text stringlengths 80 21.4k | label listlengths 1 5 |
|---|---|
Imtella' Ġunju 17, 2020 - Aġġornata 17 Ta' Ġunju, 2020 3:45pm Raġel ta' 28 sena tressaq il-Qorti akkużat b'pussess ta' droga mhux għall-użu esklussiv tiegħu, kif ukoll b'ħasil ta' flus. Fil-Qorti l-prosekuzzjoni spjegat kif wara tagħrif li l-Pulizija waslilha dwar Sharlon Bugeja mill-Għargħur, intalab mandat t'arrest għalih. Fil-15 ta' Ġunju Bugeja ġie arrestat, fejn fil-karozza tiegħu fin-Naxxar instabet id-droga, kif ukoll f' razzett fil-Għargħur, b'total ta' madwar 100 gramma. Fil-vettura li kien fiha nstabu wkoll €17,000 f'kontanti, waqt li fir-residenza tiegħu u f'vettura li kienet fl-istess residenza nstabu iktar kontanti, għal total ta' €45,000. Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest għax qalet li x-xhieda diġà tkellmu mal-Pulizija, bil-prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba l-possibiltà ta' intralċ tal-provi, kif ukoll minħabba l-fatt li Bugeja m'għandux kondotta nadifa u r-reat huwa wieħed gravi. Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Victor Axiaq, laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta' €10,000 u garanzija personali ta' €10,000 oħra, kif ukoll b'diversi kundizzjonijiet, fosthom li jiffirma l-għassa u li jinġabar f'daru sad-9.00pm. Bugeja kien irrappreżentat mill-Avukati Franco Debono, Amadeus Cachia u Marion Camilleri, waqt li l-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Kevin Pulis u Lianne Bonello. | [
0
] |
Imtella' Ġunju 18, 2020 - Aġġornata 18 Ta' Ġunju, 2020 12:34pm Wara li fl-aħħar 24 siegħa saru 860 test ħareġ każ wieħed pożittiv tal-COVID-19. B'hekk issa l-każijiet attivi telgħu għal 44. Fl-aħħar 24 siegħa ma' fieq ħadd. B'hekk s'issa fiequ 610 persuni minn 663 każ tal-COVID-19. | [
1
] |
Imtella' Ġunju 18, 2020 L-imxija tal-pandemija qalbet lid-dinja ta' taħt fuq mil-lejl għan-nhar. Minn Marzu 'l hawn il-gżejjer Maltin ukoll sfaw milquta mill-Covid-19 u b'riżultat ta' dan bosta minna kellna nadattaw għaċ-ċirkostanzi bla preċedent li lkoll sibna ruħna fihom. Uħud minna ftit li xejn intlaqtu mill-virus, filwaqt li 'l ħaddieħor dan iż-żmien straordinarju jaf gerfixlu r-rutina ta' kuljum bl-ikrah bħal sajjetta fil-bnazzi. Ilkoll, iżda, x'aktarx li qattajna ftit aktar ħin mis-soltu ma' min ngħixu miegħu taħt l-istess saqaf. Il-Maltin sabu x'jagħmlu d-dar? Kienu għal qalbhom? F'kummenti lil tvm.com.mt taħt xemx taqli l-ġrieden qalb it-toroq iserrpu tal-Belt Valletta għadd ta' Maltin qalu tagħhom fuq kif qattgħu dawn l-aħħar ġimgħat. Minkejja r-realtà xejn pjaċevoli li mal-erbat irjieħ ħasdet il-ħajja ta' ftit anqas minn nofs miljun ruħ, xi whud qalu li riżultat ta' li nqala' sabu x-xoqqa f'moxtha biex iqattgħu aktar ħin mal-għeżież tagħhom. Oħrajn, qalu li kienet sa tagħtihom rashom ġewwa u li xorta waħda ħarġu għall-arja friska mqar biex jagħmlu passejn. Ħaddieħor, ġaladarba sab ruħu d-dar spiċċa jimla l-ħawsla aktar mis-soltu. Mistoqsija jekk hux qed iħossuhom komdi jmorru jixtru, dawk intervistati lkoll qablu li f'dan l-istadju qed jerġgħu jibdew jirfsu l-għetiebi tal-ħwienet bil-mod il-mod bla problemi ta' xejn. Il-Covid-19 sfratta 'l kulħadd, imma l-Maltin kienu għal qalbhom id-dar? | [
1,
2,
16
] |
Imtella' Ġunju 18, 2020 - Aġġornata 18 Ta' Ġunju, 2020 4:03pm Fil-ħdax ta' Lulju li ġej, is-sinjura Michelle Muscat, chairperson tal-Fondazzjoni Marigold se tagħmel għawma b'differenza, fejn minflok se tgħum waħidha, din id-darba qed tistieden lill-pubbliku jgħum magħha. Din se tkun is-sitt darba li se ssir attivita' fil-baħar, iżda din is-sena, is-sinjura Muscat minflok mhu se tgħum tul ta' kilometri, se tkun qed tagħmel sfida billi tqatta' ġurnata fil-baħar, bejn tmienja u għaxar sigħat. Is-sinjura Muscat qalet li l-attivita' fil-bajja s-sabiħa ta' Birżebbugia se tkun flimkien man-nies fejn wara li jħallsu donazzjoni jistgħu jgħumu magħha u jqattgħu ħin kemm jixtiequ huma. Qalet li l-bajja s-sabiħa se tkun attrezzata għall-persuni b'diżabilita' fosthom b'rampi apposta u tagħmir ieħor biex kull min jixtieq jieħu sehem ma jkollu xejn xi jżommu. Spjegat ukoll li se jittieħdu wkoll il-prekwazjonijiet kif mogħtija mill-awtoritajiet tas-saħħa minħabba miżuri ta' mitigazzjoni minħabba Covid 19. Anna Calleja, id-direttur nazzjonali tal-ispecial Olympics qalet li l-attivita' hija għall-familji kollha u ħeġġet lill-atleti kollha biex jieħdu sehem ukoll. Għall-attivita' se ssir ukoll maratona mill-assoċjazzjoni akkwatika Maltija f'pixxina qrib fejn se ssir l-attivita' filwaqt li waqt l-attivita', fil-bajja se jittella' programm ta' divertiment bis-sehem tal-orkestra nazzjonali bil-qliegħ kollu jmur għall-fondazzjoni Marigold. Aktar tagħir fuq ir-reġistrazzjoni fuq il-paġna tal-fondazzjoni Marigold fuq facebook. | [
14
] |
Imtella' Ġunju 17, 2020 Annimal domestiku li kien ta' ispirazzjoni biex inkiteb il-ktieb A Street Cat Named Bob, miet fl-età ta' 14-il sena. James Bowen kien iltaqa' ma' Bob fl-2007 meta kien għaddej minn mument diffiċli f'ħajtu jipprova jgħeleb il-vizzju tad-droga. Meta sab il-qattus li kien abbandunat u midrub, huwa ddeċieda li jiġbru, jdewwih u jibda jieħu ħsiebu. Kien beda jieħu l-qattus ġinġer miegħu kull meta jmur idoqq fit-toroq jew ibigħ il-ġurnal The Big Issue f'Londra. Eventwalment, Bowen kiteb ktieb dwar ir-relazzjoni tiegħu mal-qattus. Il-ktieb kien għamel suċċess kbir u inħadem ukoll f'film fl-2016. A Street Cat Named Bob: And How He Saved My Life kien ippubblikat fl-2012 u warajh ħarġu ħames kotba oħra li ġew tradotti f'aktar minn 40 lingwa oħra. Aktar tard din is-sena mistenni joħroġ it-tieni film: A Gift from Bob. | [
2,
7,
10,
16
] |
Imtella' Ġunju 20, 2020 Żewġ aħwa ta' 22 sena u 15 il-sena li isimhom ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, ingħataw il-ħelsien mill-arrest sakemm jingħataw is-sentenza wara li ammettew li serqu minn ħanut tal-laħam fi Triq it-Teatru l-Antik, il-Belt Valletta. Quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Gabriella Vella, l-Ispettur tal-Pulizija Jeffrey Scicluna xehed kif il-bieraħ għall-ħabta tas-sitta ta' filgħodu, sid il-ħanut mar fl-Għassa biex jirrapporta li kien għadu kif ġie misruq u li sab s-shutter maqlugħ minn postu. Qal li minn investigazzjonijiet preliminari, irriżulta li l-cash register kienet sgassata u nsterqu flus kontanti. Wara aktar investigazzjonijet il-Pulizija arrestat tliet żagħżagħ li għandhom bejn it-13 u 22 sena. F'dan l-istadju, il-pulizija resqet liż-żewġ aħwa. Wara li ammettew l-akkużi, l-avukat tagħhom talab lil-Qorti sabiex jitħejja rapport qabel tingħata s-sentenza. Il-ħelsien mill-arrest ingħata fuq diversi kundizzjonijiet fosthom li jiffirmaw kuljum fl-għassa tal-Belt. | [
0
] |
Imtella' Ġunju 20, 2020 Mis-786 swab tests li saru fl-aħħar 24 siegħa ħareġ każ ġdid. B'hekk s'issa f'Malta kellna 664 każ ta' Coronavirus. Fl-aħħar ħin fiequ 3 persuni oħra u b'hekk bħalissa hawn 39 każ attiv. B'kollox 616-il persuna fiequ u saru 87,462 swab tests. | [
1
] |
Imtella' Ġunju 20, 2020 Issa li s-sajf jinsab wara l-bieb u ġaladarba s-sħana aktar ma jmur aktar qed tibda tagħmel tagħha, bosta minna ftit ftit bdejna nerħulha lejn il-baħar bil-għan li naqtgħu xi ftit mir-rutina ta' kuljum u xejn xejn ingawdu bis-sħiħ il-ġmiel ta' baħar li jżewwaq xtut il-gżejjer Maltin. Il-Malti jgħid, bniedem avżat nofsu armat. Għaldaqstant, tajjeb li dak li jkun ikun mgħarraf li fl-ibħra ta' madwarna jeżistu għadd ta' speċi li dak li jkun m'għandux jersaq lejhom hekk kif jaf jispiċċa jingidem jew ilaqqat xi tingiża daqs tazz'ilma. Fost l-ispeċi tal-baħar ta' min joqgħod b'seba' għajnejn minnhom, il-busuf. Dudu, li lewnu jpaxxi l-għajn. Minkejja dan, mhux kulma jleqq hu deheb. F'dan l-isfond, f'kummenti lil tvm.com.mt il-bijologa marittima Sandra Agius Darmanin spjegat li l-busuf miksi b'xewk irqiq ħafna, spiss issibu fil-baxx u dak li jkun mhux dejjem jinduna bih kif ġieb u laħaq hekk kif speċjalment mal-blat kuluru bilkemm jagħti fil-għajn. Dr Agius Darmanin qalet li x-xewk tal-busuf iniggeż ġmielu u li bl-Ingliż isejħulu fireworm il-għaliex malli jmiss miegħek jerħi likwidu li tħossu jaħarqek ġmielu. Il-bijologa marittima spjegat li min imiss jew jirfes xi busuf għandu jneħħi x-xewk bil-pinzetti jew billi jpoġġi t-tape fuq il-parti affettwata u jneħħiha bil-mod. Dr Agius Darmanin qalet li biex ittaffi l-uġigħ tista' tuża l-ħall jew l-alkoħol u jekk dak li jkun jibqa' muġugħ għandu jikkonsulta tabib minnufih. | [
2,
16
] |
Imtella' Ġunju 19, 2020 - Aġġornata 19 Ta' Ġunju, 2020 9:32pm L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, WHO, wissiet li l-pandemija tal-Covid-19 qed tidħol f'fażi ġdida u perikoluża. Il-WHO għamlet din id-dikjarazzjoni wara li l-Ħamis kienet il-ġurnata li matulha l-aktar li kienu rrapportati każijiet ġodda. Dr Tedros Adhanom Ghebreyesus qal li matul il-ġurnata tal-Ħamis, kienu rrapportati 150,000 każ ġdid ta' coronavirus li nofshom kienu mill-Amerika t'Isfel u kien hemm ukoll numri kbar mill-Lvant Nofsani u minn naħa t'isfel tal-Asja. Huwa qal li l-virus għadu jinxtered b'mod mgħaġġel filwaqt li rrikonoxxa li n-nies qed jixbgħu iżolati u li l-pajjiżi huma ħerqana li jerġgħu jiftħu l-ekonomiji tagħhom. Iżda wissa li issa huwa żmien ta' viġilanza kbira. Uffiċjal tekniku tal-WHO Maria van Kerkhove, qalet li l-pandemija qed tinfirex b'mod mgħaġġel f'diversi partijiet tad-dinja. Qalet li għalkemm xi pajjiżi rreġistraw suċċess biex irażżnu l-imxija, kull pajjiż irid jibqa' lest. Il-kap tal-programm tal-emerġenzi tal-WHO, Michael Ryan qal li xi pajjiżi rnexxielhom iżommu r-rata ta'infezzjonijiet baxxa imma mhux għal livell baxx ħafna. Żied li hemm sitwazzjoni f'xi pajjiżi fejn jista' jkollhom it-tieni mewġa fil-Ħarifa jew aktar tard din is-sena għaliex il-virus ma kienx kompletament taħt kontroll. | [
1,
10
] |
Imtella' Ġunju 19, 2020 - Aġġornata 19 Ta' Ġunju, 2020 4:41pm Analiżi teknika minn espert tal-qorti dwar il-ġeolokazzjoni tal-mobile tal-ekx Ministru Chris Cardona sabet li f'Jannar tal-2017, il-mobile ta' Dr Cardona inqabad minn antenna li kien fl-inħawi tal-burdell ta' Velbert jew f'Essen fejn kellu jattendi konferenza. L-espert tal-Qorti qal li ma kellux d-data ta' żewġ antenni oħra biex ikun jista jgħid b'aktar preċizzjoni il-lokazzjoni ta' Dr Cardona meta Daphne Caruana Galizia għamlet l-allegazzjoni li mar fil-burdell Acapulco. Dan ħareġ fl-inkjesta pubblika li semgħet ukoll li l-blog ta' Caruana Galizia kien fil-mira ta' attakk sofistikat ta' hacking fi Frar tal-2017. Fl-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, l-espert tal-qorti Keith Cutajar ħejja rapport tekniku dwar il-ġeolokazzjoni ta' żewġ mobiles ta' Dr Chris Cardona, fil-kuntest tal-allegazzjoni li kienet għamlet Daphne Caruana Galizia li l-Minsitru mar f'burdell waqt li kien fuq xogħol tal-gvern fil-Ġermanja f'Jannar tal-2017. Is-Sur Cutajar qal li mill-informazzjoni miġbura minn waħda mil-antenni tal-mobile, tindika li Dr Cardona kien fl-inħawi ta' Essen u Velbert fejn hemm il-burdell li allegatament żar l-ekx Ministru. L-espert indika li minn informazzjoni li nkisbet minn antenna ta' kumpanija tal-mobiles Ġermaniza, il-mobile phones setgħu kienu kemm f'Essen fejn saret il-konferenza u anki f'Velbert li tinsab bejn 20 sa 30 kilometru 'lbogħod. Qal madankollu li tliet antennas huma meħtieġa biex tkun tista' ssir it-triangolazzjoni tal-lokazzjoni u ma setgħax jikkonkludi b'mod konklussiv li Dr. Cardona kien f'post u mhux ieħor. Fl-inkjesta xehed Ian Castillo li għamel xogħol loġistiku fuq il-blog ta' Daphne Caruana Galizia. Huwa xehed li fuq il-blog tagħha kien twettaq attakk ta' hacking sofistikat meta persuna jew grupp ta' persuni pprovaw jikkuntattjawh biex id-dettalji tas-server tagħha jinbidlu. Qal li biex twettaq l-attakk saret ir-riċerka dwar il-website tagħha tant li intbagħtu l-email addresses u l-ismijiet tal-kuntatti tagħha. Qal li l-pjan kien li tinbgħat email f'isem Daphne Caruana Galizia lill-kuntatti tagħha biex il-website tkun ikklonjata. L-espert tekniku qal li kieku l-attakk irnexxa setgħu ikunu identifikati s-sorsi tagħha. Huwa qal li l-attakk sar fil-11 ta' Frar tal-2017, 11 il-jum wara li hija ippublikat l-artiklu dwar il-burdell fil-Ġermanja. Fil-Qorti ssoktat ukoll il-kumpilazzjoni tal-aħwa Degiorgio, George u Alfred u Vince Muscat li huma mixlija bl-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia. Fis-seduta ġew ppreżentati r-recordings mnaddfa minn espert tekniku ta' konversazzjonijiet li l-intermedjarju Melvin Theuma ħa bil-moħbi ma' Yorgen Fenech li huma parti mil-provi li qed jitressqu fil-kumpilazzjonijiet ta' Fenech u t-tliet irġiel akkużati bid-delitt. | [
0
] |
Imtella' Ġunju 19, 2020 L-Awtorità tad-Djar se toħroġ €430,000 għal xogħlijiet ta' manutenzjoni fil-komun ta' 77 blokka ta' akkomodazzjoni soċjali f'16-il lokalità. Bl-iskema, li se titħaddem mal-Kunsilli Lokali, se jinħatar amministratur tal-blokka filwaqt li r-residenti jidentifikaw ix-xogħlijiet meħtieġa fil-komun. Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes, qal li l-Gvern investa iktar minn miljun ewro u nofs f'sitt snin biex b'din l-iskema jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti. Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Leonid McKay, qal li l-iskema hi ħolqa minn kullana ta' inizjattivi biex il-blokok ta' appartamenti f'akkomodazzjoni tal-Gvern ikunu mmodernizzati fosthom bl-istallazzjoni ta' liftijiet. L-iskema tnediet fil-Birgu, bis-Sindku John Boxall, wera apprezzament għax qal li ħafna familji tal-lokal li jgħixu fl-oqsma tad-djar se jibbenefikaw minnha. | [
14
] |
Imtella' Ġunju 19, 2020 - Aġġornata 19 Ta' Ġunju, 2020 12:48pm Il-kawża li fetħet il-union tal-bdoti tal-Air Malta ALPA, dwar it-tkeċċija ta' 69 bdot, ġiet differita bit-tama li jilħaq jintlaħaq ftehim mal-kumpanija. Il-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Toni Abela, kienet infurmata li għaddejjin diskussjonijiet bejn l-Air Malta u l-ALPA, biż-żewġ naħat talbu li l-kawża tiġi differita biex jingħataw żmien jilħqu jsibu soluzzjoni amikevoli. Il-Qorti laqgħet it-talba, u l-kawża minflok se tinstema' l-Ġimgha 26 ta' Ġunju, meta jridu jsiru t-trattazzjoni tar-rikorsi kollha. Il-Qorti awgurat liż-żewġ naħat jaslu għal ftehim. Fl-aħħar seduta l-kawża wkoll kienet ġiet differita wara lment mill-avukat tal-ALPA fuq il-proċedura. Differit għall-Ġimgħa s-smigħ tal-kawża tal-ALPA biex l-Air Malta ma tkeċċix 69 bdot | [
4
] |
Imtella' Ġunju 19, 2020 Fl-1 ta' Lulju tiftaħ SkolaSajf li għaliha din is-sena se jattendu 7,000 student. Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Owen Bonnici, qal li l-linji gwida għall-operat se jiġu pubblikati dalwaqt. Sadanittant, għaddejjin it-tħejjijiet għall-ftuħ ta' sena skolastika ġdida f'Settembru li ġej, mhux biss mill-aspett ta' miżuri kontra l-coronavirus imma wkoll għaddejjin xogħlijiet infrastrutturali. Dwar is-sena skolastika li jmiss, il-Ministru qal li għaddejjin taħdidiet ma' dawk kollha involuti biex l-iskejjel jerġgħu jiftħu f'Settembru li ġej. F'anqas minn ġimagħejn l-iskejjel jerġgħu jiftħu l-bibien tagħhom, għal Skola Sajf. Kelliem għall-Ministeru tal-Edukazzjoni qal li 7,000 student se jerġgħu jiltaqgħu fl-ambjent tal-iskola wara aktar minn tliet xhur id-dar minħabba l-pandemija tal-coronavirus. In-numru tagħhom s'issa huma ftit aktar min-nofs l-istudenti li attendew is-sena li għaddiet. Il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici qal lil Television Malta li l-linji gwida għadhom qed jiġu diskussi mal-unions li jirrappreżentaw l-ħaddiema, il-ġenituri u oħrajn involuti fi SkolaSajf, li se tibda fl-1 ta' Lulju. "Aħna tkellimna mal-Awtoritajiet tas-Saħħa u qbilna fuq pakkett ta' miżuri, biex bħalma għamilna fiċ-childcare centres, anke fi SkolaSajf ikun hemm miżuri li jserrħu moħħ il-ġenituri li jibagħtu lit-tfal fi SkolaSajf," qal il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici. Dwar is-sena skolastika li jmiss, il-Ministru qal li għaddejjin taħdidiet biex l-iskejjel jerġgħu jiftħu f'Settembru li ġej. Mistoqsi dwar x'miżuri se jittieħdu, spjega li l-prinċipji ta' distanza soċjali, il-ħasil tal-idejn u l-użu tal-maskri f'ċertu ċirkostanzi se jinżammu. L-iskola sekondarja fiż-Żejtun/Tkabbir u mmodernizzar bi spiża ta' €5m Intant l-istudenti tal-iskola sekondarja taż-Żejtun, se jsibu skola b'ambjent aktar modern wara li fl-aħħar xhur, saru diversi xogħlijiet infrastrutturali. Il-proġett ta' tkabbir u modernizzar, li huwa mmexxi mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada, qed isir b'investiment ta' 5 miljun ewro. Fuq blokka eżistenti nbena sular ieħor, bi 13-il klassi, tmien laboratorji għat-tagħlim tax-xjenza u klassijiet oħra għall-home economics u għall-inġinerija u d-disinn. Waqt ix-xogħlijiet fuq din l-iskola nstabu fdalijiet ta' barriera antika, li possibilment kienet tifforma parti minn kumpless ta' Villa Rumana, li kienet instabet fil-viċin fis-snin 60. Dawn il-fdalijiet se jkunu inklużi fil-proġett tal-iskola. | [
5
] |
Imtella' Ġunju 21, 2020 - Aġġornata 21 Ta' Ġunju, 2020 2:20pm Il-kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia appella biex kulħadd jaħdem flimkien biex fi kliemu inħarsu l-aqwa interess ta' Malta għaliex wissa li għada se jkun tard wisq. Dr Delia tkellem dwar l-aħħar każ żvelat dwar il-proġett tal-Montenegro li qal kompla għarraq ir-reputazzjoni ta' Malta u rabatha ma' kriminalità internazzjonali. Il-Kap nazzjonalista qal li issa huwa l-mument li jnaddfu isem Malta mil-korruzzjoni u minn dak li sejjaħ il-kriminali li ħatfu lil Partit Laburista u l-istituzzjonijiet tal-pajjiż. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia sejjaħ lill-Prim Ministru Robert Abela jgħid x' kien jaf eżattament f'Novembru dwar il-proġett tal-Montenegro. Qal li r-responsabbiltà issa hija tal-Prim Ministru u tal-kabinett tiegħu u jekk ma jittieħdux id-deċiżjonijiet li hemm bżonn wara dak li sar magħruf fil-każ tal-Montenegro, ser tikber il-ħsara lir-reputazzjoni ta' Malta. Dr Delia qal li b'dak li kien miftiehem f'Novembru li għadda, il-gvern għandu idejh marbutin. Intervista fuq il-midja tal-Partit Nazzjonalista, Dr Delia qal li anki Evarist Bartolo wissa dwar il-konsegwenzi gravi għar-reputazzjoni tal-pajjiż hekk kif l-Moneyval mistennija toħrog rapport fuq Malta. Qal li l-aħħar każ jimplika lil Malta fi kriminalità internazzjonali mal-Prim Ministru tal-Montenegro li ukoll ngħata t-titlu tal-aktar politiku korrott fid-dinja. Il-kap Nazzjonalista staqsa jekk fil-partit laburista għadx hemm min iħobb lil Malta għalkemm qal li jemmen li fost id-deputati laburisti hemm min huwa skondu bil-ħsara li qed issir lil Malta bil-korruzzjoni. Huwa qal li iżjed ma jgħaddi ż-żmien, wieħed qed jintebaħ li dawk li kienu qed jappoġġjaw lil Robert Abela, kienu qed jagħmlu hekk biex jigarantixxu l-kontinwità biex skont Dr Delia jkomplu jipproteġu lil dawk li huma involuti fl-iskandli. Qal li bħalma insista li r-rapport egrant ikun ippubblikat, se jibqa jinsisti li jinħarġu id-dokumenti tal-Vitals li juru kif insterqu €90 miljun fis-sena mill-poplu. Dr Delia staqsa kif jista' jkun li Robert Abela ma kienx mgħarraf dwar dan. Żied jgħid li l-poplu qed jinżamm ostaġġ u jkollu jħallas il-prezz qares għad-deċiżjonijiet ħżiena li saru mill-gvern. Dr Delia qal li l-gwerer interni fil-partit laburista m'humiex dwar kif se jkunu ssalvagwardjati l-interessi tan-nies imma dwar min se jinkixef u dwar min għandu jmur il-ħabs. Qal li hawn nies li qed isofru l-ġuħ u qed jibżgħu li jitilfu l-impjieg tagħhom u li l-gvern jibqa' jpinġi li kollox qisu miexi fuq ir-rubini u allega li Robert Abela bħal predeċussur tiegħu issa qed jikkunsidra elezzjoni bikrija biex jgħatti l-qerq u l-korruzzjoni tal-aħħar snin. | [
12
] |
Imtella' Ġunju 21, 2020 - Aġġornata 21 Ta' Ġunju, 2020 7:19pm Għall-familja Casha llum kien l-ewwel Jum il-Missier mingħajr missier. Il-Professur Aaron Casha miet ftit iktar minn xahar ilu bil-Covid-19, ġimgħa qabel għalaq 54 sena. Il-missier ta' żewġt ibniet kien ilu ħames snin jistenna donatur għat-trapjant tal-kliewi waqt li sena ilu marad b'kundizzjoni kronika u kien f'koma. Missier il-Professur Casha jibqa' jgħożż il-mumenti ħdejn ibnu l-isptar. "Konna pereżempju kif naslu ngħidulu d-daddy Jimmy u l-mummy. Imbagħad kont ngħidlu ħa nagħmillek ftit physio. Inħaddimlu saqajh u jdejh." Il-Professur Casha kellu għożża għar-riċerka u qatta' ħajtu jistudja biex jagħti ċans ta' ħajja jew ħajja aħjar lill-pazjenti morda b'qalbhom. Missieru jħoss vojt kbir f'ħajtu. "Jien u t-tifel konna ħbieb ħafna. Qed tifhem. Iktar bħala aħwa milli missier." L-istess vojt iħossu Ivan Bartolo li romol u jrabbi żewġ tfajliet waħdu – waħda minnhom fostered. "Jiġġieldu bħall-aħwa normali u ttihom l-aħjar possibbli daqslikieku missier normali, li kelli nimla l-vojt tal-mara biex tibqa' l-familja proprja." Bħala armel iħoss responsabbiltà doppja. "Ħafna drabi tkun waħdek u trid tiddeċiedi waħdek u ma jkollokx ma' min tista' taħseb ftit u taqsam il-ħsibijiet waħdek." Ix-xewqa tiegħu hi li jarahom jilħqu l-milja ta' ħajjithom. "It-tifla l-kbira tilħaq tieħu l-pożizzjoni tax-xogħol li xtaqet. Iż-żgħira wkoll timxi fl-iskola." Grupp ta' missirijiet ħadu sehem f'attività li saret fil-Palazz ta' San Anton għall-okkażjoni ta' Jum il-Missier. Għall-President George Vella, din il-ġurnata kienet it-tieni darba li ltaqa' ma' wliedu mindu ġew illaxkati l-miżuri marbuta mal-imxija. Hu ħeġġeġ lill-missirijiet biex ikunu preżenti fil-ħajja ta' wliedhom. "Jien għalija l-missier huwa dak li qiegħed hemm meta t-tfal ikollhom bżonn il-wens, Jiġifieri għalija huwa l-missier addottiv, il-missier li qed jagħmel fostering, il-missier li m'għandu xejn legali imma qed irabbi familja. Dak għalija huwa missier." Il-President sellem lill-missirijiet li m'għadhomx magħna, li qal servew ta' pilastri fil-ħajja ta' familja. "Inħeġġeġ lil kull missier biex jieħu l-opportunità li jkun ġenitur preżenti fil-ħajja ta' wliedu" | [
