text
stringlengths
80
21.4k
label
listlengths
1
5
47 persuna għamlu swab test għall-COVID-19 għaxar darbiet. Dan ħareġ fi tweġiba parlamentari tad-deputat Prim Ministru Chris Fearne fil-Parlament. F'rendikont dwar in-nazzjonalità tal-persuni li ġew ikkonfermati bil-COVID-19 mill-bidu ta' Marzu sal-aħħar ta' Ġunju, il-Ministru tas-Saħħa Fearne qal li kien hemm 469 persuna Maltija u 202 persuni barranin. Il-persuni kollha li kellhom il-Coronavirus li mhux Maltin ġew minn 13-il pajjiż tal-Unjoni Ewropea u minn 40 pajjiż ieħor. Id-Deputat Prim Ministru Fearne kien qed iwieġeb domandi tad-deputati Hermann Schiavone, Godfrey Farrugia u Cluadette Buttigieg. Il-Ministru Fearne qal li kien hemm 10,027 persuna li għamlu swab test darbtejn waqt li kien hemm 2,513-il persuna li għamluh tliet darbiet.
[ 1 ]
Imtella' Lulju 5, 2020 - Aġġornata 5 Ta' Lulju, 2020 11:27pm Intemmet wara l-10 p.m. mingħajr ebda kumment lill-media laqgħa minn grupp ta' madwar 16-il membru parlamentari tal-Partit Nazzjonalista. Għall-aħħar nofs tal-laqgħa attenda l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia. Ingħaqad ukoll tard fil-laqgħa l-viċi kap għall-affarijiet tal-Parlament, David Agius. Il-laqgħa ssejħet minn grupp ta' deputati wara li rapport tas-Sunday Times of Malta semma li għaddew messaġġi bejn Dr Delia u Yorgen Fenech wara li kien sar magħruf li Fenech hu s-sid tal-kumpanija 17 Black. Il-Ħadd filgħodu kien ġie rappurtat li xi deputati talbu li l-grupp parlamentari jitlaqqa' b'urġenza wara dak żvelat fil-media. Fi stqarrija kmieni wara nofsinhar Dr Delia qal li din il-ġimgħa se jlaqqa' grupp parlamentari biex jiżgura li l-Partit Nazzjonalista jkompli bil-ħidma fit-tfittxija għall-verità u l-ġustizzja. X'ħin ħarġu mid-Dar Ċentrali, ħadd mid-deputati li attendew ma ta kummenti lill-ġurnalisti. Għalkemm ftit wara l-10.30 p.m. infetaħ il-bieb prinċipali tad-Dar Ċentrali u nxtegħlu d-dawl, ftit wara l-bieb reġa' ngħalaq u d-dawl ta' ġewwa ntefa'. F'dan il-mument ma ngħata ebda kumment uffiċċjali, lanqas mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Sakemm il-ġurnalisti telqu minn fuq il-post, ma kienx magħruf jekk Dr Delia ħariġx mill-binja. Aktar qabel, f'intervista fuq il-media tal-partit nazzjonalista, Adrian Delia, qal li ħadd mhu se jirnexxielu jirrikattah, jheddu, ibeżżgħu jew isikktu milli jkompli jiġġieled il-korruzzjoni. Dr Delia rrefera għalr-rapport dwar messaġġi fuq whatsapp li għaddew bejnu u Yorgen Fenech u allega li dawn huma manuvri min-nies fil-Partit Laburista u l-Gvern biex jattakkawh u jintimidawh. Aktar kmieni: AĠĠORNAT: Deputati Nazzjonalisti llejla ltaqgħu fid-Dar Ċentrali
[ 12 ]
Imtella' Lulju 5, 2020 - Aġġornata 5 Ta' Lulju, 2020 2:10pm Rapport: Glen Falzon Ritratti: Arkivji Żagħżugħ ta' 23 sena mill-Gudja ġie akkużat li fis-sigħat bikrin tas-Sibt filgħodu waqt li kien fi stabbiliment tad-divertiment fil-limiti tar-Rabat ikkaġuna ġrieħi gravi lil żagħżugħ u li kissirlu n-nuċċali. Hu ġie akkużat ukoll li kiser il-paċi pubblika. Quddiem il-Maġistrat Victor Axiak, iż-żagħżugħ wieġeb mhux ħati għall-akkużi. L-Ispettur Matthew Galea qal li l-prosekuzzjoni trid tgħaddi messaġġ ċar li m'hemmx lok għal ġlied f'postijiet ta' divertiment. Id-difiża argumentat li l-akkużat kien mas-sieħba tiegħu meta ġie aggredit minn grupp ta' nies u ddefenda ruħu. Id-difiża talbet divjett fuq isem l-akkużat għax għadu jibda impjieg ġdid u għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest. Il-Qorti laqgħet t-talbiet u ż-żagħżugħ ingħata l-ħelsien mill-arrest b'għadd ta' kundizzjonijiet fosthom depożitu ta' €1,000 u garanzija personali ta' €9,000. Il-Qorti ħarġet ordni ta' protezzjoni għall-vittma u ordnat lill-akkużat biex ma jagħmilx kuntatt mal-vittma.
[ 0 ]
Imtella' Lulju 5, 2020 - Aġġornata 5 Ta' Lulju, 2020 8:53pm Għadd imdaqqas ta' deputati tal-Partit Nazzjonalista llejla dehru deħlin fid-Dar Ċentrali, għal-laqgħa li ma ssejħitx b'mod uffiċjali, kif ikkonferma kelliem tal-partit. Iktar kmieni llum Dr Adrian Delia qali li l-ġimgħa d-dieħla se jlaqqa' l-grupp parlamentari wara konverżazzjoni biċ-chat bejnu u bejn Yorgen Fenech li ġiet imxandra dalgħodu mill-midja. Crew ta' TVM jinsab quddiem id-Dar Ċentrali, fejn huwa mifhum li ġewwa hemm minn tal-anqas 16-il deputat. Iktar tard TVM seta' jikkonferma li għal-laqgħa waslu wkoll Dr Delia u l-Viċi Kap David Agius. TVM infurmat li għal-laqgħa daħlu Mario Demarco, Beppe Fenech Adami, Therese Comodini Cachia, Kevin Cutajar, David Thake, Claudio Grech, Ryan Callus, Claudette Buttigieg, Kristy Debono, Jason Azzopardi, Ivan Bartolo, Karl Gouder, Herman Schiavone, Chris Said u Stephen Spiteri.
[ 12 ]
Jumejn 'il bogħod mill-Jum Internazzjonali tal-Bizzilla, grupp ta' persuni nġabru fil-Mużew Nazzjonali tal-Etnografija, fil-Palazz tal-Inkwizitur il-Birgu, biex jaħdmu bizzilla tradizzjonali Maltija. Jekk hemm xi impressjoni li l-arti tradizzjonali tal-bizzilla qed tmajna, wieħed malajr jibdel fehemtu meta josserva l-passjoni, l-abiltà u d-diversità fost dawk li għandhom dan il-talent. Anna Maria Gatt li hija l-kuratriċi fil-Palazz tal-Inkwiżitur u tirriċerka l-bizzilla qalet li l-istorja tal-bizzilla tixhed elementi importanti dwar il-kultura tal-Maltin waqt epoki differenti tal-istorja. "Tirrifletti wkoll iż-żmien tal-liema perjodu kien il-kostum, per eżempju bħalma qegħdin naraw hawnhekk biex tagħraf l-istil u minn xhiex huwa magħmul, ovvjament trid tfittex fuq ritratti, postcards biex tkun tista tqabbel il-perjodu," qalet il-kuratriċi tal-Mużew tal-Etnografija, Anna Maria Gatt. Staqsejna kif il-bizzilla li tinħadem bl-idejn tvarja minn dik li tinħadem bil-magna: "Il-bizzilla tal-magna hija wkoll sabiħa għax hija artiġjanat innifisha imma ovvjament meta tħares lejn tal-idejn, tara l-paragun, waħda hija produzzjoni u l-oħra titla' bil-mod ħafna." Il-Patri Dumnikan, Tonio Mallia Milanes, jistqarr li n-namra tiegħu għall-bizzilla kienet mnebbħa minn ommu. Qed jaħdem biċċa bizzilla għal ommu stess u qalilna li għalih, din l-arti isservi biex tgħinu jirrillassa u jkun iżjed organizzat fil-ħsibijiet tiegħu, l-iżjed meta jkun mħabbat bid-doveri tiegħu tas-saċerdozju u fil-ħidma tiegħu bħala edukatur. "Meta tibda titgħallem tagħmel id-disinji int u tipprova tkun iktar kreattiv, m'huwiex limitat daqshekk ukoll għax huwa arti, tista' tqisu bħala xogħol tal-arti għax tista' tagħmel figuri, per eżempju lestejt darba madonna," qal Patri Tonio Mallia Milanes li ilu jaħdem il-bizzilla 16-il sena. Iltqajna wkoll ma' uffiċjal ta' pulizija li beda jitgħallem din is-sengħa għax jixtieq jgħaddiha lil bintu. Illum kienet l-ewwel lezzjoni tiegħu. "Il-quddiem la tikber it-tifla forsi nħajjarha taqbad dan il-hobby, naqra differenti, milli forsi it-tfal tal-lum, mwaħħlin fuq il-computer," qal Mariano Bonello. L-għalliema tiegħu, Marica Camilleri, hi veterana f'din is-snajja. Qalet li l-perjodu tal-Covid serva biex tkun kreattiva' f'din l-arti. "Il-bizzilla Maltija tradizzjonali naraw ħafna dan il-festuni, il-festuni tas-salib ta' Malta, il-festun tal-istilla u l-festun tax-xemx, għidt mela għalissa la għadejjin bil-coronavirus nagħmlu l-festun tal-covid-19, kif nimmaġġinah, sibt l-istampi tiegħu fuq l-internet għidt ħa nagħmel maskra bil-festun tal-coronavirus," qalet Marica Camilleri li tgħallem il-bizzilla. L-organizzatriċi tal-attività, Anna Maria Gatt qalet li f'Malta hawn iżjed minn 200 persuna li jaħdmu il-bizzilla u tixtieq li jkun hawn aktar nies jitħajjru jitgħallmu l-arti taċ-ċombini biex l-arti tibqa' ħajja u tkompli tgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra.
