jew għen fil-maratona. Il-President faħħar is-solidarjetà tal-poplu Malti u l-ġest nobbli li bosta wrew meta ħarġu bi ħġarhom biex jgħinu lil batut.
[ 14 ]
Imtella' Settembru 20, 2020 - Aġġornata 20 Ta' Settembru, 2020 7:16am Fil-Belarussja, il-Pulizija arrestat mijiet ta' nisa li ħarġu jipprotestaw fil-kapitali Minsk għax iridu li l-President Alexander Lukashenkom jirriżenja. Irġiel libsin l-uniformijiet iċċirkundaw il-protestanti nisa li kienu parti minn demostrazzjoni fosthom mara ta' 73 sena li hija nanna u ikona tal-moviment li qed jipprotesta kontra l-President li ilu jaħkem il-pajjiż 26 sena. Ilum mistennija jkomplu l-protesti li ilhom għaddejjin aktar minn sitt ġimgħat kontra l-President għax qed jingħad li huwa bagħbas l-elezzjoni presidenzjali biex jibqa' fil-poter.
[ 10 ]
Uffiċjali tal-FBI kkonfermaw li rnexxielhom jintraċċaw u jwaqqfu pakkett indirizzat lil Trump li kien mimli bil-velenu ricin. Il-pakkett kellu jasal il-White House iżda l-FBI u uffiċjali tas-Servizzi Sigrieti rnexxielhom jintebħu bil-velenu bis-saħħa tal-iscreening li jsir għal kull ma jidħol fil-White House. Dwar il-każ infetħet inkjesta.
[ 10 ]
Il-kumpannija TikTok fl-Istati Uniti qalet li ftehim bejn il-kumpannija Ċiniża u dawk Amerikani Oracle u Walmert wassal biex dan l-app tant popolari mat-tfal, żgħażagħ u anki adulti jibqa' jopera fl-Istati Uniti. Il-President Amerikan Donald Trump kien ta ultimatum sa tmiem din il-ġimgħa li jekk iċ-Ċiniżi mhux se jbigħu l-kumpanija tagħhom li topera fl-Istati Uniti lil kumpannija Amerikana, allura din se titwaqqaf milli topera f'pajjiżu għax qal li din l-app hija spija fuq l-Amerikani. Permezz tal-ftehim għal kumpanija ġdida TikTok global, bil-kwartieri f'Texas, b'maġġoranza ta' diretturi Amerikani, TikTok se jibqa' jopera, bil-kumpannija Oracle se tkun qed taħżen id-data ta' TikTok, u jkollha d-dritt li tispezzjona dak li jissejjaħ is-source code biex b'hekk Trump ikun assigurat li m'hemmx possibilita' għal spjunaġġ miċ-Ċiniżi.
[ 10 ]
Imtella' Settembru 20, 2020 - Aġġornata 20 Ta' Settembru, 2020 5:16pm Il-President Amerikan Donald Trump qal li l-ġimgħa d-dieħla se jinnomina mara biex timla l-post vakanti tal-Imħallef tal-Qorti Suprema Ruth Bader Ginsburg li mietet jumejn ilu fl-età ta' 87 sena. Ġimgħat qabel l-elezzjoni presidenzjali fl-Istati Uniti, ir-rival ta' Trump, Joe Biden qal li d-deċiżjoni dwar min għandu jkun l-Imħallef tal-Qorti Suprema għandha tittieħed minn min jilħaq President ġdid wara l-elezzjoni presidenzjali fit-3 ta' Novembru. Il-Qorti Suprema Amerikana tieħu deċiżjonijiet kruċjali fuq kwistjonijiet importanti tal-liġi Amerikana. Iżda Trump irid li tgħaddi tiegħu u semma żewġ imħallfin nisa – Amy Coney Barrett u Barbara Lagoa, it-tnejn konservattivi u jkunu qed ixaqilbu l-bilanċ fil-Qorti Suprema lejn ir-Repubblikani.
[ 10 ]
L-Awstralja rnexxielha tirreġistra rekord bl-inqas każijiet ta' Covid-19 fi tlett xhur, fejn irrapportat biss 18-il każ ġdid. Fl-istat ta' Victoria li kien meqjus bħala l-epiċentru għall-virus irreġistra biss 14-il każ ġdid. New South Wales u Queensland irreġistraw biss żewġ każijiet kull wieħed. Il-Premier ta' Victoria Daniel Andrews qal li dawn il-figuri qed jagħtu kuraġġ lill-istat li jmexxi u lill-Awstraljani kollha. Victoria li kellha tlett kwarti tal-każijiet mill-Awstralja kollha rreġistrat kważi 900 mewt u ilha minn lockdown sa mill-bidu ta' Lulju.
[ 10 ]
Imtella' Settembru 20, 2020 - Aġġornata 20 Ta' Settembru, 2020 3:36pm Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-progress soċjali u edukattiv tat-tfal hu kruċjali, għalhekk sostna li importanti li l-iskejjel jinfetħu, kemm jekk tingħata edukazzjoni online, kemm li t-tfal imorru fiżikament l-iskola, jew taħlita tat-tnejn. Intervistat fuq l-istazzjon One, Dr Abela qal li din is-sena naqsu b'żewġ terzi l-wasliet tal-immigranti f'Malta meta mqabbel mas-sena ta' qabel. Il-Prim Ministru qal li hu laqa' t-talba tat-tliet imħallfin li jestendi l-inkjesta ta' Daphne Caruana Galizia sa Diċembru, filwaqt li dwar il-ħabs qal li dan għandu jkun post ta' dixxiplina u rijabilitazzjoni. Il-Prim Ministru Robert Abela qal li jemmen ħafna fil-preżenza fiżika tat-tfal fl-iskejjel. Intervistat minn Peppi Azzopardi fuq l-istazzjon One, Dr Abela qal li hu u martu se jibagħtu lil binthom ta' 7 snin l-iskola. Il-Prim Ministru sostna li huwa importanti jintużaw sistemi differenti ta' tagħlim sabiex l-ebda student ma jitlef l-edukazzjoni tiegħu. Mistoqsi fuq il-fatt li l-Union tal-Għalliema, MUT, qed tgħid biex il-ftuħ tal-iskejjel ikun pospost, il-Prim Ministru qal li l-Gvern għamel stħarriġ li juri li l-maġġoranza assoluta tal-ġenituri jridu li t-tfal imorru l-iskola. Mistoqsi dwar it-tieni mewġa tal-Coronavirus, Dr Abela qal li l-Covid se jibqa' fis-snin li ġejjin u għalhekk jemmen li l-pajjiż irid jadatta sakemm jasal il-vaċċin. Sostna li waqt li hu se jieħu l-vaċċin għax jafda lill-awtoritajiet tas-saħħa, ma jemminx li dan għandu jkun mandatorju. Dwar l-immigrazzjoni, il-Prim Ministru qal li l-pajjiż għamel dak kollu possibbli biex isalva l-ħajjiet, iżda l-għan hu li n-numri ta' wasliet f'pajjiżna jonqsu. Sostna li din is-sena waslu żewġ terzi inqas immigranti mis-sena ta' qabel, b'Dr Abela jghid li l-pożizzjoni tiegħu tibqa' li Malta ma tiflaħx iktar immigranti tant li qal dejqu l-kumment tal-kandidat għall-elezzjoni ta' Kap tal-Partit Nazzjonalista Dr Bernard Grech li qal li Malta mhix full up għax inkella ftit li xejn tingħata għajnuna u solidarjetà lil Malta mill-Ewropa. Il-Prim Ministru qal li s-soluzzjoni tinsab fi xtut Libiċi. Dwar l-inkjesta pubblika li qed tistħarreġ jekk il-Gvern setax evita l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, Dr Abela qal li t-termini tal-inkjesta kif maqbul bejn il-gvern u l-familja Caruana Galizia kienu li l-inkjesta tintemm f'disa' xhur, jiġifieri sa Awwissu li għadda. Sostna li t-tliet imħallfin fuq il-bord talbuh estensjoni sa Diċembru u hu tahom din l-estensjoni. Mistoqsi fuq il-fatt li fl-aħħar sentejn mietu 10 ħabsin, Dr Abela qal li l-ħabs hu żgħir għan-numru ta' priġunieri li hemm. Qal li tkellem ma' familja ta' priġunier li qalulu kemm ilu mmexxi li mid-direttur attwali l-kurunell Alex Dalli llum il-qarib tagħhom m'għadux imkisser bid-droga. Qal li ma jaqbilx mal-idea li l-ħabs huwa post ta' biża', iżda jemmen fid-dixxiplina u r-rijabilitazzjoni.
[ 12 ]
Imtella' Settembru 22, 2020 - Aġġornata 23 Ta' Settembru, 2020 9:00am Fid-Dar tal-Anzjani San Ġużepp il-Fgura bħalissa hemm ftit iżjed minn 100 anzjan li għandhom il-Coronavirus. 15 minnhom irriżultaw ilbieraħ. Il-Clinical Chair tal-Ġerjatrija, Dr Brian Farrugia, qal lil TVM li s-sitwazzjoni hi serja, imma ikkontrollata. Sostna li l-maġġoranza tar-residenti nfettati bil-Covid għandhom iżjed minn 80 sena, iżda l-qagħda tagħhom hija stabbli. Intant, fl-aġġornament ta' kuljum dwar il-każi tal-Covid, l-awtoritajiet tas-saħħa qalu li fl-aħħar siegħat irriżultaw 38 każ ġdid filwaqt li fiequ 34 ruħ. Il-Clinical Chair tal-Ġerjatrija, Dr Brian Farrugia, qal li s-sitwazzjoni f'Dar San Ġużepp fil-Fgura hi kkontrollata iżda serja minħabba l-fatt li n-numru ta' pazjenti bil-covid 19 beda bi ftit u baqa' jiżdied. Bħalissa, minn 298 resident f'Dar San Ġużepp hemm ftit iktar minn 100 anzjan li għandhom il-virus. Spjega li hemm tnejn minnhom li għandhom fuq il-ħamsin sena, waqt li l-maġġoranza tagħhom għandhom fuq it-tmenin sena. "Ħafna minnhom huma stabbli u huma tajbin. Sfortuntament ikun hemm min l-infezzjoni tiggrava, l-iżjed meta jkollhom dimensja, imma għajnejna fuqhom qegħdin." Mistoqsi jekk hemmx carers, infermiera u ħaddiema oħra minn din id-dar li għandhom il-virus, Dr Farrugia qal li minħabba li d-dar hi privata m'għandux in-numru eżatt ta' carers, iżda spjega li bħalissa d-dar qed timxi bi kważi nofs il-ħaddiema tas-soltu. Qal li hemm numru ta' ħaddiema ta' din id-dar bi kwarantina u qal li hemm ċans li minnhom ikun hemm min huwa infettat. "Inġenerali meta ssaqsihom l-anzjani jgħidulek imma jiena m'għandi xejn. Il-problema hi li jistgħu jgħaddu ftit ġranet u jibdew iħossu ċertu affarijiet. L-iktar li jkollhom nuqqas t'aptit imma team tiegħi qiegħed għassa għad-deni jew nuqqas t'aptit. Hemm xi 5 bid-drip bħalissa u jekk jonqos oxygen levels nużaw oxygen concentrator." Dr Farrugia spjega li malli anzjan fid-dar jiġi ikkonfermat li għandu l-covid jiġi iżolat fil-kamra tiegħu u jittieħed f'wieħed miż-żewġ sulari fejn qed jinżammu l-pazjenti kollha li għandhom il-Covid. Kompla jgħid li t-tobba, l-infermiera, carers u cleaners qed jidħlu ħdejn dawn l-anzjani lebsin dik li tissejjaħ il-personal protective equipment. Dr Farrugia qal li kull tliet ijiem l-anzjani u l-istaff jagħmlu swab test. Staqsejna lil Dr Frarugia jekk hux qed tiġi ikkunsidrata lockdown għall-ħaddiema ta' Dar San Ġużepp. "Jekk ikun hemm bżonn kollox jsir. Imma meta ngħidu lockdown il-ħajja f'dik is-sitwazzjoni mhijiex holiday, lanqas irtir, jiġifieri saqqijiet mal-art ħdejn xulxin. Diġa hemm nies li qed jorqdu fil-home u ma jistgħux imorru d-dar u qed jagħtu servizz lill-anzjani." It-tabib Farrugia spjega li l-qraba tal-anzjani mhux jitħallew jidħlu d-dar imma jistgħu jkellmuhom bit-telefon. Hu appella lill-qraba biex ma jċemplux filgħodu minħabba li dak huwa l-iktar ħin bieżel tal-ġurnata għall-ħaddiema. Sostna li l-aħjar ħin hu bejn is-siegħa u l-ħamsa ta' waranofsinhar. Spjega li t-tobba qed iċemplu biss lill-qraba f'każ li l-anzjani jaqilbu għall-agħar. Mill-każi ġodda ta' Covid li ħarġu t-Tnejn, 15-il ruħ li kienu pożittivi huma minn Dar San Ġużepp. Intant, l-awtoritajiet tas-saħħa qalu li fl-24 siegħa ta' qabel kien hemm 38 każ ġdid ta' covid 19 minn 2,814 swab test. Fl-aħħar siegħat fiequ 34 ruħ biex b'hekk il-każi attivi jammontaw għal 678.