6,
12
] |
Imtella' Ġunju 21, 2020 Bħal-lum tliet xhur għalaq l-ajruport għal titjiriet kummerċjali minn u lejn Malta. Dilettanti tal-avjazzjoni qalu li l-ajruport qatt ma jiftakruh hekk u għalihom hi ħasra kbira! Jinsabu ħerqana biex minn għaxart'ijiem oħra jerġgħu jibdew jirrankaw il-movimenti tal-ajruplani u bil-mod il-mod ikomplu jipprattikaw id-delizzju tagħhom, bħal qabel, f'Malta u barra. "Bħalissa qed nisimgħu magna. Għaddej ajruplan tal-armata, jiġifieri ħoss sabiħ għalina. Nieħdu pjaċir kultant ikun hawn il-Forzi Armati ta' Malta ikunu qegħdin jagħmlu daqsxejn training, allanqas tara xi ħaġa. Imma l-bqija li tara l-airport hekk mhix xi ħaġa sabiħa," qal Paul Spiteri Lucas. "F'dak li hu avjazzjoni diżappunt, għax tara ħafna affarijiet madwarek li mhumiex tas-soltu. Ikollok sħabek li tilfu x-xogħol, oħrajn għandhom ix-xogħol f'riskju," fisser Saviour Schembri. Għad-dilettanti tal-avjazzjoni, l-aħħar tliet xhur kienu kwieti u ta' diżappunt. Saviour Schembri ilu fuq ħamsin sena, ma' kull ċans li jkollu jintasab barra l-ajruport, jiffotografa u jiddokumenta l-movimenti tal-ajruplani. Jistqarr li għall-militar l-aktar bieżel kien żmien is-servizzi Ingliżi. It-traffiku ċivili żdied ħafna fl-aħħar snin. Fl-aħħar tliet xhur l-uniku attività li baqgħet l-istess – jekk ma żdiditx xi ftit ukoll – hi dik ta' ajruplani li jwasslu l-merkanzija, fejn ġew ukoll xi ajruplani ta' interess. "Bħal Antonov 12, li hu ajruplan li għandu 50 sena, għadu jtir, ghadhom itajruh, ajruplan robust, Russu, 'Russian built', għalkemm kienu tal-Ukrajna dawk li rajna hawnhekk, imma huma ta' interess." Irrimarka li titjiriet ta' ripatrijazzjoni organizzati mill-gvernijiet ta' pajjiżi oħra ġabu l-ajruport xi ajruplani ta' interess u linji tal-ajru li mhux soltu jtiru minn u lejn Malta. "Bħal LOT mill-Polonja, rajna Tarum mir-Rumanija, rajna Libyan Arab Airlines, xi Kuwait, Air Serbia, Aeroflot mir-Russja li ma jiġux hawn, Turkish operaw ajruplan akbar milli jiġi mis-soltu, A330 kellna xi żewġ titjiriet." L-interess ta' Paul Spiteri Lucas hu l-aktar fl-ajruplani militari. Qalilna li fl-aħħar tliet xhur kienu skarski ħafna. "Kull ma kellna kienu xi 5 titjiriet mill-istess ajruplan tal-qawwiet tal-ajru Tuneżini li kien qed jiġi Malta biex jiġbor xi cargo. Mill-informazzjoni li għandna ma kellu x'jaqsam xejn mal-COVID. Hu ajruplan antik. Jiġifieri xorta tieħu pjaċir tarah. Hu Hercules, verżjoni waħda mill-antiki." Paul u ħbieb tiegħu jżommu aġġornata l-paġna Horizon fuq Facebook li biha jiddokumentaw movimenti ta' ajruplani f'Malta u aħbarijiet internazzjonali dwar l-avjazzjoni li nnota tul il-pandemija kienu karaterizzati minn rapporti koroh dwar diffikultajiet li qed jiffaċċjaw linji tal-ajru. "Użajna l-ħin li forsi qabel konna niġu l-ajruport nieħdu r-ritratti biex irranġajna u komplejna nkabbru l-arkivju tagħna. Eżempju jien kelli numru ta' air shows li jew sifirt barra jew anke li kienu ta' Malta u kont għadni lanqas biss dorthom ir-ritratti." L-aħħar domanda ħallejniha għall-veteran: x'jippreferi l-aktar, itir jew jara l-ajruplani? "It-tnejn inħobbhom ta!" qalilna bid-daħka, "Pero li tiffotografhom hi xi ħaġa vera li tħobb tagħmel. Illum qiegħed ingawdi ritratti li ħadt 50 sena ilu, per eżempju. Dawk li kellna 50 sena ilu spiċċa kollu u jkunu ta' interess aktar." | [
12,
16
] |
Imtella' Ġunju 21, 2020 - Aġġornata 21 Ta' Ġunju, 2020 7:41pm It-tmiem tar-rebbiegħa u l-bidu tas-sajf seħħ f'jumejn ikkaratterizzati mir-riħ, iżda b'temperaturi li bil-mod il-mod bdew telgħin; l-ogħla laħqet it-28 grad celsius. Għalkemm il-pjani ta' wħud li jqattgħu l-ewwel jum tas-sajf fil-bajjiet u x-xtajta sfrattaw, kien hemm min ma qatax qalbu u xorta mar il-baħar. Illum l-ewwel jum uffiċjali tal-istaġun tas-Sajf u ħabat ukoll Jum il-Missier. Kienu diversi dawk li ħarġu f'xi ristorant qrib il-bajjiet, jew marru jgħumu. Kien hemm kunsens fost nies li tkellimna magħhom li lesti li jerġgħu jibdew igawdu l-ħajja soċjali waqt li jibqgħu isegwu r-rakkomandazzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa. Ara x'kellhom xi jgħidu n-nies: | [
12
] |
Imtella' Ġunju 21, 2020 B'miżuri stretti biex jikkontrollaw l-imxija tal-Covid-19, il-poplu fis-Serbia qed jivvota f'elezzjoni biex jeleġġi parlament ġdid. Qed isiru wkoll l-elezzjonijiet lokali. Il-votanti huma mħeġġa jilbsu l-maskri u jużaw is-sanitiser wara li jivvotaw. Is-Serbja għandha kważi 13,000 każ ta' coronavirus u rreġistrat 260 mewt. Il-biża' ta' infezzjoni tista' twassal biex inqas nies joħorġu jivvutaw. Il-koalizzjoni popolista fil-Gvern qed tittama li tkompli ssaħħaħ il-maġġoranza. Il-partiti fl-Oppożizzjoni sejħu għal bojkott għax qalu li l-President Aleksandar Vucic għandu kontrol tal-media u dan ifisser li l-votazzjoni la tista' tkun ħielsa u lanqas ġusta. Il-partit tal-President qed jittama li jqarreb lis-Serbia lejn sħubija fl-Unjoni Ewropea filwaqt li jżomm rabtiet mill-qrib mar-Russja u maċ-Ċina. Belgrade għandha wkoll pressjoni mill-pajjiżi tal-Punent sabiex tirrikonoxxi l-indipendenza tal-Kosovo. | [
9,
10
] |
Imtella' Ġunju 21, 2020 - Aġġornata 21 Ta' Ġunju, 2020 1:08pm L-istat Awstraljan ta' Victoria, estenda b'erba' ġimgħat l-istat ta' emerġenza sad-19 ta' Lulju wara li ra l-ogħla żieda fil-każijiet ġodda ta' coronavirus f'aktar minn xahar. Il-miżura tagħti poteri legali lill-awtoritajiet biex jirristrinġu l-moviment abbażi ta' saħħa pubblika. Id-deputat kap mediku, Dr Nick Coatsworth qal li "dan għandu jfakkarna li f'popolazzjoni li m'għandhiex immunità għall-Covid-19, minn żmien għal ieħor se jfeġġu gruppi infettati bħal ma qed naraw f'Victoria." Victoria sabet grupp ta' infezzjonijiet ġodda fl-aħħar jiem. Il-premier tal-istat qal li ż-żieda fil-każijiet hija kaġun ta' trażmissjoni minn familja għal oħra. L-istat ta' Victoria se jkun qed jipposponi l-illaxkar tar-restrizzjonijiet u se jerġa' jimponi l-miżuri għaż-żamma tad-distanza soċjali fosthom limitu ta' kemm jistgħu jinġabru nies flimkien. | [
1,
9,
10
] |
Imtella' Ġunju 21, 2020 - Aġġornata 21 Ta' Ġunju, 2020 10:04am F'attività li saret fil-Palazz ta' Sant'Anton fl-okkażjoni ta' Jum il-Missier, il-President George Vella fisser kif il-missier huwa titlu li jġib miegħu ħafna responsabbiltà iżda wkoll privileġġ li trabbi familja u taraha tikber fl-imħabba. Il-President Vella qal dan meta ltaqa' ma' numru ta' missirijiet u l-familji tagħhom minn oqsma varji tas-soċjetà li jirriflettu sitwazzjonijiet differenti li jiffaċċjaw il-missirijiet f'kull forma ta' familja Maltija. Huwa sostna kif illum il-missier huwa tassew co-parent , u ħeġġeġ lil kull missier biex jieħu l-opportunità li jkun ġenitur preżenti fil-ħajja ta' wliedu. Appella biex l-integrità u l-imħabba lejn l-ulied qatt ma tiġi mxekkla mill-materjaliżmu. Elenka kif l-imxija tal-Covid-19 kissret ħafna 'konvenzjonijiet' soċjali kif ukoll familjari, u hawnhekk irrefera għall-missirijiet li kienu waħedhom tul dawn iż-żminijiet għax kienu vulnerabbli. Stqarr kif, għalkemm it-teknoloġija għenet ħafna, huwa wkoll ħass in-nuqqas tal-kuntatt mat-tfal u n-neputijiet. Il-President ħa l-opportunità li jawgura lill-missirijiet kollha; dawk naturali, adottivi jew foster, single fathers u anke lil dawk li jixtiequ jsiru missirijiet jew li b'xi mod jew ieħor qed iservu ta' figura paterna. Ma naqasx milli jsellem ukoll lill-missirijiet li m'għadhomx magħna u li wkoll servew ta' pilastri kbar fil-ħajja tal-familja. | [
12
] |
Imtella' Ġunju 21, 2020 Trabbew taħt l-istess saqaf. Kulurhom fil-festa, iżda, differenti. Minkejja dan, xejn ma jifridhom. Spiss, fil-festi jaf dak li jkun jintefa' jlegleg flixkun birra għall-frisk ma' għadd ta' partitarji bħalu u minn ħin għall-ieħor xi ftit tal-pika ma' xi ċorma partitarji opposti ma tonqosx. Madanakollu, dan mhuwiex dejjem il-każ. Fiż-Żejtun din il-ġimgħa qed tiġi ċċelebrata l-festa ta' Santa Katarina. Matulha, fost l-oħrajn, tispikka l-għaqda bejn l-aħwa Omar Micallef u Gaynor Micallef, żewġ partitarji opposti. Magħruf bħala d-Dirbi, sa minn mindu kien għadu ħalib ommu fi snienu Omar beda jagħmilha ma' nies mal-Banda Beland u ftit ftit sar partitarju tal-ħodor. Min-naħa l-oħra, Gaynor bħall-bqija tal-familja Micallef ħareġ mal-ħomor. F'kummenti lil tvm.com.mt Omar, kaxxier tas-Sezzjoni Partitarji Belandisti u assistent kaxxier tas-Soċjetà Mużikali Beland qal li familtu hija l-mimmi t'għajnejh u għaldaqstant lanqas tgħaddilu minn rasu li joħodha qatta' bla ħabel kontra l-partitarji opposti ġaladarba jaf li hemm ħuħ fosthom. Omar żied jgħid li tant jingwalaha tajjeb ma' ħuħ li fil-Ġimgħa l-Kbira jdoqqu flimkien mal-Banda Rumana quddiem ir-Redentur. Mistoqsi jekk qattx illetika ma' ħuħ fil-jiem tal-festa, Omar stqarr li kemm kemm pika jkun hemm matul is-siegħa tal-marċ tal-festa mbagħad qisu qatt ma ġara xejn. Saħansitra, spjega li hu u ħuħ Gaynor bħal-lum jispiċċaw jidħlu fil-każini ta' xulxin bil-flokkijiet opposti bla problemi ta' xejn. "Hekk sabiħa l-festa!" qal Omar. Sors: Omar Id-Dirbi Micallef Sors: Omar Id-Dirbi Micallef Sors: Omar Id-Dirbi Micallef | [
1,
2
] |
Imtella' Ġunju 22, 2020 - Aġġornata 22 Ta' Ġunju, 2020 8:26pm Tlestiet fażi oħra tal-proġett tar-riġenerazzjoni u restawr ta' Wied il-Qlejgħa, magħruf bħala Chadwick Lakes, proġett li qed isir mill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma b'investiment ta' €5 miljuni, parzjalment minn fondi Ewropej. Fix-xhur sajfin meta Wied il-Qliegħa jew kif inhu magħruf aħjar Chadwick Lakes ikun qoxqox se jitkompla l-proġett ta' riġenerazzjoni fuq medda ta' madwar kilometru fdan il-Wied li għandu importanza mhux biss għal ħażna tal-ilma iżda wkoll dik ekoloġika. Waqt żjara lil proġett mill-Ministru Michael Farrugia u s-Segretajru Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi ġie spjegat li fis-sajf li għadda, tlesta t-tħammil ta' parti kbira mill-wied u t-tneħħiet il-veġetazzjoni invażiva. Sar ukoll restawr ta' ħitan tas-sejjieħ, tħawwil ta' siġar ġodda u r-restawr tal-Fiddien Box li fi żmien l-Ingliżi kienet tintuża biex jinġabar l-ilma minn għejjun fl-inħawi biex jissupplixxi s-sistema ewlenija tal-ilma f'pajjiżna. Din l-istruttura se tintuża bħala ċentru ta' interpretazzjoni u madwarha se tkun żona ta' rikreazzjoni. Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, Manuel Sapiano qal li l-proġett qed isir f'diversi fażijiet bix-xogħlijiet ikollhom isiru fis-sjuf. "Dal-proġett beda sentejn ilu u mistenni jitlesta matul din is-sena." Is-Segretarju Parlamentari għal Fondi Ewropej, Zrinzo Azzopardi qal li dan huwa proġett ambjentali li qed isir b'investiment ta' 5 miljun ewro part minnhom fondi ewropej. Qal li f'dan il-proġett qed joħloq bilanċ bejn l-iżvilupp u l-konservazzjoni tal-ambjent u l-biodiversità. "Il-Ministru tal-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Michael Farrugia spjega li dan huwa proġett ukoll għall-konservazzjoni tal-ilma. Il-Ministru Farrugia qal li l-ħażna tal-ilma tenħtieġ ippjanar u l-Aġenzija rat kif l-inġinerija li ntużat mill-Ingliżi għall-ħażna tal-ilma 150 sena ilu qed tkun konservata bl-aħjar mod. | [
12
] |
Imtella' Ġunju 22, 2020 - Aġġornata 22 Ta' Ġunju, 2020 6:55pm Bil-għan li Malta tkompli tisfrutta l-opportunitajiet diġitali għaxar professjonisti minn oqsma varji fosthom is-servizzi finanzjarji u l-ekonomija ngħaqdu fl-ewwel think tank tax-xorta tiegħu. Iċ-Chairperson tiegħu Kearon Bruno, qal li l-grupp se jara kif Malta tista' tattira niċeċ ekonomiċi ġodda bħal intelliġenza artifiċjali, internet of things, big data u digital innovation hubs fost l-oħrajn. Bħal f'ħafna pajjiżi oħrajn, il-pandemija ġabet sfidi għall-industriji tradizzjonali u għall-ekonomija b'mod ġenerali. Madanakollu n-negozji li firxu l-attivita tagħhom online jew ikkunsidraw l-opportunitajiet diġitali li jeżistu baqgħu għaddejjin jew saħanistra komplew jikbru. Is-Segretarju Parlamentari għall-ekonomija diġitali, Clayton Bartolo qal li bil-ħsieb li Malta issaħħaħ setturi eżistenti u ohrajn ġodda, stieden għaxar professjonisti minn oqsma varji – fosthom ekonomisti, għalliema, bankiera, avukati u xjentisti – biex iservu ta' think tank għall-ekonomija diġitali. "Dan it-think tank se jkun qe joħroġ b'numru ta' inizjattivi u anke linji gwida sabiex b'hekk infasslu strateġija diġitali ġdida għall-pajjiżna għas-snin li ġejjin u Malta b'hekk se tibda vjaġġ biex tkun iktar diġitali u fuq quddiem nett fir-rigward tal-ekonomija diġitali". Iċ-Chairperson tat-think tank, Kearon Bruno qal li l-għan aħħari hu li l-ekonomija diġitali tingħata spinta fosthom b'setturi ġodda. "Fost in-niċeċ li qed inħarsu lejhom għandek quantum, big data, internet of things, high performance computing, digital innovation hubs, e-sports, artificial intelligence fost numru ta' niċeċ li bħala pajjiż qe inħarsu lejhom sabiex li nibnu tkabbir ekonomiku li jkun reżiljenti u sostenibbli". | [
12
] |
Imtella' Ġunju 22, 2020 Lejliet il-Jum Dinji tas-Servizz Pubbliku, il-President George Vella faħħar il-mod li bih is-Servizz Pubbliku baqa' għaddej bil-ħidma bla waqfien anke fiċ-ċirkustanzi li ġabu magħhom l-aħħar xhur minħabba l-imxija tal-pandemija Covid-19 f'laqgħa li kellu mal-Kap taċ-Ċivil Mario Cutajar. Il-President George Vella filwaqt li faħħar is-servizz u l-appoġġ li ta s-Servizz Pubbliku waqt il-pandemija sostna l-ogħla uffiċjali taċ-ċivil għandhom jibqgħu jinsistu fuq ir-responsabilità, id-dedikazzjoni, l-etika u l-integrità. "Huma qegħdin f'pożizzjoni ta' responsabiltà li jridu jieħdu deċiżjonijiet dak li joħroġ minnhom. Jiena konvint li jekk kemm-il darba dawn jaħdmu kif ħadmu fil-pandeminja, jiġifieri f'koperazzjoni bejniethom , bi professjonalità li ġiet ppruvata s-servizz pubbliku Malti għandu futur li jista' jkun ħafna aħjar milli kien sa issa. Il-President Vella sejjaħ lis-servizz pubbliku mutur biex tinżamm l-ordni fil-pajjiż. Huwa appella biex aktar ċittadini jkunu aktar informati dwar ix-xogħol li jwettaq is-servizz pubbliku. Żied jappella lill-ħaddiema tas-servizz pubbliku mill-kbir saż-żgħir biex iżommu l-ogħla standards ħalli jkunu ta' eżempju għaċ-ċittadin. Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Permanenti Ewlieni, Mario Cutajar, saħaq li l-viżjoni ewlenija tas-Servizz Pubbliku trid twassal biex jintlaħaq servizz ta' eċċellenza. Fisser kif biex dan isir, hemm bżonn investiment fit-teknoloġija u fit-taħriġ. Stqarr li l-ħidma tas-servizz qed tkun rikonuxxuta. "Apparti li jkollok l-awards internazzjonali kif ħadna però mbagħad li l-KE issemmi l-mystery shopper bħala a success story li addottajna s-servizz pubbliku biex dejjem servizz aħjar huwa ta' sodisfazzjon kbir u l-ikbar sodisfazzjoni huwa meta nagħtu servizz ferm aħjar lill-klijenti tagħna, hemm ukoll li mingħajr il-ħtieġa ta' kwoti tista' tgħid li nofs il-pożizzjonijiet kollha fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet huma ddominati min-nisa. Is-sur Cutajar qal li dan kollu huwa riżultat ta' riformi li saru biex is-servizz ikun effiċjenti li jaqdi l-ħtiġijiet taċ-ċittadin. | [
12
] |
Imtella' Ġunju 23, 2020 - Aġġornata 23 Ta' Ġunju, 2020 8:00pm Tliet irġiel, wieħed minnhom avukat, li kienu jokkupaw l-ogħla karigi fil-każin tal-banda ta' Lourdes ta' Raħal Ġdid, weħlu bejn 4 snin u sentejn ħabs kull wieħed, wara li nstabu ħatja ta' qerq meta ffirmaw eluf ta' ewro f'ċekkijiet li ma setgħux jissarrfu. Il-Qorti semgħet kif Vincent Farrugia, li kien President, Josef Grech, li kien Segretarju u Omar Caruana, li kien Teżorier, kienu firmatarji konġunti għall-kont bankarju tas-Soċjetà Filarmonika Lourdes waqt li Grech u Caruana waħedhom kienu wkoll firmatarji konġunti ta' kont f'isem l-Għaqda Mużikali Santu Wistin. Iż-żewġ kontijiet kienu mal-bank APS. Intqal li sa minn Novembru 2008 dawn kienu joħorġu ċekkijiet biex jixtru 'money orders' mingħand il-Maltapost, jiddepożitaw il-money orders fil-kont, u jerġgħu joħorġu ċekkijiet mill-istess kont lill-terzi. Intqal li din il-proċedura tissejjaħ 'kite flying' għax ikun qed jingħata kreditu fittizju sakemm xi ħadd jibqa' b'ċekkijiet li ma jissarrfux. Fil-Qorti ntqal li f'inqas minn ħmistax f'Jannar 2009 nxtraw 64 'money orders' b'total ta' €36,000 bi 15-il ċekk tal-APS; 13 li kienu jgħajtu lill-banda ta' Lourdes u tnejn lill-banda ta' Santu Wistin, bil-Maltapost li spiċċat sofriet telf ta' kważi €20,200. Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Marseanne Farrugia ma laqgħetx l-argumenti tal-akkużati, fosthom li dak li għamlu kien approvat mill-Kumitat, li l-flejjes maħruġa kienu kollha qed jintużaw għas-soċjetajiet mużikali, jew li għamlu l-money orders flok ċekkijiet diretti biex iħallsu lill-bandisti. Meta qieset il-piena, il-Qorti kkunsidrat diversi fatturi, fosthom li Grech għandu 10 kundanni oħra għal diversi reati, waqt li Farrugia għandu 9 kundanni. Għalkemm Caruana għandu kondotta nadifa, dan huwa avukat, bil-Qorti tgħid li din hi professjoni bbażata fuq il-fiduċja tal-pubbliku. Għalhekk il-Qorti għaddiet biex tikkundanna lit-tliet imputati sentenza effettiva ta' ħabs; 4 snin għal Grech, 3 snin għal Caruana, u sentejn għal Farrugia. Huma kienu ordnati wkoll biex iħallsu lura lil Maltapost il-flejjes li tilfet. Aġġornat : Sadanittant, is-Soċjetà Filarmonika 11 ta' Frar li twaqqfet f'Novembru tal-2011 iddisassoċjat ruħha minn dan il-każ li sar mill-għaqda mużikali banda Lourdes, li ġiet xolta fl-2010. | [
0,
12
] |
Imtella' Ġunju 23, 2020 - Aġġornata 23 Ta' Ġunju, 2020 4:24pm Membri tal-Protezzjoni Ċivili ssejħu biex jitfu nar li qabad viċin il-bypass tal-Mellieħa dalgħodu. Il-Pulizija qalet lil TVM li kienet infurmata bin-nar għall-ħabta tal-11.20am. Mill-ewwel tagħrif jirriżulta li vettura li kienet f'għalqa, viċin garaxx, ħadet in-nar. In-nirien ġew ikkontrollati mill-pumpiera, u f'dan l-istadju ħadd ma jidher li weġġa'. | [
12
] |
Imtella' Ġunju 23, 2020 - Aġġornata 23 Ta' Ġunju, 2020 7:54pm Għalkemm fuq il-lapida tal-lista tal-kummissarji tal-korp fid-daħla tad-depot, ismu għad mhux imniżżel, fl-ewwel ġurnata bħala Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà beda jieħu d-deċiżjonijiet u l-ewwel waħda kienet li jbiddel il-Kap tat-Taqsima ta' kontra r-reati ekonomiċi, li bħalissa tinsab taħt pressjoni mill-Moneyval tal-Kunsill tal-Ewropa minħabba rata baxxa ta' każi li tressqu l-qorti fuq ħasil ta' flus. Minflok l-Assistent Kummissarju, Ian Abdilla, is-Sur Gafà ħatar lil Assistent Kummissarju, Alexandra Mamo, li hija avukat u kienet fost l-applikanti għall-Kummissarju. F'konferenza tal-aħbarijiet, is-Sur Gafà qal li huwa ħadem disa' snin mas-sur Abdilla u jaf kemm hu kapaċi, iżda minħabba l-insinwazzjonijiet li saru fuqu u s-suspetti li tqanqlu, irid jelimina kull dubju u jassigura li l-ġustizzja mhux biss issir imma tidher li qed issir. "Il-messaġġ huwa li aħna l-affarijiet irridu nieħduhom b'serjetà." Mistoqsi jekk hux lest jinvestiga allegazzjonijiet ta' korruzzjoni li jinvolvu lill-politiċi, l-Kummissarju l-gdid qal li l-ismijiet ma jimpressjonawhx u qatt ma ddejjaq jew ġie influwenzat minn ħadd, u ta garanzija li kull allegazzjoni tiġi investigata fosthom b'sistema ġdida ta' monitoraġġ. "Jien ħa nitlob b'mod regolari update ta' dawn il-każijiet li jkunu fl-ispotlight ħalli ħadd ma jaqa' lura (slacking), jien nemmen li jekk iżżomm dan il-kontroll fuq in-nies, in-nies ħa jikkontribwixxu, għandna ħafna elementi tajbin fil-korp u l-ħasra hija li sfortunatament mal-ħażin jeħel it-tajjeb." Il-Kummissarju Gafà qal li dalwaqt se tiddaħħal strateġija kontra l-frodi u l-korruzzjoni li biha se tinbidel il-liġi biex ikun jistgħu jsiru rapporti ta' korruzzjoni anke b'mod anonimu. Qal li tul it-tmexxija tiegħu, il-korp se jgħaddi minn proċess ta' bidla għax irid li l-fiduċja tal-poplu tiżdied u jirrifletti r-realtajiet tal-lum, fosthom b'taqsima dedikata għall-vjolenza domestika. Qal li bħalissa għaddej il-proċess intern għal min se jaħdem f'din it-taqsima, aktar community policing għall-prevenzjoni tar-reati u biex jiddaħħlu aktar pajżana li jieħdu post madwar 17% tal-2,400 membru tal-korp li bħalissa qed jagħmlu xogħol amministrattiv, biex dawn ikun jistghu jagħmlu xogħol pulizjesk. Is-Sur Gafà qal li huwa se jara li l-korp jipprepara lill-Pulizija huwa stess b'korsijiet akkreditati. Stqarr li mhu se jaċċetta l-ebda skartar u se jara li s-Surġenti Maġġuri ma jibqgħux fl-istess post għal perjodu twil, iżda jduru biex l-infurzar jissaħħaħ. Qal li se jkun hemm reviżjoni dwar ix-xogħol part-time li jagħmlu l-Pulizija u xogħol li mhuwiex kompatibbli mad-doveri tal-korp, mhux se jitħalla aktar. Angelo Gafà maħtur uffiċjalment Kummissarju tal-Pulizija | [
0,
2,
12
] |
Imtella' Ġunju 23, 2020 Linji gwida mfassla mill-awtoritajiet tal-ambjent u l-ippjanar jipproponu li fl-applikazzjoni ta' proġetti kbar, l-iżviluppatur għandu jippreżenta rapport dwar kif għandu jitnaqqas l-impatt tat-tniġġis mid-dawl artifiċjali fiż-żona proposta għall-iżvilupp. It-tniġġis mid-dawl, għalkemm mhux fatali daqs it-tniġġis fl-arja, jaffettwa lill-bnedmin daqskemm jaffettwa l-flora u l-fawna. Linji gwida li tfasslu mill-Awtorità għall-Ambjent u l-Awtorità tal-Ippjanar għandhom l-għan fost oħrajn li jipproteġu l-għasafar tal-baħar u l-fkieren li jitilgħu l-art biex ibejtu, kif spjegat il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Ambjent, il-Perit Michelle Piccinino. "Aħna nieħdu miżuri li fl-area li tkun qed tiġi protetta naraw li ma jkunx hemm dawl li jtellef. Hemm għarfien li t-tniġġis minn dan id-dawl ikun qed jimpatta fuq dawn l-ispeċi," qalet il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi Michelle Piccinino. It-tniġġis mid-dawl hu kkawżat l-aktar mid-dwal fit-toroq, fil-bajjiet, fil-lukandi u f'bini pubbliku fosthom is-swar u l-knejjes. Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar, Martin Saliba, spjega li t-tip ta' fittings għad-dwal jistgħu jnaqqsu t-tniġġis billi jidderieġu d-dawl lejn fejn hu meħtieġ. "Sempliċiment bozza fit-triq illum hawn mezz kif din il-bozza tagħti biss illuminazzjoni fil-parti fejn trid tixgħel biss, il-parti tat-triq," qal iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar, Martin Saliba. Is-Sur Saliba qal li l-linji gwida qed jipproponu li ma' applikazzjoni ta' żvilupp kbir, l-iżviluppatur irid jippreżenta rapport dwar it-tniġġis mid-dawl. "Żviluppi ta' ċertu kobor bħal bini industrijali, bini sportiv għax dak ukoll joħloq light pollution u hemmhekk se nitolbu dan ir-rapport biex jindirizza tal-impatt tad-dawl artifiċjali," qal iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar, Martin Saliba. Il-Ministru għall-Ambjent, Aaron Farrugia, qal li dawn il-linji gwida qegħdin għall-konsultazzjoni pubblika. "Dawn il-linji gwida jiggwidana għall-iżvilupp kbir li jista' jkollna fiż-żmien li ġej kif ukoll nagħżlu postijiet li huma żoni rurali fejn huma mudlama u nibqgħu ngawdu s-sema matul il-lejl," qal il-Ministru għall-Ambjent, Aaron Farrugia. Il-konsultazzjoni pubblika tagħlaq fil-bidu ta' Awwissu. | [