[ 2 ]
Imtella' Lulju 5, 2020 - Aġġornata 5 Ta' Lulju, 2020 6:42pm Jum l-Indipendenza fl-Istati Uniti kienet ttimbrat b'messaġġi politiċi hekk kif bdiet tirranka l-kampanja għall-elezzjoni presidenzjali ta' Novembru li ġej. Il-President Donald Trump qal li se jegħleb il-moviment xellug radikali, b'referenza għall-protesti li qed isiru madwar il-pajjiż. Waqt li Trump segwa l-ispettaklu ta' logħob tan-nar li jsir nhar l-4 ta' Lulju, dimostranti waqqgħu statwa ta' Christopher Colombus f'Baltimore. Min-naħa tiegħu, il-kandidat tad-Demokratiċi Joe Biden f'messaġġ irrekordjat akkuża lill Trump b'razziżmu. Sadanittant, ir-rapper Kanye West qal fuq Twitter li se jkun qed jikkontesta għall-elezzjoni Presidenzjali. Id-dikjarazzjoni ta' West, li fl-elezzjoni Presidenzjali ta' 4 snin ilu appoġġja lil Trump, kisbet l-appoġġ ta' martu Kim Kardashian West u tal-biljunarju Elon Musk.
[ 10 ]
Imtella' Lulju 5, 2020 - Aġġornata 5 Ta' Lulju, 2020 7:51pm Persuni li kienu qed isuqu minn ġo triq li taqsam foresta f'Bacau, fir-Rumanija, lemħu ors fil-ġenb tat-triq. Mara li kienet passiġġiera f'waħda mill-karozzi ddeċidiet li tinżel mill-vettura u tersaq qrib l-ors bit-tama li tieħu ritratt miegħu. L-ors iżda jidher li ma kienx tal-istess idea, u hekk kif qabdet tersaq lejh ta s-salt lejha. Il-mara pront lebbtet 'il bogħod minnu, u ma reġgħetx ppruvat tersaq lejh! Ara l-filmat hawn .
[ 6, 10, 16 ]
Imtella' Lulju 4, 2020 - Aġġornata 4 Ta' Lulju, 2020 3:56pm L-Amministrur Appostoliku għal Għawdex, l-Isqof Mario Grech inħatar membru fuq il-kunsill pontifiċju għall-promozzjoni tal-għaqda tal-knejjes Insara. Il-ħatriet fuq dan il-kunsill pontifiċju saru llum mill-Papa Franġisku. Il-Kunsill Pontifiċju jaħdem biex jgħin il-Papa jkattar id-djalogu u għaqda bejn il-Knisja Kattolika u l-knejjes Insara l-oħra li primarjament huma l-Knisja Protestanta u l-Ortodossi. Il-kunsill pontifiċju huwa mmexxi mill-Kardinal Kurt Koch, u bħala membri għandu lill-Kardinal Joseph William Tobin, u tliet isqfijiet oħra inkluż l-Isqof Grech.
[ 0 ]
Rapport: Andrea Rossitto Ritratti: Żgħażagħ Rabtin Pawlini Bħal-lum, ir-Rabat jinfetħu bibien is-sema, b'differenza. Waqt il-marċ ta' filgħodu tal-festa ta' San Pawl mill-2007 'l hawn il-Kummissjoni Żgħażagħ Rabtin Pawlini f'jum il-festa bdiet ittella' spettaklu l-ġmiel tiegħu ta' tfigħ ta' karti sinkronizzat mal-mużika. Spettaklu, li jqajjimlek ġismek xewk xewk. Il-mimmi t'għajnejn bosta Rabtin. Xita ta' karti, li tagħti l-ħajja lill-misraħ miżgħud bin-nies biswit il-Knisja ta' San Pawl. Liema knisja, f'Settembru li ġej mistennija tingħata t-titlu ta' Bażilika Minuri . Din is-sena, riżultat tal-Covid-19, l-ispettaklu tal-karti sfaxxa wkoll. Ir-Rabtin se jkollhom jibqgħu bix-xewqa. Imma s-soltu, xi jsarraf? F'kummenti lil tvm.com.mt Keith Scicluna, li okkupa l-kariga ta' President taż-Żgħażagħ Rabtin Pawlini bejn l-2013 u l-2017 stqarr li għal dan ix- show li jsaħħar l-għajnejn jitħejjew ftit aktar minn 1,200 kanna. Liema kanni, jimtlew bil-karti b'paċenzja liema bħalha bl-idejn, waħda waħda. Imbagħad, fost l-oħrajn, il-kummissjoni tagħżel bir-reqqa l-mużika addattata biex tindaqq fl-istess salt mal-ilwien ta' kull xorta li jżewwqu s-smewwiet Rabtin. Is-Sur Scicluna qal li għat-tfigħ tal-karti li sar ħaġa waħda mal-marċ ta' filgħodu jintużaw man-nofs tunnellata karti. Spjega, li l-karti li jintużaw huma kollha biodegradabbli u jifilħu għan-nar bil-għan li jiġi mħares l-ambjent kif ukoll is-sigurtà tal-folla preżenti. Intant, fl-2018 iż-Żgħażagħ Rabtin Pawlini kisbu r-rekord nazzjonali tal-akbar show tal-karti sinkronizzat mal-mużika. Sors: Żgħażagħ Rabtin Pawlini Sors: Żgħażagħ Rabtin Pawlini Sors: Żgħażagħ Rabtin Pawlini Sors: Żgħażagħ Rabtin Pawlini Sors: Żgħażagħ Rabtin Pawlini Sors: Żgħażagħ Rabtin Pawlini
[ 2, 6, 16 ]
Imtella' Lulju 5, 2020 - Aġġornata 5 Ta' Lulju, 2020 1:00pm Fl-aħħar 24 siegħa ma nstab l-ebda każ pożittiv għall-Covid-19 f'Malta wara li saru 771 swab test. Persuna oħra ġiet iddikjarat li rkuprat mill-virus u b'hekk it-total ta' persuni li fiequ mill-Covid-19 f'Malta issa tela' għal 652. L-ammont ta' persuni li rriżultaw pożittivi għall-coronavirus mindu feġġgħet l-imxija f'Marzu huwa ta' 672. Minnhom f'Malta għad hawn biss 9 każi attivi. L-awtoritajiet tas-saħħa qalu li sallum f"Malta saru b'kollox aktar minn 100,000 swab test għall-Covid-19. L-awtoritajiet spjegaw li l-kważi 102,000 test jinkludu aktar minn 2,000 swab test li ttieħdu qabel Marzu, meta ma kienx għad hawn għarfien li l-virus jinsab f'Malta. S'issa f'Malta saru l-fuq minn 100,000 swab test L-awtoritajiet tas-saħħa uffiċċjalment għamlu aktar minn 100,000 Covid swab test. Gepostet von saħħa am Samstag, 4. Juli 2020
[ 1 ]
Imtella' Lulju 4, 2020 - Aġġornata 4 Ta' Lulju, 2020 6:53pm Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo esprima t-tħassib tiegħu dwar it-tensjoni fil-Lvant tal-Mediterran. Waqt laqgħa mal-Ministru tad-Difiża Tork, Hulusu Akar, il-Ministru Bartolo appella għall-kalma, it-tfittxija ghall-kompromess u l-ġid komuni fit-tilwim bejn it-Turkija, il-Greċja u Ċipru. Fi stqarrija ntqal li ż-żewġ ministri ddiskutew is-sitwazzjoni fil-Libja, bil-Ministru Bartolo jgħid li Malta hija favur Libja waħda f'idejn il-Libjani stess. Qal li l-gwerra mhix is-soluzzjoni u l-Libjani għandhom jiġu appoġġjati biex isibu ftehim bejniethom għall-ġid ta' pajjiżhom.
[ 12 ]
Il-Partit Nazzjonalista sejjaħ bħala inaċċettabbli l-fatt li kemm fil-każ tal-ħatra tal-President kif ukoll tal-Prim Imħallef, l-aħħar kelma dejjem se tkun tal-Gvern. Fi stqarrija minn tliet kelliema tal-Partit Nazzjonalista inkluż il-Kelliem għal Għawdex u r-Riformi Kostituzzjonali Chris Said, intqal li dan imur kontra dak li stqarr pubblikament il-Gvern. L-istqarrija qalet li l-Oppożizzjoni dejjem sostniet li l-ħatra tal-President dejjem għandha ssir b'żewġ terzi tal-Parlament, kif isiru dawk tal-Awditur Ġenerali, l-Ombudsman u l-Kummissarju għall-Istandards, liema karigi qal il-Partit Nazzjonalista, dejjem imtlew taħt amministrazzjonijiet differenti mingħajr problemi. Intqal li l-Oppożizzjoni ma kinitx ikkonsultata dwar diversi punti li joħorġu mill-abbozzi pubblikati u dan minkejja ftehim dwar ir-Riforma Kostituzzjonali li l-Gvern kien se jikkonsulta mal-Oppożizzjoni.