[ 1 ]
Qed joqrob il-jum li fih mistennija jiftħu l-bibien tagħhom l-iskejjel għas-sena skolastika ġdida, Television Malta żar uħud mit-tħejjijiet li qed isiru f'xi skejjel tal-Gvern u tal-Knisja biex jassiguraw il-prekawzjonijiet kollha kontra t-tixrid tal-COVID-19. Is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, Frank Fabri filwaqt li assigura lill-ġenituri li kull skola se ssegwi l-protokolli tas-saħħa għall-istudenti, saħaq li t-tfal għandhom jirritornaw l-iskola biex ikomplu bl-edukazzjoni tagħhom. Intant, id-direttur tal-kulleġġi Lasaljani Stephen Cachia qal lil TVM li kemm jista' jkun l-istudenti ser jibqgħu fil-gruppi tagħhom. Ġimgħa qabel l-istudenti jerġgħu jirfsu l-għatba tal-iskola, l-iskejjel ta' De La Salle u Stella Maris huma fost il-kulleġġi madwar Malta u Għawdex li bħalissa għaddejjin bl-aħħar tħejjijiet biex l-istudenti jkunu jistgħu jżommu d-distanza soċjali fl-iskejjel f'kull hin. Malli jaslu l-iskola lebsin il-maskra jew il-visor l-istudenti ser jibqgu sejrin dritt fil-klassi. "L-imwejjed ġew spazjati biex ikun hemm metru u nofs, l-istudenti ser ikunu qegħdin joħorġu mill-inqas mill-klassi u meta tidħol l-għalliema fil-klassi, ser tnaddaf id-desk, u l-istudenti kollha jridu jnaddfu idejhom bis-sanitiser." Il-proċedura ser tiġi addotata kull darba li jinbidel l-għalliem fil-klassi. Id-direttur tal-kulleġġi Lasaljani Stephen Cachia qal li kemm jista' jkun l-istudenti ser jibqgħu fil-gruppi tagħhom. "Waqt il-breaks ukoll, il-breaks ser ikunu staggered biex kemm jista' jkun it-tfal ma jitħaltux imma jibqgħu fil-year group tagħhom. Ovjament fil-każ ta' primarja huwa mod, sekondarja mod ieħor, imma ħa nżommu ma' dak il-prinċipju il-ġurnata, kif ukoll fil-ħinijiet kritiċi tad-dħul u l-ħruġ mill-iskola, biex kemm jista' jkun id-dħul u l-ħruġ ikun staggered ħalli t-tfal ma jitħalltux." Biex id-distanza tkun tista' tinżamm anki waqt il-break, il-grounds tal-skejjel ġew maqsuma f'żoni biex jiġi evitat it-taħlit bejn it-tfal. Il-ħin tal-break tnaqqas għall-għoxrin minuta biex il-ħin tal-kuntatt jonqos ukoll. L-ikel mill-canteen ser jigi ordnat filghodu u mwassal fil-klassi fil-bidu tal-break. Minbarra t-tindif ta' kuljum, darba fil-ġimgħa ser jintuża disinfettant apposta li jiġi sprajar fuq l-uċuħ kollha u l-effett tiegħu jservi ġimgħa. Is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, Frank Fabri qal li fl-iskejjel tal-Gvern minbarra d-distanza soċjali, miżura oħra li se ssir hija ta' tibdil fl-iskeda tal-lezzjonijiet. "Modi differenti ta' kif l-għalliema jgħallmu, qed inħalltu f'ċertu suġġetti biex nipproteġu lil għalliema tagħna u naqqsu l-kuntatt mal-istudenti tagħhom ma' tagħlim li jsir fil-klassi u tagħlim li jkun irrekordjat, li l-istudenti jieħduh anki wara l-ħin tal-iskola. Ġifieri qed nieħdu ħafna miżuri uħud minnhom ma jkunux daqstant komdi, għaliex aħna forsi mdorrijin inmexxu l-iskejjel differenti minn hekk però fiċ-ċirkostanzi, importanti neħduhom għax kif jgħid il-Malti aħjar uff inkella aħħ." Is-sur Fabri qal li huwa essenzjali li l-ġenituri jibgħatu l-uliedhom l-iskola, ħlief jekk ikunu ma jifilhux. "Importanti ħafna li filgħodu il-ġenituri, jekk jinnutaw xi sintomi fost uliedhom jew jinnutaw li għandhom id-deni, importanti li jieħdu t-temperatura kull filgħodu, importanti li ma jibgħatuhomx l-iskola. Iċ-ċirkostanza hija dik li hi u importanti li ħadd ma jieħu riskju. Jekk ikollna dan il-każ imporanti li l-ġenituri iċemplu lit-tabib tal-familja tagħhom." Intant, il-union tal-edukaturi professjonali, fi stqarrija ħabbret li qed tordna tilwima industrijali għax qalet li ma taqbilx mal-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel minħabba n-numru għoli ta' każi ta' COVID-19 fil-pajjiż. Il-Union irrakomandat li jingħataw lezzjonijiet online sakemm il-każijiet jonqsu drastikament. Il-Union qalet li ser tkun qiegħda tippublika id-direttivi lil membri tagħha nhar it-Tnejn.
[ 5 ]
Imtella' Settembru 21, 2020 - Aġġornata 21 Ta' Settembru, 2020 6:51pm Fl-Indja fetaħ mill-ġdid għat-turisti t-Taj Mahal wara 6 xhur magħluq minħabba l-pandemija. Dan l-iżvilupp seħħ minkejja li l-Indja hu l-agħar pajjiż milqut mill-imxija.Bħalissa fl-Indja hemm iktar minn 5 miljun persuna infettati bil-virus. B'kollox qed imutu medja ta' elf persuna kuljum. Il-Prim Ministru, Narendra Modi, qal li l-pajjiż żgur li mhux se jerġa' jmur għal lockdown ieħor għax fi kliemu din il-miżura heddet l-għajxien ta' għexieren ta' miljuni ta' nies.
[ 10 ]
Imtella' Settembru 22, 2020 - Aġġornata 22 Ta' Settembru, 2020 9:15am Min-nhar il-Ħamis li ġej fl-Ingilterra, il-pubs, barijiet, ristoranti u stabbilimenti turistiċi se jkollhom jagħlqu fl-għaxra ta' filgħaxija minħabba l-bżonn li tiġi kkontrollata l-imxija tal-Covid-19. Bil-liġi kull settur tal-ospitalità jrid iservi n-nies madwar il-mejda biss. Il-miżuri se jiġu mħabbra iktar tard illum mill-Prim Ministru Boris Johnson fil-Parlament u dan wara li l-istat ta' allert tal-Covid-19 tela' għal grad 4, għaliex ir-rata ta' trazmissjoni reġgħet splodiet. Fil-Parlament Johnson mistenni li jappella lin-nies biex isegwu l-miżuri ta' distanzi soċjali, jilbsu il-maskri regolarment u jaħslu jdejhom u qed jappella wkoll biex in-nies kemm jista' jkun jaħdmu mid-dar. Il-konsulent xjentifiku tal-Gvern Sir Patrick Vallance wissa li sa nofs Ottubru huwa mbassar li l-każijiet tal-Covid-19 jitilgħu għal ħamsin elf kuljum. It-Tnejn li għadda kien hemm 'il fuq minn erbat elef u tlett mitt każ, u ħdax mietu. Aktar restrizzjonijiet mistennija jiġu mħabbra wkoll għall-Iskożja.
[ 10 ]
Minn tal-inqas terz mill-270 balena li telgħu max-xatt f'Tasmania mietu u hemm il-biża' li se jmutu aktar. Bijoloġisti marittimi qed jaħdmu qatigħ u jagħmlu milli jistgħu sabiex isalvaw il-baleni. Sa issa għadu mhux magħruf x'wassal biex il-baleni telgħu max-xattt. Għalkemm din ma kinitx l-ewwel darba.
[ 10 ]
Fl-Italja mas-70% tal-poplu vvota biex inaqqas id-daqs tal-Parlament tal-pajjiż b'aktar minn terz. Dan ifisser li l-għadd ta' Membri Parlamentari jonqos minn 634 għal 400. Ma' dan se jiċkien ukoll is-Senat. B'kollox l-għadd ta' Membri Parlamenti flimkien mas-Senaturi se jonqsu minn 945 għal 600. Ir-Referendum ġie mbuttat mill-Moviment tal-Ħames Stilel li jifforma parti mill-koalizzjoni tal-Gvern. Huwa argumenta li b'din il-bidla jonqsu l-ispejjeż tal-pajjiż. Il-Moviment qal ukoll li b'din il-bidla, il-pajjiż se jiffranka mal-biljun ewro fuq medda ta' għaxar snin. Min-naħa tagħhom, il-kritiċi argumentaw li dan se jdgħajjef id-demokrazija. Il-bidliet iridu jsiru qabel l-elezzjoni tal-2023.
[ 10 ]
L-ammont ta' persuni li mietu bil-Covid-19 fl-Istati Uniti, qabeż il-200,000. Skont is-sit li jżomm id-data dwar l-imxija tal-coronavirus fid-dinja, Johns Hopkins University, aktar minn 6.8 miljun ruħ huma magħrufa li ġew infettati bil-Covid-19 fl-Istati Unit – ħafna aktar minn kull pajjiż ieħor fid-dinja. Il-President Amerikan Donald Trump qal li din iċ-ċifra ta' mwiet hija orribbli u qal li ċ-Ċina kien messha waqqfet il-virus. Huwa ddefenda wkoll ir-rekord tiegħu u qal li kieku l-Istati Uniti ma ħadux azzjoni, kieku hemm maż-żewġ miljun u nofs li mietu bil-coronavirus. Johns Hopkins University ilha tiġbor informazzjoni dwar il-każijiet ta' Covid-19 fid-dinja, minn mindu feġġ il-virus tard is-sena li għaddiet fiċ-Ċina. L-ewwel każ ta' coronavirus fl-Istati Uniti kien ikkonfermat f'Jannar. L-amministrazzjoni tal-President Trump spiss tiġi kkritikata għall-mod kif immaniġjat il-pandemija. Il-kandidat Demoktratiku għall-elezzjoni presidenzjali, Joe Biden qal li minħabba l-gideb u l-inkompetenza ta' Donald Trump, fl-aħħar sitt xhur il-pajjiż ra fost l-akbar telf ta' ħajjiet fl-istorja Amerikana. Żied li b'din il-kriżi, il-pajjiż kellu bżonn Presidenza serja iżda Trump ma kienx kapaċi. Biden qal li Trum naqqas milli jieħu azzjoni, ippanikja u riżultat t'hekk, l-Istati Uniti ħallsu l-agħar prezz fost il-pajjiżi kollha fid-dinja. Iżda fl-istess ġurnata, Trump qal li hu u l-amministazzjoni tiegħu għamlu biċċa xogħol fenomenali u ta lilu nnifsu A+ għal mod kif immaniġja l-pandemija. Huwa qal li bil-vaċċin jew mingħajru, l-Istati Uniti qabżet l-agħar tal-pandemija.
[ 1 ]
Imtella' Settembru 21, 2020 - Aġġornata 21 Ta' Settembru, 2020 6:00pm Il-mewt ta' mijiet ta' ljunfanti f'daqqa fil-Botswana iktar kmieni din is-sena qajjem tħassib għal din l-ispeċi fl-Afrika li diġà tinsab fir-riskju tal-estinsjoni. Huwa kkalkulat li bejn Mejju u Ġunju mietu mat-330 iljunfant wara li l-ewwel karkassi ntlemħu f'Okavango Delta. Ħafna mill-karkassi nstabu fejn l-għadajjar, iżda kien hemm dubju dwar kemm huwa possibbli li l-iljunfati mietu wara li xorbu l-ilma. Iżda minn testijiet li saru fil-laboratorji fl-aħħar xhur irriżulta li l-iljunfanti fil-fatt mietu wara li xorbu mill-ilma qiegħed, li fih nibtet batterja tossika. Il-batterja ġġib l-isem cyanobacteria, li tista' tikber fl-ilma bħala blue-green algae. F'ammonti kbar din issir perikoluża għan-nies u l-annimali, kemm jekk jgħumu fl-ilma kkontaminat u wisq iktar jekk jixorbuh. L-iljunfanti waqfu jmutu lejn l-aħħar ta' Ġunju, meta l-għadajjar bdew jinxfu.
[ 10 ]
Imtella' Settembru 21, 2020 - Aġġornata 21 Ta' Settembru, 2020 2:30pm Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li ma nistgħux nibqgħu nikbru bħala nazzjon b'politika tat-tribù. F'messaġġ fl-okkażjoni tas-56 sena mill-kisba tal-Indipendenza, Dr Delia appella għal maturità politika. Tkellem dwar il-viżjoni tiegħu għal Malta Indipendenti ta' għada fosthom dwar kif il-politiċi jistgħu jkunu ta' servizz aħjar lil kulħadd. Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li t-twelid tan-nazzjon permezz tal-Indipendenza kienet deċiżjoni li tħares lejn il-ġejjieni b'ottimiżmu u b'intelliġenza, iżda fuq kollox bi twemmin li l-Maltin kapaċi jimxu 'l quddiem fiċ-ċirkustanzi li jinqalgħu; tajba u ħżiena. Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-pajjiż għaddej minn perjodu partikulari mhux biss minħabba l-pandemija, imma wkoll għaliex fi kliem Dr Delia, il-Gvern kisser lill-pajjiż bil-korruzzjoni u dak li kien qed jinbena beda jitkisser. Qal li r-reputazzjoni prattikament iġġarfet u l-kredibilità fil-fora internazzjonali sfumat fix-xejn. Semma li sptarijiet tal-Maltin u l-Għawdxin ingħataw b'serqa lill-barranin, mhux għax kien hemm imperu jew kolonjaliżmu, imma għax kien hemm min deherlu li seta' jabbuża minn dak li fdah il-poplu. Qal li dan mhux aġir ta' pajjiż li twieled 56 sena ilu, li qed jikber, qed jiżviluppa u li suppost qed jimxi b'mod matur. Dr Delia kkritika lill-Gvern, li qal huwa assenti fil-pandemija li kompliet tikkalpesta l-ħajja libera, it-tkabbir ekonomiku u n-normalità. Qal li din l-indipendenza hi differenti anke fil-laqgħat ma' xulxin, bid-distanza soċjali u l-anzjani li qed ikollhom jibqgħu seklużi. Għall-ġejjieni, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li jrid li l-indipendenza tiġi ċċelebrata bil-pajjiż ma jkunx għadu dipendenti fuq il-fossil fuels u fuq mezzi ta' trasport li jħammġu, u li Malta ma tibqax tiddependi fuq il-korruzzjoni. Temm jgħid li jemmen f'Malta indipendenti u li l-poplu kapaċi joħloq id-destin tiegħu u jsewwi r-reputazzjoni tal-pajjiż. Qal li jemmen li fil-politika se jkun hemm nies tajbin u li l-politika tista' u m'għandhiex għalfejn tkun maħmuġa.