2,
4,
12
] |
Imtella' Ġunju 23, 2020 - Aġġornata 23 Ta' Ġunju, 2020 8:06pm Membri tal-kabinett u deputati Laburisti llejla waslu fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista għal- laqgħa urġenti msejħa mill-Prim Ministru Robert Abela . Fil-laqgħa mistennija tkun diskussa t-tneħħija ta' Konrad Mizzi mill-grupp Parlamentari Laburista, wara li iktar kmieni llum huwa stqarr li ma riedx iwarrab kif talbu biex jagħmel il-Prim Ministru. Crew ta' TVM f'Mile End fil-Ħamrun seta' josserva lid-Deputat Prim Ministru, kif ukoll lil għadd ta' Ministri u deputati jidħlu għal-laqgħa. Ħafna minnhom ma tawx kummenti lill-midja, waqt li oħrajn qalu li d-deċiżjonijiet li hemm bżonn li jittieħdu se jkunu qed jittieħdu. Iktar dettalji kif jaslulna. | [
12
] |
Imtella' Ġunju 23, 2020 Kumpaniji li kellhom jitilgħu bil-prodotti tagħhom f'fieri internazzjonali iżda spiċċaw minn taħt minħabba l-imxija, se jkunu eliġibbli għal rifużjoni minn TradeMalta li tkoprilhom parti mill-ispejjeż li ħarġu. Waqt li elenka d-dettalji tal-iskema li tħabret fil-pjan għar-rigenerazzjoni ekonomika, il-Ministru għall-Ekonomija, Silvio Schembri, qal li 120 kumpanija mistenni jibbenefikaw mill-allokazzjoni ta' €400,000. Kumpaniji li kienu se juru s-servizzi u l-prodotti tagħhom f'fieri internazzjonali, u l-pjani tagħhom sfrattaw minħabba l-imxija, se jkunu eliġibbli għal rifużjoni minn TradeMalta li se tkopri parti mill-ispejjeż li nefqu. Il-Kap Eżekuttiv ta' TradeMalta, Anton Buttigieg, qal li diversi esebituri tilfu l-flus għax l-organizzaturi tal-fieri ma tawhomx flushom lura minkejja li l-fieri tħassru. "F'dawk il-każijiet fejn dik ir-rifużjoni ma ngħatatx mill-organizzaturi aħna se ngħinuhom billi ntuhom sa massimu ta' €25,000 lura mill-ispejjeż li kienu diġà għamlu biex jesebixxu f'dawn il-fieri," qal il-Kap Eżekuttiv ta' Trade Malta, Anton Buttigieg. L-iskema taħseb biex il-kumpaniji jibbenefikaw sa €10,000 biex jirreklamaw il-prodotti tagħhom fuq l-internet filwaqt li jħarrġu lill-ħaddiema tagħhom fir-reklamar diġitali. L-iskema għandha allokazzjoni ta' €400,000 u minnha, mistenni jibbenefikaw 120 kumpanija. Il-Ministru għall-Ekonomija, Silvio Schembri, qal li din l-iskema se tagħti nifs lill-kumpaniji Maltin filwaqt li ttaffilhom ftit mill-piżijiet li ġew fuqhom bla mistenni minħabba l-imxija. "Jekk naraw li dawn l-iskemi huma ta' suċċess u l-uptake kien tajjeb u r-riżultat kien pożittiv, iva l-Gvern ikompli jħares biex jespandi u jsaħħaħ dawn il-miżuri," qal il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri. L-intrapriżi eliġibbli għall-iskema joperaw f'diversi oqsma fosthom fil-manifattura, l-edukazzjoni u r-riċerka. | [
2,
4,
12
] |
Imtella' Ġunju 23, 2020 - Aġġornata 23 Ta' Ġunju, 2020 7:51am Il-każijiet ta' coronavirus fid-dinja qabżu d-9 miljuni. Nofshom, aktar minn 4 miljuni u nofs, irkupraw mill-virus. L-Istati Uniti baqa' l-aktar pajjiż li għandu l-akbar ammont ta' każijiet, segwit mill-Brażil u wara r-Russja. L-imwiet mill-virus madwar id-dinja qed joqorbu n-nofs miljun. Fil-Messiku twieldu triplets, kollha pożittivi għall-Covid-19. L-awtoritajiet tas-saħħa qalu li dan hu każ li qatt ma raw bħalu għaliex it-trabi li ġew ittestjati fl-ewwel sigħat ta' ħajjithom, ma kinux f'kuntatt ma' xi ħadd magħruf li għandu l-virus. Ix-xjentisti jaħsbu li dan il-każ jista' jitfa dawl dwar jekk il-virus jgħaddix mill-omm għat-trabi fil-guf. Tnejn mit-tliet trabi jinsabu f'kundizzjoni stabbli filwaqt li t-tarbija l-oħra qed tingħata trattament għal mard respiratorju. L-awtoritajiet tas-saħħa jaħsbu li l-ġenituri setgħu kellhom il-virus u ma kellhomx sintomi. Huma jinsabu iżolati jistennew ir-riżultat tat-test tagħhom. Ġew irrapportati 17-il każ ieħor fl-istat Awstraljan ta' Victoria u kompliet tiżdied il-biża' tat-tieni mewġa. Il-każijiet f'Victoria jammontaw għal kważi 90% tal-infezzjonijiet il-ġodda fl-aħħar ġimgħa. F'Beijing ukoll ġew irreġistrati 13-il każ ġdid, biex issa l-ammont tat-tieni mewġa ta' infezzjonjiet tela għal 249. Din il-belt Ċiniża kien ilha 57 ġurnata mingħajr każ wieħed ta' trasmissjoni lokali madankollu aktar kmieni dan ix-xahar feġġgħet l-imxija f'suq kbir tal-ikel. Anki l-Korea t'Isfel irrapportat 46 każ ġdid bl-awtoritajiet qed jgħidu li l-pajjiż qed jintlaqat mit-tieni mewġa. Qalu li l-ewwel mewġa fil-pajjiż intemmet f'April. Intant, id-direttur ġenerali tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa Tedros Adhanom Ghebreyesus, qal li l-akbar theddida li qed tiffaċċja d-dinja bħalissa mhux il-coronavirus innifsu iżda n-nuqqas ta' solidarjetà u tmexxija globali. "Ma nistgħux nirbħu l-pandemija b'dinja maqsuma," qal waqt konferenza tal-aħbarjiet. Tedros ma semmiex speċifikament lill-President tal-Istati Uniti Donald Trump li x-xahar li għadda qal li pajjiżu – li huwa l-akbar kontributur finanzjajru tal-WHO – se jtemm ir-relazzjoni mal-organizazzjoni. | [
1,
4,
10
] |
Imtella' Ġunju 24, 2020 - Aġġornata 24 Ta' Ġunju, 2020 3:09pm Infrastructure Malta temmet b'suċċess ħidma delikata li saret għall-ewwel darba biex qabar puniku li nstab waqt ix-xogħlijiet fuq Central Link f'Ħ'Attard inqala' sħiħ biex ikun preservat fil-ġenb tat-triq. L-operazzjoni swiet iktar minn 250,000 ewro u kuntratturi speċjalizzati użaw makkinarju apposta biex qatgħu u għollew dan il-qabar u poġġewh f'post viċin fejn se jibqa' aċċessibbli għall-pubbliku. Il-qabar fil-blat ta' żmien ir-Rumani li nstab mgħotti bil-ħamrija waqt it-tħaffir għall-pedamenti tal-proġett tas-Central Link f'Ħ'Attard inqala' minn postu f'ħidma delikata ħafna minn Infrastructure Malta taħt is-superviżjoni tal-arkeoloġi. Infrastructure Malta qalet li din il-proċedura qatt ma kienet saret qabel f'Malta u twettqet skont metodi approvati mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali u swiet iktar minn 250,000 ewro. "Il-Qabar Puniku ttella' wara li ġie kkastrat f'dan il-qafas tal-konkrit, inqata' bid-diamond wire minn taħtu u issa qed narawh fejn tela', imxejna għad-distanza ta' 10 metri, u qed jerġa jitpoġġa b'mod delikat, qed nitkellmu fuq struttura li għandha 80 tunnellata u fuqhom, u qed jitpoġġa fuq il-bażi preparata għalih biex imbagħad ikun jista' jitkompla xogħol tat-triq filwaqt li l-qabar isirlu x-xogħol tal-manutenzjoni u restawr." Il-Kap tal-Monitoraġġ fi ħdan is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, Jonathan Borg kompla jgħid li l-qabar se jkun aċċessibbli maġenb waħda mit-toroq ġodda ta' dan il-proġett. Is-Supretendent tal-Patrimonju Kulturali, Joe Magro Conti, qal li dan il-qabar kellu l-parti ta' fuq nieqsa minħabba li probabbli tkisser mill-bdiewa. Qal li għalkemm ma nstabx l-għadam u l-fuħħar, mill-istil u l-forma tiegħu s-Sovrintendenza kkonkludiet li hu qabar Puniku-Ruman, li jfisser imur lura bejn 300 sa 100 sena qabel Kristu. "Il-valur allura jiżdied għaliex itina iktar informazzjoni fuq l-użu tal-art, in-nies fejn kienu qed joqgħodu, mhux l-Imdina biss imma anke Ħ'Attard la hawn id-dfin jidher li kien hawn in-nies qed joqgħodu fiż-żona ta' Ħ'Attard diġà fiż-żminijiet qabel Kristu." Il-Kap Eżekuttiv ta' Infrastructure Malta, Frederick Azzopardi, qal li l-qabar instab eżatt fin-nofs fejn il-proġett jaħseb għal żewġ karreġġjati ġodda, u hu għalhekk li l-unika għażla kienet li jinqata' u jiċċaqlaq minn postu. Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, Ian Borg qal li hu ta' pjaċir li l-Gvern jagħmel il-proġetti imma mhux għad-detriment tal-ambjent u l-wirt kulturali. Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, Arti u Gvern Lokali, Jose' Herrera, qal li Malta trid tippreżerva l-patrimonju tagħha biex jibqa' jkollha x'toffri. Central Link – Qabar Puniku-Ruman se jitpoġġa fil-ġenb tat-triq | [
2,
16
] |
Imtella' Ġunju 24, 2020 - Aġġornata 24 Ta' Ġunju, 2020 5:12pm Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri u s-Segretarju Parlamentari Alex Muscat ħabbru li mil-lum kull min irid jirreġistra twelid ta' tarbija jew jirreġistra mewt jista' jagħmel dan online permezz tas-sit elettroniku ta' Identity Malta. Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat qal li f'sena Malta tirreġistra medja ta' 4,100 twelid u 3,300 imwiet. Qal li ħafna mill-proċessi ta' Identity Malta inkluż permessi ta' xogħol għall-ħaddiema barranin se jibqgħu jsiru online. | [
0,
2
] |
Imtella' Ġunju 24, 2020 - Aġġornata 24 Ta' Ġunju, 2020 4:54pm Fil-Qorti dalgħodu kompliet tinstema' l-inkjesta pubblika li qed tistħarreġ jekk il-Gvern setax ħa miżuri biex jipprevjeni l-omiċidju ta' Daphne Caruana Galizia. 11:29 Mistoqsi jekk hux minnu li f'Novembru 2019 Yorgen Fenech irċieva r-ritratt bit-termini tal-proklama li kienet se tingħata lil Melvin Theuma, is-Sur Zahra kkonferma. 11:26 Dwar l-involviment tal-forzi tal-ordni internazzjonali fl-investigazzjonijiet separati li għadejjin dwar ħasil ta' flus u korruzzjoni x-xhud qal li l-Europol huma involuti b'mod attiv ħafna. Dwar il-leaks fl-investigazzjoni, qal li għalkemm kien hemm diversi korpi involuti fosthom l-MSS, l-FAM u Pulizija ċ-ċirku kien veru żgħir. Stqarr li meta bdew jindunaw li kien hemm illikjar ta' informazzjoni kienu diżżapuntati ferm. Irrakonta kif fil-ġurnata tar-rejd tal-patata ra b'għajnejh dawn il-leaks jimmaterjalizzaw meta avviċinaw biex jagħmlu l-arresti tat-tliet irġiel akkużati li poġġew il-bomba. 11:09 L-avukati tal-familja staqsew lix-xhud dwar ix-xerja tal-investigazzjoni. Qal li t-taskforce bħalissa qed topera fuq binarju aktar wiesgħa mid-delitt innifsu u tinkludi wkoll investigazzjonijiet ta' prattiċi illeċiti. Ix-xhud ġie mistoqsi dwar it-tliet akkużati u l-passat ikkulurit tagħhom u x'passi ħadu biex jiġbru informazzjoni dwar it-tliet akkużati bil-qtil, kemm qabel u kif ukoll wara d-delitt. Qal li qabel id-delitt ta' Daphne Caruana Galizia kienet għadejja investigazzjoni dwar it-tliet akkużati separata. Mistoqsi dwar is-sensiela ta' karozzi bombi li ppreċedew l-assasinju tal-vittma, l-Ispettur Zahra qal li ma kienx involut b'mod dirett f'dawn l-investigazzjonijiet. Madanakollu qal li għalkemm mhux impossibli l-investigazzjonijiet ta' karozzi bombi huma diffiċli u jirrikjedu ħafna riżorsa. Mistoqsi jekk l-istess nies li għamlu l-bomba fil-karozza tal-vittma humiex l-istess persuni wara l-assasinju, ix-xhud qal li se jwieġeb dwar dan fil-magħluq. 11:02 Mistoqsi dwar rapporti fil-midja li huwa ma kienx irrisponda domandi minn ġurnalist dwar hux minnu li Yorgen Fenech fid-29 ta' Novembru kien għamel referenza għall-każijiet ta' koruzzjoni u talab li jitkellem mal-eks kap tal-iskwadra tal-Pulizija kontra r-reati ekonomiċi Ian Abdila u li dan baqa' ma kellmu ħadd. Xehed li huwa bagħat ir-risposti tiegħu lura iżda li ma ħarġitx fl-artiklu. Qal li ma jistax jgħid fiċ-ċert jekk din l-imejl waslitx għaliex din tinbagħat mill-taqsima responsabbli għall-midja tal-Korp tal-Pulizija. Mistoqsi kienx involut f'briefings fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u min kien jattendi għalihom, l-Ispettur Zahra qal li ġieli kien imur is-Sur Valletta u xi drabi l-Ispettur Keith Arnaud fosthom dwar talba li saret minn Vince Muscat għall-maħfra presidenzjali. Qal li huwa ma kienx preżenti u lanqas kien jaf meta jsiru iżda kien jiġi magħraf b'dan wara li laqgħat kienu jsiru. 10:59 Mistoqsi jekk kellux ħsibijiet li dan l-omiċidju seta' jseħħ qal li ma kienx jgħaddilu min moħħu li f'Malta setgħet tinqatel persuna b'dan il-mod. Mistoqsi dwar in-numru ta' karozzi bombi li kien hemm qabel tal-vittma, is-Sur Zahra spjega li b'differenza, dawn kienu kollha relatati ma' gangs kriminali rivali. Qal li bħala investigaturi kienu jaħdmu aktar mill-qrib mal-eks deputat kummissarju Silvio Valletta milli mal-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar. Mistoqsi dwar ir-reazzjoni tiegħu għall-aħbar li Silvio Valletta u Yorgen Fenech kienu ħbieb is-Sur Zahra qal li minħabba n-natura li sar jaf b'dan, jixtieq jixhed fil-magħluq. Il-Qorti laqgħet it-talba u l-Ispettur se jkun qiegħed jispjega dwar dan aktar tard għalissa x-xhieda se tkompli. 10:52 Il-bord tal-inkjesta issa qed jisma' x-xhieda tal-Ispettur Kurt Zahra wieħed mill-investigaturi fl-omiċidju tas-sinjura Caruana Galizia. Qal li l-iskwadra ta' kontra r-reati ekonomiċi daħħlu fit-taskforce wara li tressqu t-tliet allegat eżekuturi, l-aħwa George u Alfred Degiorgio u Vince Muscat. Qal li f'dan iż-żmien feġġ isem Melvin Theuma li qed jixhed bil-proklama fil-każ kontra l-allegat mandat Yorgen Fenech. Qal li permezz li Theuma kien involut f'lottu klandestin, l-ECU daħħlu fl-investigazzjoni. Mistoqsi mill-President tal-bord jekk sarx xi assessjar ta' periklu fuq ħajjet Daphne Caruana Galizia wara li ġew żvelati l-Panama Papers, is-Sur Zahra qal li mhux konxju li jsiru dawn l-eżerċizzji u li ma jistax jgħid jekk dan sarx fil-konfront tal-vittma. 10:34 Wara x-xhieda qasira tas-Sur Caruana Galizia, tela' fuq il-pedana tax-xhieda d-Deputat Kummissarju Carmelo Magri li għal dawn l-aħħar xhur serva bħala l-aġent Kummissarju tal-Pulizija. Is-Sur Magri ppreżenta informazzjoni dwar rondi tal-RIU fil-Bidnija li fi kliemu bdew fis-16 ta' Mejju 2006. Spjega wkoll li f'perjodi sporadiċi kien hemm għassa fissa mad-dar fosthom fi żmien l-elezzjonijiet ġenerali inkluż dik tal-2013. Ipprovda wkoll taħt rikjest tal-bord tal-inkjesta, korrispondenza bejn il-Korp tal-Pulizija u l-Interpol u li tmur lura għall-2018 għall-kooperazzjoni bejn il-forzi tal-ordni ta' Malta u l-Emirati Maqgħuda. Qal li l-awtoritajiet tal-pajjiż ma kienux qed jikkoperaw għall-informazzjoni mitluba dwar il-kumpaniji MayorTrans, MacBridge u 17 Black, Cefedex fost l-oħrajn. Saħansitra qal li kien hemm diversi laqgħat bejn il-Pulizija ta' Malta u l-awtoritajiet tal-UAE tħassru proprju lejlet li kienu ppjanati. 10:12 Xehed ir-raġel tal-vittma Peter Caruana Galizia li ppreżenta filmat li skontu jikkontradixxi x-xhieda ta' Keith Schembri li ta fil-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-konfront ta' Yorgen Fenech li hi proċedura separata. Qal li wara riċerka li għamlu jirriżulta li meta nqatlet Daphne Caruana Galizia, il-Prim Ministru kien jinsab fi żjara f'uffiċini f'Tas-Sliema waqt li qed jagħmel diskors. Qal li dan ma jaqbilx max-xhieda li ta s-Sur Schembri t-Tnejn li għadda, li rrakonta kif saru jafu bl-aħbar meta kienu fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru f'Kastilja. 10:00 Qal li t-titlu ma kienx denju għat-teatru nazzjonali li skontu kien jinċita mibegħda fl-isfond soċjo-politiku Malti. Xehed li fl-aħħar 12 -il xahar, l-awtur ippropona dramm ieħor bit-titlu 'Ix-xiħa', mill-istess kumpanija li kien fih karattru fl-opinjoni tiegħu mfassla fuq il-ħajja ta' Daphne Caruana Galizia. Qal li ma kienx kuntent bil-kontenut u wara diskussjoni fil-bord l-iscript ġie rrifjutat. Spjega li fil-kliem preżenti ħass li l-karattru ma kienx denju ġaladarba l-każ għadu qed jiġi trattat. 09:50 Fuq il-pedana tax-xhieda tela' Dr Michael Grech, iċ-Chairman tat-Teatru Manoel li ġie mistoqsi dwar dramm intitolat 'Min qatel lil Daphne?' Qal li bi qbil iffirmat ftit tas-snin ilu, it-Teatru daħal fi qbil biex jibdew isiru aktar drammi bil-Malti. Qal li b'dan il-qbil it-Teatru kellu l-jhedd li jirrifjuta l-iscript li jiġu skrutinizzati mill-membri tal-bord. Huwa kkonferma li dan l-iscript, kien ġie propost sena qabel inqatlet Daphne, possibilment fl-2016. Qal li jiftakar li rċieva telefonata fuq dan id-dramm u stqarr li mit-titolu biss ħass li d-dramm għandu jiġu rrifjutat iżda xorta waħda qajjem id-diskussjoni fil-bord. Il-bord tal-inkjesta huwa kompost mill- l-Imħallef Emeritu Michael Mallia, il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro. | [
0,
2,
16
] |
Imtella' Ġunju 24, 2020 - Aġġornata 24 Ta' Ġunju, 2020 6:34pm Fl-1 ta' Lulju, se tidħol fis-seħħ il-Liġi dwar il-Protezzjoni tat-Tfal, liġi li l-bżonn tagħha ilu jinħass snin twal. Tul l-aħħar xhur saru eżerċizzji ta' konsultazzjoni u nstemgħu għal darba u tnejn il-partijiet kollha li ser ikunu qed iħaddmu jew jiġu affettwati b'din il-liġi. Ma' dawn, saru wkoll diversi emendi anki f'dan l-aħħar abbozz sabiex l-esperjenzi u l-għarfien professjonali kollha jkunu ttieħdu inkonsiderazzjoni. Ħabbar dan il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon, waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet b'rabta mat-twettiq ta' din il-liġi. Il-Ministru Michael Falzon spjega li din il-liġi ser tagħti prijorità assoluta lid-drittijiet tat-tfal f'pajjiżna u telenka r-responsabbiltajiet tal-professjonisti kollha involuti. Il-Ministru Michael Falzon tkellem ukoll dwar kif il-Liġi se tkun qed tiffaċilita aħjar adozzjonijiet lokali, meta fil-preżent hawn madwar 450 tifel u tifla f'pajjiżna li ma jgħixux mal-ġenituri naturali tagħhom u qed jgħixu f'residenzi tat-tfal. Din il-liġi se tkun qed tipproteġi aktar lil dawk it-tfal li jkunu qegħdin jesperjenzaw kwalunkwe tip ta' vjolenza, abbandun jew li għandhom bżonn xi forma ta' protezzjoni, u li minħabba f'hekk ma jkunux qegħdin jikbru f'ambjent san. Din il-liġi tolqot ukoll lill-professjonisti li jaħdmu mat-tfal u l-familji tagħhom, kif ukoll lil dawk in-nies li huma lesti li jiftħu biebhom u qalbhom u jilqgħu għandhom lil dawn it-tfal. Il-konsulent ewlieni li ħadem f'din il-Liġi, l-Avukat Andy Ellul, saħaq li permezz ta' dan it-tibdil, l-Ordni ta' Ħarsien se toħroġ mill-Qorti għall-Minorenni u mhux mill-Ministru. Se jkun hemm tliet ordnijiet ta' protezzjonijiet alternattivi għall-ordni għall-ħarsien, it-tfal issa ser ikunu qegħdin jipparteċipaw f'kull stadju tal-proċess, u l-interessi tagħhom ser ikunu rrapreżentati minn Avukat tat-Tfal. F'din il-liġi, l-aħjar interess tal-minuri huwa l-aktar fattur determinanti u għalhekk il-minuri ser ikunu fiċ-ċentru ta' kull deċizjoni li tkun qed tittieħed fil-proċess tant determinanti għal ħajjithom. It-tfal se jingħataw għajnuna addizzjonali permezz tal-preżenza tal-Avukat tat-Tfal matul il-proċess kollu, sapport u għajnuna mingħajr il-ħtieġa li jinħareġ mid-dar tal-ġenituri tiegħu, filwaqt li l-minuri jinstema' f'ambjent li huwa kalm u addattat għalih. L-għan aħħari huwa li tingħata stabbiltà u permanenza għat-tfal li jibdew jgħixu f'residenza alternattiva. Il-bidliet se jidħlu fis-seħħ b'mod gradwali, u l-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali se jkun qed jinforma lill-pubbliku hekk kif isiru dawn il-bidliet. Dokument bil-punti saljenti tal-liġi: https://family.gov.mt/en/Pages/Minor-Proctection-Act-2020.aspx | [
0,
2
] |
Imtella' Ġunju 24, 2020 - Aġġornata 24 Ta' Ġunju, 2020 5:49pm Bl-inċidenti wħud fatali fl-industrija tal-kostruzzjoni għadhom fost l-aktar komuni, l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fil-postijiet tax-xogħol, l-OHSA spiċċat taħt il-mira tal-Uffiċċju tal-Awditur li f'rapport li ppreżenta lill-Parlament dwar verifika li għamel sab li wħud mir-rakkomandazzjonijiet li kien għamel fl-2016 baqgħu ma ġewx implimentati. L-Awditur Ġenerali Charles Deguara fost oħrajn osserva li kuntrarju għal dak li kien propost fl-2016, ir-responsabbilità legali biex jiġi appuntat Project Supervisor fuq ix-xogħlijiet ta' kostruzzjoni biex jissorvelja s-saħħa u s-sigurtà għadha fuq il-klijent. L-Awditur argument li l-klijent mhux dejjem ikollu għarfien adegwat fuq is-saħħa u s-sigurtà u għaldaqsant sostna li din ir-responsabbiltà għandha tiġi trasferita fuq partijiet interessati oħra li huma teknikament iktar familjari mas-suġġett. Ir-rapport innota li wħud mir-rakkomandazzjoni li saru fl-2016 ġew imwettqa għalkemm jgħid li l-livell ta' implimentazzjoni jvarja minn rakkomandazzjoni għall-oħra. L-Awditur qal li l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà tista' tagħmel qabża sinifikanti billi tintroduċi Management Information System. Qal li n-nuqqas ta' din is-sistema li tenhtieġ investiment sostanzjali qed iwassal għal nuqqas ta' effiċjenza fil-funzjonijiet tal-ispettorat tagħha. L-uffiċċju tal-Awditur tenna r-rakkomandazzjoni li r-rekwiżiti stabbiliti fl-industrija tal-kostruzzjoni għandhom jiġu riveduti. Fost oħrajn appella biex l-OHSA ikollha reġistru uffiċjali ta' Project Supervisors akkreditati u li dawn għandhom ikunu l-uniċi individwi li legalment jistgħu jiġu mqabbda biex jagħmlu s-superiviżjoni meħtieġa għas-saħħa u s-sigurtà fil-proġetti tal-kostruzzjoni. | [
2,
4,
16
] |