[ 12 ]
Wara għadd ta' xhur u snin isaħħnu l-bankijiet tal-iskola maġenb xulxin, f'dawn l-aħħar jiem għadd ta' ċkejknin tal-iskola primarja tal-Għarb għadhom kif temmew b'suċċess il-Year 6 kif ukoll l-aħħar sena tal-kindergarten. Liema mument, x'aktarx li se jibqa' mnaqqax f'qalbhom iżda li frott il-mument straordinarju li lkoll għaddejna minnu ma setgħux jiċċelebrawh bis-sħiħ. F'dan l-isfond, l-istaff tal-primarja tal-Għarb id f'id mal-istudenti u l-familji tagħhom fasslu tliet filmati mill-aktar ħelwin bil-għan li jiċċelebraw kif jistgħu tmiem esperjenza skolastika liema bħalha. Ilkoll, viżibbilment fis-seba' sema, bi ħġarhom biex ikomplu joħolmu u jaħdmu qatigħ biex fil-futur qarib jilħqu l-ambizzjonijiet tagħhom.
[ 2, 5, 6, 16 ]
Imtella' Lulju 5, 2020 - Aġġornata 5 Ta' Lulju, 2020 3:32pm L-impjant tal-fjuwil fil-qalba ta' Birżebbuġa, li huwa magħruf ukoll bħala l-impjant tal-31 ta' Marzu, għadu qed jopera, bil-Gvern jgħid li x-xogħol ta' ttestjar u kkumissjonar fuq l-impjant il-ġdid ta' Ħas-Saptan ittardja, fosthom minħabba s-sitwazzjoni tal-Covid-19. Fi Frar tas-sena li għaddiet il-Kap Eżekuttiv tal-Enemed, Kevin Chircop, kien qal lil TVM sal-aħħar tas-sena kien ippjanat li jkunu qed joperaw minn Ħas-Saptan, u Birżebbuġa jitpoġġa fuq 'cold standby', waqt li sa nofs l-2020 is-sit ta' Birżebbuġa jkun magħluq definittivament. Madanakollu l-proċess jidher li ttardja, hekk kif il-vapuri għadhom qed iħottu l-fjuwil mal-pont ta' quddiem l-impjant ta' Birżebbuġa, kif jidher fir-ritratt (fuq) meħud fil-25 ta' Ġunju li għadda. It-tekniċi ma setgħux jiġu Malta biex jikkummissjonaw il-makkinarju Għall-mistoqsijiet ta' TVM, kelliema għall-Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġjar tal-Ilma qalet li l-pjan oriġinali kien li wara li jispiċċa l-proġett ta' Ħas Saptan u jkun ikkumissjonat, l-impjant ta' Birżebbuġa jinżamm fuq 'cold standby' għal sitt xhur u wara ikun jista' jinbeda l-pjan tal-iżmantellar tal-impjant. Madanakollu, minħabba s-sitwazzjoni kurrenti, speċjalment li l-ajruporti fetħu din il-ġimgħa, it-tekniċi meħtieġa biex jikkumissjonaw il-makkinarju l-ġdid ma setgħux jiġu Malta. Qalet li l-makkinarju huwa mwaħħal fil-post u lest biex jibda l-ittestjar u l-ikkumissjonar. Il-kelliema stqarret li l-pjan hu li sal-aħħar ta' din is-sena jkun jista' jsir l-ittestjar fuq l-impjant il-ġdid biex ikun lest għall-użu. B'hekk ikun jista' jitwaqqaf l-operat fl-impjant ta' Birżebbuġa. Żiedet li l-proġett ta' Ħas Saptan huwa wieħed kumpless li jitlob ħafna xogħol u koordinament, u huwa wieħed minn fost proġetti oħra tal-Gvern ta' mmodernizzar fl-infrastruttura tal-pajjiż. Residenti mħassba bl-istat tal-pont Residenti li fl-aħħar jiem osservaw vapur iħott il-fjuwil mal-pont ta' quddiem l-impjant f'Birżebbuġa, magħruf bħala l-pont tax-Shell, esprimew tħassib minħabba l-istat ħażin li jinsab fih dan il-pont, li jgħodd kważi 80 sena. Ritratti miġbuda minn resident juru l-pont fi stat li jista' jkun perikoluż, kemm għal min ikun fil-baħar u anki għall-ħaddiema tal-Enemed. F'diversi partijiet il-konkos iddeterjora, u x-xibka tal-ħadid inkixfet u qegħda esposta għall-elementi. Mistoqsija dwar dan il-pont, il-kelliema għall-Ministeru għall-Enerġija qalet li l-pont se jibqa' jintuża sakemm l-impjant ta' Birżebbugia jibqa' jopera, u li l-manutenzjoni li jkun hemm bżonn se tibqa' ssir sakemm jingħalaq l-impjant. Wara l-pjan hu li jiġi żmantellat mal-bqija tal-impjant ta' Birżebbuġa Il-pjan biex jinħatt l-impjant tħabbar 15-il sena ilu L-impjant f'Birżebbuġa beda jinbena mill-kumpanija Shell fl-1914, waqt li l-pont li fuqu jinħatt il-fjuwil inbena fl-1921. Fl-2005 l-Gvern ta' dak iż-żmien ħabbar li kien hemm pjanijiet biex l-impjant jingħalaq sal-2007, iżda x-xogħol biex jinħattu t-tankijiet f'dan l-impjant spiċċa biex beda fl-2017. L-impjant il-ġdid ta' Ħas-Saptan huwa neċessarju biex il-ħażna u l-operat tal-fjuwil ikunu konformi mad-direttivi tas-sigurtà Seveso tal-Unjoni Ewropea. Il-kumpanija Enemed b'faċilitajiet ġodda għal ħażna tal-fuel f'Ħas-Saptan
[ 4 ]
Imtella' Lulju 5, 2020 - Aġġornata 5 Ta' Lulju, 2020 2:42pm Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, qal li ħadd mhu se jirnexxielu jirrikattah, jheddu, ibeżżgħu jew isikktu milli jkompli jiġġieled il-korruzzjoni. Dr Delia rrefera għar-rapport fit-Times of Malta dwar messaġġi fuq Whatsapp li għaddew bejnu u Yorgen Fenech u allega li dawn huma manuvri minn nies fil-Partit Laburista u l-Gvern biex jattakkawh u jintimidawh. Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, qal li nies fil-Partit Laburista u l-Gvern qed jagħmlu dak li allega li huma manuvri biex jattakkawh. Dr Delia rrefera għar-rapport tat-Times of Malta li juri messaġġi bejnu u Yorgen Fenech wara li sar magħruf li hu s-sid tal-kumpanija 17 Black. Dr Delia qal li dawn huma tentattivi biex jiġi intimidat ħalli ma jkomplix jiġġieled il-korruzzjoni. Il-Kap Nazzjonalista qal li ħadd mhu se jirnexxielu jirrikattah, jintimidah, ibeżżgħu jew isikktu biex ma jkomplix jagħmel xogħlu. Dr Delia tenna li sal-lum la l-Pulizija u lanqas l-FIAU ma bagħtu għalih għax m'hemm xejn fil-konfront tiegħu. Intervistat fuq il-midja tal-Partit Nazzjonalista, Dr Delia reġa' tkellem dwar il-kuntratt tat-tliet sptarijiet u qal li ma' kull ġurnata li tgħaddi l-poplu qed iħallas il-miljun għalxejn. Filwaqt li tenna l-istedina lill-Prim Ministru biex flimkien imorru l-Qorti jħassru l-kuntratt, Dr Delia qal li l-Gvern m'għandux jaċċetta li jħallas lil Steward Health Care €120 miljun fis-sena biex joperaw l-isptarijiet. Dwar il-proposta biex il-ħaddiema li kienu fuq quddiem nett fil-ġlieda kontra l-imxija jingħataw tlitt ijiem leave żejda, Dr Delia qal li għad ma kellux risposta minn Robert Abela. Il-Kap Nazzjonalista qal li Dr Abela tant hu mifni bil-problemi tal-Gvern li mhux jirnexxielu jiddeċiedi bi trankwillità. Irrimarka li l-Gvern moħħu biss fl-elezzjonijiet interni fil-Partit Laburista u mhux fl-interessi tal-pajjiż. Il-Kap Nazzjonalista indika li l-Gvern iddeċieda li jwaqqaf l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti minħabba l-eżami tal-Moneyval. Dr Delia rrimarka li fil-prinċipju jaqbel mal-programm ta' residenza li ħabbar il-Gvern u qal li l-Oppożizzjoni se tressaq il-proposti tagħha. Huwa appella lil kulħadd biex jiġbed ħabel wieħed għax il-pajjiż ma jistax jistenna iżjed biex isalva r-reputazzjoni tiegħu.