[ 12 ]
Imtella' Settembru 22, 2020 - Aġġornata 22 Ta' Settembru, 2020 5:24pm Tmint iklieb qed jingħataw il-kura fl-isptar tal-annimali f'Ta' Qali wara li dalgħodu uffiċjali mid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali u d-Dipartiment għas-Saħħa Ambjentali sabuhom f'kundizzjonijiet ħżiena ħafna f'dar fiż-Żejtun. L-uffiċjali ħadu l-klieb minn dar ta' raġel fi Triq Toni Zahra wara li fl-aħħar jiem irċevew għadd ta' rapporti li wħud mill-klieb x'aktarx kienu morda tant li wħud minnhom dehru b'ċesti f'għajnhom u b'difrejhom twal ħafna. Sorsi qalu li wara li l-klieb jingħataw il-kura meħtieġa, id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali se jsegwi l-pariri tal-veterinarji u possibilment jinghataw lill-għaqdiet mhux governattivi biex jinstabilhom sid ieħor. Il-klieb ġejjin minn tliet razzez differenti tat-tip King Charles, Chow Chow u Shi Tsu. Minn informazzjoni li ksibna minn fuq il-post jidher li s-sid ikkopera mal-Pulizija u mhux eskluż li jittieħdu passi kontrih fil-Qorti.
[ 7 ]
Appartament fi Gwardamanġa sar id-dar għal refuġjati nisa li qed irabbu waħidhom lil uliedhom f'Malta. L-inawgurazzjoni ta' Blessed Gerard Residence saret fil-ġimgħa li fiha jitfakkar il-Jum Dinji tal-Migranti u r-Refuġjati. Żewġ refuġjati nisa mill-Eritrea u l-Etjopja żanżnu appartament fi Gwardamanġa li nbidel f'residenza għal ommijiet refuġjati li qed irabbu waħidhom lil uliedhom. "Thank you very much. I am very happy. God Bless you. All of you," qalet waħda mir-refuġjati. Dan il-proġett twettaq bis-sehem tal-Malta Cross Corps u l-Kummissjoni Emigranti. Id-Direttur tal-Kummissjoni Emigranti, Monsinjur Alfred Vella, qal li r-residenza tesa' 3 persuni. "L-ispiża kollha biex ġie refurbished intefqu 'l fuq minn €30,000 imma għall-grazzja ta' Alla bil-benefatturi wasalna wkoll," qal id-Direttur tal-Kummissjoni Emigranti Monsinjur Alfred Vella. L-inawgurazzjoni ta' Blessed Gerard Residence saret mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Migranti u r-Refuġjati li jitfakkar il-Ħadd li ġej.
[ 14 ]
Il-ħajja universitarja fuq il-kampus tal-università din is-sena se tkun differenti; uħud mill-istudenti se jkollhom il-lezzjonijiet fil-kampus u oħrajn se jsegwuhom online, skont id-daqs tal-klassijiet u l-ammont ta' studenti. Madankollu, il-linji gwida ppubblikati mill-Università ta' Malta iqisu li għandhom jingħataw prijorità l-istudenti tal-ewwel sena jkollhom il-lezzjonijiet fil-kampus bil-għan li jesperjenzaw il-ħajja universitarja u jiltaqgħu mal-letturi u sħabhom. L-Università ta' Malta din is-sena se tiftaħ il-bibien tagħha ftit jiem aktar tard mis-soltu – fil-5 ta' Ottubru. L-ewwel studenti li se jirritornaw l-università se jkunu dawk tal-Fakultajiet tad-Dentistrija u tal-Edukazzjoni. Ir-rettur tal-Università, il-Professur Alfred J. Vella qal li mhux l-istudenti kollha se jibdew din is-sena akkademika b'lezzjonijiet mill-kampus tal-università, għax uħud minnhom se jsegwu l-lezzjonijiet online. "Naħseb ma tkunx idea tajba li jiġi kulħadd on campus minħabba n-numri u s-sitwazzjoni tal-pandemija bħalissa," spjega r-Rettur. Spjega li kull fakultà se tanalizza u tiddeċiedi hi kif l-aħjar li jsiru l-lezzjonijiet – skont l-ammont ta' studenti u d-daqs tas-swali jew il-klassijiet. Il-lezzjonijiet fil-laboratorji, kliniċi jew studios se jibqgħu jsiru fil-bini tal-università. "Min għax in-numri tal-klassijiet li qiegħed fihom huma kbar ħafna, ngħidulu segwi l-lecture mid-dar, imma mbagħad ejja għal tutorials li jinvolvu numri żgħar biex anke tiltaqa' mal-letturi u wħud minn sħabek." Żewġ swali kbar f'Gateway Building, mhumiex se jintużaw għal-lezzjonijiet hekk kif bħalissa huma mgħammra b' għadd ta' sodod biex f'każ ta' bżonn iservu ta' estensjoni għall-Isptar Mater Dei. Il-Professur Vella qal li partijiet oħra minn din il-binja xorta waħda se jintużaw għal-lezzjonijiet. "Irid ngħid li jekk se jkun hemm pazjenti f'dawk is-swali, li qegħdin fi ground floor tal-Gateway dawn se jkunu pazjenti mhux bil-Covid. Il-parti ta' fuq, l-ewwel sular tal-Gateway però jibqa' użat mill-istudenti u l-aċċess għalih ma jkunx tramite l-post fejn hemm il-pazjenti." Skont il-protokoll tal-Università, il-librerija tista' tintuża imma b'numru ta' restrizzjonijiet, u l-kotba li jiġu ritornati se jinżammi kwarantina għal 72 siegħa qabel jitpoġġew lura fuq l-ixkafef. Fid-dawl li l-ispazju fil-librerija huwa limitat, fuq il-kampus qed jintramaw numru ta' tined fejn l-istudenti jkunu jistgħu jistudjaw fil-kwiet. Minkejja li s-sena akkademika għadha ma bdietx, ir-Rettur qal li fil-jiem li ġejjin is-Senat se jiddeċiedi dwar kif se jiġu eżaminati l-istudenti fi tmiem l-ewwel simestru.
[ 5 ]
Mir-rapport annwali Ewropew dwar l-Użu tad-Droga jirriżulta li f'Malta qed ikompli jiżdied l-abbuż mill-kokaina, filwaqt li naqas l-użu tal-eroina. Ir-Rapport ikkonferma wkoll dak li aġenziji f'Malta bħal Sedqa kellhom indikazzjoni dwaru fuq il-ħaxixa, li din qed tkun iktar qawwija minn dik li kienet tkun fis-suq għaxar snin ilu. F'kummenti ma' TVM, Dr Moses Camilleri mill-Aġenzija Sedqa qal li min qed juża l-ħaxixa qed ibati minn konsegwenzi iktar serji iktar mill-effetti li kienet tħalli qabel din it-tip ta' droga. L-ispeċjalista fil-vizzju tad-droga mill-Aġenzija Sedqa, Dr Moses Camilleri, qal lil TVM li r-rapport Ewropew dwar l-użu tad-droga juri li x-xejriet tal-vizzju tad-droga f'Malta jixbaħ lis-sitwazzjoni li qed jiffaċċjaw il-parti l-kbira tal-pajjiżi Ewropej. Kulma jmur, l-abbuż mill-kokaina qed ikompli jiżdied, anke f'Malta, tant li fl-2013, 16.5% ta' dawk li ħadu s-sustanzi kienu qed jieħdu l-kokaina. "Li l-użu tal-kokajina qed issir iktar frekwenti qed narawh ukoll fost in-nies li jiġu jitolbu l-għajnuna għandna. Nies li jużaw il-kokaijna b'tali mod li jsir problema…. qiegħed jiżdied u dawn huma nies li s-soltu jiġu għandna jitolbu l-għajnuna. Jiġifieri bħalma qed jiżdied ġewwa l-Ewropa qed narawh jiżdied ġewwa Malta wkoll." Xejra oħra komuni hi l-abbuż mill-eroina, bir-rapport juri li naqas l-ammont ta' nies li jagħmlu użu minn din id-droga, kemm f'Malta u wkoll fl-Ewropa. Dr Camilleri qal li dan ma jfissirx li m'għadx hemm problemi ġejjin mill-użu tal-eroina. "Kif nafu l-eroina hi waħda minn dawk is-sustanzi fost l-iktar diffiċli li wieħed jirnexxielu jieqaf juża, mhux impossibbli, ma rrid naqta' qalb ħadd hawnhekk imma hi sustanza li meta wieħed isir dipendenti fuqha, biex jieqaf minnha mhux daqshekk faċli. Allura waqt li qed naraw anqas nies ġodda, qed naraw nies li fi snin passat kienu bil-problema u llum qed ibatu side effects, mard minħabba l-użu ta' dik is-sustanza." Fl-użu tal-kannabis, fl-2013 Malta rreġistrat 13.2% ta' dawk li kienu qed jieħdu s-sustanzi li għamlu użu mill-kannabis. Ir-Rapport Ewropew dwar l-Użu tad-droga juri dak li aġenziji bħal Sedqa ilhom jinnutaw fl-aħħar snin, li l-ħaxixa hi iżjed qawwija minn dik li kien hemm fis-suq 10 snin ilu. "Nies li jgħidulna li jużaw il-ħaxixa qed jiġu għandna u jkunu qed ibatu minn konsegwenzi aktar serji milli qatt rajna qabel. L-unika spjegazzjoni li nistgħu nsibu huwa li l-ħaxixa li available fuq is-suq kemm Malta u anke l-Ewropa hu li l-kwantita' tal-active ingredient huwa iktar qawwi minn dak li kien għaxar snin ilu." Dan ma jfissirx li din id-droga kienet destinata għal Malta, iżda ħafna drabi tkun inqabdet mill-awtoritajiet fi triqitha minn pajjiż għall-ieħor. Matul l-2017 f'Malta kien hemm ħames imwiet minħabba d-droga u tqassmu kważi 276,000 siringa. Fil-Lussemburgu, li bħala popolazzjoni titqabbel ma' Malta, kien hemm 4 imwiet, iżda tqassmu kważi d-doppju tas-siringi.
[ 0 ]
Imtella' Settembru 24, 2020 - Aġġornata 25 Ta' Settembru, 2020 8:42am Uffiċjali indipendenti liċenzjati mill-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-xogħol, l-OHSA qegħdin jiċċertifikaw li kull skola f'Malta u Għawdex hija konformi mar-regolamenti li tfasslu mill-awtoritajiet tas-saħħa. F'kummenti ma' Television Malta, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni, Dr Frank Fabri qal li uffiċjali tal-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà qed jawditjaw kull skola biex jiċċertifikaw hiex adattata biex tilqa' fiha l-istudenti, l-għalliema u ħaddiema oħra. Ninsabu hawnhekk fl-iskola sekondarja ta' Ħal Kirkop fejn illum krew ta' TVM seta' josserva l-prattiċi l-ġodda stajna nnutajna fost oħrajn ġew stampati marki mal-art biex jindikaw fejn għandhom jimxu l-istudenti u fejn għandhom jimxu l-għalliema biex jonqos il-kuntatt. Innutajna wkoll din il-kamra tal-iżolazzjoni fejn studenti li juru sintomi se jitpoġġew hawn sakemm jiġu miġbura mill-ġenituri. Il-Kap tal-iskola Sekondarja ta' Ħal Kirkop Adrian Galea, qal li fl-aħħar ġimgħat ħadmu qatigħ biex jilqgħu l-istudenti f'ambjent sigur, skont il-protokolli tas-saħħa maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa. "Kemm staff u kif ukoll studenti se noħdulhom temperatura jaħslu idejhom bis-sanitizer imbagħad jidħlu l-iskola għandna entraturi differenti kull group se jidħol minn entraturi differenti. Għandna żewġ isolation rooms qgħadna attenti għad-distanza soċjali fil-klassijiet u fl-istaff rooms u fil-break l-istudenti jżommu l-bubble tagħhom għandna 3 areas." Is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, Dr Frank Fabri, qal ma' TVM li uffiċjali tal-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà qed jawditjaw kull skola biex jiċċertifikaw hix adattata biex tilqa' fiha l-istudenti, l-għalliema u ħaddiema oħra. "Ix-xogħol issa fil-final tiegħu bħalissa qed jidħlu r-risk assessors indipendenti mal-OHSA qed jittestjaw jekk dak li kien mistenni jsir f'kull skola sarx. Wara li sar ix-xogħol fl-iskejjel kollha tagħna bdew deħlin ir-risk assessors li kollha huma liċenzjati mill-Awtorità tas-saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-xogħol l-OHSA u qegħdin jaraw jekk il-miżuri li kellhom jittieħdu realmant ittieħdux. Dr Fabri qal li dan l-eżerċizzju se jkun konkluż fi tmiem din il-ġimgħa waqt li stqarr li dan sar biex jassigura li l-iskejjel jadattaw ruħhom għar-realtà ġdida li qed ngħixu fiha minħabba l-pandemija.