Imtella' Ġunju 24, 2020 F'operazzjoni delikata fil-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt, żewġ iljuni kbar tal-ġebel, li jmorru lura għas-seklu 19, ittieħdu lura għall-post oriġinali tagħhom quddiem il-bieb prinċipali tas-sala fejn kien jiltaqa' l-Parlament, li qabel kienet tilqa' l-Armerija. Lura f'posthom żewġ iljuni kbar tal-ġebel tas-seklu 19 li għal bosta snin kienu jżejnu d-daħla tal-armerija tal-palazz fejn aktar tard kien jiltaqa' l-Parlament. Il-ħidma kienet tinvolvi biċċa uġigħ ta' ras anke biex idaħħal krejn fil-bitħa tal-palazz. L-operazzjoni biex jerġgħu jsibu posthom setgħet issir għax bħalissa hemm saqaf maqlugħ bhala parti mir-restawr estensiv li qed isir fil-palazz kif spjegat il-Perit Katya Maniscalco. "Ħadna l-opportunità waqt li qlajna dan is-saqaf biex indaħħlu ż-żewġ iljuni li oriġinarjament kienu mpoġġijin quddiem l-entratura tal-Armerija. Ħadna l-opportunità għax dawn iż-żewġ iljuni huma tqal ħafna u kieku kien ikollna noqgħodu nġorruhom fuq l-idejn b'riskju li nagħmlulhom il-ħsara. Ġibna crane, norbtuhom u ntellgħuhom fil-post tagħhom." Kull iljun jiżen żewġ tunnellati. Il-Kuratur Anzjan tal-Palazz tal-Granmastru, Emanuel Magro Conti, qal li dawn l-iljuni oriġinarjament kienu maħsuba għall-ġnien li kien jagħmel mal-Palazz, fejn illum hemm Pjazza Reġina. Is-Sur Magro Conti qal li l-iskultur ta' dawn iż-żewġ iljuni x'iktarx li hu Ferdinando Dimech. "Kienu intenzjonati biex joqgħodu fuq l-arkati tal-entratura għal dan il-ġnien imma ħasbu li huma tqal wisq, allura użawhom għal hawnhekk, poġġewhom hawn. Għal aktar minn 100 sena baqgħu hawnhekk sal-1976, meta tneħħew u poġġewhom ġo bitħa, dik li ngħidulha ta' Prince Albert ġewwa hawnhekk stess il-Palazz.... billi jerġgħu jiġu introdotti lura fejn kienu għal iktar minn 100 sena rajna Heritage Malta li huwa l-aħjar biex insalvawhom." Heritage Malta bħalissa qed tagħmel proġett estensiv ta' restawr fil-Palazz tal-Gran Mastru b'investiment ta' aktar minn 10 miljun ewro b'kofinanzjament Ewropew mill-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali u sabet ix-xoqqha f'moxxtha biex tirritorna l-iljuni fil-post originali tagħhom wara li kellu jinqala' dan is-saqaf minħabba li meta nqala' s-suffitt għar-restawr instab li s-saqaf tal-konkos kellu jinbidel ma' saqaf fuq stil bi travi tal-injam u xorok kif kien oriġinarjament. | [
0,
2,
16
] |
Imtella' Ġunju 24, 2020 Il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli qalet illi saret investigazzjoni dwar allegazzjonijiet li kienu tqanqlu fil-bidu tas-sena dwar id-Direttur għall-Attivitajiet Organizzati li taħtu jaqgħu l-għoti ta' sponsorships għalihom. Il-Ministru Farrugia Portelli, li kienet qed titkellem fil-Parlament fuq l-estmi tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qalet illi l-allegazzjonijiet tqajmu min-nies li marru jkellmuha u li allegaw li dan id-Direttur ta flus lilu nnifsu taħt il-kappa ta' kumpanija. Hija qalet li mill-investigazzjoni li saret sar magħruf li d-Direttur ma kellu l-ebda rabta ma' din l-istess kumpanija. Il-Ministru għat-Turiżmu żiedet tgħid li ma tibżax tieħu deċiżjonijiet, iżda tagħmel dan fuq fatti u mhux fuq xnigħat. Waqt li qalet li rreferiet kull ittra għal għotja ta' sponsorship lill-Kumitat imwaqqaf għal dan il-għan semmiet li, għall-ewwel darba, qed jitfasslu kriterji ċari ta' kif jibdew jingħataw dawn l-isponsorships lil ċerti kumpaniji u dan biex tispiċċa kull pressjoni li ssir anki mill-bankijiet tal-Oppożizzjoni. Il-Ministru għat-Turiżmu tkellmet ukoll dwar il-ħidma tat-taqsima tat-tindif u qalet li fl-aħħar xhur inġabru 43,0000 tunnellata ta' skart minn positjiet pubbliċi. Hija semmiet li żdiedu l-pieni biex jonqos ir-rimi ta' skart waqt li appellat li l-iskart ukoll igerrex it-turiżmu. Il-Minsitru tkellmet dwar il-ħidma biex jerġa' jirpilja s-suq turistiku u qalet li l-għan tal-gvern huwa li seba' mitt elf turist iżuru Malta din is-sena. L-estmi tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u ta' aġenziji oħra tal-gvern kienu approvati b'36 vot favur u 27 vot kontra. | [
0,
2,
16
] |
Imtella' Ġunju 25, 2020 Mistoqsi waqt 'TVAM' x'se jkunu l-ewwel azzjonijiet tiegħu fit-tmexxija tiegħu bħala Isqof elett ta' Għawdex, Monsinjur Anton Teuma qal li fil-jiem li ġejjin mhu se jkun qed jagħmel xejn ħlief li joqgħod bi kwietu, jiltaqa' man-nies u jisma' x'għandhom xi jgħidu. F'kollegament dirett mal-preżentaturi ta' 'TVAM' Quinton Scerri u Clara Farrugia, Monsinjur Teuma stqarr li xejn ma jiddispjeċih li 32 sena ilu taha għas-saċerdozju hekk kif bħal kull ħaġ'oħra fil-ħajja t-triq li għażel daqstant ieħor fiha t-tlajja' u l-inżul tagħha. Fost l-oħrajn, l-Isqof elett ta' Għawdex stqarr li sa minn meta kien għadu ħalib ommu fi snienu dejjem kien bniedem attiv u li ma joqgħodx lura milli jmidd idejh fejn meħtieġ. Żied jgħid, li fil-fehma tiegħu l-qassis jagħmluh in-nies li jagħmilha magħhom hekk kif fl-aħħar mill-aħħar ilkoll ngħixu flimkien fi ħdan l-istess soċjetà. | [
2,
6,
10,
13
] |
Imtella' Ġunju 25, 2020 WasteServ qalet li l-Kwestjonarju ta' Prekwalifikazzjoni (PQQ) għall-impjant tal-Waste to Energy, attira 16-il offerta differenti. Fost dawn, hemm kumpaniji kbar li jiddominaw is-settur fuq livell globali. WasteServ qalet fi stqarrija li kull offerta issa ser tiġi evalwata b'mod metikoluż u l-aħjar tlett kumpaniji/konsorzji ser jiġu magħżula sabiex jidħlu għall-fażi li jmiss. B'dan l-investiment, Malta ser tkun imxiet pass ieħor sabiex jintlaħaq livell ġdid fis-settur ambjentali Malti. L-impjant tal-Waste-to-Energy huwa parti minn strateġija komprensiva biex jittejjeb is-settur tal-ġestjoni tal-iskart f'Malta. Permezz tiegħu, l-iskart kollu li jidħol għand il-WasteServ ser jiġi użat sal-potenzjal massimu tiegħu. Minbarra dan l-impjant, hemm impjanti oħra li ser ikunu ta' benefiċċju għall-pajjiż, bħall-impjant ta' trattament tal-iskart organiku li ser ikun qed jipproduċi kompost agrikolu, kif ukoll impjant b'faċilità tal-irkupru ta' materjal riċiklabbli. WasteServ qalet li dan ix-xogħol jorbot ukoll max-xogħol li qiegħed jitwettaq mill-Ministeru għall-Ambjent, Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar, li fost ħidmiet ambizzjużi oħra, bħalissa qed jiffinalizza r-riforma tal-Politika dwar il-Ġestjoni tal-Iskart. Il-Kap Eżekuttiv, Richard Bilocca qal li dan l-interess huwa xhieda ta' pjan robust li ser iwassal għal titjieb fil-kwalita tal-ħajja b'mod ġenerali. | [
2,
7,
8
] |
Imtella' Ġunju 25, 2020 - Aġġornata 25 Ta' Ġunju, 2020 6:35pm Applikazzjoni għat-twessigħ ta' Triq Għeriexem fir-Rabat, li tagħti mir-Roman Villa san-Nigret ġiet differita, minħabba li s-sistema tal-video conferencing użata mill-Awtorità tal-Ippjanar ma ppermetietx aktar minn 40 persuna. It-teknologija virtwali li fil-pandemija bdiet tintuża għal laqgħat pubbliċi għandha wkoll il-limitazzjonijiet tagħha. Dan deher illum meta laqgħa tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar permezz tal-video conferencing kellha titwaqqaf ħesrem minħabba problemi tekniċi li ma bdewx jippermettu aktar minn 40 persuna jingħaqdu mal-laqgħa fl-istess ħin. Mal- 1,150 persuna rreġistraw l-oġġezzjoni tagħhom għal din l-applikazzjoni. Il-laqgħa kienet qiegħda tikkunsidra applikazzjoni tal-Ministeru tat-Trasport għat-twessigħ ta' triq Għeriexem fir-Rabat, li tagħti mir-Roman Villa san-Nigret. Din kellha tiġi sospiża għal nofs siegħa miċ-Chairman tal-Bord, il-Perit Vince Cassar, iżda anke wara l-problema ma ssolvietx. Iċ-Chairman għarraf li xi persuni kienu qegħdin jippruvaw jidħlu biex jisimgħu u jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-laqgħa, imma ma kienx qed jirnexxilhom, fosthom anki membru tal-bord, u għalhekk il-laqgħa ġiet sospiża. Il-Perit Cassar żied jgħid li l-Awtorità ser issib mezzi alternattivi, fosthom li l-laqgħat tal-awtorità jerġgħu jibdew isiru fil-board room bil-miżuri ta' distanza soċjali. | [
2,
4
] |
Imtella' Ġunju 25, 2020 - Aġġornata 25 Ta' Ġunju, 2020 6:28pm Sal-aħħar tas-sena d-dieħla s-sensara u l-aġenti tal-proprjetà jrid ikollhom liċenzja valida biex jaħdmu fis-settur. Jekk jinqabdu jaħdmu mingħajrha jistgħu jeħlu multa sa €20,000. Dan joħroġ mil-liġi l-ġdida li se tidħol fis-seħħ fil-jiem li ġejjin u li fi kliem is-Segretarju Parlamentari għall-Artijiet, Chris Agius, tinkwadra fil-bżonn li Malta timxi mal-proposti tal-MoneyVal. Il-liġi li se tidħol fis-seħħ fil-jiem li ġejjin, fost oħrajn tipprovdi t-twaqqif ta' bord li se jkollu s-setgħa jissospendi l-liċenzja li se tkun valida għal 5 snin. Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius, spjega li l-liġi ma tapplikax biss għal sensara u aġenti tal-proprjetà li ma jagħmlux iktar minn żewġ tranżazzjonijiet fis-sena. Hu stmat li madwar 2,500 persuna jaħdmu f'dan is-settur. "Il-liġi titkellem dwar penali li jwassal anki sa €20,000 però aħna nħarsu 'l quddiem biex kull persuna li trid taħdem fis-settur għandha kull possibbiltà u kull żmien biex iġġib il-liċenzja neċessarja." Is-Sur Agius qal li din il-liġi turi l-impenn tal-Gvern li jwettaq il-proposti tal-MoneyVal. "Ir-real estate agents għandu jkun settur regolat skont dak li tgħid id-direttiva Ewropea dwar il-ħasil tal-flus u bħala pajjiż obbligati li naderixxu magħha kif ukoll mitluba mill-MoneyVal li jkollna liġi f'postha." Intqal li l-MCAST u istituzzjonijiet akkreditati se joffru korsijiet ta' taħriġ għall-aġenti tal-propjetà biex tinkiseb il-liċenzja, fosthom fl-aspetti legali, finanzjarji u soċjali tas-settur. Is-Sur Agius qal li l-liġi hi żvilupp importanti għas-suq tal-proprjetà anke għaliex tagħti iktar serħan il-moħħ lill-konsumaturi. | [
2,
4,
8
] |
Imtella' Ġunju 25, 2020 Tlesta r-restawr fuq il-parti tas-sur tal-Belt li tinsab qrib il-grawnd tal-futbol Salinos. Dan ix-xogħol tmexxa mid-Direttorar għar-Restawr. Tlesta x-xogħol ta' restawr fuq il-kontrogwardja ta' San Ġwann fil-Belt, fl-inħawi fejn hemm il-ground tal-football Salinos li jintuża minn nursery tal-tim tal-futbol tal-kapitali. Il-Perit mid-Direttorat tar-Restawr, li kien responsabbli mix-xogħlijiet, Mark Azzopardi, spjega li din il-parti tal-foritifkazzjoni kienet fi stat ta' periklu minħabba li kienu qed jaqgħu biċċiet tal-ġebel. Spjega li tneħħew siġar li kienu qed jikbru minn ġos-sur. "Għamilna intervent fuq il-platform ta' fuqna biex ma jidħolx ilma tax-xita meta tagħmel ix-xita ovvjament allura kienu jikbru s-siġar għax kien ikun hemm l-ilma. L-intervent l-iżjed importanti kienet proprju din il-kantuniera hawnhekk. U kien hemm interventi oħrajn bħal bdil ta' ġebel, dorna l-fili, għalaqna s-sur innifsu hanwekk u anke f'postijiet oħrajn," qal il-Perit mid-Direttorat tar-Restawr Mark Azzopardi. Is-Sindku tal-Belt, Alfred Zammit qal li kull intervent li jsir fuq il-binjiet soriċi huma valur miżjud għall-kapitali, li hi rikonoxxuta mill-UNESCO bħala patrimonju ta' wirt dinji. Qal li l-200 tifel li jitħarrġu f'dan il-ground se jkollhom ambjent aħjar u aktar sigur. Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Josè Herrera ġibed l-attenzjoni li din kienet parti mis-swar tal-Belt li kienet għada ma ġietx restawrata. Jonqos biss li jitneħħew il-wires tal-elettriku u komunikazzjoni li se jiġu mogħdija taħt l-art. | [
2
] |
Imtella' Ġunju 25, 2020 - Aġġornata 25 Ta' Ġunju, 2020 8:56am L-istati ta' New York, New Jersey u Connecticut qed jimponu kwarantina fuq persuni li jkunu ġew minn għadd ta' stati Amerikani oħra li qed jirrapportaw numru rekord ta' każijiet ta' Covid-19. L-istati l-iktar milquta bħalissa huma dawk fin-nofsinhar u l-punent tal-Amerka, bil-Gvernatur ta' New York, Andrew Cuomo, jgħid li l-kwarantina tapplika għal dawk kollha li jkunu ġejjin minn Alabama, Arkansas, Arizona, Florida, North Carolina, South Carolina, Texas u Utah. L-Università ta' Washington qed tistma li sa Ottubru jkunu mietu mal-180,000 bil-Covid-19 fl-Istati Uniti, inkella 146,000 fix-xenarju li 95% tal-popolazzjoni tilbes il-maskra. S'issa fl-Istati Uniti kienu rrappurtati 2.3 miljun każ u 121,000 imwiet. | [
1,
10
] |
Imtella' Ġunju 25, 2020 Il-linja nazzjonali tal-ajru tal-Awstralja, Qantas, se tnaqqas 6,000 impjieg bħala parti mill-pjani tagħha biex tirkupra mill-effetti tal-pandemija tal-Covid-19. Dan it-tnaqqis jammonta għal madwar 20 fil-mija tal-impjiegi tal-kumpanija qabel faqqgħet il-kriżi tal-coronavirus. F'Marzu, Qantas tat il-leave lil madwar 80 fil-mija tal-impjegati tagħha. Il-linja nazzjonali tal-ajru tal-Awstralja qalet li l-impatt fuq l-ivjaġġar bl-ajru ħalla effetti kbar fuq id-dħul tagħha. Il-ġimgħa l-oħra, il-Gvern Awtraljan qal li x'aktarx li se jżomm il-fruntieri tal-pajjiż magħluqin sas-sena d-dieħla. Dan wassal biex il-Qantas ħassret it-titjiriet internazzjonali kollha li kellha skedati sa tmiem Ottubru, ħlief dawk għal New Zealand. | [
1,
10,
16
] |
Imtella' Ġunju 25, 2020 Ir-Russja bdiet tivvota fuq riformi kostituzzjonali li jekk ikunu approvati, jippermettu lill-president Vladimir Putin biex iservi żewġ termini oħra bħala president. Il-votazzjoni uffiċjali hija skedata għall-ewwel ta' Lulju imma l-postijiet ta' votazzjoni nfetħu ġimgħa qabel biex ikun evitat l-iffullar minħabba l-pandemija tal-Covid-19. L-attivist tal-oppożizzjoni Alexei Navalny qal li jekk it-tibdil ikun approvat, Putin se jingħata l-jedd li jkun president għal għomru/ Min-naħa l-oħra, Putin qal li r-riformi kosituzzjonali huma maħsuba li jassiguraw stabbiltà. Minkejja li Putin ma kkonfermax li se jikkontesta l-elezzjonijiet fl-2024, qal li jrid ikun aċċertat li jkun eliġġibli biex jikkontesthom. | [
1,
10,
16
] |
Imtella' Ġunju 25, 2020 L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, WHO, qalet għall-ewwel darba f'dawn l-aħħar xhur, rat żieda fil-każijiet ġodda ta' Covid-19 fl-Ewropa fejn fl-aħħar ġimgħat ġew illaxkati l-miżuri li ddaħħlu fis-seħħ biex irażżnu l-imxija. Id-Direttur Reġjonali tal-WHO, Dr Hans Henri Kluge qal li fi 11-il-pajjiż, li iżda ma semmiex liema huma, t-trasmissjoni tal-coronavirus wasslet għal żidiet sinjifikanti fil-każijiet ġodda. Qal li għal diversi ġimgħat huwa wissa dwar ir-riskju ta' żidiet fil-każijiet hekk kif il-pajjiżi jaġġustaw il-miżuri u issa f'diversi pajjiżi fl-Ewropa, dan ir-riskju sar realtà. Fl-Ewropa s'issa ġew irreġistrati aktar minn 2.6 miljun każ ta' Covid-19 u mal-195,000 mewt. | [
1,
10
] |
Imtella' Ġunju 25, 2020 - Aġġornata 25 Ta' Ġunju, 2020 7:43pm Għadd ta' ajruplani jinsabu ppustjati wieħed wara l-ieħor fuq it-tarmak f'xifer Ħal Luqa, għatxana biex fi żmien ftit jiem jerġgħu jieħdu r-ruħ. L-ajruport, bħalissa, baħħ. Minn Marzu 'l hawn, stajt toqtol u tidfen. L-Ajruport Internazzjonali ta' Malta se jerġa' jieħu l-ħajja nhar l-Erbgħa l-1 ta' Lulju wara li għal dawn l-aħħar ġimgħat frott iċ-ċirkostanzi bla preċedent li lkoll sibna ruħna fihom kellu jagħlaq il-bibien tiegħu. Fl-isfond ta' dan il-ftuħ li bosta minna qed jistennew bil-ħerqa, l-Ajruport Internazzjonali ta' Malta id f'id mal-Orkestra Filarmonika ta' Malta, Sound Salon u G7 illejla mistenni jiċċelebra din id-data simbolika permezz ta' kunċert qsajjar il-ġmiel tiegħu ta' madwar nofs siegħa. Matulu, fost l-oħrajn, idoqq id-DJ LEX, u mistennija jpaxxu 'l-widna tal-pubbliku s-sopran Nicola Said u l-kantawtur żagħżugħ Joe Roscoe maħtur mill-Ajruport Internazzjonali ta' Malta bħala l-ambaxxatur tal-kumpanija. Il-mużika għaddejja se tkun imżewwqa b'għadd ta' filmati li jixhdu ġmiel l-arċipelagu Malti. Żgħir fil-qies, enormi fis-sbuħija. Ġawhra, f'nofs il-Mediterran. Gżejjer, lesti biex jerġgħu jisirqu l-qlub ta' eluf ta' turisti li mistennija jerġgħu jibdew iżuru 'l xtutna dalwaqt. Tista' ssegwi l-ispettaklu fuq il-paġna ta' Facebook ta' TVM fis-7.30pm tal-lejla. | [
2,
10,
13
] |
Imtella' Ġunju 25, 2020 - Aġġornata 25 Ta' Ġunju, 2020 12:16pm Raġel li għandu kumpanija żgħira tat-tħaffir tal-minjieri sar miljunarju mil-lejl għan-nhar, hekk kif sab l-ikbar żewġ ġebliet prezzjużi li qatt instabu fit-Tanżanija. Saniniu Laizer qala' $3.4 miljun wara li biegħ il-ħaġriet lill-ministeru inkarigat mill-minjieri. L-ikbar ħaġra ta' din ix-xorta li qatt instabet fil-pajjiż kienet tiżen 3.3 kilogrammi, waqt li l-ħaġar li sab Laizer bejniethom għandhom toqol ta' 15-il kilogramma Laizer, li għandu 52 sena, huwa miżżewweġ lil 4 nisa u għandu 'l fuq minn 30 wild. Wara dan il-bejgħ, huwa qal lill-midja li beħsiebu joqtol baqra u jagħmel festin kbir b'ċelebrazzjoni, iżda mhux biss. Huwa impenja ruħu wkoll li jibni kumpless tax-xiri kif ukoll skola fil-komunità Simajiro li jgħix fiha, fejn qal li bħalissa hemm ħafna nies fqar li ma jaffordjawx jibgħatu lil uliedhom l-iskola. | [
1,
2,
10
] |
Imtella' Ġunju 25, 2020 - Aġġornata 25 Ta' Ġunju, 2020 1:53pm L-imxija tal-pandemija ġabet magħha bosta sfidi. L-iskeda televiżiva mal-erbat irjieħ, fost l-oħrajn, sfat milquta ġmielha. Il-European Broadcasting Union, l-EBU, daqstant ieħor sabet ruħha daharha mal-ħajt f'dawn l-aħħar ġimgħat bla preċedent. F'dan l-isfond, id-direttur ġenerali tal-EBU, is-Sur Noel Curran, radd ħajr lill-PBS talli f'dawn l-aħħar ġimgħat taha daqqa t'id b'għadd ta' produzzjonijiet. Fi ftit kliem, għadd ta' dokumentarji bl-Ingliż imsejsa fuq riċerka rigoruża id f'id mal-Università ta' Malta xxandru fuq bosta stazzjonijiet Ewropej. Fosthom, xandiriet b'rabta ma' Caravaggio f'Malta u l-arkeoloġija taħt il-baħar – 'Caravaggio's Malta Gamble' b'riċerka ta' Prof. Keith Sciberras u 'The Final Journey' imsejjes fuq riċerka ta' Prof. Timmy Gambin. It-tnejn, prodotti mill-ġurnalist ta' TVM Mario Xuereb. B'liema programmi, il-PBS laqat żewġ għasafar b'ġebla waħda, hekk kif bihom kien ta' spalla lill-EBU u fl-istess ħin dan serva ta' riklam liema bħalu għall-qasam xjentifiku Malti u Għawdxi u għall-wirt kulturali bla qies li mogħnija bih il-gżejjer Maltin. F'ittra indirizzata liċ-Chairman tal-PBS, Dr Tonio Portughese s-Sur Curran qal li riżultat tal-programmi li offra l-PBS spiċċa jxandar aktar minn 1,300 siegħa ta' programmi l-ġmiel tagħhom f'perjodu li l-qasam tax-xandir safa xott mill-produzzjonijiet. Ġimgħat straordinarji, li fost l-oħrajn matulhom l-udjenzi tal-istazzjon nazzjonali żdiedu ġmielhom meta mqabbla maċ-ċifri ta' Jannar u Frar, kemm filgħodu kif ukoll waranofsinhar. Fl-eqqel tal-pandemija, l-udjenza ta' TVM żdiedet b'aktar minn 50 fil-mija u dik ta' TVM2 kibret b'aktar minn 90 fil-mija. Fost il-programmi li addattaw ruħhom kif mitlub miċ-ċirkostanzi u li baqgħu għaddejjin bil-ħidma sfieqa tagħhom 'TVAM' , 'Niskata' , 'Illum ma' Steph' u 'Gadgets' . | [
2,
6
] |
Imtella' Ġunju 26, 2020 - Aġġornata 26 Ta' Ġunju, 2020 11:01am Pulizija off duty stazzjonat ir-Rabat, li kien fl-għalqa ma' persuna oħra, sema' persuna tgħajjat għall-għajnuna fiż-żona magħrufa bħala Għar id-Dwieb, limiti tal-Imtaħleb għall-ħabta tat-08:30. L-uffiċjal sejjaħ għal aktar għajnuna u minnufih marru l-pulizija, membri tas-CPD kif ukoll ambulanza. Ħelikopter tal-AFM ittajjar fuq l-inħawi iżda ma lemaħ xejn fil-baħar. It-tfittxija għadha għaddejja minn fuq l-ajru u l-baħar. Dawk li semgħuh qalu li semgħu erba' għajtiet għall-għajnuna. | [
0,
1,
7,
12
] |
F'parti mix-xhieda tiegħu wieħed mill-periti li instab ħati bil-qtil ta' Miriam Pace imma ngħata multa u xogħol fil-komunità - sentenza li kienet ikkritikata bil-qawwi minn ħafna fuq il-midja soċjali u anke editorjalment minn diversi gazzetti (fosthom l-ILLUM), qal illi għall-bidu kien "partikolarment mbeżża'" li meta jagħti l-verżjoni tiegħu tal-inċident lill-pulizija l-kuntrattur jagħmel ħsara lilu jew lill-familja tiegħu. Roderick Camilleri qal ukoll lill-Qorti skont id-dokumenti li ġew murija lil din il-gazzetta illi jekk jeħdulu l-warrant ħajtu "tispiċċa ta' taħt fuq" għax hu ma jafx liema xogħol differenti jista' jagħmel hekk kif studja biex isir perit. Hu qal ukoll li mill-Kamra tal-Periti ma sab ebda sostenn u insista li minkejja d-diffikultajiet emozzjonali hu dejjem baqa' kapaċi jaħdem. Tard il-ġimgħa l-oħra l-Kamra tal-Periti qalet li se tkun qed tiftaħ mill-ġdid iż-żewġ investigazzjonijiet li kienu ġew sospiżi, fil-konfront taż-żewġ periti, ħatja bil-qtil involontarju ta' Miriam Pace. Fi stqarrija l-Kamra qalet illi jekk il-periti ma jappellawx, hi se tkun qegħda tanalizza s-sentenza sabiex jiġi stabbilit jekk kienx hemm merti ta' dixxiplina li ma ġewx indirizzati fil-kawża kriminali, inkluż ksur tal-kodiċi tal-kondotta, ksur ta' direttiva tal-Kamra, imġieba mhux professjonali jew negliġenza, u aġir li jiskredita l-professjoni. Mal-Qorti l-perit jispjega kif hu qatt ma kellu problemi fuq il-post tax-xogħol, għalkemm wara l-inċident jgħid li beda jkun "attent iżżejjed" u jirrifjuta xogħol jekk jinnota "l-iċken kumplikazzjoni." Camilleri nqal illi kull filgħodu kien iqum jirremetti, "tant inħoss toqol fl-istonku" wara l-inċident u spjega lill-Qorti wkoll kemm hu diffiċli li jaqra ċerti kummenti fuq il-midja soċjali , fosthom ta' nies li jħeġġu biex "joqtluh." Fix-xhieda, Carmel Pace ir-raġel tal-vittma, qal li qabel seħħ l-inċident huma kienu diġà kellmu lil dan il-perit darba oħra, b'Pace jgħid li Camilleri dejjem kien edukat miegħu. Huwa qal li darba kienu marru mal-ġirien u ma' dan il-perit kienu lmentaw u esprimew it-tħassib dwar ix-xogħol li kien qed isir biswit id-dar tagħhom. Dakinhar hu kien spjegalhom li kien se jintuża trencher għax-xogħol li kien se jsir mal-ħajt tal-appoġġ. Meta mistoqsi jekk il-bqija tax-xogħol jistax isir bl-istess mod, ġie rrimarkat lil Pace: "Ma tafx kemm tiswa' sega?" Intant filwaqt li x-xhieda tagħmel referenza għal diskussjonijiet dwar il-kumpens bejn iż-żewġ naħat il-Qorti innutat kif għall-familja tal-vittma l-aktar importanti kien li jinbidlu l-liġijiet kif ukoll li jingħataw kumpens. Ftit wara s-sentenza, l-avukat Joe Giglio li kien qed jidher f'isem il-familja Pace qal illi din il-familja qatt ma semmiet ħabs u ma xtaqitx vendetta. Intant il-familja Pace ma opponietx talba quddiem il-Qorti mingħand il-kumpanija involuta fuq is-sit fejn seħħ l-inċident - MCZMC Ltd. - biex is-sit in kwistjoni fejn seħħ l-inċident jiġi rilaxxat. Kien l-Avukat Ġenerali fil-fatt li oppona din it-talba minħabba li l-każ il-Qorti kontra tali kuntratturi għadu għaddej u għad iridu jitressqu provi. | [
12
] |
Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, kiteb ittra lill-Prim Ministru Robert Abela hekk kif fis-sigħat jew il-jiem li ġejjin mistennija jkunu ppubblikati l-konklużjonijiet tal-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia. Fl-ittra, Grech jistieden lill-Prim Ministru biex iwarrbu d-differenzi ta' bejniethom u flimkien jieħdu impenn li fil-Parlament jirrispondu għall-konklużjonijiet, b'azzjonijiet konkreti, biex "jintemm darba għal dejjem dan il-kapitlu ikrah għall-pajjiżna." Grech jisħaq li l-prijorità ewlenija għandha tkun li l-pajjiż jassigura li mit-tbatija li għaddew minnha dawk viċin Daphne u l-kawża tagħha ma tkunx inutli iżda jwasslu għal bidla konkreta għall-aħjar fid-demokrazija Maltija. L-inkjesta pubblika, b'bord indipendenti, kellha l-għan li tistabbilixxi jekk l-Istat wassalx jew inkella setax jevita li jseħħ l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia. Fl-inkjesta xehdu diversi uffiċjali tal-Gvern u tal-Istat, mill-eks Prim Ministru Joseph Muscat, għal Ministri u kummissarji tal-Pulizija. Il-Bord temm jisma' x-xhieda ġimgħat ilu u fl-aħħar ġimgħat kien qed jaħdem fuq ir-rapport, bil-konklużjonijiet għandhom ikunu ppubblikati sal-aħħar ta' dan ix-xahar. | [
12
] |
In-numru ta' każi ġodda ta' Covid-19 niżlu għal 91 fl-aħħar 24 siegħa minn total ta' 3,862 swab test. 36 persuna jinsabu fl-isptar filwaqt li fl-ITU hemm biss persuna waħda. Madankollu, sfortunatament il-pandemija ħassdet il-ħajja ta' żewġ anzjani, irġiel, wieħed ta' 84 sena u ieħor ta' 95, li mietu fl-isptar Mater Dei. Il-każi attivi intant issa huma 2,194 hekk kif kien hemm 125 persuna li fieqet fl-istess perjodu ta' ħin. Ir-rata ta' pożittività niżlet għal 2.4%. Sa issa ngħataw b'kollox 750,641 doża tal-vaċċin, li minnhom 373,771 persuna issa huma mlaqqma kompletament filwaqt li 396,087 persuna qed jistennew it-tieni doża. L-awtoritajiet tas-saħħa jispjegaw li l-età medja tal-każi fil-ġurnata li għaddiet hi dik ta' 35. | [
12
] |
Raġel ta' 31 sena, ta' nazzjonalità Indjana, tressaq il-Qorti akkużat li ffastidixxa u li xerred filmati espliċiti tal-eks tfajla tiegħu, liema ritratti nxterdu mhux ħażin fuq il-mezzi ta' kommunikazzjoni soċjali. L-Ispettur Eman Hayman qal lill-Maġistrat Josette Demicoli li l-akkużat ma tantx ħa tajjeb il-fatt li t-tfajla ma baqgħetx miegħu u li kien qed jagħmel minn kollox biex iżomm kuntatt magħha. Jidher li l-vittma kienet bblokjat in-numru tiegħu biex ma jibqax iċemplilha iżda beda jibgħatilha ħafna imejls u saħanista kellha tbiddel anke l-indirizz elettroniku tagħha. Kompla jisħaq li l-vittma bdiet titħasseb aktar meta ndunat li r-raġel kien qed jistaħba wara karozza waqt li hi kienet qed tistenna Tal-Linja. Jidher li kien hemm xi inċident vjolenti, fejn il-vittma saħansitra spiċċat b'xi ġrieħi u anke rċeviet imejls fejn l-akkużat, allegatament, heddida li se jxerred ritratti espliċiti tagħha. Skont l-Ispettur, il-vittma ma ħaditx din it-theddida bis-serjetà sakemm irċeviet imejl, mibgħuta wkoll lil diversi persuni oħra, u li fiha kien hemm filmat tagħha għarwiena. L-akkużat wieġeb mhux ħati u l-Avukat tiegħu, Robert Piscopo, talab għall-ħelsien mill-arrest. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għax il-vittma kienet għadha trid tixhed. Madanakollu d-Difiża saħqet li l-akkużat ilu mill-25 ta' Ġunju ma jagħmel kuntatt magħha u li hu kien imweġġa' għax il-vittma telqitu minħabba xi ħadd ieħor. Spjega wkoll li jekk l-akkużat jispiċċa ma jaħdimx, kien se jitlef il-permess tar-residenza. Il-Qorti meta semgħet l-argumenti kollha qablet li tagħti l-ħelsien mill-arrest lill-akkużat u ħarġet ordni ta' protezzjoni għall-vittma. Huwa kien ordnat ma jagħmilx kuntatt mal-mara, lanqas permezz ta' persuni terzi. Kien ordnat jiffirma fl-għassa darbtejn f'ġimgħa u jħallas depożitu ta' €750 u garanzija personali ta' €8,000. | [
0
] |
Uffiċjal fil-Gvern tal-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel saħaq li l-Ġermanja jista' jkun li tintroduċi restrizzjonijiet għall-persuni li ma ħadux il-vaċċin jekk il-każi tal-Covid-19 jerġgħu jiżdiedu fix-xhur li ġejjin. Madanakollu, Helge Braun, iċ-Chief of Staff ta' Merkel, insista li l-Ġermanja mhux qed tħares lejn lockdown nazzjonali ieħor. Insista li l-persuni li ma ħadux il-vaċċin jista' jkun li ma jitħallewx jidħlu fi stabbilimenti bħar-ristoranti, it-teatri u anke l-istadiums. Franza introduċiet din ir-restrizzjoni u anke fl-Italja mistennija li tibda tapplika mis-6 ta' Awwissu li ġej. Mistoqsi jekk dawn ir-restrizzjonijiet humiex legali, Braun insista li "l-istat għandu r-responsabbilità li jipproteġi s-saħħa taċ-ċittadini tiegħu." Il-programm tat-tilqim fil-Ġermanja waqa' ftit lura fl-aħħar ġimgħat u għalhekk il-Gvern qed jaħdem biex iżid il-kunfidenza tan-nies fil-vaċċin. Aktar minn 60% tal-popolazzjoni Ġermaniża ħadet minn tal-inqas doża waħda tal-vaċċin, filwaqt li 49% huma mlaqqma kompletament. Meta Franza daħlet din ir-restrizzjoni, kienu ħafna dawk li marru jieħdu l-vaċċin. | [
10
] |
Il-Ħadd filgħaxija, dawl jimla it-toroq tar-raħal u l-bandalori jisirqu l-ħars bil-kuluri jixgħelu. Filwaqt li l-banda tkompli bil-briju, taħt id-dawl tal-murtali, it-tfal jiġru wara xulxin b'xi faqqaturi f'idejhom. Imbgħad minn taħt il-għajn tara lil tal-qubbajt, lest biex ibigħ il-ħelu tradizzjonali tal-festi f'kull lewn u għamla. Naturalment huma ħafna li jħossu għafsa ta' qalb meta jiftakru li baqalna biex nerġgħu nesperjenzaw dan kollu. Minkejja dan meta xi ħadd jsemmi lin-nies li sofrew bil-waqfa tal-festi kawża tal-pandemija, ħafna jaħsbu f'tal-kamra tan-nar, f'tal-armar u fil-Knisja stess. Mhux ħafna jiġihom f'moħħhom in-nies li kienu jarmaw it-toroq bl-imwejjed u l-vannijiet lesti biex jimlulna żaqqna bl-ikel. Allura x'ġara minnhom dawk tat-trakkijiet, tal-ħelu u tad-donuts Amerikani mgħerqin fiz-zokkor? Fuq kollox x'ġara minnhom tal-qubbajt? Sfortunatament ir-risposta mhux xi waħda feliċi. Il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-aħħar manifattur fuq bażi full-time tal-qubbajt, Robert Caruana, kif ukoll ma' bejjiegħ li kien jarma fil-festi, Ivan Delia. "Ħadd ma għinni lili" - Robert Caruana L-aħħar persuna li kien għadu jagħmel il-qubbajt qabel ma twaqqfu l-festi, kien Robert Caruana. Raġel tal-familja li flimkien ma' żewġ uliedu, martu u disa' impjegati oħra kienu jqassmu l-qubbajt kull ġimgħa fi rħula differenti. Caruana, magħruf ukoll bħala 'Iż-Żebbuġi', beda' billi spjega li hu kellu jbiddel ix-xogħol u l-kumpanija, Bee-Hive, li ilha fil-familja għal tlett ġenerazzjonijiet kellha tieħu pawża. Minflok hu qiegħed jdur bil-ħwejjeġ fit-toroq filwaqt li jaħdem fuq ħelu ieħor tal-istaġun bħal ma huma l-figolli u l-prinjolata. Spjega wkoll li l-ftit qubbajt li jagħmel jinbiegħ fil-ħwienet għat-turisti iżda l-bejgħ tiegħu huwa ftit. Bee-Hive huwa negozju stabbilit fl-1948. Missieru, Carmelo, kien waqqaf dan in-negozju u meta kiber Caruana, beda' jieħu ħsieb n-negozju hu, wara bdew jieħdu ħsieb ukoll uliedu. Matul dawn is-snin twal ta' suċċess, il-kumpanija baqgħet impenjata tipprovdi l-ħelu fil-festi u fil-fatt kien dan li wassal lil Caruana biex jixtri tlett kumpaniji oħra tal-qubbajt li kienu jaħdmu fuq bażi part-time. "Hi tal-qsim il-qalb li tkeċċi lill-impjegati tiegħek imma ħafna aktar tal-qsim il-qalb meta tkeċċi lill-uliedek stess." Hekk wieġeb Caruana meta beda' jirrakonta dak li ġarrab. Il-gazzetta staqsietu jekk pruvax isib għajnuna u b'dispjaċir kbir hu qal li prova minn kollox inkluż li jirċievi l-wage supplement li pprovda l-Gvern f'dawn iż-żminijiet diffiċli. Caruana qal li l-Malta Enterprise qaltlu biss li hu "każ uniku" iżda li ma tista tagħmel xejn, speċjalment għax diġà keċċa lill-impjegati. Qalilna ukoll li prova jġib permessi biex jarma fil-pellegrinaġġi jew f'attivitajiet simli iżda l-permess ma ngħatax għax qalulu li negozju bħal tiegħu jaf jattira wisq nies mal-mejda. Caruana bl-ikbar dieqa qal li issa l-mara tiegħu mardet ukoll bil-kanċer. "Il-mara marditli bil-kanċer, irrid nixtrilha l-mediċina. Hemm pirmli minnhom €84 għal 20 pillola. Kelli noħroġ nbiegħ il-ħwejjeġ biex forsi inmantni lill-familja." Iż-Żebbuġi, kif inhu popolarment magħruf, temm jgħid li hu japprezza nies li jipprovaw jgħinu anke billi jiġġieldu għal wirt Malti bħal dan. Fosthom semma lid-Deputat Godfrey Farrugia li prova jtella dan is-suġġett fil-Parlament Malti, "iżda sfortunatament waqa' fuq widnejn torox." Il-qubbajt Malti jiġi nnutat minn UNESCO bħala 'wirt kulturali intanġibbli' minħabba li skont huma "hu trasmess minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni, huwa kostantement maħluq minn rispons ta' komunitajiet u gruppi, u jipprovdilhom sens ta' identità u kontinwità, u b'hekk jippromwovu r-rispett għad-diversità kulturali u l-kreattività umana" Robert Caruana jibża li hekk sa sena oħra ma jsibx mod kif jarma għal festi, se jkollu jagħlaq kompletament. "Tat-trakkijiet tqabbilhomx magħna, għax dawk b'xi mod baqgħu għaddejjin" - Ivan Delia Il-gazzetta ILLUM tkelmet ukoll ma' eks impjegat ta' Caruana biex tara kif din is-sitwazzjoni laqtet lilhom ukoll. Ivan Delia, spjegalna li huma kien jagħmlu dan ix-xogħol fuq bażi part-time. Il-maġġoranza tal-ħaddiema jaħdmu bħala xufiera matul il-ġurnata, l-aktar xufiera tal-ambulanzi u tat-taxi. Delia ma kienx kunfidenti li qatt se jsibu għajnuna għax wisq jibża li l-bejjiegħa tal-qubbajt mhumiex apprezzati biżżejjed. Delia qal li l-iktar li jinkwieta hu propju għal Robert Caruana. "Ma naħsibx li se jiġri xi ħaġa u jekk ma jiġri xejn dik se tkun l-aħħar daqqa għalih" Mistoqsi mill-ILLUM x'jaħseb li sar minnhom bejjiegħa oħra tal-ikel hu wieġeb illi "tad-donuts ma nafx. Imma dawk tat-trakkijiet tqabbilhomx magħna, b'xi mod xorta baqgħu għaddejjin" Ftit informazzjoni fuq il-qubbajt L-ewwel referenzi rreġistrati għal cobaytaro (bejjiegħ tal-qubbajt) imorru lura għall-Ordni ta' San Ġwann (1530-1798). Mikiel Anton Vassalli ddeskriva l-ingredjenti ewlenin għal tip ta' qubbajt magħmul fi żmienu bħala, taħlita magħmula minn żerriegħa tal-ġulġlien, lewż, għasel u zokkor. Jidher li l-prattika tradizzjonali li ddawwar il-ħlewwa fuq ċangatura tal-irħam biex tiksaħ qabel ma taqta' f'porzjonijiet iżgħar, tmur lura għal dan il-perjodu wkoll. Fis-sajf, Robert Caruana kien iqatta ma' 12-il siegħa kuljum jipproduċi l-qubbajt, kemm dak tradizzjonali u dak iebes. | [
14
] |
In-numru ta' każi ġodda ta' Covid-19 jibqgħu taħt il-100, dan kif ġew irreġistrati 95 każ ġdid fl-aħħar 24 siegħa minn total ta' 3,795 swab test. 33 persuna jinsabu fl-isptar filwaqt li fl-ITU issa hemm żewġ persuni. Il-każi attivi intant issa huma 2,060 hekk kif kien hemm 229 persuna li fieqet fl-istess perjodu ta' ħin. Ir-rata ta' pożittività hi dik ta 2.5%. Sa issa ngħataw b'kollox 751,546 doża tal-vaċċin, li minnhom 375,373 persuna issa huma mlaqqma kompletament filwaqt li 396,686 persuna qed jistennew it-tieni doża. L-awtoritajiet tas-saħħa jispjegaw li l-età medja tal-każi fil-ġurnata li għaddiet hi dik ta' 32. | [
12
] |
Il-Kunsill Lokali ta' Marsaskala jaqbel mal-Kompetizzjoni tad-Disinn tal-Awtorità tat-Turiżmu (MTA) u l-pjanijiet ta' 'riġenerazzjoni' li huma beħsiebhom isiru bejn Triq ix-Xatt sa Triq is-Salini. Fi stqarrija huma qalu li jemmnu li għandu jkun hemm il-parteċipazzjoni tal-Kunsilliera fil-proċess kollu u li l-Kunsill jirriserva d-dritt li ma jaqbilx u joġġeżżjona wkoll kemm-il darba l-proġett magħżul ma jkunx dak li jridu l-maġġoranza tal-Kunsilliera. Il-Kunsill issuġerixxa wkoll li sseħħ fażi ta' konsultazzjoni mal-pubbliku. b'mod speċjali mar-residenti biex b'hekk ikunu jistgħu jesprimu l-opinjonijiet tagħhom. Din l-istqarrija, li ħarġet propju illum, ġiet mibgħuta mill-Kunsill wara li l-ġimgħa l-oħra, residenti Skalin kitbu ittra lill-Ministru għat-Turiżmu biex iwaqqfu l-istess Kompetizzjoni tad-Disinn. Permezz ta' din l-ittra, ir-residenti esprimew l-biża' tagħhom li l-Kompetizzjoni tad-Disinn tal-Awtorità tat-Turiżmu hija "skuża uffiċjali biex isiru xogħlijiet fi Ġnien Sant' Anna u l-madwar." Ir-residenti spjegaw kif dawn ix-xogħlijiet diġà ġew ippjanati minn sottokumitat li waqqaf is-sindku u li, għal iktar minn sentejn, iltaqa' bil-moħbi biex jaħdem fuq bosta proposti għal Wied il-Għajn fi sħab ma' Infrastruttura Malta u l-Awtorità tat-Turiżmu. | [
12
] |
F'Ġunju li għadda għaddew mill-Ajruport Internazzjonali ta' Malta (MIA) 190,505 passiġġier, li jfisser żieda ta' 153% fit-traffiku meta mqabbel max-xahar ta' qabel. L-ewwel erba' xhur ta' din is-sena ma tantx raw turisti f'pajjiżna, fil-fatt kien Mejju li ġab miegħu l-ewwel sinjali ta' rkupru għall-MIA. L-MIA pero' jgħidu li r-rata ta' rkupru ta' Malta hi aktar baxxa minn dik ta' destinazzjonijiet simili fin-Nofsinhar tal-Ewropa. Min-naħa tiegħu, il-Kap Eċekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta' Malta, Alan Borg, qal li "r-ritorn ta' diversi linji tal-ajru wara s-sospenzjoni tas-servizzi tagħhom minħabba l-pandemija u l-bidu tal-operazzjoni 'cruise and fly' fil-jiem li ġejjin huma voti ta' fiduċja inkorraġġanti f'Malta bħala ddestinazjoni attraenti kemm fir-rigward ta' dak li għandha x'toffri u kemm fir-rigward ras-sitwazzjoni epidemjoloġika tagħha." | [
12
] |
L-għaqda Repubblika sejħet għall-protesta llejla quddiem Kastilja hekk kif kien ippubblikat ir-rapport tal-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia . Dan ir-rapport talab lill-Gvern jieħu responsabbilità u jgħid illi għalkemm ma hemmx provi illi l-Istat kien imdaħħal f'dan l-assassinju, ħoloq stat ta' impunità permezz ta' "qarnita" minn Kastilja li wasslet għal "kollass fl-istat ta' dritt." Repubblika qed tesiġi li l-Kabinett jirriżenja u minfloku ikun iffurmat Gvern li jeskludi lil kull min hu responsabbli "għall-ħtijiet li sabet l-inkjesta." L-għaqda qed tinsisti wkoll li Joseph Muscat għandu jitkeċċa mill-Partit Laburista, filwaqt li l-Istat jitlob skuża. L-għaqda qed tipproponi wkoll li jitwaqqaf Kumitat inter-istituzzjonali bis-sehem tas-soċjetà ċivili biex jiddiskuti fid-detall u jara li jiġu adottati r-riformi proposti mir-rapport tal-inkjesta u li safejn dan jista' jsir dawn "ir-riformi jsiru qabel l-elezzjoni ġenerali li jmiss u li l-elezzjoni ġenerali ssir biss meta jkun intlaħaq kull progress li jista' jintlaħaq fil-leġiżlatura preżenti fl-implimentazzjoni ta' dawn ir-riformi." | [
12
] |
Ir-rapport tal-Inkjesta Pubblika dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia huwa pjuttost skjaċċanti fil-konfront ta' "qarnita ta' impunità" li jgħid illi kellha ċ-ċentru tagħha fi qrubija u ħbiberija żejda bejn il-poter u n-negozju, liema qawwiet ġew flimkien biex jinnewtralizzaw lil Daphne Caruana Galizia, jgħid mill-ġdid ir-rapport. Ir-rapport jikkonkludi li l-Istat għandu ħtija għaliex ħalla kultura ta' impunità u kollass tas-saltna tad-drit t li għamluha aktar faċli biex tinqatel il-ġurnalista u biex - skont ir-rapport - min iwettaq ir-reat iħossu sikur. L-Imħallfin kienu skjaċċanti fil-kritika tagħhom dwar il-politika 'pro business' għax qalu li din tajba sakemm ma ssirx għas-skapitù ta' governanza tajba. Il-Bord jispjega li kellu "provi abbundanti" dwar dawk li jsejjaħ "intriċċi u kunfidenza żejda" bejn uffiċjali pubbliċi u negozjanti kbar u sostna li din il-qrubija kienet fattur determinanti biex il-parti l-kbira tal-proġetti l-kbar realizzati fil-perjodu rilevanti "jispiċċaw taħt il-lenti tal-Awditur Ġenerali u Inkjesti Magisterjali, fost oħrajn. Investigazzjonijiet li jikkonfermaw li kien hemm irregolaritajiet kbar sal-punt li ġiet prospettata l-possibilita' li f'uħud minnhom il-proċess kollu seta' kien vizzjat." Il-Bord ta' Inkjesta magħmul mill-Imħallef Emeriti Michael Mallia, flimkien mal-eks Prim Imħallef Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro - sostna li bosta drabi l-proċeduri ta' proġetti kienu għal fuq il-karta biss u sabiex min ikun involut jasal għall-iskopjijiet tiegħu. "Ir-realta' hi illi parti minn negozju l-kbir, mhux sorprendentement, ħataf l-okkażżjoni biex ikun jista' jopera u jwettaq il-proġetti tiegħu bl-inqas xkiel amministrattiv u b'manipulazzjoni ta' uffiċjali pubbliċi fl-ogħla gradi li magħhom ħolqu rabtiet ta' interess komuni," sostna il-Bord fil-konkużjonijiet tiegħu. Jisħaq illi l-poter u n-negozju ħolqu żewġ forzi li riedu kemm setgħu jinnewtralizzaw lil ġurnalista li kienet qed tikxef din l-istess relazzjoni, sabiex b'hekk "jiġi nnewtraliżżat l-aspett negattiv li l-kitba tagħha kien qed ikollha fuq il-politika dikjarata tal-Gvern (pro-business) kif ukoll biex ma jiġux ippreġudikati l-pjanijiet li issa jirriżulta li kien hemm, li xi nies jistgħanew bis-saħħa tal-konnessjonijiet li kellhom mal-amministrazzjoni pubblika." L-imħallfin jisħqu li dawn l-attentati laħqu l-qofol tagħhom bl-iżvelar tal-Panama Papers u 17 Black - kumpanija fid-Dubaj marbuta ma' dawk ta' Keith Schembri u Konrad Mizzi fil-Panama u li kienet ta' Yorgen Fenech - akkużat li huwa l-moħħ wara l-assassinju tal-ġurnalista. Huma għalhekk jitfgħu l-ħtija ta' dan l-assassinju direttament fuq ħoġor dawn l-interessi kummerċjali mwaħħdin mal-politiċi jew inkella persuni pubbliċi: "Daphne Caruana Galizia kellha l-isfortuna li ħaditha kontra l-poter politiku u dak ekonomiku fl-istess waqt. Il-Bord jenfasiżża illi l-provi huma kollha fid-direzzjoni illi l-omiċidju kien jinvolvi grupp żgħir ta' nies li ppjanaw u esegwewh għall-interessi proprji tagħhom u minn mandanti li kienu jqisuha theddida għall-pjanijiet anke futuri tagħhom." Fil-fatt importanti niftakru li Daphne Caruana Galizia kienet għadha qed taħdem fuq l-istorja ta' 17 Black u r-rabta li din kellha mal-kumpaniji fil-Panama ta' Schembri u Mizzi, meta inqatlet. Dawn il-fatti u anke ammonti ta' flus li kienu f'17 Black (ikkonfermati mill-awtoritajiet tad-Dubaj) - ħarġu wara mewtha permezz tal-investigazzjoni mid-Daphne Project, li kien jinkludi lil Reuters u lil The Times f'Malta. Ir-rapport jgħid li mal-istejjer dwar il-Panama ssaħħet il-kampanja ta' "demonizzazzjoni" kontra l-ġurnalista assassinata. L-eks PM Joseph Muscat u l-eks Ministru Konrad Mizzi 'Ir-responsabilità ta' Muscat…' Dawn il-konklużjonijiet jisħqu li l-fatt li Muscat żamm lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi u ddefendihom, anke meta bdew ħerġin fatti u stejjer dwar 17 Black wassal biex il-kultura tal-impunità li jgħid illi wasslet biex tinqatel Daphne Caruana Galizia kompliet tiżdied. "Dawn id-deċizjonijiet tal-eks Prim Ministru flimkien mal-fiduċja espressa mill-Parlament, fil-fehma tal-Bord, saħħew il-kultura ta' impunita' li fiha kienu jaġixxu l-persuni kollha involuti fl-attivitajiet ta' intriċċi bejn amministraturi politiċi u negozjanti kbar li dwarhom kitbet Daphne Caruana Galizia. Impunita' li straħu fuqha l-elementi ta' kriminalita' organiżżata, kienu min kienu, u li ċertament iffaċilitat l-assassinju." Ara wkoll x'qal ir-rapport dwar ir-responsabilita kollettiva tal-Kabinett . | [
12
] |
Ir-rapport tal-Inkjesta Pubblika fl-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia għandu kliem iebes għal dik li sejjaħ "qarnita ta' impunità" u wissa' wkoll illi l-politika business-friendly tal-eks PM Joseph Muscat qatt ma kellha tiġi à skapitù tal-governanza u dak li huwa sew u ġust. 'Qarnita li nfirxet' Ir-rapport jikkonkludi illi għalkemm jidher li l-Istat ma kellu ebda rwol fl-assassinju, xorta jeħtieġ jerfa' r-responsabilità għall-assassinju ta' Caruana Galizia "billi ħoloq atmosfera ta' impunità, iġġenerata fl-ogħla livelli fil-qalba tal-amministrazzjoni f'Kastilja u bħal qarnita infirxet għal entitajiet oħrajn bħall-istituzzjonijiet regolatorji u l-Pulizija, li wassal għall-kollass tas-saltna tad-dritt," qal l-istess rapport fil-konklużjonijiet tiegħu. "Il-provi kollha quddiem il-Bord maħsuba biex jistabilixxu ċ-ċirkostanzi li fihom seħħ l-assassinju żvelaw kultura estiża ta' impunita' mhux biss għall-uffiċjali għolja fl-amministrazzjoni pubblika, inklużi "persons of trust", iżda wkoll għal ċirku ristrett ta' politiċi, negozjanti u kriminali," jisħaq ir-rapport f'kummenti pjuttost iebsin lejn l-amministrazzjoni mmexxija minn Joseph Muscat. Ir-rapport jagħti ħarsa dettaljata fil-konklużjonijiet tiegħu lejn ir-rabtiet bejn in-negozju u l-Gvern, b'mod speċjali permezz tal-eks Chief of Staff f'Kastilja Keith Schembri u jfakkar illi din il-qrubija waslet biex dawk li riedu jistagħnew jkunu qrib u jimmanipulaw uffiċjali pubbliċi għolja biex jieħdu dak li jridu. Ir-rapport jisħaq li kien ippruvat lilu quddiem din l-inkjesta li xi entitajiet tal-istat "mhux biss naqsu mill-obbligu tagħhom li jestendu protezzjoni sħiħa lil Daphne Caruana Galizia imma kien hemm persuni f'entitajiet tal-iStat li attivament u direttament aġixxew b'mod li serjament preġudikawlha d-dritt li teżerċita l-professjoni tagħha b'mod liberu u sikur." Ir-rapport jerġa' jisħaq illi minkejja li ma hemm ebda prova tal-involviment tal-istat - kampanja ta' demonizzazzjoni, flimkien mal-bżonn li l-kitba tagħha "tiġi newtralizzata", ħolqot il-klima "favorevoli biex min ried jeliminaha seta' jagħmel hekk bl-inqas konsegwenzi," ikkonkluda dan ir-rapport. Robert Abela must ensure that responsibility for this culture of impunity is shouldered. #DaphneCaruanaGalizia — Bernard Grech (@bernardgrechmt) July 29, 2021 L-inkjesta bdiet tisma' x-xhieda f'Diċembru 2019 u kkonkludiet ftit ġimgħat ilu, bil-membri tal-Bord jgħaddu l-inkjesta lill-Avukat tal-Istat u issa lill-Prim Ministru. Il-membri huma l-Imħallef Emeriti Michael Mallia, flimkien mal-eks Prim Imħallef Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro. Intant l -għaqda Repubblika sejħet għar-riżenja tal-Kabinett, għat-tkeċċija ta' Joseph Muscat mill-Partit Laburista u protesta illejla quddiem Kastilja. Intant l-istess rapport qal illi hija "difiża fjakka" tal-Ministri li deheru quddiem l-istess bord li jgħidu li l-impunità minn dejjem kienet u jisħaq illi minkejja li huwa minnu li fi żminijiet oħrajn kien hemm minn abbuża mis-sistema "l-abbużi ġew investigati appena ġew skoperti u ttieħdu passi kontra min jirriżulta li abbuża." L-Imħaallfin qalu li kuntrarjament għal dan illum l-istituzzjonijiet li jaraw illi jittieħdu dawn il-passi ġew mdgaħjfa. "L-istituzzjonijiet f'ħafna okkażjonijiet ma ħadmux u ma ttieħdu l-ebda passi biex l-allegazzjonijiet serji li kienu qed isiru jiġu investigati u biex min kien allegatament responsabbli jiġi msejjaħ biex jagħti kont ta' għemilu.," sostna r-rapport. 'Gravità li min wettaq dan id-delitt ħassu sikur li jwettaqu' Ir-rapport jgħid li hija "gravità" li din l-impunità waslet fl-ogħla livelli tant li "min wettaq dan id-delitt ħassu sikur jwettqu." "Impressjona wkoll il-mod kif tista' tgħid l-istituzzjonijiet kollha fil-pajjiż naqsu li jirreaġixxu b'mod xieraq u effettiv li jikkontrastaw din l-impunita' kif kienu obbligati jagħmlu, nuqqas li ħafna minnhom tista' tkun attribwita proprju għar-rabtiet li kien hemm bejn min kien qed imexxihom u dawk li kienu qed javvanzaw l-interessi dubjużi tagħhom." Responsabilità kollettiva tal-Kabinett Ir-rapport jgħid illi kienet responsabilità kollettiva tal-Kabinett ta Muscat li jara illi jipptoeġi lil min kien qed jikxef informazzjoni relatata mal-Panama papers u 17 Black minflok jivvota favur Keith Schembri u Konrad Mizzi. Filwaqt li wieħed jista' b'xi mod jiskolpa l-Kabinett li ma itteħditx azzjoni tempestiva meta ġew ippublikati l-Panama Papers kontra ċ-Chief of Staff għalhiex il-Prim Ministru Muscat assuma responsabbilita' personali għall-aġir ta' Keith Schembri, ċertament mhux l-istess jista' jingħad meta ġew ippublikati allegazzjonijiet speċifiċi ta' reati in konnessjoni ma' 17 Black. Żgur li f'dan l-istadju l-ebda membru tal-Kabinett ma jista' jeżonera ruħu mill-obbligu li kellu," qal ir-rapport. Kien il-Prim Ministru Robert Abela li dalgħodu ħabbar li se jkun qed jippubblika r-rapport kollu tal-Inkjesta Pubblika li trattat l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia. Għall-bidu l-Gvern mmexxi minn Joseph Muscat kien iddetermina li xogħol l-inkjesta kien li jara jekk l-Istat kellux detterrenti effettivi u biżżejjed poteri investigattivi kontra reati kriminali. Kienet ukoll tinkludi investigazzjoni fuq kemm l-istat jista' jevità stat ta' impunità wara numru ta' reati li baqgħu mhux solvuti. Fakkar dan ir-rapport illi l-Grupp Parlamentari Laburista baqa' jivvota favur l-interessi ta' Keith Schembri u Konrad Mizzi, f'diversi opportunitajiet. Ir-rapport skjaċċanti jgħid illi s-silenzju tal-Kabinett ta' Muscat kien ifisser "approvazzjoni siekta, jekk mhux il-barka, tal-Kabinett kollu" tal-imounità li kienet qed isseħħ. Iżda wara insistenza u appelli mill-famija Caruana Galizia l-inkjesta kienet mitluba tinvestiga wkoll jekk l-istat ħoloqx "riskju immedjat" għall-ħajja ta' Daphne Caruana Galzia. F'ittra lill-Ispeaker il-Prim Ministru Abela qal illi għalkemm xogħlu kien biss li jpoġġi dan ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra, hu se jmur pass oltrè u jippubblika dan ir-rapport, filwaqt li sejjaħ għal dibattitu għada fid-9 a.m. | [