[ 12 ]
Imtella' Lulju 7, 2020 - Aġġornata 7 Ta' Lulju, 2020 8:11pm L-Awditur Ġenerali Charles Deguara f"rapport kritiku għall-aħħar dwar il-kuntratt tal-Gvern mal-Vitals Global Healthcare għat-tmexxija tat-tliet sptarijiet jgħid, fost oħrajn, li sab evidenza li tindika azzjoni kollużiva bejn partijiet li aġixxew f'isem il-Gvern mal-investituri ta' VGH li tagħmel il-proċess kollu dubjuż, irrispettivament minn jekk il-proċess kienx konformi mar-rekwiżiti proċedurali u regolatorji tal-gvern. Ir-rapport tpoġġa fuq il-mejda tal-kamra tad-deputati mill-Ispeaker Anġlu Farrugia. L-Awditur Ġenerali sab nuqqas serju ta' governanza u integrità fil-proċeduri li ntużaw mill-gvern biex ngħatat din il-konċessjoni tal-isptarijiet lil Vitals. F'rapport ta' aktar minn mitejn paġna, l-Awditur Deguara jesprimi tħassib li kien il-ftehim li allegatament sar ma' numru mill-investituri ta' VGH qabel ma nħarġet is-sejħa għall-offerti, u dan fil-fehma tiegħu kien ipprovda raġunijiet għall-iskwalifika ta' VGH mill-offerti. Fir-rapport jingħad li l-koinċidenza bejn dan il-ftehim mal-VGH u l-konċessjoni kienet ċara u ħolqot dubju u tħassib kbir rigward l-integrità tal-konċessjoni eventwali. Iżid jgħid li t-tħassib tal-Uffiċċju tal-Awditur jiżdied fid-dawl tan-nuqqas min-naħa tal-Gvern li jipprovdi lill-Uffiċċju tal-awditur kopja tal-ftehim. Is-Sur Deguara jgħid li l-uffiċċju tiegħu nnotata nuqqasijiet sinifikanti fil-proċessi li wasslu biex ħarġet is-sejħa għall-offerti. Jinnota li d-diviżjoni tas-Saħħa fil-Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa ma kinitx involuta kif wieħed kien jistenna, għax il-proċess tmexxa mid-diviżjoni tal-Enerġija. Ir-rapport jirrimarka wkoll li l-Ministeru tal-Finanzi ma ġiex ikkonsultat dwar l-obbligi finanzjarji li l-gvern kien ser jidħol fihom bil-ftehim. Jgħid ukoll li lanqas l-awtorizzazzjoni tal-Kabinett ma kinitx mitluba qabel il-ħruġ tas-sejħa tal-offerti. L-Awditur jistqarr li ta' tħassib akbar f'termini ta' governanza kien il-fatt li l-ebda awtorizzazzjoni ministerjali ma kienet mitluba jew provduta b'rabta ma' din il-konċessjoni, li qal li għalhekk tirriżulta f'xenarju anomalu fejn tliet sptarijiet pubbliċi ngħataw biex jiġu operati minn terzi mingħajr ma ħadd attwalment assuma r-responsabbiltà għal din id-deċiżjoni. L-awditur isemmi li l-istudju tal-fattibiltà għad-deċiżjoni tal-gvern kien nieqes minn analiżi indipendenti. Jinnota li fis-sejħa għall-offerti kien hemm diversi nuqqasijiet, li l-iktar sinifikanti kienet is-suġġettività tal-kriterji ta' evalwazzjoni. Jgħid li għalkemm l-offerta mressqa minn VGH issodisfat il-ħtiġijiet stabbiliti mill-Gvern, huwa tal-fehma li l-offerta kienet b'saħħitha fil-forma iżda nieqsa fis-sustanza. Ir-rapport li sar fuq it-talba tal-kumitat għall-kontijiet pubbliċi jżid juri t-tħassib serju tal-uffiċċju tal-awditur għad-dokumentazzjoni tal-VGH bħala prova ta' aċċess għall-finanzjament. Jgħid li ittra maħruġa mill-Bank of India li tissanzjona l-finanzjament għal "Malta Healthcare Projects" u mressqa minn VGH kienet datata 13 ta' Marzu 2015, ġimagħtejn qabel ħarġet is-sejha għall-offerti. L-Awditur stqarr li jqis din l-ittra bħala prova tal-għarfien minn qabel ta' VGH dwar il-proġett ippjanat u prova tal-kollużjoni mal- Gvern jew mar-rappreżentanti tiegħu. Nuqqasijiet notevoli oħra identifikati mill-awditur huma relatati mal-elementi professjonali u tekniċi tal-offerta tal-Vitals. Fost oħrajn l-awditur jgħid li kien evidenti li l-perjodi ta' żmien indikati minn VGH għall-iżvilupp mill-ġdid tal-isptarijiet ma kinux realistiċi. Bl-istess mod, il-projezzjonijiet dwar it-turiżmu mediku kienu ambizzjużi żżejjed meta wieħed jikkunsidra li kien id-dħul previst minn dan is-sors li kellu jagħmel il-proġett fattibbli. Ir-rapport jgħid li l-offerta minn VGH ġiet ivvalutata mill-Kumitat ta' Evalwazzjoni f'termini tas-saħħa kummerċjali, teknika u finanzjarja tagħha, u l-grad sa fejn din qabżet ir-rekwiżiti minimi li kienu speċifikati fis-sejħa għall-offerti. Jgħid li din l-evalwazzjoni kienet nieqsa minn analiżi kritika, b'diversi partijiet tar-rapport ta' evalwazzjoni kien ripetizzjoni tal-offerta tal-VGH. L-awditur ikkonkluda li l-marki mogħtija f'dan il-proċess ma kinux kompletament mistħoqqa. Ir-rapport juri ukoll tħassib anke dwar l-evalwazzjoni tal-Kumitat dwar is-Saħħa Finanzjarja ta' VGH, il-kwalifiki professjonali u tekniċi tal-Vitals. Ir-rapport jgħid li dawn il-kunsiderazzjonijiet, iridu jiġu kkunsidrati f'kuntest ferm aktar sinifikanti relatat mal-integrità tal-proċess kollu tal-akkwist. L-awditur qal li l-evidenza li tindika azzjoni kollużiva bejn partijiet li aġixxew f'isem il-Gvern mal-investituri ta' VGH tagħmel il-proċess kollu dubjuż, irrispettivament minn jekk il-proċess kienx konformi mar rekwiżiti proċedurali u regolatorji. L-Uffiċċju tal-Awditur ikkonkluda li l-verifika mill-Gvern tal-VGH bħala l-offerent ippreferut għat-tmexxija tal-isptarijiet pubbliċi ma kinitx adegwata. L-Awditur Deguara spjega li dar-rapport jieqaf biss mal-proċeduri tal-għoti tal-konċessjoni għat-tmexxija tal-isptar San Luqa, Karen Grech u l-Isptar Ġenerali t' Għawdex u għad jonqos żewġ rapporti oħra mill-Uffiċċju tiegħu dwar ir-rasferiment eventwali lil Steward Health Care. Ara r-reazzjoni tal-eks Ministru Konrad Mizzi, tad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, tal-Kap tal-Opożizzjoni Adrian Delia u tal-Gvern: Konrad Mizzi jappella lill-Gvern biex jippubblika l-ftehim ma' Vitals Chris Fearne isostni li ma kellux x'jaqsam mal-ftehim ta' Vitals Adrian Delia jistaqsi jekk il-Gvern hux se jispjega dwar il-kuntratt tal-Vitals
[ 5, 9, 12 ]
Imtella' Lulju 7, 2020 - Aġġornata 8 Ta' Lulju, 2020 8:37am Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-pożizzjoni ta' Malta fuq il-missjoni Ewropea sabiex jitwaqqaf it-traffikar tal-armi lejn il-Libja, imsejħa IRINI, għadha dik li kienet ftit tal-ġimgħat ilu. F'laqgħa mar-Rappreżentat Għoli tal-Politika Barranija u s-Sigurtà tal-Unjoni Ewropea, Josep Borrell, il-Prim Ministru ilmenta li għajnuna tanġibbli u konkreta fuq kwistjonijiet tal-immigrazzjoni huma neqsin f'parti kbira tal-Unjoni Ewropea. Qal li l-għajnuna offruta minn uħud mill-pajjiżi għadha ftit ħdejn l-għadd ta' immigranti. Hu rrefera għall-kwistjoni li għaddejja bħalissa ta' grupp ta' 52 immigrant li qed jistenennew li jitniżżlu l-art. Spjega li dan il-grupp daħal fiż-żona ta' tiftix u salvataġġ ta' Malta wara li l-Italja rrifjutat li jidħol fil-port tagħha minkejja li kien l-iktar wieħed qrib. Staqsa għaliex issa qed issir pressjoni fuq Malta biex iddaħħal lil dawn l-immigranti. Il-Prim Ministru qal li wieħed fil-mija tal-popolazzjoni totali ta' Malta huma immigranti u hawn problema ta' immigranti li qed jorqdu barra l-Belt. Dr Abela qal l-immigrazzjoni hija kwistjoni sensittiva għal Malta li ma tistax tibqa' ġġorr il-piż tagħha waħedha. Qal li Malta tibqa' impenjata aktar minn qatt qabel fil-proġett Ewropew, imma kulma qed titlob huwa solidarjetà tanġibbli u azzjoni konkreta għall-immigrazzjoni. Il-Prim Ministru qal li żvilupp ekonomiku, paċi u stabilità fil-Libja huma kruċjali. Żied li punt kruċjali għal Malta huwa li ma jibqgħux jintilfu l-ħajjiet f'nofs ta' baħar. Dr Abela qal li l-Libja fl-aħħar ġimgħat għenet lil Malta b'diversi modi u kellha rwoll kruċjali biex jiġu salvati l-ħajjiet. Il-Prim Ministru saħaq li l-Unjoni Ewropea għandha tagħmel il-parti tagħha u tgħin lill-Gvern Libjan u lil-Libjani, u insista għal mekkaniżmu ta' rilokazzjoni li jiġi applikat b'mod awtomatiku. Il-Prim Ministru qal li s-solidarjetà għandha tiżviluppa f'għajnuna konkreta. Qal li fl-agħar parti tal-pandemija, il-Libja resqet 'il quddiem biex tgħin lil Malta. Ir-Rappreżentant Għoli tal-Politika Barranija u s-Sigurtà tal-Unjoni Ewropea, Josep Borrell, qal li għalih Malta hija parti importanti mis-soluzzjoni għal din il-kwistjoni. Huwa għaraf ir-relazzjonijiet tajbin li hemm bejn Malta u l-Libja. Waqt li esprima solidarjetà ma' Malta, huwa tkellem dwar soluzzjoni permanenti għall-kwistjoni tal-immigrazzjoni. L-ogħla diplomatiku tal-Unjoni Ewropea qed iżur Malta għal taħditiet mal-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż rigwad l-immigrazzjoni u s-sitwazzjoni fil-Libja.