[ 5 ]
Alexei Navalny, il-mexxej tal-Oppożizzjoni fir-Russja u kritiku tal-President Russu Vladimir Putin, ġie rilaxxat mill-isptar f'Berlin fejn kien qed jingħata l-kura wara li kien ġie avvelenat. L-isptar Charité qal li temm il-kura medika akuta li kien qed jagħti lil Navalny għaliex il-qagħda tiegħu marret għall-aħjar. Fuq Facebook, Navalny tella ritratt tiegħu bilwieqfa b'messaġġ li jaqra li t-tobba tawh kull ċans sabiex jirkupra b'mod sħiħ. It-tim ta' Navalny jallega li Navalny ġie avvelenat fuq ordni tal-President Putin iżda l-Kremlin jiċħad din l-allegazzjoni. Navalny ta' 44 sena, intilef minn sensieh waqt titjira fis-Siberja fl-20 ta' Awwissu u l-ajruplan kellu jagħmel inżul ta' emerġenza f'Omsk. Ftit jiem wara huwa kien ġie trasferit lejn l-isptar Charité f'Berlin fil-Ġermanja għall-kura. Il-kritiku ta' Putin jasal fil-Ġermanja għall-kura wara li kien ivvelenat
[ 10 ]
Il-President Amerikan Donald Trump ma kkommettix ruħu li jekk fl-elezzjoni ta' Novembru jitlef, jitlaq il-poter minn idu bil-kelma t-tajba. Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-White House, Trump qal li rridu naraw x'se jiġri. Qal li jemmen li r-riżultat tal-elezzjoni jaf imur quddiem il-Qorti Suprema. Dan minħabba li reġa' wera x-xettiċiżmu tiegħu għall-vot bil-posta. Dan fi sfond li diversi stati qed jinkoraġġixxu li l-vot isir bil-posta sabiex iċ-ċittadin ikun protett minħabba l-imxiija tal-COVID-19. Ir-risposta ta' Trump ma kinitx sorpriża, fl-2016 meta kien qed itellaq għall-elezzjoni kontra l-kandidat tad-Demokratiċi, Hillary Clinton, kien irrifujata li jikkommetti ruħu li jaċċetta r-riżultat f'każ li jitlef. Ma setax jonqos li t-tweġiba ta' Trump iġġib reazzjoni. Is-Senatur Repubblikan, Mitt Romney, fuq Twitter, qal li t-transizzjoni paċifika tal-poter hija fundamentali għad-demokrazija. Qal li mingħajr dan ikun hemm l-istess storja tal-Belarussja.
[ 10 ]
Fl-aħħar 24 siegħa nstabu 42 każ ġdid ta' Covid-19 f'Malta, wara li saru 2,303 swab tests. L-awtoritajiet tas-saħħa qalu wkoll li 18-il persuna oħra ġew iddikjarati mfejqa, u b'hekk l-ammont ta' persuni f'Malta li fiequ mill-Covid-19 tela' għal 2,191. Minn total ta' 2,898 każijiet ikkonfermati f'Malta mill-bidu tal-pandemija, bħalissa hemm 680 li għadhom attivi. L-awtoritajiet tas-saħħa qalu li l-aħħar każijiet għadhom qed jiġu investigati. Sadanittant, mill-każijiet tal-bieraħ, 13-il każ kienu membri tal-familja minn każijiet diġà magħrufa, 3 kienu kuntatti diretti ma' persuni pożittivi, 2 każijiet kienu kollegi tax-xogħol ta' persuni pożittivi li kienu diġà maħrufa u 3 każijiet oħra kienu f'ġabra ta' nies ma' persuni pożittivi. Fl-aħħar ħin tħabbar ukoll li mietu 2 anzjani meta kienu pożittivi bil-Covid-19. Gepostet von saħħa am Donnerstag, 24. September 2020 Ara iktar hawn: Żewġ anzjani jmutu bil-Covid-19 f'Malta – jitilgħu għal 27 il-vittmi
[ 1 ]
Il-vapur Alan Kurdi b'133 immigrant abbord biddel ir-rotta tiegħu u beda jbaħħar lejn il-port ta' Marsilja fi Franza. L-immigranti ġew salvati s-Sibt li għadda u l-vapur talab l-għajnuna taċ-ċentri ta' kordinazzjoni ta' salvataġġ ta' Malta u l-Italja. Il-Gwardja tal-Kosta Taljana lbieraħ filgħodu evakwat tmien persuni fosthom tarbija ta' ħames xhur. Il-vapur mistenni jasal Franza fis-sigħat li ġejjin.
[ 10 ]
Imtella' Settembru 23, 2020 - Aġġornata 23 Ta' Settembru, 2020 10:48am Il-kantanta Ruth Portelli il-ġimgħa li għaddiet kienet ir-rebbieħa tal-Konkors Kanzunetta Indipendenza bil-kanzunetta 'Kuruni', fuq kliem ta' Paul Ellul u mużika ta' Mark Spiteri Lucas. Fi kliem Paul Ellul, 'il-kanzunetta titratta dwar żewġ tipi ta' Kuruni – il-kuruna li tintlibes fir-ras u tirrappreżenta l-għana u l-ġid tad-dinja u l-kuruna tar-rużarju li tirrappreżenta r-rabta ma' dak li hu spiritwali. Il-messaġġ hu li qatt ma għandna nintrabtu mal-ġid tad-dinja għax fl-aħħar mill-aħħar, kollox jgħaddi u li jibqa' biss l-eternità'. Ruth Portelli qalet li Kuruni hija kanzunetta li emmnet fiha sa' mill-ewwel ġurnata. Il-kantanta versatili minn Għawdex mhux wiċċ ġdid fix-xena tal-mużika lokali, wara li għamlet id-debutt tagħha fis-semifinali tal-Malta Eurosong fl-2009 b'żewġ kanzunetti: 'Blame It On Your Heart' u 'Innocent Heart', fuq kliem ta' John O'Flynn u mużika ta' Ralph Siegel. 12-il xahar wara, hija waslet sal-finali tal-istess festival, bil-kanzunetta 'Three Little Words' fuq kliem ta' Gerard James Borg u mużika ta' Philip Vella. Wara brejk pjuttost twil, hija għamlet ir-ritorn tagħha fil-festival L-Għanja tal-Poplu u l-Konkors Kanzunetta Indipendenza fis-sena 2018, u minn hemmhekk 'il quddiem qatt ma ħarset lura, b'parteċipazzjonijiet fi tliet snin konsekuttivi. Proprju ftit tax-xhur ilu, hija rrappreżentat lil Malta fid-Discovery International Pop Music Festival, bil-kanzunetti 'Determinata', fuq kliem u mużika ta' Emil Calleja Bayliss u Mark Scicluna u 'Think of Me' mill-musical Phantom of the Opera. Fl-aħħar tas-serata ġiet premjata bit-trofew tal-aħjar vuċi, l-ogħla unur possibbli. L-avventura ta' Ruth fix-xena tal-mużika lokali tkompli, għaliex diġa bdiet taħdem fuq xi materjal ġdid li tittama li tniedi s-sena li ġejja.
[ 2 ]
Imtella' Settembru 25, 2020 - Aġġornata 25 Ta' Settembru, 2020 2:19pm Il-General Workers Union għandha mal-400 kawża fuq il-kotba tagħha ta' eks ħaddiema tat-Tarzna, li fetħu kawża għad-danni talli kienu esposti għall-asbestos waqt li kienu qed isewwu l-vapuri. Id-dokumentarju 'Mewta Siekta' b'riċerka u produzzjoni tal-ġurnalist Liam Carter li se jixxandar illejla wara l-Aħbarijiet fuq TVM, jirrakkonta d-dilemma li kellhom it-Tarznari – bejn li ma jitilfux xogħolhom, u li ma jimirdux bil-kanċer minħabba l-asbestos. Kien imlaqqam bħala l-materjal tal-mirakli għaliex ma jinqered qatt. Iżda fis-skiet kiteb iċ-ċertifikat tal-mewt ta' ħafna ħaddiema fosthom eks Tarznari. Illum Malta għandha liġijiet speċifiċi li jirregolaw xogħol fuq l-asbestos madanakollu l-kuxjenza edukattiva ġiet tard wisq għal ħafna li laħqu belgħu l-fibri tal-asbestos man-nifs u żviluppaw kumplikazzjonijiet mediċi aktar tard f'ħajjithom, tant li wħud mardu bil-kanċer rari fir-rita tal-pulmun, magħruf bħala Mesothelioma. Television Malta se jkun qiegħed ixandar dokumentarju bl-isem ta' Mewta Siekta li se jkun qed jiżvela dettalji ġodda dwar l-ordni tal-ġurnata f'dik li xi darba kienet it-Tarzna ta' Malta fost l-oħrajn dwar kif ħaddiema ġew mhedda b'sensji meta rrifjutaw li jaħdmu fuq il-vapuri li kien fihom l-asbestos. Id-dokumentarju jinkludi wkoll l-aspett mediku fejn konsulent ewlieni fil-prattika tal-mard respiratorju jistqarr li kumplikazzjonijiet mediċi ma kienux biss limitati għall-ħaddiema iżda anke għan-nisa u l-familjari tagħhom hekk kien hawn każi fejn dawn ġew esposti mill-fibri li kien ikun hemm fuq il-boiler suit maħmuġa. Fil-fatt skont studju mediku li sar miċ-Ċentru ta' Studju dwar il-Kanċer Ambjentali Taljan, Malta għandha fost l-ogħla rata ta' dan it-tip ta' kanċer. Id-dokumentarju se jinkludi wkoll analiżi legali dwar din il-kwistjoni hekk kif il-General Workers Union għandha mal-400 kawża fuq il-kotba tagħha ta' eks ħaddiema ħafna minnhom illum mejta li fetħu kawża għad-danni. Mewta Siekta se jixxandar il-Ġimgħa fid-9:10 ta' filgħaxija fuq Television Malta.
[ 6 ]
Imtella' Settembru 25, 2020 - Aġġornata 25 Ta' Settembru, 2020 6:09pm Għat-tieni darba fl-aħħar ġimgħa, f'temp ta' 24 siegħa, ġew dikjarati aktar persuni li fiequ mill-virus milli nfezzjonijiet ġodda. L-awtoritajiet tas-saħħa ħabbru li fl-aħħar 24 siegħa nstabu 31 każ ġdid ta' Covid-19 f'Malta, wara li saru 2,545 swab tests. L-awtoritajiet tas-saħħa qalu wkoll li 70 persuna oħra ġew iddikjarati mfejqa, u b'hekk l-ammont ta' persuni f'Malta li fiequ mill-Covid-19 tela' għal 2,261. Minn total ta' 2,929 każijiet ikkonfermati f'Malta mill-bidu tal-pandemija, bħalissa hemm 639 li għadhom attivi. L-awtoritajiet tas-saħħa qalu li l-aħħar każijiet għadhom qed jiġu investigati. Sadanittant, fl-aġġornament ta' kull nhar ta' Ġimgħa, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, qalet li hemm sitt persuni fit-taqsima tal-mard infettiv fl-isptar Mater Dei, tmien persuni f'wards oħra attrezzati għall-Covid-19 f'Mater Dei filwaqt li 4 persuni qiegħdin fit-taqsima tal-kura intensiva bil-Professur Gauci tgħid li 2 minnhom mhumiex f'qagħda stabbli. Fl-isptar Boffa qed jinżammu 12-il persuna oħra, fl-isptar St Thomas qed jinżammu 4 persuni u 3 persuni oħra qed jinżammu f'Monte Carmeli. Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, qalet li se jkun qed jiżdied l-infurzar tal-ilbies obbligatorju tal-maskri f'postijiet pubbliċi fuq ġewwa, fuq it-trasport pubbliku, il-vapur t'Għawdex u fl-ajruport. Qalet li l-uffiċjali tal-LESA se jkunu qed iżidu l-isforzi tagħhom biex flimkien ma' entitajiet oħrajn jaraw li kulħadd qed isegwi l-miżuri. "L-appell li jekk ħriġt barra mid-dar, għandek ċans tiltaqa ma xi ħadd, tajjeb tintlibes il-maskra il-ħin kollu," qalet il-Professur Charmaine Gauci. Żiedet tgħid li bir-rata ta' mwiet telgħet għal 2.2 għal kull 100,000 persuna, Malta għandha t-tielet l-ogħla rata ta' imwiet fl-Ewropa. Spjegat kif kwart tal-imwiet f'Malta seħħew fi djar tal-anzjani, bi tliet imwiet minn Dar San Ġużepp fil-Fgura, tnejn minn Casa Antonia f'Ħal Balzan u tnejn mis-Simblija fin-Naxxar. Dwar is-sitwazzjoni li żviluppat fid-Dar tal-Anzjani San Ġużepp fil-Fgura, il-Professur Gauci qalet li ttieħdu diversi miżuri biex titrażżan l-imxija fost ir-residenti. "Li għamilna li ma jkunx hemm nies li jidħlu u joħorġu mill-home biex ikollok containment tas-sitwazzjoni kollha. U jekk ikun hemm li joħorġu mill-home naraw li jkun hemm assessment biex naraw x'kundizzjonijiet jidħlu bihom," spjegat il-Professur Gauci. Hija appellat lin-nies biex jieħdu ħsieb l-anzjani u joqogħdu attenti x'jagħmlu fil-ħin liberu tagħhom. Il-Professur Gauci qalet li sors ewlieni ta' infezzjonijiet qed ikunu okkażjonijiet fejn il-familji qed jinġabru flimkien, b'76 każ minn dawk li rriżultaw din il-ġimgħa kienu ġejjin minn dawn l-attiviatjiet. Fuq il-postijiet tax-xogħol kien hemm 21 cluster. Appellat lil min iħaddem jieħdu il-prekawzjonijiet skond il-linji gwida li jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru tas-Saħħa. Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika qalet li 30 fil-mija tal-każi huma sporadiċi. Il-Professur Gauci qalet li kemm l-iskola u anke fl-attivitajiet extra kurrikulari – bħal-lezzjonijiet tal-katekizmu, privat u taħriġ ta' sport, kemm jista' jkun it-tfal għandhom jinżammu fl-istess grupp, u appellat biex il-gruppi jinżammu żgħar kemm jista' jkun. Tista' ssegwi l-konferenza tal-aħbarijiet dwar l-aħħar żviluppi dwar il-Covid-19 f'Malta hawn: Tmut anzjana li kellha l-Covid-19 u li kienet rikoverata f'Monte Carmeli Sal-lum 4 persuni f'Malta kellhom il-Covid-19 u rkadew Mas-60,000 niżżlu l-contact tracing app u 6 persuni diġà użawha
[ 1 ]
Il-Ministru għall-intern Franċiż qal li l-attakk b'sikkina li seħħ ilbieraħ f'Pariġi fejn indarbu serjament raġel u mara li jaħdmu għal kumpannija tax-xandir, qed jiġi meqjus bħala attakk terroristiku. L-attakk seħħ fejn qabel kien l-uffiċċju tal-magazine satiriku Charlie Hebdo waqt li kien għaddej ġuri ta' erbatax -il persuna akkużati li għenu fl-attakk ta' ħames snin ilu fuq Charlie Hebdo, fejn b'kollox kienu inqatlu tnax-il persuna. Fuq l-attakk li seħħ ilbieraħ ġie arrestat ġuvni Pakistani ta' tmintax -il sena, iżda sitt persuni oħra jinsabu fil-kustodja tal-pulizija b'rabta mal-każ. Iż-żewġ persuni li ndarbu fl-attakk tal-bieraħ minkejja li ġarrbu ġrieħi gravi mhumiex fil-periklu tal-mewt.