12
] |
L-Aġenzija Maltija għall-Ikel se tkun qed tirregola l-prodotti tal-ikel tal-biedja u tas-sajd, filwaqt li tamministra wkoll operazzjonijiet inkluż tal-biċċerija. L-irwol prinċipali tagħha se jkun dak li tħares is-swieq stabbiliti, filwaqt li tittrasforma l-operazzjonijiet lejn sistema aktar traċċabbli u ġusta, permezz ta' liċenzjar ġdid u proċeduri ġodda. L-aġenzija se tkun qegħda tħallas wkoll għal "fallimenti tas-suq" ikkawżat minn produzzjoni baxxa minħabba ċ-ċokon ta' pajjiżna. Tħabbret ukoll riforma fil-Pitkalija, li tippermetti sistema aktar trasparenti li permezz ta' barcode, tippermetti lil dawk involuti jsegwu l-oriġini u l-vjaġġ tal-prodott. Dan filwaqt li l-bejgħ kollu se jiġi rreġistrat fuq sistema elettronika, b'nota tal-kunsinna maħruġa fuq kull ordni. Min-naħa tiegħu, il-Ministru Anton Refalo, saħaq li l-pandemija enfasizzat il-ħtieġa li l-pajjiż jipproteġi s-sorsi tal-ikel tiegħu, u l-aġenzija il-ġdida se tkun qed tibdel il-kunċett dwar kif dan is-settur huwa mmexxi fil-pajjiż. Huwa ċaħad li kien hemm interessi kummerċjali għall-Pitkalija, waqt li insista li l-Gvern mhux se jħares lejn il-privat jew jilliberalizza s-settur. | [
12
] |
Fl-aħħar xhur u ġimgħat il-gazzetta ILLUM tkellmet ma' ħafna assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw oqsma differenti fis-setturi tat-turiżmu u l-ospitalità, l-aktar oqsma li ħassew l-impatt tal-pandemija. Dawn jagħtuk stampa ta' dak li qed jiġri iżda xi drabi, meta titkellem ma' dawk li huma involuti direttament, mas-sidien jew l-operaturi, tkun tista' tifhem aħjar dak li għaddew jew għaddejin minnu għax jirrakkontawlek esperjenzi konkreti. Dan huwa dak li għamlet il-gazzetta ILLUM din il-ġimgħa meta ltaqgħet ma' Andy Tanti, wieħed mill-uffiċjali tal-AX Hotels, biex tifhem aktar u tmiss b'idha dak li għaddew u għaddejin minnhom il-lukandi (mhux biss tal-AX Group) f'dan il-perjodu li għadu wieħed diffiċli. L-AX Hotels għandha seba' lukandi u kollha huma ta' erba' jew ħames stilel. Dan il-grupp, li huwa wieħed mill-akbar gruppi fejn jidħol is-settur tal-lukandi, ilu jopera għal dawn l-aħħar 40 sena. "Nemmnu ħafna fil-kwalità tal-prodott. Dejjem nipprovaw noffru xi ħaġa differenti mill-aspett ta' stil u l-kunċett tal-lukanda," insista Tanti. Fil-fatt, l-AX Hotels għandha varjetà ta' lukandi. Pereżempju f'Tas-Sliema għandhom lukanda ta' erba' stilel, The Victoria Hotel li għandha stil klassiku, The Palace, lukanda ta' ħames stilel li hija aktar moderna u Palazzo Capua, Boutique Hotel. Fil-Qawra għandhom is-Seashells Resort at Suncrest, lukanda ta' erba' stilel u anke s-Sunny Coast Resort & Spa li tinkludi għadd ta' appartamenti self-catering b'faċilitajiet ta' resort. Fil-Belt għandhom imbagħad żewġ Boutique Hotels, jiġifieri The Saint John u Rosselli. "Għandek seba' lukandi, kollha differenti, li se jattiraw tip ta' klijenti differenti," insista Tanti. Fuq kollox insista li l-enfasi tal-Grupp dejjem kien fuq l-impjegat, għax fi kliemu huma l-impjegati li jagħmlu l-lukanda u mhux sempliċiment il-bini. "Dan huwa evidenti anke meta tħares lejn ħaddiema li ilhom snin jaħdmu mal-Grupp. Nieħu minni personali. Jiena bdejt bħala pool attendent u bdejt tiela' ftit ftit, sakemm illum jiena Director of Sales tal-lukandi kollha tal-AX," insista. Kompla jisħaq li l-Grupp huwa dinamiku ħafna. Fakkar kif riċentament ħareġ il-permess għal Boutique Hotel fiż-żona tal-Verdala filwaqt li fix-xhur li ġejjin se jkunu qed jaħdmu fuq proġett ta' rinovazzjoni tal-lukanda Seashells. "Nazzarda ngħid li se tkun l-aqwa lukanda ta' erba' stilel f'Malta," insista Tanti. "Hemm oqsma oħra bħall-kostruzzjoni, il-kura tas-saħħa u l-iżvilupp li l-AX Group huwa involut fihom imma l-akbar portafoll tagħna jibqgħu l-lukandi," saħaq Tanti. 'Għafsa ta' qalb tara lukanda vojta u mitfija' Bdejna nitkellmu fuq l-impatt tal-pandemija fuq il-lukandi tagħhom. Tanti insista li bħall-bqija tal-lukandi l-oħra, sas-sena 2019, kienu sejrin tajjeb ħafna. Tant hu hekk li fi kliemu, jekk wieħed jieħu l-medja, fl-2019 il-lukandi tagħhom kellhom okkupanza ta' 82%. "Kważi kważi kuljum mimlija. Imbagħad ġiet l-2020. Xokk enormi għal kulħadd. Tkun ġej minn okkupanza ta' 82% u f'ġimgħa ma hemm ħadd u l-lukanda mitfija. Meta tkun drajt f'ambjent daqshekk dinamiku, nies deħlin u ħerġin, min għall-ikel, min għal-laqgħat, tkun drajt il-ħoss u f'daqqa waħda ssib ruħek fi skiet perfett u tara kullimkien mitfi, tħoss għafsa ta' qalb. Tweġġa' tara dak ix-xogħol kollu kważi jisfuma fix-xejn," insista Tanti. Mistoqsi kif addattaw għal dan il-perjodu u x'miżuri ħadu, Tanti beda jisħaq li kien perjodu iebes ħafna, kemm mill-aspett finanzjarju iżda anke mill-benessri tal-impjegati. "Imma l-kumpanija dejjem kienet timxi b'ċertu għaqal. Dejjem riedet tikber u tinvesti imma tieħu ċertu passi meta tkun tiflaħ u allura setgħet tibni pedament b'saħħtu. Matul ix-xhur li konnha magħluqin, ix-xogħol ta' manuntenzjoni baqa' għaddej. Ħadna l-opportunità li nagħmlu ċertu xogħlijiet li ma setgħux isiru għax il-lukandi dejjem kienu mimlija, biex meta nerġgħu niftħu nkunu lesti," kompla jisħaq Tanti. 'L-impjegati xammru l-kmiem … anke tas-sales u l-kokijiet għenu fil-manutenzjoni' Tkellimna fuq l-impjegati, b'Tanti jisħaq li s-sitwazzjoni kienet diffiċli imma insista li l-fatt li d-diretturi, jiġifieri l-familja Xuereb u anke l-Kap Eżekuttiv u n-nies tiegħu żammew kuntatt dirett mal-ħaddiema, għen ħafna biex kulħadd jifhem dak li kien qed jiġri. "Il-ħaddiema kienu assigurati kontinwament li ħadd mhu se jitlef xogħlu. Il-fatt li l-kumpanija kellha pedament sod u xorta bqajna naħdmu fuq proġetti ġodda, il-ħaddiema setgħu jserrħu rashom. Tant hu hekk li t-tnaqqis fil-pagi dam biss tliet xhur. Ilna minn Lulju 2020 bil-paga sħiħa," kompla jisħaq. "Ħadd ma kien qed jistenna din is-sitwazzjoni imma flaħna għaliha għax konnha bilgħaqal." Apparti minn hekk, kompla jisħaq Tanti, l-impjegati kollha baqgħu jiġu involuti f'kull aspett ta' dak li kien qed jiġri. Fil-fatt kien hemm ħaddiema li ma jaħdmux fil-manutenzjoni li "neħħew il-kappell tagħhom" u middew idejhom anke għal dan ix-xogħol. Fi kliemu, kien hemm ħaddiema tas-sales u saħansitra kokijiet li għenu fil-manutenzjoni u t-tindif. "Kien hemm impjegati li minn jeddhom xtaqu jgħinu. Il-kommunikazzjoni mal-ħaddiema għenet. Ħafna riedu jibżgħu għal xogħolhom, kien hemm inqas konsum ta' leave, imma fuq kollox, l-impjegati jħossuhom parti mill-grupp u għalhekk ħassewhom fid-dmir li jgħinu," kompla jgħid. Nuqqas ta' ħaddiema … 'impatt kbir u evidenti' F'din il-ħarġa, l-ILLUM tkellmet ħafna fuq in-nuqqas ta' ħaddiema fis-setturi tat-turiżmu u anke tal-ospitalità (ara paġna 9) li qed joffri sfida għall-operaturi. L-ILLUM tistaqsi lil Tanti jekk dan hux jinħass ukoll fil-lukandi tagħhom. "Għalkemm dejjem rajna li nżommu l-impjegati kollha, kien hemm min għażel li jħalli l-industrija, fosthom ħaddiema barranin," ikkonferma. "Nazzarda ngħid li l-impatt huwa kbir u evidenti." Tanti saħaq li għall-bidu, il-ħaddiema barranin fil-lukandi kien hemm bżonnhom biex jagħmlu xogħol ta' tindif jew inkella biex iservu ta' wejters jew fil-bars, iżda insista li dan l-aħħar kienu qed jaħdmu f'diversi dipartimenti. 'Kellna nidħlu shifts fir-reception u anke nservu l-ikel' "Kull dipartiment ġie affettwat. Nieħu minni personali. Kelli nidħol xi shifts fir-reception għax kellna nuqqas ta' staff. Meta erġajna ftaħna u stajna nservu assisted buffets, peress li ma kellnix biżżejjed nies, jiena u l-istaff tiegħi tas-sales u anke uffiċjali oħra tal-lukanda, kien ikollna mmiddu jdejna wkoll u xi drabi anke nnaddfu l-imwejjed. Meta t-turisti bdew jiżdiedu, ir-rata ta' impjegati ġodda ma bdietx tiela' b'mod parallel," insista. Tant hu hekk li kellhom jittieħdu ċertu deċiżjonijiet iebsa, fosthom li jitnaqqsu xi servizzi jew inkella titnaqqas l-okkupanza tal-lukanda. 'Xogħol fit-turiżmu huwa iebes imma huwa wkoll karriera' L-ILLUM staqsietu x'jaħseb li qed iżomm Maltin, partikolarment żgħażagħ milli jaħdmu f'dan is-settur. "Fih id-diffikultajiet tiegħu. Fl-aħħar mill-aħħar aħna qed naħdmu meta ħaddieħor qed jieħu pjaċir. Mhux faċli taħdem is-Sibt filgħaxija jew il-Milied," beda jisħaq Tanti. "Minkejja dan, xogħol f'lukanda hija karriera. Jiena nagħti eżempju bija nnifsi. Vera bdejt naħdem ta' 15 u ssagrifikajt ħafna mill-ħin tiegħi mal-ħbieb imma ara fejn jien illum. Ma tridx tħares lejha bħala xogħol biss. Hemm ħafna opportunitajiet, tiltaqa' man-nies u għandek fejn tikber anke barra minn Malta. Jekk tkun ambizzjuz, tista' taħdem ma' lukanda jew katina ta' lukandi barra minn Malta u tirritorna b'esperjenza." Kien hawn li saħaq li hemm bżonn strateġija li tgħin liż-żgħażagħ u lill-ħaddiema Maltin jifhmu li dan huwa settur li joffri opportuntajiet iżda insista li din l-istrateġija trid taħdem biex tbiddel il-mentalità fost il-ġenituri li ma tantx jimbottaw lil uliedhom biex jaħdmu f'dan is-settur għax huma xettiċi minnu. 'Dis-sena t-turist ta' kwalità mhux jagħżel lil Malta' L-AX Hotels jiffokaw ħafna fuq il-kwalità, biżżejjed tħares lejn il-boutique hotels, iżda fl-aħħar ġimgħat ħafna operaturi lmentaw, anke ma' din il-gazzetta, li turisti ta' kwalità mhux jiġu. Innutaw dan? X'impatt qed ikollu? "Kull turist li jiġi Malta għandu dritt ikollu esperjenza ta' kwalità. Irrispettivament fejn qed joqgħod. Dan l-aħħar snin sar ħafna xogħol biex nattiraw turist ta' kwalità. Saru ħafna investimenti mill-privat u anke mill-Gvern. Biżżejjed tħares lejn il-Belt," saħaq Tanti. Insista li sfortunatament donnu li t-turist ta' kwalità, din is-sena, mhux jagħżel lil Malta u dan ħassewh l-aktar fil-lukanda The Palace u anke fil-Boutique Hotel Rosselli. "Jista' jkun li dan it-turist qed jagħżel ċertu destinazzjonijiet li huma inqas iffrekwentati biex ikun aktar sigur." Kien hawn li l-uffiċjal tal-AX Hotels insista li biex il-pajjiż jerġa' jibda jattira turist ta' kwalità jeħtieġ ibiddel l-enfasi tiegħu minn fuq turiżmu tal-massa. "Jekk se naħdmu biss biex nattiraw it-turiżmu tal-massa, nagħmlu x'nagħmlu t-turist ta' kwalità mhux se jiġi," insista. "It-turist ta' kwalità jrid ċertu privatezza. Ma jridx jeħel fit-traffiku jew jeħel fil-kju, biex nagħtik eżempju. Turist ta' kwalità se jara x'hemm madwaru. Jekk aħna qed ngħidu li għandek vantaġġ tiġi Malta għax id-distanzi huma qosra, ma jistax jagħmel nofsiegħa biex jasal mill-ajruport għall-Belt." 'Turist f'lukanda ta' ħames stilel f'San Ġiljan x'qed isib mill-bieb 'il barra? Insista li hemm bżonn aktar ippjanar għax it-turist se jara dak li għaddej madwaru. Filwaqt li saħaq li xogħlijiet infrastrutturali huma importanti u kruċjali, insista li bħalissa hawn wisq xogħlijiet għaddejja f'salt u li setgħu saru qabel meta konnha magħluqa u t-turist kien jiġi u jsib kollox lest. Saħaq ukoll li hemm bżonn aktar infurzar biex tiżdied id-dixxiplina inġenerali, mis-sewqan għall-indafa, għax l-immaġini hija importanti. Insista li dan importanti biex ikun attirat kull tip ta' turiżmu imma aktar u aktar jekk il-pajjiż irid turist ta' kwalità. "Mhux se nitkellem fuq il-lukandi tagħna biss. F'San Ġiljan hemm lukandi ta' ħames stilel tajbin ħafna u jattiraw turist ta' kwalità. Imma malli t-turist joħroġ mil-lukanda, x'qed isib? Qiegħed japprezza dak li qed jara? X'aktarx li le," insista. Saħaq li qed isir ħafna xogħol imma jekk mhux se jkun hawn dixxiplina għalxejn. 'Kull turist jonfoq imma l-impatt ta' turist ta' kwalità huwa akbar' Kompla jinsisti li turist ta' kwalità se jonfoq. "Kull turist jonfoq, imma l-impatt ta' turist ta' kwalità huwa akbar. Se jixtrilek flixkun inbid tajjeb. Se jonfoq aktar fl-ikel. Irid gwida privat. Meta nattiraw turist ta' kwalità, kulħadd se jgawdi. L-ekonomija hija katina. Mill-bidwi li qed ikabbar u jbigħ it-tadam tiegħu sal-lukanda li qed tilqa' t-turist," insista. Kompla jisħaq li t-turist ta' kwalità jfittex ukoll dak li jissejjaħ experiential holiday, fejn pereżempju jmur fl-irħula u jiltaqa' man-nies tal-lokal, jiltaqa' mal-bidwi, jiġbor l-ikel u forsi jsajjar u jiekol mal-bidwi. "Hemm ħafna opportunitajiet. Irridu naħdmu fuq dan l-aspett. Jekk in-nies tal-irħula jiftħu l-bieb tagħhom għal dan it-turist u jħossu milqugħ, inkunu qegħdin fid-direzzjoni t-tajba," kompla jisħaq. 'Il-valur tal-kanċellazzjonijiet kien sostanzjali' Qlibna d-diskors u tkellimna wkoll fuq l-aħħar restrizzjonijiet dwar l-ivjaġġar hekk kif issa Malta se tilqa' biss turisti b'ċertifikat tal-vaċċin. Tanti insista li l-impatt kien kbir tant li fi kliemu, matul il-ġimgħa ta' wara, il-kanċellazzjonijiet żdiedu bi kważi 100% fuq il-ġimgħa ta' qabel. "Bħala valur ta' kanċellazzjonijiet kien wieħed sostanzjali," kompla. Spjega kif l-aktar milquta kienu x-xhur ta' Lulju u Awwissu, hekk kif jidher li t-turisti li bbukkjaw għal aktar tard fis-sena, qed jistennew biex jaraw kif se tiżvolġi s-sitwazzjoni. "Kellna lukanda li minn 90% okkupanza, tlifna fiha kważi nofs ix-xogħol," insista. "Anke għall-impjegati. Jibdew jinkwetaw. Mhux faċli għalihom." Madanakollu jidher li issa l-kanċellazzjonijiet waqfu u l-bookings reġgħu bdew deħlin. 'Flok serraħna ras it-turist spiċċajna beżżajnih' Mistoqsi x'jaħseb li seta' sar aħjar, Tanti insista li bla dubju, id-deċiżjoni kellha tkun diskussa aktar mal-istakeholders kollha, biex tkun deċiżjoni meħuda aħjar u anke tkun ikkommunikata aħjar. "Dan il-paniku fil-messaġġ inħass fil-midja barranija u forsi minflok serva biex iserraħ ras it-turist mlaqqam li ried jiġi Malta, x'aktarx li beżżgħu aktar," insista. 'Ottimist li s-sena d-dieħla tkun sena tajba' Fl-aħħarnett, l-ILLUM staqsiet lil Tanti kif qed iħarsu lejn ix-xhur li ġejjin. Insista li hemm "ottimiżmu kawt" għax-xhur minn Settembru 'l quddiem. Saħaq li mill-indikazzjonijiet li qed jieħdu, anke minn barra minn Malta, għalkemm fix-xitwa x-xogħol dejjem jonqos, xorta mistenni li jkollhom ċaqliqa. "L-aspetattiva hija li bejn Marzu u April tas-sena d-dieħla għandu jkun hemm pass ikbar lejn ċertu normalità. Anke minn dak li jgħidulna l-organizzaturi tal-konferenzi. Dawn qed iħarsu lejn l-ewwel xhur tas-sena d-dieħla. Allura dan jagħtina ftit indikazzjonijiet," insista. "Biex noqorbu xi ftit lejn ix-xogħol li kellna fl-2019, żgur irridu nistennew is-sena d-dieħla." Madanakollu, Tanti huwa ottimist li s-sena d-dieħla se tkun waħda tajba anke jekk f'termini relattivi, fosthom għax il-programm tat-tilqim fl-Ewropa jkun mexa sew u anke għax il-kunfidenza tkun żdiedet. "Nistennew li fejn jidħlu l-bookings, l-andament jibqa' wieħed stabbli," temm jisħaq. | [
12
] |
Il-każi attivi komplew neżlin għal taħt l-2,000 - biex issa jinsabu f'total ta' 1,972 - anke jekk fl-aħħar 24 siegħa kien hemm total ta' 111-il persuna li rriżultat pożittiv għall-Covid-19. Dan kien sforz 199 persuna li fiequ minn dan l-istess virus fl-istess perjodu ta' żmien. Intant ma kienu rreġistrati ebda imwiet fl-aħħar sigħat filwaqt li d-dożi tal-vaċċin mogħtija telgħu għal 755,655. | [
12
] |
Il-familja ta' Daphne Caruana Galizia aċċettat l-apoloġija tal-Prim Ministru dwar in-nuqqasijiet tal-Istat "meta rawwem l-ambjent li wassal għall-assassinju tal-ġurnalista." Waqt konferenza stampa, it-tifel ta' Daphne Caruana Galizia, Paul Caruana Galizia, qal li l-familja taċċetta l-apoloġija, u stqarr li l-apoloġija kienet dovuta lill-pajjiż. Filwaqt li l-familja m'għandha l-ebda pjan li tiltaqa' direttament mal-Prim Ministru, Caruana Galizia qal li lesta tiltaqa miegħu jekk jasal joffri. L-apoloġija tal-Prim Ministru ġiet wara li l-Bord tal-Inkjesta pubblika r-rapport dwar l-assassinju tal-ġurnalista u qies lill-Istat Malti responsabbli li rawwem ambjent ta' impunità li ffaċilita l-qtil tagħha . Il-familja Caruana Galizia flimkien mat-tim legali tagħhom u numru ta' attivisti, ilhom sentejn jiġġieldu biex tinħatar inkjesta pubblika, bil-gvern jaqbel mal-proposta lejn tmiem l-2019, ftit qabel ma ġie arrestat Yorgen Fenech. Wara l-pubblikazzjoni tar-rapport, l-attivisti mal-ewwel bdew jitolbu għar-riżenja tal-membri tal-Kabinett li ssemew fir-rapport tal-inkjesta għal nuqqasijiet jew għemil ħażin fit-tħejjija għall-assassinju tal-ġurnalista. F'dan ir-rigward, Paul Caruana Galizia qal li l-familja qed tistenna responsabbiltà sħiħa. Sadanittant, il-Kap tad-Difiża tal-familja, Therese Comodini Cachia, insistiet li r-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-inkjesta għandhom jiġu implimentati minn kumitat indipendenti u imparzjali. | [
12
] |
Waqt konferenza tal-Aħbarijiet fil-Belt Valletta, Carmel Cacopardo, Chairperson ta' ADPD – The Green Party qal li dak kollu li smajna dwaru fl-aħħar jiem seta' jseħħ primarjament għaliex il-Parlament ma qediex dmiru u għaliex f'Parlament ta' żewġ partiti dmiru ma jistax jaqdih għax naħa għandha s-saħħa li tirrombla fuq l-oħra mingħajr il-ħtieġa li tiddiskuti. Carmel Cacopardo qal li r-rapport tal-inkjesta pubblika dwar l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia huwa ċar daqs il-kristall u juri li "uffiċċjali fl-ogħla kariga tal-pajjiż, inkluż fil-Kabinett tal-Ministri qdew l-interessi tal-flus qabel dak tal-pajjiż, u jħossu li ma jista' għalihom ħadd u li għandhom xi dritt li jagħmlu li jridu mingħajr rispett tal-liġi." Cacopardo sostna li r-rapport jixhed ukoll dak li iddeskriva bħala "d-dgħjufija tal-istat Malti, ibbażat fuq demokrazija minima, sistema kważi dittatorjali fejn il-Gvern u l-Prim Ministru jsiru qishom xi Re li jgħaddu bħall-gaffa minn fuq kulħadd." Huwa qal li f'dal-każ partikolari l-Partit Laburista u l-Membri Parlamentari tiegħu għandhom ħafna xi jwieġbu għax ikompli jgħid li ħallew lil Joseph Muscat "jagħmel li jrid, ħallewh itejjeġ lill-Gvern u lill-Partit ma' interessi finanzjarji kbar, anzi firxilhom it-tapit." "Infakkru wkoll kif li hawn min huwa espert fl-evażjoni tat-taxxa imma qisu xejn m'hu xejn, anzi illum imexxi lill-PN. Anke din hija impunità." Huwa kompla jgħid li l-viċinanza bejn il-politika tal-PLPN u d-dinja tan-negozju minn dejjem kienet u fakkar li waqt id-diskorsi fid-dibattitu fil-Parlament nhar il-Ġimgħa "l-ebda Deputat, mill-ebda naħa ma semma din il-kwistjoni, avolja msemmija ċar daqs il-kristall fl-inkjesta. Ħadd ma semma li l-inkjesta emfasizzat kif negozjanti kbar u dawk li għandhom is-saħħa tal-kapital jduru mal-liġijiet, dejjem sabu t-tapit mifrux u jikkontrollaw l-istituzzjonijiet u l-partit PLPN." Carmel Cacopardo temm jgħid illi qabel ma ġew maħturin fil-kariga li għandhom illum kemm Leo Brincat - illum fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri - u anke Edward Scicluna - li llum imexxi l-Bank Ċentrai - "ma stħawx jiddikjaraw li komplew jappoġġjaw lil Muscat biex ma jkunux ħrief tas-sagrifiċċju." | [
12
] |