[ 5, 9, 12 ]
Imtella' Lulju 7, 2020 - Aġġornata 7 Ta' Lulju, 2020 2:20pm Il-qilla tax-xemx ħadd ma jista' għaliha. Ġaladarba x-xhur sħan tas-sajf iġibu magħhom aktar serħan tal-moħħ, dak li jkun x'aktarx li jerħilha 'l barra aktar spiss, jintasab fuq xi bajja sieq fuq sieq għall-frisk maġenb il-baħar u jserraħ il-menti. X'aktarx, li l-aħħar ħaġa li dak li jkun ikun irid jara b'għajnejh hija xi brama għaddejja għall-affari tagħha fuq wiċċ l-ilma. Madanakollu, mhux kull xorta ta' bram jagħmel il-ħsara lill-bniedem. Jeżisti bram li minkejja l-fatt li l-kobor tiegħu jwerwer 'il-għajnejn, ma jniggiżx. Fosthom, bram magħruf bħala 'qassata'. F'dan l-isfond, f'kummenti lil tvm.com.mt il-bijologa marittima Sandra Agius Darmanin qalet li wieħed m'għandux jibżà mill-hekk imsejħa qassata hekk kif dan il-bram, għall-kuntrarju ta' dak roża li spiss naraw fl-ibħra tagħna, tant iniggeż ħafif li l-bniedem ma jħoss xejn. Dr Agius Darmanin spjegat li fost l-oħrajn il-qassata tistħajjilha bajda moqlija għall-għamla ċatta tagħha, lewnha safrani li jkanġi fl-oranġjo, kapaċi tkun kbira sa ftit anqas minn nofs metru u ġieli aktar, u minnha joħorġu għadd ta' saqajn b'tikek vjola. Dr Agius Darmanin qalet li l-qassata kapaċi tgħum ukoll hekk kif ma ssegwix il-kurrenti tal-baħar biss. Il-bijologa marittima żiedet tgħid li l-qassata ġeneralment tintlemaħ f'Awwissu u f'Settembru malli jibda l-istaġun tal-lampuki. Tant, li 'l-qassata spiss isibuha bħala 'tal-lampuki'. "Jekk tinżel tgħum u tarah tersaqx lejh għax twaħwaħ bl-uġigħ" "Tistadux kif ġieb u laħaq" – riċerkatriċi tisħaq li fl-ibħra tagħna hawn ħut perikoluż
[ 6, 10, 16 ]
Imtella' Lulju 7, 2020 - Aġġornata 7 Ta' Lulju, 2020 6:27pm Il-Kummissjoni Ewropea qed tbassar li din is-sena Malta se tkun l-inqas pajjiż fiż-żona ewro li se tkun affettwata mill-kriżi ekonomika kkawżata mill-pandemija. Il-Kummissjoni ħarġet it-tbassir għas-sajf għall-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, li fih qalet li l-ekonomija fiż-żona ewro mistennija tiċkien b'8.7% f'dik li sejħet riċessjoni aktar profonda milli kien imbassar, li madankollu tvarja minn pajjiż għall-ieħor. L-ekonomisti tal-Kummissjoni iżda wrew ruħhom fiduċjużi li x'aktarx il-kbir għadda u l-blokk Ewropew se jibda jirkupra mis-sena d-dieħla. Il-Kummissjoni Ewropea qed tbassar li s-sena d-dieħla Malta se jkollha tkabbir ekonomiku ta' 6.3% li huwa iktar mill-medja taż-żona ewro. Fir-rapport tagħha, il-Kummissjoni Ewropea qalet li l-mutur ekonomiku għal dan it-tkabbir se jkun l-investiment xprunat mill-pakketti ta' għajnuna finanzjarja li ħabbar il-Gvern biex l-ekonomija tirkupra mid-daqqiet li ħadet bl-imxija. Fir-rapport dwar Malta, il-Kummissjoni rrimarkat li l-illaxkar gradwali tar-restrizzjonijiet mistenni jqajjem id-domanda domestika u t-tkabbir fil-prodott domestiku. Skont it-tbassir ekonomiku, Malta se jkollha l-inqas daqqa ekonomika minn fost il-pajjiżi fiż-żona ewro. L-ekonomisti tal-Kummissjoni Ewropea qed ibassru li din is-sena, l-ekonomija ta' Malta se tonqos b'6%, minħabba li l-pajjiż kien f'lockdown parzjali li fost oħrajn affettwa bil-bosta s-settur tat-turiżmu. Intqal b'riżultat ta' dan se jonqsu l-investimenti, l-esportazzjoni u l-konsum privat. L-ekonomisti tal-Kummissjoni iżda rrimarkaw li l-pakketti ta' għajnuna finanzjarja li ħabbar il-Gvern se jgħinu biex itaffu l-impatt ekonomiku, fosthom fl-oqsma tal-kostruzzjoni u l-manifattura. Waqt li ppreżenta t-tbassir tal-Kummissjoni għall-pajjiżi kollha Ewropej, il-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, Paolo Gentiloni, qal li din is-sena l-ekonomija taż-żona ewro se tiċkien bi 8.7%. Fir-rapport tagħha, il-Kummissjoni qed tbassar li l-iktar pajjiżi li se jmorru minn taħt din is-sena huma l-Italja, Franza u Spanja, li diġà kellhom ekonomija dgħajfa li kompliet toqtor bil-pandemija.
[ 4, 5, 9, 12 ]
Imtella' Lulju 7, 2020 - Aġġornata 7 Ta' Lulju, 2020 1:17pm Raġel ta' 33 sena jinsab fil-periklu tal-mewt wara li kien involut f'inċident fil-Magħtab dalgħodu. Il-Pulizija qalet li l-inċident seħħ għall-ħabta tad-9.00am fil-kumpless tal-Wasteserv, meta kien hemm ħabta bejn vetturi tal-għamla Isuzu Elf misjuqa minn raġel ta' 33 sena minn Ħaż-Żabbar u Mercedes Ateco msjuqa minn raġel ta' 53 sena min-Naxxar. Waqt li l-Mercedes Ateco spiċċat madwar sular taħt il-livell tat-triq, bix-xufier jinqabad fil-kabina, l-Isuzu Elf ġarrbet ħsarat estensivi, bil-konsegwenza li x-xufier ta' din il-vettura wkoll inqabad fil-vettura. Fuq il-post issejħu l-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li bdew l-operazzjoni ta' salvataġġ sabiex ix-xufiera jinħarġu mill-vetturi. Fuq il-post issejjaħ ukoll tim mediku li ta l-ewwel għajnuna u żewġ ambulanzi ħadu liż-żewġ xufiera l-Isptar Mater Dei. Aktar tard, irriżulta li x-xufier tal-Isuzu qiegħed isofri minn ġrieħi serji, filwaqt li x-xufier tal-Mercedes weġġa' ħafif. Fil-każ infetħet Inkjesta mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Doreen Clarke li ħatret diversi esperti biex jassistuha. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.
[ 5, 9, 12 ]
Imtella' Lulju 7, 2020 - Aġġornata 7 Ta' Lulju, 2020 6:13pm Ritratti: Arkivji L-eks Ministru Konrad Mizzi appella lill-Gvern, lill-Ministeru tal-Ekonomija u lill-Malta Enterprise biex jippubblikaw il-memorandum of understanding li qed jirreferi għalih l-Awditur Ġenerali fir-rapport tiegħu . Huwa sostna li l-kabinett kien involut fl-istadji tal-proċess. Ikkuntattjat minn TVM, Dr Mizzi qal li l-Ministeru għall-Energija u s-Saħħa mmexxi minnu ma kellu ebda involviment fil-memorandum of understanding. Meta l-proposta ġiet ippreżentata mill-Malta Enterprise lill-Ministeru tiegħu, il-Ministeru kien spjega lill-Malta Enterprise li l-proposta ma kinitx tagħmel sens u ma kinitx taqbel mat-talba tal-Gvern. Dr Mizzi qal li huwa kien infurmat li l-Malta Enterprise kitbet lill-investituri dwar dan u ma' TVM qal li fl-interess nazzjonali il-Gvern għandu jippubblika l-memorandum of understanding u kwalunkwe dokumentazzjoni li għandha x'taqsam miegħu biex b'hekk jitneħħa kwalunkwe dubju. L-eks Ministru Mizzi qal li hija sfortuna li l-Awditur Ġenerali ma kellux aċċess għal din id-dokumentazzjoni u għaldaqstant ir-rapport tiegħu qed iqajjem numru ta' mistoqsijiet. Huwa qal li fir-rigward tal-governanza u responsabbilità tal-proġett, ir-rapporti tal-kumitat ta' evalwazzjoni kif ukoll tal-approvazzjoni għall-kuntratti li ġew iffirmati, il-kabinett kien infurmat fl-istadji kollha. Dr Mizzi qal li l-kabinett kien involut fl-istadji tal-proċess u approva dan il-kuntratt u kwalunke kuntratt li kien iffirmat. L-Awditur Ġenerali jimplika kollużjoni fil-ftehim ma' Vitals fuq l-isptarijiet
[ 5, 9, 12 ]
Imtella' Lulju 7, 2020 - Aġġornata 7 Ta' Lulju, 2020 7:26pm F'reazzjoni fil-Parlament, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia staqsa lill-Gvern jekk hux se jagħti spjega dwar il-kundanna li saret fir- rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-kuntratt tal-Vitals. Dr Delia qal li r-rapport hu ċertifiikat li l-poplu Malti qed jinsteraq il-miljuni kuljum. Il-Whip tal-Gvern, Glen Bedingfield, qal li r-rapport tal-awditur għad irid jiġi studjat min-naħa tal-Gvern. Aġġornat: Fi stqarrija iktar tard il-Gvern qal li ħa nota tar-rapport tal-Awditur Ġenerali u qal li r-responsabbiltà politika marbuta ma' din il-konċessjoni diġà ntrefgħet, bit-talba għar-riżenja u eventwalment bit-tkeċċija tal-ministru li kien responsabbli minn dan il-proġett. Il-Gvern qal li se jkun qiegħed jassigura li fi proċessi ta' kompetizzjoni tal-futur, in-nuqqasijiet li tkellem dwarhom l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali ma jerġgħux jirrepetu ruħhom. L-Awditur Ġenerali jimplika kollużjoni fil-ftehim ma' Vitals fuq l-isptarijiet Konrad Mizzi jappella lill-Gvern biex jippubblika l-ftehim ma' Vitals Chris Fearne isostni li ma kellux x'jaqsam mal-ftehim ta' Vitals
[ 5, 9, 12 ]
Imtella' Lulju 7, 2020 - Aġġornata 7 Ta' Lulju, 2020 7:21pm Ritratti: Arkivji Sitt persuni fir-reġjun tal-Lombardija, fl-Italja, weħlu multa ta' €3,300 kull wieħed wara li nqabdu mill-Pulizija jiksru iktar minn liġi waħda. Il-persuni, li kienu kollha rġiel ta' bejn 43 u 68 sena, kienu qegħdin jiffriskaw fuq waħda mill-bajjiet ta' Abbadia Lariana. Minkejja li ħafna mill-miżuri tal-lockdown ġew illaxkati, id-distanza soċjali u l-ilbies tal-maskri għadhom obbligatorji f'dan ir-reġjun fost l-iktar milquta mill-Covid-19. Il-Pulizija kienet qed tagħmel rondi biex tinforza dawn il-miżuri, meta lemħet lil dawn l-irġiel għarwenin ħuta. Huma kienu mmultati talli mhux biss m'għattewx imnifsejhom, iżda lanqas partijiet oħra, bil-konsegwenza li offendew id-diċenza pubblika.