[ 10 ]
Imtella' Settembru 25, 2020 - Aġġornata 25 Ta' Settembru, 2020 8:47pm Il-Korp tal-Pulizija se jkun qed jikseb iktar il-fiduċja tan-nies u jkun qed jadatta aktar skont l-esiġenzi tas-soċjetà tal-lum. Din hija l-viżjoni li għandu l-Korp skont kif imfassla fl-istrateġija mnedija llum li għandha l-għan li tbiddel il-Korp fi struttura iktar moderna fil-ħames snin li ġejjin. Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri qal li din l-istrateġija toħloq strutturi sodi biex il-Korp ma jiddependix fuq l-individwi, iżda fuq modi kif l-uffiċċjali tal-Pulizija jassiguraw soċjetà sigura għal kulħadd. Fil-qalba tal-bidla li se jgħaddi minnha l-Korp tal-Pulizija hemm tliet elementi ewlenin: korp eqreb tan-nies, korp aktar professjonali u korp aktar fdat. Fit-tnedija tal-istrateġija li għandha tirriforma l-Korp fil-ħames snin li ġejjin, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà spjega li l-Pulizija se jaħdmu biex jirbħu l-fiduċja tan-nies. Qal li għalkemm fl-aħħar snin naqsu r-reati kriminali, żdiedet il-biża' li jitwettqu. "Aħna rridu li s-soċjetà Maltija tibqa' waħda sigura però tibqa' sigura jekk ix-xogħol tagħna nagħmluh in partnership mal-komunità u dak qed nisħqu aħna li s-servizz tagħna jkun wieħed professjonali, ikun servizz li jnissel fiduċja fin-nies," qal il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà. Il-Kummissarju żied li dan diġà beda jitwettaq b'diversi inizjattivi bħalma hi l-preżenza ta' aktar pulizija fil-komunità u kommunikazzjoni aħjar mal-pubbliku u mal-ġurnalisti. L-istrateġija taħseb li fost oħrajn tingħata protezzjoni lill-whistleblowers fi ħdan il-korp u li jsiru testijiet regolari għad-droga fuq il-membri tal-korp. Fi kliem il-Kummissarju, il-korp irid imexxi bl-eżempju. Is-Sur Gafà qal li l-membri kollha fil-korp għandhom ikunu ffukati fuq xogħol polizjesk u x-xogħol li sal-lum għadu jsir mill-pulizija bħal tindif u tisjir jibda jsir minn individwi oħrajn. Qal li l-pulzija huma għatxana għall-bidla, imma rrikonoxxa li kull bidla se jkollha reżistenza. "Irrid ukoll iġib bidla kemm interna fil-kultura tal-korp tal-pulizija u anke fil-kultura tan-nies hemm barra. Aħna n-nies ma rriduhomx jiġu biss biex jirrappurtaw il-każijiet però rridu wkoll iridu jiġu għandna biex niddentifikaw il-problemi tas-soċjetà biex flimkien nipprevjenu r-reati in the first place. Aħna ġurnata wara l-oħra rridu nersqu lejn il-viżjoni tal-korp li hija li jkollu l-fiudċja tan-nies biex is-soċjetà tkun sigura," qal il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà. Iċ-chairperson tal-Bord tal-Gvernaturi fil-korp tal-pulizija, il-Professur Saviour Formosa qal li x-xogħol fuq din l-istrateġija beda ħames snin ilu bil-għan li l-Korp tal-Pulizija jinbidel mas-soċjetà. Semma l-istrateġiji li saru fl-1997, fl-1999 u fl-2004 li qal fallew minħabba li r-rakkomandazzjonijiet ma ġewx implimentati. Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri qal li din l-istrateġija toħloq strutturi sodi. Qal li jrid Korp li jkun mibni fuq l-istrutturi u mhux l-individwi, għax l-individwi, tajbin kemm huma tajbini, jiġu u jmorru. Emfasizza r-rieda tal-Gvern li jġib il-bidla fil-Korp u saħaq li kien għalhekk li l-gvern ippubblika d-dokument għax ma jiddejaq xejn li jinżamm kontabbli fuq dak imwiegħed. Għat-tfassil ta' din l-istrateġija nkisbu fondi Ewropej u kienet involuta l-kumpanija ta' konsulenza PriceWaterhouseCoopers. Aktar kmieni: Il-korp tal-pulizija nieda l-istrateġija ta' trasformazzjoni tiegħu għall-ħames snin li ġejjin. Il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà qal li kuntrarju għal dokumenti u rapporti dwar strateġija għall-korp li saru fil-passat, din id-darba il-korp stess talab li ssir strateġija ta' trasformazzjoni. Qal li għal din l-istrateġija tfasslet b'għajnuna tal-fondi tal-Unjoni Ewropea, u li b'hekk qed jintbagħat messaġġ f'livell Ewropew li l-korp tal-pulizija jrid jinbidel u jaddatta maż-żminijiet. Il-Kummissarju Gafà qal li hemm 11-il għan ewlieni u 49 element fil-korp li jridu jinbidlu. Qal li jridu li l-korp jirbaħ il-fiduċja tan-nies u li l-pubbliku jafda lill-korp tal-pulizija b'għajnejh magħluqa. Huwa rrikonoxxa li l-fiduċja tan-nies fil-korp naqset u żdiedet il-biża' ta' reati. Żied jgħid li jrid li l-membri tal-korp jemmnu fl-amministrazzjoni u jkunu kburin li jiffurmaw parti minn din l-organizzazzjoni u mhux daħlu għal-korp għax ma kellhomx alternattiva fejn imorru. Il-Kummissarju qal li l-korp irid imexxi bl-eżempju u għalhekk fost oħrajn se jsiru testijiet regolari fuq il-membri tal-korp. Qal li jekk il-korp ma jkunx dixxiplinat ma jistax ikollu r-rispett tan-nies. Qal li l-pjan hu membri tal-korp li qed jagħqdu rwoli ta' koki u fattigi ma jibqgħux jagħmlu dan ix-xogħol u jibdew jagħmlu xogħol aktar polizjesk. Saħaq li jrid korp eqreb tan-nies mhux biss fiżikament. Il-missjoni tal-korp hija li jipprovdi servizz professjonali u polizjesk u jiżgura s-sigurtà bi sħubija mal-komunità.
[ 0 ]
Fir-Renju Unit, surġent veteran tal-Pulizija nqatel b'tiri ta' arma tan-nar f'Londra. L-uffiċjal miet kawża tal-ġrieħi li ġarrab f'sidru waqt li kien qed jarresta lill-aggressur. L-aggressur ta' 26 sena spara lilu nnifsu wara l-attakk. Hu jinsab f'qagħda kritika l-isptar wara li ġarrab ġrieħi serji. Il-vittma, li ma ġiex identifikat, kien wasal biex jirtira mis-servizz. L-investigazzjonijiet tal-Pulizja għadhom għaddejjin. Il-Prim Ministru, Boris Johnson, esprima sogħba għal dan il-qtil u qal li l-pajjiż hu midjun lejn dawk li jissograw ħajjithom biex iħarsu s-sigurtà tal-pubbliku.
[ 10 ]
Imtella' Settembru 25, 2020 - Aġġornata 25 Ta' Settembru, 2020 2:18pm Il-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, qalet li minn meta tnediet il-Covid-19 tracing app il-ġimgħa li għaddiet, din tniżżlet mas-60,000 darba. Prof Gauci qalet li fuq Andorid din l-app tniżżlet 43,334 darba u fuq l-Apple tniżżlet 16,394 darba. Kien hemm ukoll rekord ta' nies li daħlu fis-sit elettroniku tal-awtoritajiet tas-saħħa biex isiru jafu iktar dwar l-app. Minn dawk li niżżlu l-app, diġà hemm sitt persuni li ttestjaw pożittivi u ngħataw kodiċi biex idaħħluh fl-app, u b'hekk jiġu infurmati l-persuni li kienu viċin tagħhom fil-jiem ta' qabel billi jirċievu messaġġ fuq l-app. Fakkret li din l-app tirrispetta l-privatezza tal-individwi u hija konformi mar-regolamenti tal-GDPR. L-app ma taħdimx bil-GPS, imma bil-Bluetooth, fejn dawk li kienu ħdejn il-persuna infettata f'inqas minn żewġ metri u iktar minn kwarta jirċievu messaġġ. Prof Gauci tenniet li iżjed ma jkun hemm nies li jniżżlu l-app iktar se taħdem aħjar. Tista' ssegwi hawn il-konferenza tal-aħbarijiet:
[ 1 ]
Imtella' Settembru 27, 2020 - Aġġornata 27 Ta' Settembru, 2020 7:37pm L-ordni li għamel il-Ministeru tas-Saħħa ta' tilqim tal-influwenza tinsab kollha hawnhekk. Fl-aħħar tliet ijiem ajruplani tal-Air Malta wasslu tliet konsenji b'piż ta' sitt tunellati bejniethom. Din is-sena t-tobba qed jisħqu aktar mis-soltu fuq l-importanza li tittieħed din it-tilqima. Ajruplan tal-linja nazzjonali tal-ajru li wasal Malta ftit wara s-1 pm. ġab l-aħħar kunsinna tat-tilqim tal-influwenza. L-ajruplan wassal it-tielet konsenja ta' tilqim tal-influwenza minn Pariġi. Din il-konsenja fiha madwar 800kg ta' tilqim tal-influwenza. Minnufih, beda l-ħatt tal-merkanzija li ttieħdet fl-imħażen tad-Dipartiment tas-Saħħa biex mill-11 ta' Ottubru tibda tingħata lill-pubbliku mingħajr ħlas. Iċ-Chairman tal-Air Malta, Charles Mangion, qal li b'kollox l-ajruplani tal-kumpanija ġabu Malta tliet kunsinni tat-tilqim tal-influwenza li bejniethom jiżnu mas-6,000 kilogramma. In-Nutar Mangion qal li dan jikkonferma l-impenn tal-kumpanija lejn il-Maltin, minkejja li l-pandemija ġabet l-industrija tal-avjazzjoni għarkupptejha. "Inkomplu naħdmu bis-sħiħ ħalli l-kumpanija nazzjonali tal-ajru tkompli timxi 'l quddiem, tirbaħ din l-isfida li għandha tal-Covid-19 u fis-snin li ġejjin tkun qed tiżviluppa kummerċjalment b'mod vijabbli ħalli tkompli tkabbar il-konnettività, taqdi l-pajjiż u tkompli tkun ta' sostenn ekonomiku għal Malta," qal iċ-Chairman tal-Air Malta, Charles Mangion. It-Tabib Jan Chircop irrakkomanda t-teħid tat-tilqima u tkellem dwar il-possibbiltà li n-nies ilaqqtu l-influwenza staġjonali u l-imxija tal-Covid-19. "Jekk tlaqqat it-tnejn li huma f'daqqa fl-istess ħin iċ-ċansijiet huma li jkollok kumplikazzjonijiet ikbar. It-tieni huma viruses imma viruses differenti. Allura jekk jaqbdek wieħed ma jfissirx li jeskludi l-ieħor," qal it-tabib tal-familja Jan Chircop. Dr Chircop saħaq dwar l-importanza li n-nies ma jittraskurawx saħħithom u jitlaqqmu għall-influwenza speċjalment dawk li għandhom iktar minn 55 sena u min ibati b'mard kroniku.
[ 8 ]
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijun, Simone Attard, qalet li ħames nisa Maltin iffriżaw il-bajd tagħhom għax ma jridux isiru ommijiet għalissa minħabba li huma ffukati aktar fuq il-karriera. Ma' Television Malta, is-Sinjura Attard żvelat li se jibdew jiġu importati lejn Malta bajd ta' nisa barranin għal nisa infertili Maltin. Ħames nisa Maltin is-sena l-oħra talbu biex jiffriżaw il-bajd tagħhom għax għalissa m'għandhomx xewqa li jkollhom trabi. "Min-naħa tal-mara l-età u l-fertilità jaħdmu kontra xulxin. Forsi ż-żgħażagħ ta' età żgħira ma jaħsubx fiha din imma mbagħad meta niġu għall-etajiet ta' late 30s u 40s hemmhekk insibu l-problemi." L-Awtorità qed tħabrek biex fiż-żmien li ġej tkun tista' timporta bajd ta' nisa barranin ħalli jintużaw għal nisa infertili Maltin. Għandna 'l fuq minn 14-il applikazzjoni li qed tistenna. Ovvjament meta dan is-servizz jiġi liċenzjat il-proċess ta' dawn l-applikazzjonijiet jitkompla. Servizz li għandu t-timbru tal-Awtorità huwa d-donazzjoni tal-isperma. Fl-aħħar sentejn saru b'kollox 26 talba fosthom minn nisa single u koppji liżbjani. Sal-lum ma kien hemm l-ebda donatur Malti tal-isperma. Skont il-liġi, id-donazzjonijiet ma jistgħux isiru lill-persuni li jiġu minn xulxin. Għandna 17-il koppja eterosesswali li wkoll għandhom bżonn jagħmlu użu minn donor sperm għax ikun hemm raġuni medika min-naħa tar-raġel u allura jkollna bżonn inġibu l-isperma minn barra. It-talbiet għall-iffriżar tal-isperma qed jiżdiedu bl-Awtorità tirċievi madwar 5 fil-ġimgħa. "Bil-kimoterapija jkun hemm nuqqas ta' fertilità 'l quddiem, allura aħna nkunu ppreżervajna l-fertilità qabel beda l-proċess tal-kimoterapija." Dan is-servizz hu offrut ukoll lill-persuni transgender. Mindu twaqqfet l-Awtorità saru 8 rapporti annwali. Minnhom, jirriżulta li l-infertilità f'Malta taffettwa koppja minn kull sitta. Konsistenti f'kull rapport hu l-fatt li l-infertilità tinstab l-iktar fiċ-ċentru tal-pajjiż. Is-Sinjura Attard qalet li se jsir studju biex ikunu magħrufin ir-raġunijiet għal dan.