Mill-2017 sal-lum il-ġurnata saru xogħlijiet ta' tisbiħ u ta' titjib fuq aktar minn 600 blokka fl-oqsma tal-akkomodazzjoni soċjali. Dan ifisser li mill-istokk eżistenti li jlaħħaq mal-1,117-il blokka, sar xogħol li għamel differenza fuq 54% tal-istokk imxerred mal-pajjiż kollu. Dan tħabbar mill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes waqt żjara fil-qasam residenzjali ta' Ħal Mula f'Ħaż-Żebbuġ, fejn ta rendikont tax-xogħlijiet ta' manutenzjoni u ta' titjib li saru fil-blokok tal-oqsma tad-djar imxerrdin ma' Malta u ma' Għawdex. Il-Ministru Galdes qal li qed tinżamm il-wegħda li jiġu riġenerati l-blokok ta' akkomodazzjoni soċjali kollha. Fil-fatt, sal-aħħar ta' din is-sena se jkunu qed jitlestew it-tisbiħ u r-riġenerazzjoni tal-faċċati fuq 61 blokka oħra. Bl-iskema kollaborattiva mal-kunsilli lokali, se jsiru tisbiħ u titjib tal-partijiet komuni f'112-il blokka oħra madwar Malta u Għawdex u bl-investiment b'saħħtu mill-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali u bl-iskema ta' installazzjoni ta' lifts sal-aħħar tas-sena 2022, se jkun hemm 158 blokka li se jkollhom lift installat. Partijiet mill-istokk eżistenti tal-akkomodazzjoni soċjali ilu mibni mis-snin 70. Minn meta tela' ċertu bini qatt ma ngħata l-manutenzjoni meħtieġa. Fi kliem il-Ministru Galdes, "Min ma ndukrax dan il-bini, ma ndukrax lill-familji li jgħixu fih". Dawn ix-xogħlijiet saru permezz tal-ħidma konġunta bejn il-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali, l-Awtorità tad-Djar, SPM Ltd, Housing Maintenance and Embellishment Ltd kif ukoll bl-investiment miġjub mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. Bix-xogħlijiet li se jkunu ntemmu sa tmiem din is-sena, l-investiment tal-gvern mill-budget għall-housing se jkun laħħaq it-€12-il miljun. Dan minbarra li l-Awtorità tad-Djar kisbet fondi Ewropej għall-parti l-kbira tal-lifts li qed jiġu installati biex jagħmlu r-residenzi kollha aċċessibbli. Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay qal li qatt daqs illum ma kien hemm interventi differenti fil-binjiet eżistenti tal-Awtorità tad-Djar. McKay qal li "kellna għażla bejn li nagħmlu l-minimu possibbli u li nieħdu ħsieb biss xogħlijiet strutturali relatati mal-integrità tal-binjiet jew li ninvestu f'binjiet isbaħ, aktar aċċessibbli u aħjar." Leonid McKay ikkonkluda li fix-xhur li ġejjin, id-doża ta' dawn ix-xogħlijiet ser tiżdied. Kien għalhekk li fil-ġimgħat li għaddew tnieda l-Housing Development Fund sabiex jintużaw sorsi differenti ta' fondi biex titjieb il-kwalità tal-ħajja ta' min jgħix f'dawn il-binjiet u fil-madwar. | [
12
] |
L-għaqda Repubblika f'ittra mibgħutha dalgħodu lill-President tal-Partit Laburista Ramona Attard, talbet sabiex il-PL ikeċċi lil Joseph Muscat minnufih u ma jħallix lil dawk li kienu Ministri fil-Kabinett tiegħu jerġgħu jikkontestaw elezzjoni ġenerali oħra. Il-President ta' Repubblika Robert Aquilina sostna fl-ittra, ippreżentata dalgħodu quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, illi Joseph Muscat instab "personalment responsabbli li kien fiċ-ċentru tat-tnawwir, tat-tgħajjir, tal-gideb u tal-ħolqien tal-ambjent ta' impunità li fihom seta' jseħħ l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia." Huwa qal illi huwa biss bit-tkeċċija ta' Muscat li l-Partit Laburista "jista' jibda jiċħad il-passat ta' għajb li wassal għall-qtil ta' omm, ikkawża trawma għal pajjiżna u żeblaħ lil din artna mal-erbat irjieħ tad-dinja. Il-gravità ta' dak li seħħ minħabba Joseph Muscat hija bla preċedent fl-istorja tad-demokrazija tagħna." Aquilina sostna wkoll fl-istess ittra illi l-PL għandu jibgħat messaġġ "bħala l-akbar partit f'Malta" anke billi dawk il-MInistri u d-Deputati li huma msemmijin fir-rapport ma jitħallewx jerġgħu joħorġu għall-elezzjoni. "Pajjiżna jeħtieġ ikun tassew tagħna lkoll u mhux tal-qarnita mafjuża magħmula minn politiċi u negozjanti korrotti, kriminali u qattiela. M'għandix dubju li tiftakar min kien wiegħed li Malta se tkun 'tagħna lkoll'. Inħeġġuk tibda t-triq biex din il-wegħda tibda titwettaq," temm l-ittra tiegħu Robert Aquilina. | [
12
] |
40 organizzazzjoni sportiva ibbenefikaw minn investiment ta' €1 miljun grazzi għal skema maħruġa mill-Gvern biex il-klabbs sportivi jinvestu f'apparat u tagħmir aktar effiċjenti. Permezz tal-iskema, maħruġa mill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma b'kollaborazzjoni ma' Sport Malta, 40 klabb wettqu aktar minn 60 proġett bl-għajnuna li ngħatat biex ikunu jistgħu jinstallaw sistemi moderni ta' dawl, heat pumps, appliances u pumping equipment. F'ċerimonja li saret fil-Padiljun tal-Basketball tal-Hibernians, il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli u s-Segretarju Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima ppreżentaw rikonoxximent lill-klabbs b'tifkira tal-investiment li għamlu. Il-Ministru Miriam Dalli spjegat li l-konkorrenza għal din l-iskema kienet waħda b'saħħitha tant li ttieħdet id-deċiżjoni li jiġu allokati aktar fondi biex aktar proġetti ta' enerġija effiċjenti jkunu jistgħu jiġu implimentati. "Huwa ta' sodisfazzjoni għalina li ngħinu lil min irid ikun sostenibbli. L-investiment li qed isir għal operat aktar effiċjenti ma jfissirx biss kontijiet orħos, imma anke protezzjoni lejn l-ambjent u anqas ħela", qalet il-Ministru Miriam Dalli. Spjegat ukoll li b'kollox kien hemm mat-72 applikant u sa issa diġà ngħatat rifużjoni lil 40 klabb. 70 proġett diġà tlestew filwaqt li 50 oħra għadhom għaddejjin. Dawn l-investimenti jfissru li flimkien dawn il-klabbs qed jiffrankaw mal-€100,000 f'kontijiet tal-enerġija fis-sena. Matul iċ-ċerimonja, is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima faħħar il-pass 'il quddiem li 40 organizzazzjoni sportiva ħadu bl-għan li jinvestu f'enerġija aktar sostenibbli. Huwa saħaq li permezz ta' dawn l-inizjattivi numru sostanzjali ta' organizzazzjonijiet sportivi u volontarji qed jibbenifikaw finanzjarjament, liema benefiċċju finanzjarju qed jerġa' jkun investit fil-komunità. "L-għan aħħari tagħna bħala Gvern huwa li nrawmu soċjetà sostenibbli f'kull settur. Dak li qiegħda toffri din l-inizjattiva, fejn kemm is-settur ambjentali kif ukoll is-settur sportiv qed jibbenifikaw minn traħħis fil-kontijiet tad-dawl, ambjent aktar nadif u appoġġ finanzjarju b'saħħtu", qal is-Segretarju Parlamentari. Permezz ta' din l-iskema se tkun qed tiġi ffrankata mat-340 tunellata f'emissjonijiet CO2 fis-sena, dan filwaqt li Malta tkompli tilħaq il-miri tal-Ġnus Magħquda, | [
12
] |
In-niċċa turistika tal-għadds f'pajjiżna ser tkompli tissaħħaħ permezz ta' żieda ta' attrazzjoni taħt il-baħar. Dan hekk kif ftit 'il barra mill-kosta ta' Marsaskala ġie mgħerreq bastiment magħruf bħala P33, li kien jintuża bħala patrol boat mill-Forzi Armati ta' Malta. Dan sar bl-għan li jservi bħala sit rikreazzjonali għall-għaddasa, kemm għat-turisti kif ukoll għall-Maltin. Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo tenna li permezz ta' dawn l-inizjattivi, pajjiżna qiegħed ikompli jsaħħaħ in-niċċa tal-għadds. "Din l-inizjattiva, b'investiment ta' €250,000, qiegħda timmarka l-impenn tagħna biex noffru lit-turisti li jiġu f'Malta xelta ta' attrazzjonijiet li joffru l-ibħra ta' pajjiżna. Intenni l-impenn tagħna għal aktar ħidma biex inkomplu naċċertaw li noffru esperjenza ta' kwalità lil kull min jiġi jżurna", qal il-Ministru Bartolo. Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Johann Buttigieg spjega li t-tniżżil tal-bastiment P33 hija opportunità sabiex bugħaddasa jiġu jgawdu dak li joffri pajjiżna u jesploraw dak li hemm taħt l-ibħra tagħna. "Mhuwiex sigriet li l-gżejjer Maltin għandhom x'joffru. Iżda l-ġmiel ta' Malta u Għawdex jibqa' sejjer ukoll lil hinn mill-kosta, għal taħt il-baħar, fejn wieħed jista' jsib dinja oħra, lesta biex tiġi skoperta minn bugħaddasa, kemm dawk li ta' kull sena jigu f'pajjiżna speċifikament għal din ir-raġuni, u anke minn dawk lokali. Din tal-lum hija opportunità oħra, biex insaħħu l-prodott turistiku tagħna. Dan l-investiment, b'mod speċjali, qiegħed isaħħaħ in-niċċa tal-iscubadiving, hekk kif Wied il-Għajn qiegħed joffri l-ewwel wreck site. Ċerti li se toffri sigħat ta' avventura u esplorazzjoni għal dawk li għandhom dan id-delizzju għal qalbhom", ikkonkluda s-Sur Buttigieg. | [
12
] |
Il-każi attivi ta' Covid-19 komplew neżlin, biex issa jlaħħqu t-total ta' 1,847 hekk kif fiequ 219-il persuna filwaqt li rriżultaw 94 każ ġdid minn total ta' 3,483 swab test. Dan ifisser rata ta' pożittività għall-Covid-19 ta' 2.7%. In-numru ta' persuni l-isptar kompla nieżel ukoll biex issa huwa ta' 30 persuna, b'żewġ persuni iżda li jinsabu fl-ITU. Intant fl-aħħar 24 siegħa ma rriżultaw ebda mwiet, filwaqt illi total ta' dożi mogħtija telgħu għal 758,252. | [
12
] |
Il-proċess biex jitneħħa b'mod komplet l-impjant tal-31 ta' Marzu f'Birżebbuġa "jaf jieħu s-snin" hekk kif, qabel ma fil-fatt jitneħħew dawn it-tankijiet iridu jsiru studji tas-sit, studji ta' kontaminazzjoni u studji dwar il-metodu kif se jitneħħew l-istess tankijiet. Huma dawn l-istudji li imbagħad jiddeterminaw x'ikun l-użu tal-post. Dan qaluh mal-gazzetta ILLUM esperti tal-Enemalta li fakkru wkoll illi l-perjodu stand-by sa Diċembru li ġej hija prattika wżata fl-industrija, meta impjant jieħu post ieħor. "Huwa importanti u neċessarju li tkun assigurata s-sigurtà tal-forniment sakemm l-impjant il-ġdid f'Ħas Saptan ikun ipprovat li jaħdem b'suċċess." Sal-aħħar tas-sena wara li jgħaddi l-perjodu stand-by Enemed uffiċjalment tapplika mal-awtoritajiet biex tneħħi minn taħt idejha dan l-impjant. Dan filwaqt li jkun aċċertat li ladarba l-faċilità tagħlaq b'mod definittiv, tkun sigura u ma tkunx operabbli. Is-sit se jkun mgħasses 24 siegħa kuljum. Intant wara li l-ġimgħa l-oħra din il-gazzetta tkellmet mal-Viċi Sindku ta' Birżebbuġa Scott Camilleri, din il-ġimgħa tkellmet mal-Kunsillier tal-PN fil-lokalità Stanley Zammit u ma' resident, George Farrugia propju dwar l-impjant. 'Kuntent li wasalna sa hawn … imma l-Gvern ma jikkonsultax!' Mal-ILLUM il-Kunsillier tal-PN Stanley Zammit, minkejja li faħħar dan il-pass, ilmenta li l-Kunsill Lokali ta' Birżebbuġa kważi qatt mhu qed ikun ikkonsultat, bil-Gvern ħafna drabi jiġi fuqu b'xi ħaġa lesta. "Kuntent li wasalna f'dan l-istadju fi proċess li ma ninsewx illi ilu li beda hekk kif fl-2012 kien ingħalaq ukoll l-impjant li kien hemm fil-Qajjenza (tal-gass) u dakinhar ukoll ħafna residenti ta' Birżebbuġa ħadu r-ruħ," qal Zammit. Huwa qal illi minkejja li l-impjant se jimxi lejn Ħas Saptan, xorta f'Birżebbuġa, dan se jkun 'il bogħod mir-residenti, u allura dan se jfisser inqas tniġġiż, inqas ħsejjes u inqas irwejjaħ. Huwa nnota kif jidher li l-ħsara li saret b'dan l-impjant tidher li hija kbira, bil-fjuwil jgħaddi mill-blat u ġieli jnixxi fil-baħar. Kien hawn iżda li Zammit ilmenta illi l-Kunsill ħafna drabi ma jiġix ikkonsultat dwar proġetti kbar fil-lokalità. "Bħall-park ta' Bengħajsa, ma konniex ikkonsultati meta tħabbar l-ewwel, issa għandna idea ftit aħjar u tragwardi ta' meta se jkun lest. Bħall-impjant fil-Qajjenza wkoll, minkejja li lest il-proċess ta' dikontaminazzjoni l-post tħalla mitluq." Zammit qal li minkejja diversi talbiet lil diversi Ministri, ma kien hemm ebda risposta. Huwa għalhekk temm jappella biex il-Gvern ikun dejjem trasparenti u jinvolvi lill-Kunsill Lokali. 'Kankru ieħor imneħħi minn Birżebbuġa' Intant George Farrugia - resident attiv anke fuq il-midja soċjali - qal illi dan kien "kankru ieħor milli kellu dan ir-raħal li issa se jiġi mneħħi." Huwa qal li huwa importanti li "dik l-art niżguraw li tingħata lir-raħal bħala rikonoxximent tat-tbatijiet li l-Birżebbuġin ilhom isofru 120 sena." Huwa fakkar li l-unika kontribut li kien għamel dan l-impjant bħala rikonoxximent u kumpens għal dawn it-tbatijiet kien il-fonti tal-magħmudija tal-Knisja Parrokkjali tal-lokalità. "Jeħtieġ ukoll li titwaqqaf task force taħt l-awspiċi tal-Kunsill biex jibda xogħol fuq l-akkwist tal-art u fuq l-użu tagħha," temm jgħid Farrugia mal-ILLUM. Il-Viċi Sindku kien qal ukoll mal-ILLUM li dan il-post għandu jkun trasformat f'pulmun ġdid għal Birżebbuġa. L-istorja tal-impjant tax-Shell L-impjant f'Birżebbuġa kien ikkummissjonat fl-1900 mix-Shell, kif inhu popolarment magħruf mal-poplu ta' Birżebbuġa. Oriġinarjament dan l-impjant kellu żewġ tankijiet tal-fjuwil u faċilitajiet oħrajn għall-petrol u diesel. Hekk kif id-domanda għall-fjuwil; bdiet tiżdied kienu inbnew tankijiet oħrajn biex jirċievu fjuwil minn tankers li kienu jsorġu ma' dak li huwa magħruf bħala l-pont tax-Shell. Mat-tkabbir tal-industrija tal-avjazzjoni inbnew imbagħad iktar tankijiet. F'punt minnhom kien hemm 10 tankijiet kbar li kienu jżommu l-fjuwil, diesel, petrol u Jet A1. Meta l-Enemalta ħadet taħt idejha l-impjant fl-1979, it-tankijiet tal-fjuwil kienu mibdulin fi mħażen għad-diesel. Fl-2003 kienu saru faċilitajiet ġodda biex jimtlew it-trakkijiet, sabiex jitnaqqsu l-irwejjaħ kbar li kienu jitħallew fil-viċinanzi għad-detriment ta' residenti Birżebbuġin. Fl-aqwa tiegħu fl-2019 dan l-impjant kellu 109 miljun litru petrol u 135 miljun litru diesel li kien jgħaddi l-aktar lil pompi tal-petrol. Dan kien ifisser medja ta' 11,400 trakk fis-sena. | [
12
] |
Tottenham Hotspur iressqu offerta għall-attakkant ta' Napoli, Lorenzo Insigne Tottenham Hotspur ressqu offerta għall-attakkant ta' Napoli, Lorenzo Insigne. Il-player ta' 30 sena – li kellu rwol importanti waqt it-trijonf riċenti tal-Italja Euro 2020 – issa fadallu inqas minn 12-il xahar fil-ftehim tiegħu mal-Partenopei, fejn qatta' l-aħħar 15-il sena. Liverpool u Barcelona huma maħsuba li qed isegwu mill-viċin is-sitwazzjoni inċerta tiegħu ma' Napoli, iżda Tottenham huma dawk li segwew l-interess tagħhom fl-attakkant. Insigne skorja darbtejn f'sitt logħbiet għall-Italja fil-Euro 2020, u skorja 109 goals u pprovda 85 assist fi 397 dehra għal Napoli fil-kompetizzjonijiet kollha. | [
15
] |
Manchester United offruti l-opportunità li jiffirmaw lil Vinicius Junior Manchester United ġew offruti l-opportunità li jiffirmaw lil Vinicius Junior ta' Real Madrid. Iż-żagħżugħ ta' 21 sena kien regolari għal Los Blancos matul l-istaġun 2020-21, u għamel 49 dehra fil-kompetizzjonijiet kollha, iżda l-Brażiljan huwa disponibbli dan is-sajf, hekk kif Los Blancos qed ifittxu li jibbilanċjaw il-kotba. Man United u Real Madrid diġà jinsabu f'taħditiet dwar ftehim għal Raphael Varane, iżda r-Red Devils ġew offruti wkoll iċ-ċans li jiffirmaw lil Vinicius. Il-club immexxi minn Carlo Ancelotti irid £68.5m għas-Sud Amerikan, iżda r-Red Devils jistgħu potenzjalment jiffirmawh b'self għall-istaġun 2021-22 bil-ħsieb li jiffirmawh bi ftehim permanenti s-sena d-dieħla. Il-club immexxi minn Ole Gunnar Solskjaer għamilha ċara li jkunu interessati fl-attakkant, li skorja 14-il goal u rreġistra 23 assist f'118-il dehra ma' Real Madrid. Vinicius għamel erba 'dehriet għall-Brażil fil-Copa America ta' dan is-sajf u ġie utilizzat bħala sostitut fit-tieni taqsima fit-telfa ta' 1-0 li pajjiżu sofra kontra l-Arġentina fil-finali tal-kompetizzjoni. | [
15
] |
Granit Xhaka 'jagħmel dak kollu li jista' biex jingħaqad ma' Roma Il-midfielder ta' Arsenal, Granit Xhaka, 'qed jagħmel dak kollu li jista' biex jingħaqad ma' Roma. Il-player ta' 28 sena reġa' kien regolari għall-Gunners matul l-istaġun 2020-21, u għamel 45 dehra fil-kompetizzjonijiet kollha, iżda huwa mistenni jitlaq matul it-tieqa tat-trasferimenti ta' dan is-sajf. Roma qed jitqiesu bħala l-favoriti għall-internazzjonali Svizzeru, li jingħad li huwa ħerqan biex imur jilgħab l-Italja u jilgħab taħt il-gwida ta' Jose Mourinho. Xhaka qed jinsisti bil-qawwa biex jingħaqad ma' Roma, bil-midfielder lest jaċċetta salarju mnaqqas fi Stadio Olimpico. Iż-żewġ clubs għad iridu jaslu għal ftehim dwar ħlas għat-trasferiment, b'Arsenal iridu €20m, li Roma mhumiex lesti li jħallsu f'dan il-mument. Xhaka, li allegatament qabel dwar kuntratt ta' erba' snin mal-ġganti Taljani, skorja 13-il goal u rreġistra 20 assist f'220 dehra għall-Gunners sa minn meta ngħaqad magħhom fl-2016. | [
15
] |
Manchester United iridu lil Paul Pogba jibqa' f'Old Trafford sakemm jirtira Manchester United iridu lil Paul Pogba jibqa' f'Old Trafford sakemm jirtira minn player. L-ex player ta' Juventus issa daħal fl-aħħar 12-il xahar tal-ftehim eżistenti tiegħu mar-Red Devils, u x-xnigħat dwar tluq possibbli fis-sajf qed ikomplu jidwu. Paris Saint-Germain huma maħsuba li qed jippjanaw offerta ta' £51 miljun għal Pogba, filwaqt li United mistennija jakkwistaw lil Eduardo Camavinga bħala sostitut potenzjali. Madankollu, il-club immexxi minn Ole Gunnar Solskjaer għadu jittama li jorbot lill-midfielder bi ftehim ġdid fit-tul – wieħed li jarah jibqa' fil-club sakemm idendel iż-żarbun. Pogba mhuwiex ħerqan iżżejjed biex jingħaqad PSG u jidher ħerqan li jiffirma estensjoni ma' United, minkejja t-talbiet ta' Mino Raiola s-sena l-oħra li ż-żmien tal-klijent tiegħu mar-Red Devils kien "spiċċa". Pogba skorja goal wieħed u pprovda assist għal Franza waqt il-Euro 2020. Dan filwaqt li skorja 38 goal u pprovda 42 assist f'206 dehriet bil-flokk ta' Man United. | [
15
] |
Jibdew inaddfu wara l-ħerba li ħalla l-għargħar fil-Ġermanja u l-Belġju Ritratt: AP Residenti f'reġjuni tal-Ġermanja u l-Belġju bdew inaddfu l-viċinanzi tagħhom hekk kif dawn kienu fost l-agħar milquta minn għargħar li seħħew fl-aħħar jiem. Il-ħsara li ħallew dawn l-għargħar qed issir aktar ċara. Ħaddiema tas-salvataġġ qed ikomplu jfittxu għal aktar vittmi. L-aħħar informazzjoni turi li hemm mill-inqas 180 persuna li mietu, b'ħafna għadhom neqsin u għalhekk in-numru ta' mwiet jista' jiżdied. Matul il-jum tas-Sibt l-għargħar kompla ħoloq sfida f'partijiet mill-Ewropa. Ħaddiema tal-emerġenza salvaw nies fir-reġjun Awstrijak ta' Salzburg, fejn l-ilma tal-għargħar għarraq it-toroq ta' belt waħda. | [
10
] |
Il-Prim Ministru Ingliż jagħmel u-turn… se joqgħod kwarantina Ritratt: GettyImages Il-Prim Ministru Boris Johnson u l-Kanċillier se jiżolaw lilhom infushom wara kuntatt mas-Segretarju tas-Saħħa Sajid Javid, li ttestja pożittiv għall-Covid-19. Din id-deċiżjoni ttieħdet ftit ħin wara numru ta' kritika għall-aħbar inizjali fejn intqal li Johnson mhux se jagħmel kwarantina minkejja l-kuntatt ma' Javid. Inizjalment, Johnson qal li se jsegwi programm pilota offrut mis-sistema tas-saħħa Ingliża li tinvolvi li jagħmel test kuljum tal-Covid-19. Id-deċiżjoni li ttieħdet fl-aħħar sigħat, li jfisser li se josserva pejodu ta' kwarantina, ġiet deskritta bħala waħda mill-aktar U-turns tal-gvern li ttieħdet f'perjodu ferm qasir. Fl-aħħar sigħat tħabbar li Javid kien pożittiv għall-Covid-19 u qed isofri minn sintomi ħfief. Javid qal li hu rċieva ż-żewġ dożi tat-tilqim u li għamel test rapidu wara li l-Ġimgħa filgħaxija ħassu daqsxejn ma jiflaħx u rriżulta pożittiv għall-virus. Huwa żied jgħid li beda perjodu ta' kwarantina sakemm jirċievi r-riżultat tal-PCR. | [
10
] |
Fl-Indoneżja 114-il tabib mietu bil-Covid-19 fi 17-il ġurnata L-imwiet ta' tobba fl-Indoneżja żdiedu drastikament fl-ewwel nofs ta' dan ix-xahar, fi sfond ta' żieda ta' infezzjonijiet madwar il-pajjiż kawża tal-varjant Delta. B'kollox 114-il tabib mietu bejn l-1 u s-17 ta' Lulju. Dan huwa l-ogħla numru li ġie rrappurtat għal perjodu ta' tul simili u huwa aktar minn 20% tal-imwiet totali mill-bidu tal-pandemija. L-imwiet tat-tobba żdiedu fl-Indoneżja, ir-raba' nazzjon l-iktar popolat fid-dinja, minkejja rata ta' tilqim ta' 95% fost il-ħaddiema tas-saħħa. Dan wassal biex il-gvern jagħti l-vaċċin ta' Moderna biex isservi bħala booster għal dawk il-ħaddiema tas-saħħa li ħadu l-vaċċin Sinovac taċ-Ċina. Esperti tas-saħħa qed isejħu lil dan il-pajjiż bħala l-epiċentru l-ġdid tal-pandemija. Nhar il-Ħadd, l-Indoneżja rrappurtat 44,721 każ u 1,093 imwiet ġodda kawża tal-Covid-19. | [
10
] |
Fir-Renju Unit: Omm ta' sitt itfal tmut b'kanċer… inqas minn sena ilu qalulha li fieqet Omm ta' sitt itfal tilfet il-battalja tagħha kontra l-kanċer fl-età ta' 37 sena minkejja li inqas minn sena ilu kienet ingħatat l-aħbar li l-kanċer kien telaq. Iżda, Victoria Ayres, li kienet deskritta bħala mara b'karattru sabiħ, ġiet iddijanjostikata mill-ġdid bil-marda. Hija kienet qed tiffoka biex tagħmel memorji sbieħ flimkien mat-tfal tagħha iżda 11-il xahar wara qalulha li l-kanċer kien wieħed terminali. Victoria mietet fit-12 ta' Lulju wara li l-kanċer laħaq infirex f'partijiet oħra tal-ġisem fosthom fil-kliewi u fl-istonku. Din l-omm ma kienet uriet l-ebda sintomi sakemm, skont il-kuġin tagħha Chris Murray, f'daqqa waħda fil-bidu ta' Diċembru tas-sena l-oħra hija bdiet sejra għall-agħar. Il-kuġin tagħha seta' jinnota li Victoria tilfet ħafna piż. It-tobba kienu qalulha li l-kanċer kien fit-tielet stadju u li kellha bżonn tagħmel trattament b'mod immedjat biex issalva ħajjitha. Hija kienet ingħatat biss ċans ta' 30 sa 50 fil-mija li tibqa' ħajja, iżda għall-kuntrarju ta' dan, lura f'April 2020 hija daqqet il-qanpiena tas-sala fejn kienet rikoverata ġewwa l-Isptar fir-Renju Unit bħala sinjal li kienet fieqet. Iżda sa Marzu ta' din is-sena, il-kundizzjoni tagħha marret għall-agħar malajr u l-kanċer infirex għal organi vitali oħra. L-omm kuraġġuża rnexxielha tiċċelebra s-37 sena tagħha ma' wliedha, ġimgħa biss qabel ma mietet. Il-funeral tagħha sar ilbieraħ. | [
10
] |
Lewis Hamilton jirbaħ il-Grand Prix ta' Silverstone Is-sewwieq tal-Formula Wieħed, il-Britanniku Lewis Hamilton (Mercedes) rebaħ il-Grand Prix ta' Silverstone b'mod mill-aktar drammatiku biex fetaħ beraħ l-isfida tat-titlu kontra l-Olandiż, Max Verstappen (Red Bull). Din kienet id-99 rebħa għal Hamilton .. u t-tmiem waħda f'dan iċ-ċirkwit. Eżatt wara l-ewwel dawra Hamilton kien involut f'ħabta ma' Verstappen biex dan tal-aħħar ikkraxxja barra mit-trakka u baqa' dieħel fil-barrikati. Filwaqt li l-karozza ġarrbet ħsarat estensivi, b'xorti tajba l-leader tal-klassifika ħareġ mill-istess karozza mingħajr l-ebda girfa. L-aċċident seħħ meta Hamilton, li kien fit-tieni pożizzjoni, ipprova jattakka minn ġewwa u meta deher li kien se jirnexxielu, Verstappen għalaqlu l-ispazju hekk kif iż-żewġ karozzi kienu se jduru f'liwja bil-konsegwenza li Hamilton laqat ir-rota ta' wara ta' Verstappen. U filwaqt li dan tal-aħħar kellu jirtira mit-tiġrija, Hamilton ingħata penalitá ta' 10 sekondi. It-tiġrija ġiet sospiża għal 40 minuta u meta reġgħet bdiet kien is-sewwieq ta' Monaco, Charles Leclerc (Ferrari) li beda mill-ewwel pożizzjoni. Iżda wara li ħa l-penalitá, Hamilton beda jirkupra u żewġ dawriet mit-tmiem huwa attakka lil Leclerc, bl-għajnuna wkoll tal-kollega tiegħu, il-Finlandiż Valtteri Bottas, qabeż fuq quddiem … biex temm fl-ewwel post. Meta fadal 13-il tiġrija għat-tmiem, il-klassifika ġenerali (ta' fuq) hija: 185 – Max Verstappen; 177 – Lewis Hamilton; 113 – Lando Norris; 108 – Valtteri Bottas. | [