[ 1, 10 ]
Imtella' Lulju 7, 2020 - Aġġornata 7 Ta' Lulju, 2020 11:15am Min jirnexxielu jqum fis-sigħat bikrin ta' filgħodu jista' jitpaxxa b'xena mhux tas-soltu fis-smewwiet. Il-kometa C/2020 F3 Neowise bħalissa qed tidher ċara jekk wieħed iħares lejn ix-xefaq fil-lvant ta' Malta. L-astrofiżiku Dr Joseph Caruana, li ġibed dawn ir-ritratti, qal li bħalissa l-kometa hija viżibbli qabel titla' x-xemx, speċjalment bejn l-4.15 u l-4.45 ta' filgħodu. Għal min ma jirnexxilux jaraha din il-ġimgħa, il-ġimgħa d-dieħla l-kometa tkun tidher filgħaxija fil-punent, dejjem jekk ma tilħaqx titfarrak.
[ 5, 9, 12 ]
Imtella' Lulju 7, 2020 - Aġġornata 7 Ta' Lulju, 2020 6:51pm Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li r-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-ftehim fuq l-isptarijiet ma' Vitals ippubblikat illum jindika tħassib serju. F'dikjarazzjoni fuq il-midja soċjali, id-Deputat Prim Ministru qal li dak iż-żmien huwa kien Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tas-Saħħa, u li ma kien involut xejn f'xi negozjati li ssemmew mill-Awditur, li setgħu saru qabel ma ħareġ l-RfP, u lanqas ma kien infurmat dwarhom. Qal li r-rapport tal-Awditur jikkonferma dan b'mod ċar, filwaqt li sostna li huwa lanqas biss kien jaf bl-eżistenza tal-MOU. Żied li l-Awditur jikkonferma wkoll kif is-Segretarjat għas-Saħħa (kif ukoll il-Ministeru tal-Finanzi) inżammu kompletament barra mill-ħrug tal-RfP. Konrad Mizzi jappella lill-Gvern biex jippubblika l-ftehim ma' Vitals Adrian Delia jistaqsi jekk il-Gvern hux se jispjega dwar il-kuntratt tal-Vitals
[ 5, 9, 12 ]
Imtella' Lulju 7, 2020 - Aġġornata 7 Ta' Lulju, 2020 10:45am Raġel ta' 44 sena minn Birżebbuġa weġġa' gravi wara li ġie milqut minn vettura lbieraħ. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-6.30 ta' filgħaxija fi Triq il-Korp tal-Pijunieri. Il-Pulizija tad-Distrett marru fuq il-post fejn irriżulta li r-raġel ġie milqut minn vettura tal-għamla Citroen C5 li kienet qed tinstaq minn Libjan ta' 34 sena li joqgħod San Pawl il-Baħar. Il-vittma ngħata l-ewwel għajnuna minn tim mediku u ttieħed b'ambulanza l-Isptar Mater Dei. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Distrett dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.
[ 5, 9, 12 ]
Imtella' Lulju 7, 2020 - Aġġornata 7 Ta' Lulju, 2020 10:45am Mara Franċiża ta' 63 sena li tgħix Ta' Xbiex weġġgħet gravi wara li ġiet milquta minn vettura fil-Gżira lbieraħ. Il-Pulizija kienet infurmata bl-inċident fi Triq ix-Xatt għall-ħabta tas-12.45 ta' wara nofsinhar. Il-Pulizija tad-Distrett marru fuq il-post fejn irriżulta li l-mara ġiet milquta minn vettura tal-għamla Otokar Kent LF li kienet qed tintsaq minn raġel ta' 37 sena mill-Filippini li jgħix il-Pietà. Il-mara ngħatat l-ewwel għajnuna minn tim mediku u ittieħdet b'ambulanza l-Isptar Mater Dei. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Distrett dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.
[ 5, 9, 12 ]
Imtella' Lulju 7, 2020 - Aġġornata 7 Ta' Lulju, 2020 12:07pm Studju li sar fi Spanja naqqas it-tama li l-popli se jkunu kapaċi jiżviluppaw dik li tissejjaħ immunità tal-merħla (herd immunity) kontra l-Covid-19. Dan hekk kif instab li 5% biss tal-popolazzjoni fi Spanja kienet żviluppat immunità għal dan il-virus. L-istudju, li sar fuq 61,000 persuna u huwa l-ikbar tax-xorta tiegħu s'issa fl-Ewropa, kien ippublikat fir-rivista medika The Lancet. L-immunità tal-merħla tirreferi għal xenarju fejn biżżejjed nies fil-komunità jkunu mardu bil-virus u żviluppaw reżistenza għalih, b'mod li dan ma jibqax jinxtered. Ir-riżultati tal-istudju wrew li 95% tal-popolazzjoni Spanjola xorta waħda baqgħet suxxettibbli għall-coronavirus, u jsostnu dak li diġà ħareġ minn studji oħra, fosthom studju fuq l-antibodies li sar fuq 2,766 persuna fl-Iżvizzera, li wrew li l-maġġoranza tal-popolazzjoni baqgħet ma ġietx esposta għall-virus. Kwistjoni oħra hija dwar l-antibodies, hekk kif għad hemm mistoqsijiet dwar jekk persuna li fieqet mill-Covid-19 tistax terġa' timrad biha 'l quddiem.
[ 1, 10 ]
Imtella' Lulju 7, 2020 - Aġġornata 7 Ta' Lulju, 2020 1:58pm Il-Partit Demokratiku ħatar lil Timothy Alden bħala l-mexxej il-ġdid, waqt li Raymond Azzopardi huwa deputat mexxej. Il-laqgħa ġenerali annwali tal-membri tal-partit ilbieraħ filgħaxija ħatret ukoll kumitat eżekuttiv ġdid. Fi stqarrija, il-Partit Demokratiku qal li ser jibqa' impenjat biex ifittex il-verità u l-ġustizja u s-sens ta' ġid għas-soċjetà.
[ 5, 9, 12 ]
Imtella' Lulju 7, 2020 - Aġġornata 7 Ta' Lulju, 2020 3:46pm Iffirmat ftehim ieħor ta' €560,000 għal tliet snin bejn il-Gvern u l-Fondazzjoni Suret il-Bniedem, li se tipprovdi kenn f'xelter għall- vittmi tal-vjolenza domestika. Patri Carmelo Aquilina qal li Dar Tereża Spinelli, fil-Belt, li titmexxa mill-Ordni tal-Patrijiet Kapuċċini, bħalissa qed tilqa' 15-il persuna li jirrikorru għall-kenn wara li jispiċċaw mingħajr dar. Patri Aquilina qal li ma' Dar Tereża Spinelli, il-Fondazzjoni Suret il-bniedem tmexxi tlett idjar oħra, fosthom Dar San Leonardo fil-Gżira għal irġiel li jispiċċaw mingħajr saqaf fuq rashom. Kompla li l-pjan hu li fix-xhur li ġejjin jiftħu dar oħra f'Għawdex. Waqt l-iffirmar tal-ftehim, il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali, Michael Falzon, qal li bħalissa l-Gvern qed joħroġ madwar €17-il miljun biex jgħin lill-għaqdiet mhux governattivi jwettqu xogħol fil-qasam soċjali. Qal li bħalissa hemm 48 ftehim iffirmat, u żied li l-operat tal-għaqdiet li joffru servizzi soċjali hu kważi kollu finanzjat mill-Gvern.