[ 8 ]
Imtella' Settembru 27, 2020 - Aġġornata 27 Ta' Settembru, 2020 8:24pm Mil-lum il-Kamra tal-Aħbarijiet tal-PBS bdiet ixxandar l-aħbarjiiet b'dehra ġdida mill-istudjo numru wieħed fi Creativity Hub. Għal dawn l-aħħar ġimgħat bosta tekniċi u ħaddiema oħrajn kienu involuti fil-bini ta' studjo ġdid, li fuq din in-naħa se jkun qed jintuża għall-bulettini u l-aġġornamenti tal-aħbarijiet u fuq in-naħa l-oħra se jkun qed jintuża għal TVAM, kuljum bejn is-7 u d-9 ta' filgħodu, kif ukoll il-programm ġdid "Popolin", li se jkun qed jixxandar mit-Tnejn sal-Ġimgħa fis-7 ta' filgħaxija. Filwaqt li se nkomplu nwasslu aħbarijiet b'tagħrif fattwali lit-telespettaturi f'ħinijiet differenti matul il-ġurnata, tistgħu ssegwu wkoll dawn l-aħbarijiet u oħrajn kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż fuq tvm.com.mt . Ara iktar dwar l-iskeda l-ġdida hawn: Ara x'tista' tara fuq l-iskeda l-ġdida ta' TVM minn għada
[ 6 ]
Imtella' Settembru 27, 2020 - Aġġornata 27 Ta' Settembru, 2020 8:33pm It-tieni Dar Bjorn mistennija tiswa mal-ħames miljun ewro, b'ALS Malta tgħid li teħtieġ 2 miljuni oħra biex tkun tista twettaq dan il-proġett f'Ħaż Żebbuġ. Biex jintlaħaq dan il-għan, fuq l-istazzjonijiet televiżivi ewlenin għaddejja l-maratona b'risq dar ġdida għal dawk li għandhom il-kundizzjoni tal-ALS u l-multiple sclerosis. Segwi l-aħħar aġġornamenti llejla minn din il-maratona:
[ 14 ]
Imtella' Settembru 28, 2020 - Aġġornata 28 Ta' Settembru, 2020 9:08am Waqt il-programm TVAM, is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci tkellmet dwar is-sitwazzjoni tal-Covid-19 fid-djar tal-anzjani. Il-Professur Gauci kkonfermat li llum naqbżu t-3,000 każ ta' Covid-19 f'Malta. Tkellmet ukoll dwar l-importanza ta' infurzar tal-miħuri biex jitnaqqas it-tixrid tal-virus. Ara l-intervista hawn:
[ 1 ]
Imtella' Settembru 28, 2020 - Aġġornata 28 Ta' Settembru, 2020 12:35pm Is-Segretarju Permanenti għall-Edukazzjoni, Frank Fabri qal li r-risk assessors li huma liċenzjati mal-OHSA, daħlu fl-iskejjel kollha biex jiċċertifikaw skola, skola hix tabilħaqq preparata għall-ftuħ fid-dawl tas-sitwazzjoni li ġabet magħha l-pandemija. Waqt intervista fuq il-programm TVAM, Dr Fabri ħabbar li l-iskejjel kollha tal-Istat huma ċċertifikati li huma preparati biżżejjed biex jilqgħu lit-tfal u lill-għalliema f'ambjent sigur.
[ 5 ]
Imtella' Settembru 26, 2020 - Aġġornata 26 Ta' Settembru, 2020 12:33pm L-istudenti ta' Madonna dell'Asilo qed igawdu veduta mill-isbaħ u arja nadifa hekk kif intlaħaq qbil li l-lezzjonijiet flok isiru fi klassi f'ambjent magħluq, isiru fuq il-bajja ta' Vasto. It-tfal, wara 6 xhur 'il bogħod mill-iskola, reġgħu daħlu f'rutina ġdida ta' tagħlim fejn qed jinżammu l-protokolli neċessarji, dik tad-distanza soċjali u l-iġenje. Biża' li jinxtered il-mard f'dan il-kuntest mhemmx, qal is-sindku ta' Vasto hekk kif il-lezzjonijiet qed isiru fl-apert, sakemm it-temp jibqa' jippermetti.
[ 10 ]
Il-ħajja ta' aktar minn kwart tan-nies fir-Renju Unit mistennija tkun affettwata minn restrizzjonijiet ġodda li qed jidħlu fis-seħħ f'dawn il-ġranet. Mil-lum residenti ta' Leeds, Wigan Stockport u Blackpool mhux se jitħallew iżuru lil xulxin fid-djar. Dan qed isir fid-dawl ta' żieda fir-rata ta' infezzjoonijiet ġodda fir-Renju Unit fejn ir-rata ta' infezzjonijiet minn persuna għal oħra saħansitra qabżet il-1.5. Fuq livell nazzjonali qed tapplika wkoll ir-regola ta' gruppi ta' sitt persuni waqt li l-ħwienet tax-xorb u r-ristoranti qed jagħlqu fl-għaxra ta' filgħaxija. F'partijiet kbar fit-tramuntana tal-Ingilterra, qed japplikaw miżuri addizzjonali minħabba r-rata aktar għolja ta' każi ġodda fosthom il-Gvern qed jappella biex ma jsir kuntatt soċjali ma persuni li ma jgħixux fl-istess dar.
[ 10 ]
Imtella' Settembru 27, 2020 - Aġġornata 27 Ta' Settembru, 2020 8:04am Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump innomina lil Amy Coney Barrett bħala imħallef tal-Qorti Suprema tal-Istati Uniti. Waqt li kien qed jitkellem maġenbha fir-Rose Garden fil-White House, Trump qal li hija għamlet kisbiet li m'għandhomx paragun. Jekk tiġi konfermata, l-imħallef Barrett tieħu post l-imħallef liberali Ruth Bader Ginsburg , li mietet fl-età ta' 87 sena.
[ 10 ]
Il-gvern Spanjol ħeġġeġ lill-awtoritajiet f'Madrid biex jissikkaw ir-restrizzjonijiet kontra l-coronavirus, u wissa b'riskju serju għar-residenti jekk dan ma jseħħx. Nhar il-Ġimgħa, f'Madrid ġew estiżi r-restrizzjonijiet fil-postijiet fejn kien hemm l-aktar każi ta' Covid-19, imma l-awtoritajiet irrifjutaw li jimponu lockdown fil-belt kollha. Madankollu, il-Ministru għas-Saħħa Salvador Illa qal li r-restrizzjonijiet ma kellhomx l-effett mixtieq. Qal li wasal iż-żmien li l-pandemija tiġi kkontrollata b'determinazzjoni.
[ 10 ]
Fil-Venezwela kważi 200 persuna li jaħdmu bħala paramediċi fil-qasam tas-saħħa tilfu ħajjithom minn Marzu 'l hawn kawża tal-imxija tal-Covid-19. Fil-Venezwela nstabu mil-lanqas 68,000 persuna li kellhom il-Coronavirus li minnhom tilfu ħajjithom 560. Il-paramediċi qalu li qed ikollhom jaħdmu mingħajr ingwanti u maskri. Qed jingħad ukoll li dawn ilhom ġimgħat sħaħ ma jingħataw tagħmir ta' protezzjoni.
[ 10 ]
F'dawn il-jiem l-iskeda ta' Television Malta se tkompli tingħata l-ħajja b'għadd ta' programmi ġodda, fosthom 'Popolin' . Programm, ismu miegħu, maħsub biex jiddiskuti firxa wiesgħa ta' suġġetti li jinsabu fuq fomm il-poplu Malti u Għawdxi. Minn għada, 'Popolin' se jkun qed jiddiskuti bosta stejjer u kurżitajiet, fost l-oħrajn. Vetrina, fi ftit kliem, li se tkun qed tilqa' fi ħdanha b'dirgħajha miftuħa beraħ rakkonti u taħditiet ta' kull xorta. Diskussjonijiet, li x'aktarx li dak li jkun dlonk jirrelata magħhom il-għaliex is-suġġetti mitħaddta jafu jolqtu lill-poplu fil-laħam il-ħaj. Ix-xoqqa f'moxtha, biex kulħadd jixtarr id-diskors b'mod liberu u jsemma' leħnu bla xkiel. Minn jum għall-ieħor, fost l-oħrajn, diversi esperti u kelliema minn diversi setturi fi xtutna se jingħataw spazju fl-istudios ta' 'Popolin' bit-tama li ħsibijiethom u l-pariri siewja tagħhom ma jaqgħux fuq widnejn torox. Intant, kif ħabbar fl-aħħar sigħat il-preżentatur ta' 'Popolin', Quinton Scerri, l-aħħar preparamenti għal għada jinsabu fl-aqwa tagħhom bil-għan li fi żmien 24 siegħa mat-tokki tas-sebgħa ta' filgħaxija tibda din l-avventura ġdida. L-aħħar preparamenti għall-POPOLIN L-aħħar preparamenti għal Popolin għadejjin bħalissa…Minn nhar it-Tnejn fis-7pm ⏱️ ser nibdew bl-avventura tagħna ta' Popolin!Ibdew segwuna mit-Tnejn sal-Ġimgħa 📆 fis-7pm fuq Television Malta 📺 'Popolin' jibda jixxandar minn għada, mit-Tnejn sal-Ġimgħa, fis-7pm fuq Television Malta. X'jagħmel lill-Malti, Malti? X'jagħmel lill-Malti, Malti? 🇲🇹Minn għada fis-7pm ⏱️ ser nibdew bl-avventura tagħna ta' Popolin!Ibdew segwuna mit-Tnejn sal-Ġimgħa 📆 fis-7pm fuq Television Malta 📺
[ 6 ]
Imtella' Settembru 27, 2020 - Aġġornata 27 Ta' Settembru, 2020 9:25am Wara li d-Dukessa ta' Cambridge tkellmet dwar l-ossessjoni tal-Prinċep George bid-dinosawri, issa binha l-kbir għandu sinna fossilizzata ta' kelb il-baħar ġgant. Is-sinna kien sabha fi tmiem is-sittinijiet Sir David Attenborough waqt li kien għal btala mal-familja tiegħu f'Malta. Is-sinna hi ta' speċi ta' kelb il-baħar, illum estint – carcharocles megalodon – li kien wieħed mill-aktar predaturi li jnissel biża'. Sir David ta s-sinna bħala rigal lill-Prinċep George wara li l-familja rjali rat fil-privat, id-dokumentarju ambjentali ta' Sir David f'Kensington Palace. Kensington Palace ippubblika r-ritratti dwar din iż-żjara li jinkludu l-mument meta l-Prinċep George irċieva r-rigal. Fid-dokumentarju, 'In A Life On Our Planet', Sir David jirrifletti fuq mumenti f'ħajtu bħala naturalist u l-bidliet drastiċi li ra jseħħu.
[ 10 ]
Il-forzi tal-Armenja u l-Ażerbajġan qed jiġġieldu dwar ir-reġjun Nagorno-Karabakh, u twaqqa' tal-inqas ħelikopter wieħed tal-Ażerbajġan. L-Armenja qalet li l-Ażerbajġan beda jattakkaha mill-art u mill-ajru u wara ddikjarat l-liġi marzjali. Min-naħa tiegħu, l-Ażerbajġan qal li kien qed jirrispondi għal attakk tal-Armeni. Iż-żewġ naħat irrappurtaw il-mewt ta' ċivili. Il-kunflitt li ilu għaddej, reġa' intensifika fl-aħħar xhur. Il-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan wiegħed l-appoġġ ta' pajjiżu għall-Ażerbajġan u qal li l-Armenja hija l-akbar theddida għall-paċi u t-trankwilità fir-reġjun. Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tar-Russja sejjaħ għal waqfien immedjat mill-ġlied u għal taħditiet għal stabbilizzazzjoni tas-sitwazzjoni. Kemm l-Armenja kif ukoll l-Ażerbajġan kienu parti mill-ex Unjoni Sovjetika qabel din falliet fl-1991.
[ 10 ]
Il-votanti fl-Iżvizzera vvutaw kontra l-proposta li jiġu fi tmiemu ftehim mal-Unjoni Ewropea dwar il-moviment ħieles tal-persuni. Skont SRF, ir-riżultat tar-referndum se jkun 63% b'37%. L-Iżvizzera mhijiex membru tal-Unjoni Ewropea, imma taċċetta l-moviment ħieles biex ikollha aċċess għal kummerċ ħieles u tikkopera ma' Brussell f'oqsma bħat-trasport u l-edukazzjoni.