15
] |
Waterpolo: Rebħa kbira minn Neptunes fuq Birżebbuġa Minn Cristian Muscat – ritratt: Dominic Borg Birżebbuġa…………………. 7 San Ġiljan………………… 16 (1-3, 2-6, 1-2, 3-5) San Ġiljan ftit li xejn tħabtu biex għelbu l-isfida ta' Birżebbuġa bl-iskor kbir ta' 16-7, f'logħba li huma ddominaw mill-bidu sat- tmiem. Huma rebħu l-ewwel sesjoni bl-iskor ta' 3-1 bil-goals jaslu minn Matthew Zammit, Andreas Galea u Dino Zammit … it-tlieta minn penalty. Simon Vassallo skorja l-uniku goal għal Birżebbuġa. Il-Ġilajniżi komplew jiddominaw biex rebħu t-tieni sessjoni bl-iskor kbir ta' 6-2 bil-protagonisti jkunu Dino Zammit (2), Ben Plumpton, il-captain Matthew Zammit, Darren Zammit u Keith Galea. Min-naħa tagħhom, Julian Farrugia u l-veteran David Cutajar wieġbu għal Birżebbuġa. Is-Saints rebħu wkoll it-tielet sessjoni, iżda din id-darba b'punteġġ strett ta' 2-1 bl-awturi tal-goals ikunu Andreas Galea u Ben Plumpton. David Cutajar minn penalty wieġeb għat-team min-nofsinhar ta' Malta. U biex jagħmluhom erbgħa minn erbgħa San Ġiljan rebħu wkoll l-aħħar sessjoni … bl-iskor ta' 5-3, bl-iskorers ikunu ż-żagħżugħ Mattias Ortoleva (2) u Matthew Zammit, Dino Zammit (2) bl-ewwel goal għalih jasal minn man-up wara li tkeċċa Neil Cassar. David Pace Lupi, Matthias Bonnici u David Cutajar minn penalty skorjaw għal Birżebbuġa. | [
15
] |
Barcelona jistgħu jiffirmaw lill-midfielder ta' Lille, Renato Sanches, b'self Barcelona jistgħu jiffirmaw lill-midfielder ta' Lille, Renato Sanches, b'self dan is-sajf. Iż-żagħżugħ ta' 23 sena huwa mistenni ħafna li jħalli l-club tiegħu tal-Ligue 1 fis-suq attwali, u numru ta' clubs, inklużi Arsenal u Liverpool, ġew ikkreditati b'interess fl-internazzjonali Portugiż. Sanches qatta' l-istaġun 2017-18 b'self ma' Swansea City fil-Premier League iżda tħabat biex iħalli l-marka tiegħu qabel ma rritorna fil-club ewlieni Bayern Munich. Il-midfielder skopra mill-ġdid il-forma tiegħu ma' Lille, fejn skorja ħames goals u pprovda ħames assists f'59 dehra għaċ-champions renjanti Franċiżi. Barcelona qed iħejju pass ta' self għall-Portugiżi, u l-ftehim x'aktarx jinkludi l-għażla ta' trasferiment permanenti s-sena d-dieħla. Jingħad li l-ġganti Katalani huma ħerqana li jiffirmaw lil Sanches fuq bażi fit-tul dan is-sajf iżda ma jkunux jistgħu jaffordjaw il-prezz mitlub ta' € 35m ta' Lille minħabba l-kwistjonijiet finanzjarji tagħhom. Il-midfielder għamel erba' dehriet għal pajjiżu fil-Kampjonat Ewropew ta' dan is-sajf. | [
15
] |
Tottenham Hotspur jilħqu ftehim mal-goalkeeper Pierluigi Gollini Tottenham Hotspur qablu dwar termini personali mal-goalkeeper Pierluigi Gollini qabel mossa proposta minn Atalanta. Bil-goalkeeper numru 1 kurrenti Hugo Lloris se jkun qed jagħlaq 36 sena s-sena d-dieħla, Spurs huma maħsuba li qed jippjanaw għall-esperjenza mingħajr il-Franċiż rebbieħ tat-Tazza tad-Dinja tal-2018 bejn il-lasti. Gollini – li għamel 32 dehra fil-kompetizzjonijiet kollha għal Atalanta fl-istaġun li għadda – qed jissemma' li jista' jsir is-suċċessur ta' Lloris fit-Tramuntana ta' Londra hekk kif id-direttur Fabio Paratici qed jippjana li jiffirma lil da nil-goalkeeper. Gollini issa wasal għal ftehim dwar in-naħa personali tat-trasferiment ma' Tottenham, li qed jittamaw li jiksbu ftehim ta' £13-il miljun għall-goalkeeper ta' 26 sena. Atalanta diġà assiguraw is-sostitut ta' Gollini dejjem jekk it-Taljan jagħżel li jħalli l-club biex jingħaqad ma' Tottenham, hekk kif l-ex goalkeeper ta' Udinese Juan Musso ffirma għal La Dea aktar kmieni dan ix-xahar. Gollini – li qabel kien fuq il-kotba ta' Manchester United u Aston Villa – żamm 38 clean sheet f'112-il dehra għal Atalanta sa minn meta ngħaqad magħhom b'self fl-2017. | [
15
] |
Il-Forzi Armati ta' Malta jirbħu l-ewwel edizzjoni tal- Beach Soccer League L-AFM rebħu l-ewwel edizzjoni tan-Nestle Ice-cream Beach Soccer league meta fil-finali lbieraħ huma għelbu lil Birzebbugia Tigers bl-iskor ta' 5-2. Kampjonat Nazzjonali li kien ilu għaddej xahar bil-qofol jintlaħaq ilbieraħ fi Pretty Bay f'Birzebbugia. Kienet partita bilanċjata bl-ewwel sessjoni tagħlaq 1-0 favur Birzebbugia permezz ta' Ayoub Ahmad li kien l-istess player li rebaħ l-unur tal-aqwa player tal-kampjonat. It-tieni sessjoni għalqet fi draw ta' 1-1, goal li ġie skurjat għall-AFM minn Luca Mallia. Fl-aħħar sessjoni, it-team tal-AFM ħarġu b'saħħithom meta skurjaw erbgħa permezz ta' Dylan Caruana, Jesus Camilleri, Lee-Joe Schembri u Mark Camilleri b'risposta u doppjetta personali fil-partita ta' Ayoub Ahmad. L-aqwa skorer tal-kampjonat kien Lydon Micallef tal-AFM b'24 goal bl-aqwa goalkeeper jispiċċa Ryan Camilleri ukoll tal-AFM. Fil-kategorija U15 –il sena Birkirkara għelbu lil Qormi bl-iskor ta' 5-0 u rebħu dan il-kampjonat fil-kategorija tagħhom. Illum fi Pretty Bay f'Birzebbugia tkompla l-kampjonat ta' taħt is-17-il sena. Il-preżentazzjoni tat-tazzi lbieraħ saret mill-president tal-Malta Beach Soccer Pio Vassallo, president tal-MFA Bjorn Vassallo kif ukoll mistiedna għal din il-finali MInistru għall-inkużjoni u l-kwalitá tal-ħajja, Julia Farrugia Portelli. | [
15
] |
Paulo Dybala f'dikussjonijiet kuntrattwali ma' Juventus L-aġent ta' Paulo Dybala, Jorge Antun, se jkun Turin fl-aħħar tax-xahar biex jiddiskuti l-estensjoni tal-kuntratt tal-attakkant. Dybala se jkun qed jara l-kuntratt tiegħu ta' €7.5m fis-sena jiskadi f'Ġunju 2022 u l-Bianconeri lesti joffrulu salarju ogħla biex jikkonvinċih jibqa' fil-club. Dybala diġà rrifjuta offerta ta' €10m fis-sena, sena ilu, iżda huwa lest li jaċċetta offerta simili din id-darba. Il-Bianconeri se jagħmlu proposta simili sal-aħħar tax-xahar, meta l-aġent tal-player Jorge Antun se jtir Turin biex jiltaqa' mad-diriġenti. Dybala qatta' żmien konsiderevoli f'taħdidiet kuntrattawali matul l-istaġun iżda huwa rritorna f'Turin fil-forma u Massimiliano Allegri huwa lest li jagħtih post regolari fl-Allianz Stadium fl-istaġun 2021-22. Juventus huma kunfidenti li jista' jintlaħaq ftehim sabiex Dybala jkun jista' jtawwal l-esperjenza tiegħu fil-club lil hinn minn Ġunju 2022. L-Arġentin ġie marbut ma' ċaqliq lejn Barcelona fi ftehim ta' tpartit ma' Antoine Griezmann, iżda ż-żewġ clubs mhumiex f'taħdidiet biex jiskambjaw liż-żewġ players. Dybala ngħaqad ma' Juventus f'kuntratt ta' €40m mingħand Palermo fl-2015 u skorja 100 goal f'253 dehra mal-Bianconeri. | [
15
] |
Arsenal iżidu l-interess tagħhom fil-goalkeeper ta' Barcelona, Neto Arsenal żiedu l-interess tagħhom li jiffirmaw lill-goalkeeper ta' Barcelona, Neto, dan is-sajf. Mikel Arteta diġà għamel movimenti fis-suq tat-trasferimenti, billi ffirma lil Nuno Tavares mingħand Benfica u Albert Sambi Lokonga mingħand Anderlecht, għalkemm il-Gunners huma ħerqana li jagħmlu aktar negozjati fil-ġimgħat li ġejjin. Goalkeeper li hu tajjeb b'saqajh huwa pożizzjoni waħda li Arteta qed jimmira għalih hekk kif jidher li jipprovdi aktar kompetizzjoni għan-numru wieħed attwali Bernd Leno. Arsenal huma mistennija jiġġieldu kontra r-rivali ta' Londra Tottenham Hotspur għall-firma tiegħu, għalkemm l-aġent ta' Neto jikkunsidra lill-Gunners bħala l-iktar għażla vijabbli. Barcelona ffirmaw lill-goalkeeper ta' 31 sena mingħand Valencia fl-2019 għal £22.45 miljun, għalkemm kieku l-klabb Katalan kellu jbigħu dan is-sajf, x'aktarx li ma kinux jirċievu ħlas ta' trasferiment simili. Neto lagħab darba biss għall-Brażil u għamel biss 17-il dehra fil-kompetizzjonijiet kollha għal Barcelona, inklużi 12 fl-istaġun li għadda. | [
15
] |
Chelsea jfittxu li jakkwistaw lil Marcus Bettinelli bħala l-goalkeeper tat-tielet għażla Chelsea qed ifittxu li jakkwistaw lil Marcus Bettinelli bħala l-goalkeeper tat-tielet għażla għall-istaġun li ġej. Il-Blues għandhom bżonn iktar għażliet bejn il-lasti hekk kif reċentement Willy Caballero u Jamal Blackman ħallew il-club wara l-iskadenza tal-kuntratti tagħhom. Dan iħalli lil Edouard Mendy u Kepa Arrizabalaga bħala l-uniċi żewġ goalkeepers rikonoxxuti għal Thomas Tuchel minn fejn jagħżel għall-istaġun li ġej. Madankollu, huwa mifhum li Chelsea dalwaqt se jkunu qed jakkwistaw goalkeeper ġdid, bil-goalkeepr ex Fulham Bettinelli mistenni jingħaqad magħhom bi free transfer. Bettinelli qatta' l-istaġun li għadda b'self ma' Middlesbrough fiċ-Championship u lagħab seba' partiti fil-Premier League ma' Fulham fl-istaġun 2018-19. | [
15
] |
Waterpolo: Sliema jiddominaw għal kollox lil Exiles Minn Cristian Muscat – ritratt: Dominic Borg Sliema……………………… 16 Exiles………………………… 4 (4-2, 6-0, 1-2, 5-0) Sliema ftit li xejn tħabtu biex għelbu lill-ġirien Exiles bl-iskor kbir ta' 16-4 f'partita li ħlief għat-tielet sessjoni huma kienu superjuri għal kollox. Għas-Slimiżi spikka ferm Jerome Gabarretta li skorja ħames goals. Il-Blues ghamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari mal-ftuħ tal-logħba u rebħu l-ewwel sessjoni bl-iskor ta' 4-2 bil-goals jaslu minn Zach Mizzi, Liam Galea u Jerome Gabarretta (2) bit-tieni goal għalih jasal minn man-up wara li tkeċċa l-veteran Timmy Sullivan. Kurt Griscti u Mark Fenech wieġbu għal Exiles. Fit-tieni sessjoni Sliema komplew jiddominaw fejn skorjaw sitt goals mingħajr risposta. L-iskorers kienu Matthew Mifsud, Jerome Gabarretta (2) bl-ewwel goal għalih jasal minn man-up wara li tkeċċa Philip Paris u t-tieni minn penalty, il-captain Mark Meli ukoll minn sitwazzjoni ta' raġel iktar wara li din id-darba tkeċċa Max Aquilina, u Nicholas Bugelli (2) bit-tieni goal tiegħu jasal minn penalty. Fit-tielet sessjoni, Sliema naqqsu ritmu biex Exiles approfittaw billi rebħuha bil-punteġġ ta' 2-1. Filwaqt li Jerome Gabarretta skorja għal Sliema minn man-up wara li tkeċċa Kurt Griscti, Max Aquilina u Mark Fenech, minn man-up wara li tkeċċa Jamie Gambin, wieġbu għal Exiles. Iżda fl-aħħar sessjoni Sliema għamlu reazzjoni u rebħuha bl-iskor ta' 5-0, bl-iskorers ikunu John Brownrigg (2) bl-ewwel goal tiegħu jasal minn man-up wara li tkeċċa Max Aquilina, Liam Galea ukoll minn man-up wara li din id-darba tkeċċa Mark Fenech, Zach Mizzi u Matthew Mifsud li wkoll niżżlu isimhom fuq il-lista tal-iskorers. | [
15
] |
Waterpolo: Birżebbuġa jikkwalifikaw għall-Kampjonat Premier Minn Cristian Muscat – ritratt: Dominic Borg Marsaxlokk………………… 4 Birżebbuġa…………………. 8 (1-0, 2-4, 0-3, 1-1) Birżebbuġa għelbu lil Marsaxlokk bl-iskor ta' 8-4 biex ikkwalifikaw għall-Kampjonat Premier għat-tieni sena konsekuttiva. Kienu Msrasxalokk li rebħu l-ewwel sessjoni bl-iskor minimu ta' 1-0 bl-uniku goal jasal minn Matteo Cacici minn man-up wara li tkeċċa Neil Cassar. Iżda fit-tieni sessjoni Birżebbuġa wettqu reazzjoni tajba u rebħuha 4-2, bl-awturi tal-goals ikunu Simon Vassallo minn man-up wara li tkeċċa Kyle Cremona, Gabriel Sammut (2) bit-tieni goal ukoll jasal minn sitwazzjoni ta' player iktar wara li din id-darba tkeċċa Matteo Cacici u Christian Mifsud ukoll minn man-up wara li tkeċċa Joseph Galea. Matteo Martellacci minn man-up wara li tkeċċa David Cutajar u Matthew Pace wieġbu għal Marsaxlokk. It-tielet sessjoni kienet il-punt tar-rebħa ta' Birżebbuġa meta skorjaw tliet goals mingħajr risposta b'David Cutajar, u Simon Vassallo minn man-up wara li tkeċċa Matteo Cacici, u David Pace Lupi jsibu x-xibka għalihom. L-aħħar sessjoni spiċċat fi draw ta' 1-1 b'Sebastian Busuttil jiskorja għal Marsaxlokk waqt li Christian Mifsud minn man-up wara li tkeċċa Kyle Cremona wieġeb għal Birżebbuġa. | [
15
] |
Jitkeċċa d-direttur tal-ispettaklu taċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Logħob Olimpiku ġurnata qabel ma jsir l-avveniment Id-direttur tal-ispettaklu taċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Logħob Olimpiku ġie mkeċċi, ġurnata qabel ma għandu jsir l-avveniment. Dan hekk kif dan l-aħħar ħarġu filmati ta' Kentaro Kobayashi mis-snin 90 li fihom jidher li qed jagħmel ċajt dwar l-Olokawst. Il-kap Olimpiku tal-Ġappun, Seiko Hashimoto, qal li l-filmat irredikola "fatti koroh tal-istorja". It-tkeċċija hija l-aħħar waħda minn sensiela ta' skandli li laqtet il-Logħob. Tokyo 2020 – pospost is-sena li għaddiet minħabba l-pandemija Covid-19 li kontinwament heddiet li tħassar l-avveniment għal kollox – rat tliet irġiel sfurzati jitilqu mill-bidu tal-2021. Aktar kmieni din il-ġimgħa, kompożitur tneħħa mit-team taċ-ċerimonja tal-ftuħ wara li ħareġ li kien ibbulja lil sħabu tal-klassi b'diżabilità fl-iskola. F'Marzu, il-kap kreattiv tal-Olimpjadi Hiroshi Sasaki kellu jirriżenjawara li ssuġġerixxa li l-kummidjanta ftit kbira mill-piż Naomi Watanabe tista' tidher bħala "Olympig"., għalkemm wara skuża ruħu. U fi Frar, Yoshiro Mori kien imġiegħel ukoll jirriżenja bħala l-kap tal-kumitat organizzattiv wara li għamel rimarki dwar nisa li ġew ikkritikati bħala "mhux xierqa". Is-Sur Mori kien ikkwotat jgħid li n-nisa tkellmu wisq u li laqgħat ma 'bosta diretturi nisa tal-bord "jieħdu ħafna ħin". | [
15
] |
Waterpolo: Faċli wisq għal Neptunes kontra Otters Minn Cristian Muscat – ritratt: Dominic Borg Neptunes………………….. 25 Otters………………………… 6 (6-0, 7-2, 4-1, 8-3) Neptunes kisbu rebħa kbira fuq Otters bl-iskor ta' 25-6 hekk kif iddominw għal kollox dan il-konfront fejn spikkat id-differenza bejn iż-żewġ timijiet. F'din il-logħba spikkaw Jake Muscat u Steve Camilleri meta skorjaw sitta u ħames goals rispettivament. L-ewwel sessjoni tat indikazzjoni fejn kienu sejrin il-punti hekk kif Neptunes rebħuha bl-iskor ta' 6-0 bil-goals jaslu minn Jake Muscat (4) bit-tielet goal jasal minn man-up wara li tkeċċa l-veteran Charlie Zammit, Alec Fenech u Jordan Camilleri. Fit-tieni sessjoni Neptunes komplew bid-dominju assolut meta skorjaw seba' goals kontra t-tnejn tal-avversarji. L-awturi tal-goals kienu Jeremy Abela (2), Stevie Camilleri (2) bl-ewwel goal għalih jasal minn man-up wara li tkeċċa Otis Zammit, Michael Spiteri Staines minn man-up wara li tkeċċa Matthew Farrugia, ħuh James Spiteri Staines u Jake Muscat. Edward Meli u David Dimech minn sitwazzjoni ta' raġel iktar wara li tkeċċa Jake Muscat wieġbu għall- Għawdxin ta' Otters. It-team mill-Balluta rebaħ ukoll it-tielet sessjoni, din id-darba bl-iskor ta' 4-1 bl-awturi tal-goals ikunu Michael Spiteri Staines, Stevie Camilleri minn penalty, Jordan Camilleri u Jake Muscat. Charlie Zammit skorja l-uniku goal għal Otters. Neptunes għamlu l- en plain billi rebħu wkoll l-aħħar sessjoni fejn komplew bix-xalata ta' goals tagħhom bl-iskor ta' 8-3. Claudio Spiteri Debarro, Edward Meli u Zion Bartolo wieġbu għal Otters. | [
15
] |
Studju juri li żewġ dożi tal-Pfizer u tal-AstraZeneca huma effettivi kontra l-varjant Delta Studju riċenti li ġie ppubblikat fin-New England Journal of Medicine wera li żewġ dożi tat-tilqima kontra l-Covid-19, kemm dik tal-Pfizer kif ukoll dik tal-AstraZeneca huma effettivi kontra l-varjant Delta, li bħalma diġà huwa magħruf jittieħed ħafna aktar malajr. L-effettività ta' żewġ dożi minn dawn it-tilqim hija wkoll kważi fl-istess livell kontra l-varjant Alpha, li qabel kien dak dominanti. L-istudju sab li żewġ dożi tal-vaċċin ta' Pfizer kienu 88% effettivi fil-prevenzjoni ta' mard sintomatiku mill-varjant Delta, meta mqabbel ma' 93.7% kontra l-varjant Alpha. Fejn qabel kien qed jiġi rrappurtat li l-vaċċin tal-AstraZeneca kien 60% effettiv, issa nstab li żewġ dożi ta' dan il-vaċċin kienu 67% effettivi kontra l-varjant Delta u 74.5% effettivi kontra l-varjant Alpha. Madankollu, l-istudju tenna wkoll li doża waħda mhix biżżejjed biex toffri protezzjoni għolja. Dan hekk kif doża waħda tal-vaċċin tal-Pfizer kienet effettiva 36%, u doża waħda tal-vaċċin ta' AstraZeneca kienet madwar 30% effettiva. | [
10
] |
Bħal lum 10 snin in-Norveġja sofriet l-attakk terrostiku minn Breivik li ħalla 77 mejta Kien bħal lum, 22 ta' Lulju meta in-Norveġja intlaqtet minn żewġ attakki terroristiċi. Wieħed mill-attakki kien fuq kamp tas-sajf tal-Workers Youth League. F'dan l-attakk mietu 77 persuna. L-ewwel attakk sar b'karozza bomba f'Oslo. Il-bomba tpoġġiet f'vann qrib l-uffiċċju tal-Prim Ministru Norveġiż. Din isplużjoni qatlet tmien persuni u feriet madwar 209 persuna. Sagħtejn wara Andeers Behring Breivik, wettaq attakk ieħor f'Utoya. Breivik kien libes ta' Pulizija, wera identifikazzjoni falza u irnexxiela jitla' fuq dgħajsa li marret fil-gżira fejn kien hemm il-youth camp. Hu fetaħ in-nar fuq il-parteċipanti. Breitvik kien attivist tal-lemin estrem Norveġiż. Hu kien ingħata sentenza ta' 21 ħabs, li hi s-sentenza massima fin-Norveġja. Is-sentenza tista' tkun estiża b'mod indefinit, jekk il-priġunier ikun meqjus bħala theddida għas-soċjetà. | [
10
] |
Il-Korea jirbħu l-isparar bil-qaws tat-timijiet tan-nisa It-team tal-Korea t'Isfel, immexxi minn An San, rebaħ id-disa' midalja tad-deheb konsekuttiv tan-nisa tal-isparar bil-qaws. Il-pajjiż qatt ma ġie megħlub minn meta l-avveniment tat-team tan-nisa ġie miżjud fil-programm tal-Logħob Olimpiku ta' Seoul 1988. It-team huwa kompost minn Kang Chae Young u Jang Minhee li fil-finali għelbu lir-Russi (KOR) bl-iskor ta' 6-0 f'kunidizzjonijiet ta' riħ moderat fl-Arkers Yumenoshima Park. Kienet Jang li assigurat ir-rebħa b'"9" bil-vleġġa finali tagħha. Il-Kumitat Olimpiku Russu kien irrappreżentat minn Svetlana Gomboeva, Elena Osipova u Ksenia Perova. Ta' min jgħid ukoll li Gomboeva kienet dik l-atleta li nhar il-Ġimgħa ħassha ħażin minħabba s-sħana tremenda li ħakmet ir-reġjun. Il-midalja tal-bronż intrebħet mill-Ġermanja li għelbu lil Belarus bl-iskor ta' 5-1. | [
15
] |
L-Awstrijaka Anna Kiesenhofer tissorprendi fiċ-ċikliżmu L-Awstrijaka, Anna Kiesenhofer, ipproduċiet waħda mill-ikbar sorpriżi fl-istorja taċ-ċikliżmu fl-Olimpjadi meta rebħet it-tellieqa tan-nisa li kienet fuq distanza ta' 137 kilometru, b'ħin ta' 3:52:45. Fil-veritá, iż-żewġ Olandiżi, Annemiek van Vleuten u Marianne Vos, kienu l-favoriti li jirbħu din it-tellieqa iżda Kiesen hofer fetħet vantaġġ bikri li baqgħet iżżomm sal-aħħħar. Van Vleuten irnexxielha tirkupra mal-grupp ta' quddiem wara ħabta bikrija biex temmet fit-tieni post (3:54:00), segwita mit-Taljana, Elisa Longo Borghini (3:54:14). | [
15
] |
Iċ-Ċiniż Li Fabin ikompli jżid mat-titli tiegħu fil-weightlifting Li Fabin taċ-Ċina żied id-deheb Olimpiku mat-titlu dinji tiegħu tal-weightlifting fil-kategorija tal-61kg tal-irġiel. Li neħħa refa' total ta' 313kg u kien assigurat mir-rebħa meta Eko Yuli Irawan tal-Indoneżja naqas darbtejn fuq dak li kien ikun rekord tad-dinja fil-177kg clean & jerk. Min-naħa l-oħra, Li falla r-rekord tiegħu stess ta' 178kg. Irawan rebaħ il-fidda b'total ta' 302kg filwaqt li Igor Son tal-Kazakhstan rebaħ il-bronż b'total ta' 294kg. | [
15
] |
Tfajla ta' 18-il sena tmut b'ġisem xiħ 144 sena Kundizzjoni rari u kiefra ma taqtalhiex qalbha milli tikkombatti u tkun ferħana Miktub minn Carmen Cachia Tfajla ta' 18-il sena missiet il-qlub ta' ħafna nies li saru jafu l-istorja tagħha li ġiet irrakkontata minn ommha stess. Iż-żagħżugħa twieldet b'kundizzjoni rari ħafna – il-Benjamin Button – li twassal biex il-ġisem jixjieħ b'rata ta' tmien darbiet iżjed min-normal. "Kulħadd kien iħobb lil din it-tifla ċkejkna b'rieda qawwija u soda," irrakkontat Phoebe Louise Smith lil Kennedy News f'intervista wara l-mewt tal-għażiża bintha. Bint il-mara ta' 36 sena, Ashanti Smith, mietet ftit tal-ġranet ilu minħabba kumplikazzjonjiet mill-Hutchinson-Gilford Progeria li hija kundizzjoni konġenitali rari li twassal biex il-persuna marida biha, tixjieħ tmien snin għal kull sena li tgħix. Skont il-Mayo Clinic, din il-kundizzjoni tikkawża wkoll problemi tas-saħħa serji, diffikultajiet kbar fl-immobiltà u kumplikazzjonijiet oħra assoċjati mal-ixjuħija. Ashnati Smith ħalliet din id-dinja b'ġisem ta' persuna li għandha 144 sena u dan minkejja li kienet ilha tgħix 18-il sena biss. Minkejja li kellha ġisem fraġli minħabba l-età ferm avvanzata li kienet ikkawżata mill-kundizzjoni, Phoebe qalet li bintha ma ħallietx il-marda twaqqafha milli tgawdi u taprezza l-ħajja. "Kellha rieda qawwija ħafna u minkejja kollox qatt ma qatgħet qalbha. Dejjem ħassitha sabiħa u jien min-naħa tiegħi ħadt ħsieb li binti qatt ma tiddubita minn dan," kompliet l-omm. Ftit xhur qabel mietet, ir-residenti minn West Sussex iċċelebrat għeluq it-18-il sena tagħha fejn xorbot l-aktar cocktail favorit tagħha – Sex on the Beach – f'ħanut tax-xorb ma' ommha u mal-ħbieb. Phoebe qalet lil Kennedy News li ċ-ċelebrazzjoni ta' għeluq snin Ashnati kienet l-ewwel ħarġa tagħha bħala adulta u kienet ħadet ħafna pjaċir. "Ħadna ritratti ta' meta għamlet l-ewwel karta tal-identità tagħha. Jiena u l-ħbieb tagħna nisa ddeċidejna li neħduha f'ħanut tax-xorb biex almenu tesperjenza din ukoll," spjegat l-omm. Sfortunatament il-kundizzjoni li kienet tbati minnha Ashnati waslitha biex ikollha problemi kbar biex tiċċaqlaq, kellha problemi tal-qalb u anke artrite. "Kellha ksur fil-ġenbejn u kellhom jagħmlulha tliet interventi iżda fl-aħħar xorta reġgħet batiet l-istess ksur," spjegat Phoebe. Minkejja dan, bintha xorta kienet tirrifjuta li titla' bħala passiġġiera f'karozza. Minflok, hija kienet tippreferi jekk xi ħadd iġorrha jew timxi. Ftit xhur wara l-ksur f'ġenbha saħħet Ashnati bdiet tiddeterjora. Ħabiba tal-familja, Kayleigh Cartwright ta' 25 sena, kienet magħha meta bdiet tħossha verament ma tiflaħx. "Ashnati bdiet tħossha ma tiflaħx. Shaine (missierha) ħadha lura d-dar għax riedet lil ommha. Imbagħad saħħitha marret lura ħafna". Ashanti mietet fil-preżenza ta' ommha, missierha u Cartwright. L-aħħar kliem tagħha kien, "Ma, inħobbok. Issa trid tħallini mmut," ikkwotatha mbikkma Phoebe. Skont Kennedy News, it-tfajla mietet b'kawża naturali meta qalbha waqfet. Sfortunatament bħalissa m'hemm ebda kura għall-kundizzjoni li kellha iżda l-Amministrazzjoni tal-Ikel u l-Mediċini riċentament approvat mediċina bl-isem ta' Zokinvy (lonafarnib) li minn studji li saru jidher li tgħin biex il-pazjenti jgħixu sentejn aktar. | [
10
] |
Subsets and Splits
No community queries yet
The top public SQL queries from the community will appear here once available.