[ 5, 9, 12, 14 ]
Imtella' Lulju 7, 2020 - Aġġornata 7 Ta' Lulju, 2020 11:41am Il-Qorti laqgħet mandat t'inibizzjoni li ntalab minn Steward Health Care Malta bil-għan li jevita azzjoni industrijali mill-Union għall-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN). Il-kwistjoni tirrigwarda infermiera barranin li ġew impjegati fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex, bl-MUMN tgħid li dan sar b'detriment għall-infermiera Għawdxin li qed jaħdmu Malta. Il-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Toni Abela qalet li huwa l-Ministeru tas-Saħħa li jrid jawtorizza lill-infermiera Għawdxin biex imorru jaħdmu fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex, u li dan it-trasferiment ma jiddependix minn Steward. Il-Qorti nnutat li t-trasferiment seta' jsir mill-25 ta' Ġunju 'l quddiem, waqt li l-azzjoni industrijali tal-MUMN tħabbret ġimagħtejn qabel, peress li dakinhar il-union ġiet infurmata minn Steward li ma kinitx ingħatat data mill-Ministeru meta jistgħu jsiru t-trasferimenti. Il-Qorti nnutat ukoll li Steward iddikjarat li ma kellhiex problema li timpjega lill-infermiera Għawdxin f'Għawdex u tibgħat lill-infermiera barranin f'Malta. Iktar qabel: Tispiċċa l-Qorti l-kwistjoni tal-ingaġġ ta' 10 infermiera barranin fl-isptar ta' Għawdex
[ 4, 5, 9, 12 ]
Imtella' Lulju 8, 2020 - Aġġornata 8 Ta' Lulju, 2020 6:19pm Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza Alex Muscat qal li bil-bidla fir-regolamenti l-ġodda tal-programm taċ-ċittadinanza, l-għaqdiet volontarji bejniethom mistennija jibbenefikaw minn ħmistax-il miljun ewro. Is-Sur Muscat qal li dan se jseħħ għaliex kull applikant se jkun obbligat li jagħti donazzjoni ta' mil-lanqas għaxart elef ewro lil għaqda volontarja tal-għażla tiegħu. Huwa qal dan meta mill-fond nazzjonali soċjali u tal-iżvilupp għamel għotja ta' saqqijiet motorizzati u siġġijiet tar-roti b'valur ta' 20,000 ewro lill-Aġenzija Sapport u lir-residenza San Vinċenz de Paul. Bit-tibdil proposta fil-programm taċ-ċittadinanza li ser jinbidel f'regolamenti li jipprovdi l-ewwel għal residenza, l-applikanti mhumiex ser jibqgħu jagħtu donazzjoni min rajhom lil għaqdiet volontarji. Mindu beda l-programm madankollu tqassmu kważi ħames miljun ewro. Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet, Alex Muscat qal li dawn id-donazzjonijiet mhux ser jibqgħu volontarji għaliex l-applikanti ser ikunu marbuta li jagħtu donazzjoni ta' mhux inqas minn għaxart elef ewro lil xi għaqda volontarja minbarra l-obbligi finanzjarji li jidħlu għalihom meta japplikaw mal-aġenzija tal-gvern għal permess ta' residenza li eventwalment jista' jwassal għaċ-ċittadinanza. "L-aġenzija se jkollha iktar flus f'idejha biex tinvestihom fil-komunità, fond ferm ikbar biex ngħinu lill-NGO's ikomplu jimxu 'l quddiem." Is-Segretarju Parlamentari Muscat fisser dan it-tibdil propost meta permess tal-flus miġbura mill-programm taċ-ċittadinanza għamlet għotja b'valur ta' €20,000 f'saqqijiet motorizzati u siġġijiet tar-roti lil Aġenzija Sapport għal persuni b'diżabilità. Is-Sur Muscat qal li mill-programm taċ-ċittadinanza b'investiment, il-pajjiż daħħal elf u erba' mitt miljun ewro, u li minnhom qed jibbenefikaw nies fil-komunità fosthom dawk vulnerabbli. Il-Ministru għall-Familja Michael Falzon qal li s-sena d-dieħla se tinfetaħ il-faċilità Narċis, fir-residenza San Vinċenz de Paul għal persuni b'diżabilità b'dipendenza għolja u ta' età żgħira biex ma jibqgħux jingħataw kura fl-istess swali ta' residenti anzjani. Is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis qal li jinsab soddisfatt li waqt il-pandemija ħadd mill-anzjani residenti f'San Vinċenz de Paul ma marad bil-virus.
[ 4, 12 ]
Imtella' Lulju 8, 2020 - Aġġornata 8 Ta' Lulju, 2020 8:33pm Bejn Marzu u Ġunju, bl-iskejjel magħluqa minħabba l-Covid-19, mal-elf u mitt tifel u tifla ġew mgħejjuna mill-Malta Trust Foundation b'servizz ta' counselling għalihom u għall-ġenituri tagħhom. Counsellors professjonali qalu lil TVM li waqt il-pandemija, diversi familji kellhom sfidi akbar fosthom ta' separazzjonijiet u ta' ġenituri li ma bdewx ilaħħqu mal-esiġenzi ta' wliedhom. Counsellors li jaħdmu mal-Malta Trust Foundation qalu lil TVM li matul l-aħħar erba xhur minkejja li l-iskejjel kienu magħluqa, żammew kuntatt kontinwu mal-istudenti u l-familji tagħhom biex ma jaqgħux lura. Il-programm Blossom tal-Malta Trust Foundation u Deloitte Foundation ilu mil-2016 joffri servizz ta' counselling lil studenti mill-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar u dan l-aħħar dawk li jattendu fl-iskola medja tan-Naxxar. Il-counsellors Rita Galea u Isabelle Anastasi qalu li l-isfidi ta' wħud mill-istudenti waqt il-Covid 19 komplew jikbru fosthom minħabba familji bi problemi finanzarji u oħrajn bi problemi bejn il-ġenituri. "Xi ġenituri tilfu x-xogħol u spiċċaw bla finanzi, tfal imqajjmin, fridge tinfetaħ u tingħalaq u ikel problema." Sarah Bondin, mill-Malta Trust Foundation, spjegat li s-servizz Blossom huwa programm kontinwu li jibqa' ħaj bil-flus investiti mill-kumpaniji privati bħala parti mill-kontribuzzjoni soċjali tagħhom. Fl-iskola ta' San Pawl il-Baħar, fejn jattendu 'l fuq minn elf tifel u tifla ta' 65 nazzjonalità differenti, l-isfidi huma iktar kumplessi. Il-counsellor Isabelle Anastasi qalet li l-kuntatt mat-tfal isir mill-inqas darba jew darbtejn fil-ġimgħa, u li bl-użu tat-teknoloġija setgħu mhux biss ikellmu lit-tfal iżda anki lill-ġenituri. "Kellna tfal li qatgħu l-kuntatt, ingħalqu fil-kamra u ma ħarġux, tfal bi problemi tat-teknoloġija, ma setgħux ilaħħqu." Il-counsellors qalu li s-servizz jaħdem id f'id mal-programm tal-counselling tad-dipartiment tal-edukazzjoni u jingħataw ukoll appoġġ minn entitajiet oħra tal-Gvern bħall-Aġenzija Appoġġ. Immexxija mill-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca, il-Malta Trust Foundation għandha wkoll il-programm Food Aid li permezz tiegħu jitqassam ikel lil familji vulnerabbli.
[ 4, 5, 12 ]
Imtella' Lulju 8, 2020 - Aġġornata 8 Ta' Lulju, 2020 5:00pm Il-pjan strateġiku għall-iżvilupp u l-ippjanar li fuqu l-bordijiet tal-ippjanar jieħdu d-deċiżjonijiet se jiġi rivedut bi proċess ta' konsultazzjoni li beda llum u li se jinkludi wkoll ir-reviżjoni tal-istrateġija nazzjonali għall-ambjent għat-tletin sena li ġejjin. Il-Ministru għall-Ambjent, Aaron Farrugia qal li hemm qbil bejn l-imsieħba kollha fost l-awtoritajiet konċernati li d-deċiżjonijiet relatati mal-iżvilupp ma jibqgħux jiġu deċiżi fuq il-benefiċċji ekonomiċi biss iżda fuq l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja. L-Istrateġija Nazzjonali għall-Ambjent sal-2050 u l-pjan strateġiku għall-iżvilupp u l-ippjanar, l-ISPED, meqjusa bħala l-bibbja tal-ippjanar minħabba li jinkludi l-pjani lokali u l-masterplans li fuqhom jiġu deċiżi l-applikazzjonijiet għall-iżvilupp, se jiġu riveduti wara proċess ta' konsultazzjoni pubblika ta' sitt ġimgħat. Il-Ministru għall-Ambjent Aaaron Farrugia qal li dawn l-istrateġiji ġodda se jiddefinixxu lil Malta t'għada u se jagħtu aktar piż lill-kwalità tal-ħajja. "L-ambjent, l-ekonomija u l-qasam soċjali jkunu fuq l-istess livell jiġifieri proġett jew policy ma nqisux biss fuq il-GDP imma fuq l-ambjent ta' madwarna u l-kwalità tal-ħajja li rridu ngħixu". Dr Farrugia qal li issa hu l-waqt li l-politiku ma jibqax iħares lejn ċikli elettorali ta' ħames snin iżda b'responsabbiltà lejn il-ġenerazzjonijiet li ġejjin tant li l-istrateġija ġdida tal-ambjent se tkun viżjoni li tħares għat-tletin sena li ġejjin maqsuma f'ċikli ta' għaxar snin. Spjega li din l-istrateġija se tikkunsidra diversi aspetti fosthom ix-xejriet relatati mad-demografija, l-iskart u l-ekonomija. Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, Michelle Piccinino qalet li stħarriġ riċenti li kkumissjonat l-ERA wera li aktar minn nofs in-nies jixtiequ jaraw titjib fil-ħarsien tal-ambjent. Il-Perit Martin Saliba, Chairperson Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar qal li r-reviżjoni tal-ISPED hu eżerċizzju li se jagħti gwida aktar ċara lill-awtorità fid-deċiżjonijiet li se tieħu fis-snin li ġejjin.