[ 10 ]
It-telespettaturi ta' Television Malta se jkunu jistgħu jiskopru varjetà ta' talenti ġodda fi programm li se jibda jixxandar kull nhar ta' Ħadd fuq l-istazzjon nazzjonali. Malta's Got Talent se jibdew jintwera kull nhar ta' Ħadd wara l-aħħbarijiet tat-8 p.m. Mill-iskeda l-ġdida ta' TVM, il-Ħadd filgħaxija, wara li jispiċċa l-Aħbarijiet tat-8pm, se jibda programm ġdid ta' divertiment tant mistenni Malta's Got Talent. Il-produtturi ta' dan il-programm ġdid huma l-istess li fis-sentejn li għaddew ħadmu fuq il-produzzjoni ta' suċċess XFactor Malta. Għal din l-edizzjoni ta' Malta's Got Talent applikaw 'il fuq minn 400 parteċipant li l-ħiliet tagħhom jmorru lil hinn minn biss kant u żfin. Minħabba ċ-ċirksotanzi li qed ngħixu fihom il-programm kellu jittella' mingħajr udjenza u bl-uniċi membri tal-udjenza jkunu familjari u ħbieb tal-parteċipanti li kienu maqsuma f'bubbles speċifiċi biex jitnaqqas ir-riskju ta' tixrid tal-virus. Apparti minn hekk il-parteċipanti ma setgħux jitlaqqgħu kollha f'daqqa bħal ma kien ippjanat li jsir. It-tim tal-produzzjoni ħa kull prekawzzjoni possibli biex jipproteġi s-saħħa tal-ħaddiema u l-parteċipanti nolvuti f'Malta's Got Talent. Kull persuna li daħlet fil-post fejn sar il-filming itteħdietlu t-temperatura u l-post ġie disinfettat kontinwament wara kull wirja mill-parteċipanti. B'hekk mill-Ħadd li ġej it-telespettaturi ta' Television Malta se jkollhom l-opportunità jsegwu għadd ta' talenti ġodda, Maltin u barranin, li żgur mhux forsi ma kienux ibassru li hawn fuq din il-gżira. Malta's Got Talent huwa maqsum fi tliet fażijiet, bis-serata finali hija ppjanata li tittella' f'Diċembru.
[ 6 ]
Imtella' Ġunju 20, 2020 - Aġġornata 19 Ta' Ġunju, 2020 9:43pm Għawdex għandu saċerdot ġdid: Dun Mario Mercieca mill-Parroċċa tal-Katidral fir-Rabat. Il-Ġimgħa filgħaxija, l-Isqof Mario Grech mexxa l-ordinazzjoni saċerdotali li minħabba ċ-ċirkustanzi tal-COVID-19 saret fil-wesgħa quddiem is-Santwarju tal-Madonna Ta' Pinu fis-sena li s-santwarju qed ifakkar l-ewwel ċentinarju mit-tqegħid tal-ewwel ġebla. Fl-istess quddiesa ġew ordnati żewġ djakni: Dun Andrew Grima minn San Lawrenz u Fra Etienne Gilson, Franġiskan Konventwal minn Birkirkara. Din l-okkażjoni saret fil-ġranet li l-kwadru devot tal-Madonna Ta' Pinu, għadu kemm ġie rrestawrat bid-differenza fl-ilwien tispikka ħafna. Il-kwadru li hu wieħed mill-aktar xbihat devoti f'Malta għalaq 400 sena u juri t-tlugħ fis-sema tal-Madonna. Ix-xogħol ta' konservazjoni u restawr fuq il-kwadru tal-Madonna ta' Pinu ħareġ fid-deher il-kuluri oriġinali tal-pittura ffirmata minn Amadeo Perugino. Interventi li saru tul is-snin biddlu wħud mill-karatteristiċi oriġinali tal-pittura li għandha aktar minn 400 sena. Dan il-kwadru kien skur u safrani iżda wara r-restawr mill-kumpanija Atelier del Restauro ħarġu ħafna dettalji li kienu ntilfu. "Dan il-layer safrani li hemm fuq il-kwadru wara ħafna testijiet sibna li mhux oriġinali minħabba l-fatt li kien hemm ħafna layers ta' verniċ waħda fuq l-oħra," qalet ir-restawratriċi Valentina Lupo. Ir-restawratriċi Valentina Lupo spjegat li qabel beda x-xogħol, il-kwadru kien ilu kważi tliet snin jiġi studjat. Qalet li l-kwadru għadda minn diversi interventi ta' restawr, li ħafna minnhom ma kinux dokumentati. L-unika dokumentazzjoni li nstabet hija tar-restawr li sar minn Carmelo Bonello fl-1933, qabel l-inkurunazzjoni. "Aparti li kien naddfu kienet saret ukoll tila ġdida minn wara fejn it-tila oriġinali twaħħlet fuq tila ġdida minħabba li l-kwadru kien ukoll fi stat ta' deterjorazzjoni," qalet Valentina Lupo. Amadeo Perugino pitter il-kwadru fuq tliet tili meħjuta waħda mal-oħra. Ir-restawratriċi rrimarkat li kien hemm żoni fejn dawn il-ġonti infetħu. Għall-isqof Mario Grech, il-kwadru kif restawrat huwa l-istess kwadru li kienet tara Karmena Grima u li minnu l-Madonna wasslet il-vuċi tagħha. "Jien nawgura li kull min jirnexxielu iserraħ il-ħarsa tiegħu fuq dan il-kwadru jisma' b'widnejh il-kliem ta' faraġ ta' konsolazzjoni li taf tagħti din l-omm," qal l-Isqof ta' Għawdex Mario Grech. L-istudjuż tal-arti, Sandro Debono spjega kif mill-aspett artistiku dan hu kwadru partikolari ħafna għaliex l-artist ġej mill-periferija tad-dinja tal-arti u tpitter aktar minn 10 snin wara li Caravaggio kien f'Malta. "Il-kwadru però qed jitkellem lingwa xi ftit differenti. L-ewwel nett il-kuntest huwa ta' kappella ġo Għawdex qrib l-Għarb, li dan il-personaġġ Pinu Gauci qiegħed jitfa' l-enerġija tiegħu – jagħti l-patronaġġ tiegħu biex din il-kappella tkun restawrata, tkun sostnuta u l-kwadru prattikament huwa l-aħħar jew wieħed mill-iktar proġetti prominenti li jaslu biex iżejnu din il-Knisja," spjega l-istudjuż tal-arti Sandro Debono. Fiż-żjara tiegħu f'Malta, 10 snin ilu, il-Papa Benedittu XVI qal lill-Maltin biex jitolbuha u jsejħulha Sultana tal-Familja.
[ 2 ]
Imtella' Ġunju 20, 2020 - Aġġornata 20 Ta' Ġunju, 2020 4:10pm Ġiet inawgurata trakka ġdida tal-go cart f'Ħal Far mifruxa fuq 22,000 metru kwadru. Id-dilettanti tal-motorsport qalu li kienu ilhom is-snin jistennew li jkollhom trakka tal-go carts bi standards internazzjonali. Ġiet inawgurata f'Ħal Far trakka tal-go carts b'tul ta' 937 metru mifruxa fuq 22,000 metru kwadru ta' art. It-trakka saret b'investiment ta' aktar min nofs miljun ewro, il-maġġoranza tagħhom thallsu minn Infrastructure Malta u parti minnhom mill-klabb tal-carting. Kif spjega l-President tal-Island Carting Club, Jason Mangion, din it-trakka toffri opportunitajiet ġodda għat-taħriġ u t-tlielaq b'mod sigur. Spjega li se jkunu jistgħu jinstaqu numru kbir ta' carts fl-istess ħin u se jiżdiedu l-kategoriji ta' carts li se jieħdu sehem. It-trakka tista' tintuża wkoll minn mimimotos u scooters. "Konna ilna snin twal nistennewha. Dejjem imxew pass u waqaf ix-xogħol. Naħseb ilna għaddejjin issa 'l fuq minn 20 sena fiha li beda l-proċess sakemm wasalna hawnhekk illum. Fl-aħħar għandna xi ħaġa lesta." Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura, Ian Borg, qal li b'din it-trakka ġdida ħafna tfal, żgħażagħ u adulti se jkunu jistgħu jipprattikaw l-isport tal-go-carts. Dr Borg qal li it-trakka tista' tintuża għat-testing mill-istudenti li jiżviluppaw carts bħala parti mill-esperjenza tagħhom fl-Università. Qal li l-impenn tal-Gvern għal faċilitajiet sportivi huwa impenn sħiħ. Il-Ministru Borg qal li f'Malta hawn nies kapaċi u għalhekk tajjeb li jkollna faċilitajiet adegwati fejn jitħarrġu u jikkompetu. "Konvint li anke minħabba d-disinn u anke l-approvazzjoni tal-FIA, jistgħu jkunu utli għal diversi dixxiplini tal-motorsports, nafu kemm hawn dilettanti, u ma jiddispjaċina xejn li għamilna dan l-investiment." Il-Ministru Borg qal li dan mhux l-ewwel proġett li l-Gvern għen fil-qasam sportiv. Semma l-Mtaħleb, grounds, u klabbs tal-football f'Marsaskala, is-Siġġiewi, ix-Xgħajra u l-Kalkara. Qal li sar ukoll investiment fil-pixxina f'Marsaskala u f'diversi klabbs tat-tennis u tal-boċċi.
[ 15 ]
Imtella' Ġunju 20, 2020 - Aġġornata 20 Ta' Ġunju, 2020 2:56pm Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li f'dawn l-aħħar tliet snin il-Partit Nazzjonalista għadda minn proċess ta' tibdil mill-qiegħ biex issa qed jaħdem b'mod kollettiv u strutturat. Qal li issa jonqos li dak li sar internament jasal għand in-nies. Spjega li hija ħasra li l-Gvern li jgawdi popolarità u tela' bl-għajta kontra l-korruzzjoni qiegħed f'sitwazzjoni ta' skandlu wara ieħor. Dr Delia qal li David Thake qatt ma mar għand il-Pulizija biex jagħmel xi rapport kontrih fuq l-allegat offerta ta' Yorgen Fenech lill-Partit Nazzjonalisa biex tiġi imminata l-kandidatura ta' David Casa fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew li l-Partit Nazzjonalista ċaħad bil-ġurament. Mistoqsi jekk Yorgen Fenech għandux ċedoli tal-Partit Nazzjonalista, Dr Delia qal li Fenech ma għandux u li huwa illegali li jiġu ppubblikati l-ismijiet tal-persuni li għandhom dawn iċ-ċedoli li skont Delia huma nies tal-familja u anke anzjani li jħobbu lill-Partit. Sostna li huwa qatt ma ltaqa' ma' Yorgen Fenech wara li sar magħruf li huwa s-sid tal-kumpanija 17 Black. Il-Kap Nazzjonalista qal li bil-miljuni tal-korruzzjon, il-Gvern seta' jnaqqas bin-nofs il-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Ikkritika lill-Prim Ministru li ma keċċiex lil Konrad Mizzi li qal għadu jitħallas minn flus il-poplu. Qal li jekk il-Prim Ministru ser jibqa' ma jagħmel xejn ikun ifisser li mhux kapaċi jiddeċiedi. Dwar il-Kummissjoni Venezja qal li l-Gvern ma għandux għalfejn jiftaħar li ntlaqgħu l-proposti għax il-pajjiż ma kellux jasal f'dan l-istat. Qal li kien il-Partit Nazzjonalista li ppropona dawn il-miżuri għall-governanza tajba. Dwar il-ħatra ta' Kummissarju tal-Pulizija, Dr Delia qal li Angelo Gafa għandu sfidi kbar quddiemu fosthom biex jinvestiga lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri u ser ikun il-poplu li ser jiġġudikah.
[ 12 ]
Imtella' Ġunju 19, 2020 Xjentisti Taljani qalu li ilma minn impjanti tad-drenaġġ ta' żewġt ibliet kien fih traċċi tal-coronavirus minn Diċembru – ħafna qabel il-pajjiż ikkonferma l-ewwel każijiet. L-istitut nazzjonali tas-saħħa qal li l-ilma minn Milan u Turin wrew traċċi ġenetiċi tal-virus fit-18 ta' Diċembru. Bejn Ottubru u Frar ix-xjentisti eżaminaw mal-40 kampjun ta' ilma minn impjanti tad-drenaġġ fin-naħa ta' fuq tal-Italja. Il-kampjuni li ħadu minn Ottubru sa Novembru nstabu negattivi għall-Covid-19. Il-kampjuni minn Bologna bdew juru traċċi tal-virus f'Jannar. Ir-riżultati jgħinu lix-xjentisti jifhmu kif il-virus beda jinxtered fl-Italja. Dan ikompli jżid mal-evidenza minn pajjiżi oħra li l-virus seta ilu jiċċirkola ħafna aktar kmieni milli huwa maħsub. Uffiċjali Ċiniżi kkonfermaw l-ewwel każijiet ta' Covid-19 lejn l-aħħar ta' Diċembru. L-ewwel każ fl-Italja ġie rreġistrat f'nofs Frar. F'Mejju, xjentisti Franċiżi qalu li testijiet fuq kampjuni wrew li pazjent f'Pariġi li fis-27 ta' Diċembru ngħata kura għal pneumonia, fil-verità kellu l-coronavirus. Fi Spanja ntant, studju wera traċċi tal-virus f'ilma tad-drenaġġ li nġabar f'nofs Jannar f'Barcelona – mal-40 jum qabel ġie rresġistrat l-ewwel każ ta' Covid-19 fil-pajjiż.
[ 1, 10 ]
Imtella' Ġunju 20, 2020 Ilbieraħ tħabbret il-mewt ta' Ian Holmes magħruf l-aktar għall-parti li interpreta fit-triloġija The Lord of the Rings, tal-hobbit Bilbo Baggins. Holmes kien magħruf ukoll għall-irwoli li interpreta f"The Chariot of Fire, The Fifth Element, The Aviator u Alien fost oħrajn. Huwa miet fl-età ta' 88 sena wara li ħakmitu l-marda tal-Parkinson's.
[ 1, 3, 10 ]
Imtella' Ġunju 20, 2020 Il-Brazil issa huwa t-tieni pajjiż fid-dinja li għandu infezzjonijiet ta' Coronavirus bin-numru jaqbeż il-miljun persuna. Fl-aħħar 24 siegħa nstabu aktar minn 54,000 persuna oħra infettati bil-Coronavirus filwat li tilfu ħajjithom aktar minn 1,200 ruħ bin-numru tal-mejta issa jitla' kważi 49,000. Analisti qed jgħidu li fil-Brażil hemm nuqqas kbir ta' testijiet tant li esperti qed isostnu lin-numru tal-infezzjonijiet huwa ferm ikbar minn dak li qed jingħad bil-President Jair Bolsonaru kien kritikat ħafna għall-mod kif il-Gvern qed jirrispondi quddiem il-pandemija. L-unika pajjiż li jaqbeż lill-Brazil fin-numru ta' infezzjonijiet tal-Coronavirus huwa l-Istati uniti.
[ 1, 10 ]
Imtella' Ġunju 20, 2020 Illum, 'Sibtek' jissokta bi programm miżgħud emozzjonijiet u mistiedna, u joffri mill-ġdid kumpanija mill-aqwa 'l-pubbliku. Fost l-oħrajn, illum għadd ta' missirijiet jgħidu tagħhom dwar l-irwol ta' missier ġaladarba Jum il-Missier jinsab wara l-bieb. Fost il-mistiedna, għadd ta' personalitajiet ma' missierhom, fosthom Mark Laurence, Clara Farrugia u Jessika Muscat. Imbagħad, Daniel Chircop ta' Danusan jitkellem dwar ħuħ David li m'għadux magħna u li kien viċin ħafna tiegħu. Bħal Daniel, Maryrose Mallia tfakkar il-memorja tal-mibki Josie Coppini u taqsam mat-telespettaturi ta' Television Malta uħud mill-esperjenzi li kellha meta ħadmet miegħu. Mistiedna llum ukoll, il-kantant Victorio Gauci mal-familja tiegħu u Geo Debono li se jitkellem dwar il-proponiment speċjali ferm li għamel 'il martu Deborah. 'Sibtek', illum fis-12.45 fuq TVM.
[ 2, 16 ]
Imtella' Ġunju 18, 2020 - Aġġornata 18 Ta' Ġunju, 2020 3:26pm Ftit ġranet 'il bogħod mill-Jum Dinji tas-Servizz Pubbliku li jiġi ċċelebrat fit-23 ta' Ġunju, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar żar diversi ħaddiema li kienu protagonisti f biex titrażżan l-imxija tal-Covid-19. Fl-uffiċini tas-Supretendenza tas-Saħħa Pubblika, is-Sur Cutajar iltaqa' mal-ħaddiema li kienu fuq quddiem nett fil-pandemija biex jagħmlu l-contact tracing fost oħrajn. Huwa radd ħajr fost oħrajn lill-ispetturi tas-Sanità li kienu ma' tim kbir ta' uffiċjali li taw sehem dirett b'ħiliet varji. Fost oħrajn iltaqa' ma' min qed janalizza r-riżultati tat-testijiet, min qed jikkomunika ma' min ħareġ pożittiv u min ikollu joqgħod kwarantina, u ma' min organizza s-sistemi kompjuterizzati. Stqarr li l-ħidma dedikata tagħhom tat prova mal-aqwa tas-servizz pubbliku. Is-Segretarju Permanenti Ewlieni kompla biż-żjarat tiegħu fit-taqsima tal-Indafa Pubblika f'Kordin. Is-Sur Mario Cutajar irringrazzja lill-ħaddiema talli qamu għall-okkażjoni u taw servizz ta' tindif mill-aqwa. Semma' fost oħrajn il-ħaddiema tal-indafa pubblika ddiżinfettaw madwar 43,000 kilometru ta' bankini minbarra li ħaslu wkoll numru kbir ta' bus shelters u għamara tat-triq sabiex jassiguraw servizz ta' eċċellenza f'dak li għandu x'jaqsam ma' ndafa pubblika. Fl-Uffiċini tal-LESA, is-sur Cutajar innota li l-uffiċjali tal-komunità qdew dmirhom f'xogħol li mhux soltu jagħmlu bit-tqassim ta' mediċini u ikel. Uffiċjali tal-LESA kienu fost ħaddiema oħra ta' forzi dixxiplinati sabiex tqassmu madwar 800 xirja lil persuni fi kwarantina u vulnerabbli, u tqassmu mediċini lil madwar 3,600 pazjent. Is-Sur Mario Cutajar żar l-uffiċini tal-Malta Enterprise li qal ħadmu biex ġew salvati madwar mitt elf impjieg. Fost il-ħaddiema li ltaqa' magħhom kien hemm dawk li rċevew il-mistoqsijiet tal-pubbliku, li laħħqu madwar 60,000, kif ukoll ħaddiema li ħadmu fuq is-sistemi kompjuterizzati illi tfasslu apposta u f'qasir żmien. Il-Kap taċ-Ċivil qal li fil-pandemija s-Servizz Pubbliku wera lil kulħadd li kien kapaċi jadatta u jibqa' għaddej u jagħmel id-differenza għas-soċjetà.
[ 1 ]
Imtella' Ġunju 17, 2020 Rekord ieħor ta' każijiet ġodda ta' coronavirus fil-Brażil hekk kif fl-aħħar 24 siegħa ġew irreġistrati 34,918-il persuna oħra li pożittivi għall-Covid-19. B'hekk fil-Brażil sallum hemm aktar minn 920,000 każ ta' coronavirus. Ir-rata ta' infezzjoni mhix turi sinjali li qed tnaqqas u għalhekk huwa stmat li sa tmiem din il-ġimgħa, il-Brażil jirreġistra mal-miljun każ ta' Covid-19. Il-pajjiż bħalissa huwa l-epiċentru tal-epidemija u l-kriżi qiegħda tmur għall-agħar. B'ammont pjuttost żgħir ta' testijiet li qed isiru fil-Brażil, in-numru ta' infezzjonijiet huwa ħafna aktar minn dak li qed jirrapportaw iċ-ċifri uffiċjali. Fl-aħħar 24 siegħa fil-Brażil ġew irreġistrati wkoll kważi 1,300 mewt bil-Covid-19 u dan għolla l-ammont ta' imwiet għal 45,241. Minkejja dan, bi pressjoni kbira mill-President tal-Brażil Jair Bolsonaro li kkritika l-miżuri ta' kwarantina għax jagħmlu ħsara lill-ekonomija, bliet kbar qed jillaxkaw il-miżuri minkejja li l-pajjiż għadu ma laħaqx il-quċċata tal-pandemija. Il-President tal-Honduras jirriżulta pożittiv għall-Covid-19 Il-President tal-Honduras Juan Orlando Hernández qal li hu, martu u tnejn mill-konsulenti tiegħu, irriżultaw pożittivi għall-coronavirus. F'indirizz fuq it-televiżjoni, huwa qal li beda jħossu ma jiflaħx fi tmiem il-ġimgħa l-oħra u lbieraħ ħariġlu r-riżultat tat-test. Huwa qal li qed iħossu aħjar u li se jkompli jaħdem mid-dar. Skont is-sit Johns Hopkins, il-Honduras irreġistrat aktar minn 9,600 każ ta' coronavirus u 330 mewt. Il-pajjiż beda jerġa' jiftaħ l-ekonomija il-ġimgħa li għaddiet wara kważi tliet xhur b'miżuri restrittivi ta' lockdown.
[ 1, 10 ]
Imtella' Ġunju 17, 2020 - Aġġornata 17 Ta' Ġunju, 2020 9:52pm Dun Anton Teum a ser ikun l-Isqof il-ġdid ta' Għawdex. In-nomina mill-Papa Franġisku tħabbret f'nofsinhar min-Nunzju Appostoliku fis-Santwarju tal-Madonna Ta' Pinu. Dun Anton Teuma li hu mix-Xagħra u fl-aħħar snin kien inkarigat jikkoordina l-pastorali għall-familja ser ikun d-disa' Isqof tad-Djoċesi ta' Għawdex. Ma' Television Malta, il-magħżul għal Isqof ta' Għawdex stqarr li kien maħkum minn sens ta' gratitudni u biżà, u saħaq ħafna fuq ħidma flimkien bit-tir li l-persuna ta' Ġesu' tkun magħrufa u maħbuba. L-aħbar tan-Nunzju intlaqgħet bl-applaws twil mis-saċerdoti Għawdxin miġbura fis-Santwarju Ta' Pinu, b'Dun Anton Teuma jwieġeb bil-kelma "Grazzi." Ma' Television Malta, l-Isqof il-ġdid stqarr li kien qed iħoss sens kbir ta' gratitudni lejn Alla, is-saċerdoti u l-insara f'Għawdex waqt li ammetta li kien qed iħoss sens ta' biża' għall-bidu ta' din il-fażi ġdida f'ħajtu. "Kont lest li lill-Mulej nagħtih din il-ftit tal-libertà li kien fadalli għall-gid tal-poplu t'Alla u biex il-persuna ta' Ġesu' tkun magħrufa u maħbuba mill-aktar nies possibbli," qal l-Isqof maħtur għal Għawdex. Bil-kwadru tal-Madonna Ta' Pinu frisk mir-restawr fl-isfond u xi qraba quddiemu, Dun Anton stqarr li f'dan il-mument qed iħoss li hu l-aktar bniedem fil-bżonn f'Għawdex. "Jien għandi bżonn lis-saċerdoti u lin-nies. Naf li anke dawk li minħabba raġuni jew ohra kellhom ihallu mill-attivita' pastorali nghajjtilhom biex jerġgħu jigu on board biex flimkien inkomplu mexjin halli verament is-saltna ta' Kristu tkun tista' tasal f'kull kantuniera ta' din id-djoċesi." Sinifikanti kien il-mument meta l-Isqof Mario Grech libbislu karlotta, li hi waħda mill-insinji tal-Isqof u ppreżentalu salib. "Salib bħala sinjal li qed ngħaddilek is-suċċessjoni. Jien ircevejtha mingħand l-Isqof Cauchi. Kieku llum kien ikun ferħan," qal l-Isqof Grech. L-Isqof Grech stqarr li jħossu komdu jiddeskrivi lill-Isqof-maħtur bħala bniedem li ddedika ħajtu għall-isem ta' Kristu. Saħaq li l-Isqof irridu nħarsu lejh mill-għajnejn tal-fidi għax inkella jkun hemm ir-riskju li għalina dan ma jkunx tassew Isqof. "Hemm ir-riskju li l-Isqof narawh CEO ta' NGO, imma l-Knisja mhix hekk. Meta fl-aħħar jiem iltqajt ma' Dun Anton, qalli espressjoni li niżlitli għasel, għax qal jien irrid knisja f'nofs il-problemi tan-nies. Jien nawgura din il-knisja," qal l-Isqof Grech. Imwieled ix-Xagħra f'familja ta' erba' aħwa, Dun Anton Teuma għandu 56 sena u l-ġimgħa d-dieħla jagħlaq 32 sena saċerdot. F'nofs l-istudju fis-Seminarju, għamel sena jaħdem bħala welder l-Awstralja fejn kiseb liċenzja f'din is-sengħa u anke bħala electrician. L-ewwel snin tas-saċerdozju qattagħhom jistudja u f'ħidma pastorali f'Ruma sakemm fl-1997 intalab jirritorna Għawdex fejn għal 10 snin kien ir-Rettur tas-Seminarju. Wara sena fl-Art Imqaddsa, hu ddedika ħafna ħin għall-istudju fosthom fit-terapija tal-familja. Hu għalliem fis-Seminarju u għall-aħħar 12-il sena hu Delegat tal-Isqof għall-Pastorali tal-Familja. Dun Anton Teuma jħobb l-isport u x-xogħol manwali. Il-President George Vella, il-Prim Ministru Robert Abela, l-Isqfijiet Charles Scicluna u Joseph Galea Curmi u l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ferħulu u raddew ħajr lill-Isqof Mario Grech li għal dawn l-aħħar erbatax-il sena mexxa d-djoċesi ta' Għawdex. Minn Awwissu, l-Isqof Grech se jkun ibbażat il-Vatikan fil-kariga ta' Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet. Ix-xandira sħiħa tat-tħabbira tan-nomina tista' tiġi segwita hawn: Messaġġ mid-Djoċesi t'Għawdex Dun Anton Teuma jitħabbar bħala l-Isqof il-ġdid t'Għawdex AĠĠORNAT: Dun Anton Teuma se jkun l-Isqof il-ġdid ta' Għawdex BIR-RITRATTI: Min hu l-Isqof il-ġdid t'Għawdex?
[ 13 ]
Imtella' Ġunju 17, 2020 - Aġġornata 17 Ta' Ġunju, 2020 7:09pm Fl-aħħar 24 siegħa ġew irreġistrati sitt każijiet ġodda ta' Covid-19 f'Malta wara li saru 911 swab test. Sallum saru b'kollox 84,964 swab test. Żewġ persuni ġew iddikjarati mfejqa biex issa t-total ta' persuni li fiequ mill-coronavirus f'Malta tela' għal 610. It-total ta' persuni li ttestjaw pożittiv għal Covid-19 huwa ta' 662, li minnhom 43 għadhom attivi. Wieħed mill-każi l-ġodda hu minn grupp ta' ħaddiema tal-kostruzzjoni fejn il-virus s'issa infirex fost 19 minnhom. Il-ħames każi l-oħra huma każijiet iżolati li erbgħa minnhom kellhom is-sintomi. L-awtoritajiet tas-saħħa għadhom iħeġġu lil kulħadd biex isegwi d-direttivi fosthom li tinżamm distanza soċjali bejn persuna u oħra, l-iġjene u l-ilbies tal-maskri jew visors f'ċerti postijiet.
[ 1 ]
Imtella' Ġunju 17, 2020 Żagħżugħ miż-Żebbuġ Għawdex ġie arrestat malli niżel minn vapur tal-Gozo Channel fil-Port tal-Imġarr. Hu nstab li kien fil-pussess ta' sustanza suspettata li hi droga sintetika. Il-Pulizija qalet li wara ġranet ta' stħarriġ, uffiċċjali mill-Iskwadra ta' Kontra d-Droga bbażati f'Għawdex il-bieraħ osservaw liż-żagħżugh jinżel Malta u jerġa' jaqbad il-vapur lura lejn Għawdex. Iż-żagħżugħ ittieħed fil-lock up tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Floriana għal aktar stħarriġ.
[ 0 ]