[ 4, 12 ]
Imtella' Lulju 8, 2020 - Aġġornata 8 Ta' Lulju, 2020 7:40pm L-Ambaxxatur Ġermaniż għal Malta qal li l-problema tal-immigrazzjoni fl-Ewropa ser tkun waħda mit-temi ewlenin tal-Presidenza Ġermaniża tal-Unjoni Ewropea. Waqt diskussjoni dwar il-Presidenza tal-Unjoni Ewropea għas-sitt xhur li ġejjin l-ambaxxatur Ġermaniż għal Malta Walter Hassman qal li l-Ġermanja taf li Malta qed tħabbat wiċċha mal-problema tal-immigrazzjoni u qed tistenna l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea bit-tama li tkun implimentata bil-koperazzjoni ta' kulħadd. L-Ambaxxatur Hassman qal hemm kunsens dwar ir-responsabiltà li l-ebda persuna ma għandha titħalla tmut għax ħadd ma jgħinha jew jieħu ħsiebha meta tkun fil-baħar Mediterran. Minkejja dan qal lin-negozzjati dwar soluzzjoni ser ikunu diffiċli biex jintlaħaq ftehim dwar kif ser tkun immaniġjata l-problema tal-immigrazzjoni. L-Ambaxxatur qal li l-Presidenza Ġermaniża preparat programm vast li trid taħdem fuqu fosthom il-kriżi li ħolqot il-Coronavirus. Temi oħra huma l-budget tal-Unjoni Ewropea u anke n-negozji għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Il-programm tal-Presidenza Ġermaniża kien diskuss f'laqgħa virtwali ma' aktar minn sittin parteċipant minn pajjiżi differenti. It-taħdita bit-tema 'Flimkien għall-irkupru tal-Ewropa' kienet organizzata mill-MEUSAC mal-Ambaxxata Ġermaniża. Ipparteċipaw fid-diskussjoni l-Ministri Carmelo Abela u Evarist Bartolo flimkien mas-Segretarju Parlamentari Stephan Zrinzo Azzopardi. Il-Ministru Abela tkellem dwar is-sostenibilità f'mument ta' kriżi minħabba l-Covid-19 filwaqt li l-Ministru Bartolo qal li l-problema tal-immigrazzjoni għandha tkun indirizzata b'investiment fl-Afrika ħalli jinħoloq ix-xogħol biex iċ-ċittadini Afrikani ma jkollhomx il-ħtieġa li jħallu l-pajjiż.
[ 3, 4, 12 ]
Imtella' Lulju 8, 2020 - Aġġornata 8 Ta' Lulju, 2020 7:42pm Fl-istess 24 siegħa li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ġie sfiduċjat minn 19 mit-30 membru tal-grupp parlamentari, id-deputati li appoġġjaw il-vot kontrih appellaw biex Dr Delia f'dawn iċ-ċirkostanzi mwiegħra jqiegħed lill-Partit u l-interessi tal-pajjiż l-ewwel. Fi stqarrija iffirmata minn Chris Said u Therese Comodini Cachia, f'isem id-deputati li appoġġjaw il-vot li ttieħed fil-laqgħa tal-bieraħ, qalu li jibqgħu determinati daqs qabel biex jaġixxu fl-aħjar interess tal-pajjiż u tal-Partit Nazzjonalista li jixraqlu ċ-ċans li jerġa' jikseb il-fiduċja tan-nies u jsir gvern alternattiv. Qalu li l-vot tal-bieraħ kien għażla diffiċli li l-grupp parlamentari kellu jiffaċċja. Dan wara li Dr Delia fi tmiem il-laqgħa tal-grupp parlamentari wara li ttieħed il-vot fis-sigħat bikrin ta' filgħodu, stqarr li hu se jibqa' Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kap tal-Oppożizzjoni biex fi kliemu jirrispetta l-vot tat-tesserati u jkompli jiġġieled il-korruzzjoni u l-kriminalità li qal ħakmet lil pajjiż. Mhux magħruf jekk il-President George Vella ġiex infurmat dwar dawn l-iżvilupp li jolqot il-kariga kostituzzjonali tal-kap tal-oppożizzjoni. Fil-konferenza tal-aħbarijiet il-lejl li għadda, Dr Delia qal s-sitwazzjoni se tiġi diskussa fil-Kumitat Eżekuttiv, iżda l-President tal-eżekuttiv, Dr Alex Perici Calascione qal lil TVM li sa issa ma rċieva l-ebda talba biex isejjaħ il-laqgħa. F'konferenza tal-aħbarijiet għall-ħabta tas-sagħtejn ta' filgħodu, eżatt wara li ntemmet laqgħa ta' ħames sigħat tal-grupp parlamentari tal-Partit Nazzjonalista li fiha żewġ terzi tad-deputati vvutaw li m'għandhomx fiduċja f'Dr Adrian Delia, il-Kap Nazzjonalista u tal-Oppożizzjoni indirizza lill-ġurnalisti. "Jien din id-deċiżjoni nirrispettaha iżda t-tesserati tal-PN għamlu għażla ċara għal darba darbtejn biex jien immexxi għal-leġiżlatura sħiħa" Dr Delia qal li huwa mhux se jirriżenja u se jkompli jmur l-uffiċċju bħala Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista. Stqarr li huwa sejjaħ laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista. "Dak il-ħin waqt il-laqgħa sejjaħt kif itini l-poter li nagħmel l-istatut tagħna, laqgħa tal-kumitat eżekuttiv ħalli aħna nkunu nistgħu niddiskutu l-materja hemmhekk" Madankollu, f'kummenti lil TVM, il-President tal-Eżekuttiv Nazzjonalista, Dr Alex Perici Calascione qal li sa issa ma rċieva l-ebda talba formali għal-laqgħa u għalhekk m'hemmx data meta se ssir. Spjega li normalment l-Eżekuttiv jitlaqqa' darba fix-xahar imma skont l-istatut, jekk issir talba mill-Kap tal-Partit jew il-President tal-Kunsill Ġenerali, huwa marbut li jsejjaħ il-laqgħa fi żmien qasir. "Hija sitwazzjoni mhux feliċi ċertament, sitwazzjoni li trid tiġi indirizzata u għaldaqstant jien nimmaġina li parti importanti mil-laqgħa tal-kumitat eżekuttiv meta din tissejjaħ hekk kif jien nirċievi t-talba ħa tkun diskussjoni fuq dan il-punt." Dr Perici Calascione qal li aktar minn setgħat, il-Kumitat Eżekuttiv għandu responsabbiltà jiddiskuti kull sitwazzjoni politika fosthom dak li ġie deċiż fil-grupp parlamentari. Skont l-istatut tal-Partit Nazzjonalista, huwa biss il-Kunsill Ġenerali li jista' jneħħi lil Dr Delia minn Kap tal-Partit Nazzjonalista. Il-fergħa taż-żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista, l-MŻPN stqarret li wara li tilef il-vot ta' fiduċja fil-grupp parlamentari, Dr Adrian Delia għandu jwarrab mill-kariga u argumentat li ħadd mhu ikbar mill-partit.
[ 1, 4, 12 ]
Imtella' Lulju 8, 2020 - Aġġornata 8 Ta' Lulju, 2020 3:04pm Ġie inawgurat l-akbar impjant tal-enerġija solari f'Malta li kapaċi jipprovdi l-enerġija lil aktar minn elf dar. Il-Prim Ministru Robert Abela faħħar l-inizjattiva minn negozajti lokali f'dan il-proġett u ddeskrivih bħala eżempju ċar ta' kif l-iżvilupp ekonomiku u l-poltika ambjentali jistgħu jimxu flimkien. Dik li xi darba kienet barriera tal-ġebla tal-qawwi nbidlet fl-akbar impjant solari f'Malta. Il-proġett f'żona magħrufa bħala tal-Imselliet fil-limiti tal-Imġarr fih kważi 17-il elf pannella fotovoltajka u se jiġġenera enerġija għal 2,200 dar. Id-Direttur tal-Imsielet Solar Ltd, David Zammit qal li bis-saħħa ta' dan il-proġett u tar-rijabilitazzjoni tal-barriera tneħħa l-impatti negattivi ambjentali fiż-żona, u li permezz tiegħu se ttejjeb il-kwalità tal-arja bi tnaqqis ta' madwar 4,000 tunellata ta' dijossidu ta' karbonju fis-sena. Fl-inawgurazzjoni tal-proġett, il-Prim Ministru Robert Abela stqarr li huwa sodisfatt bl-impenn tal-komunità tan-negozju li tinvesti fl-enerġija li tiġġedded. Qal li dan huwa l-aqwa eżempju ta' sinerġija bejn il-kuxjenza ambjentali u n-negozji. Qal li ma tistax tkun tħobb l-iżvilupp ekonomiku u fl-istess waqt twarrab l-ambjent. Dr Abela żied jgħid li dan hu proġett kruċjali biex nilħqu miri tal-enerġija li tiġġedded li qed tinsisti dwarhom il-Kummissjoni Ewropea. Il-Prim Ministru tenna li dan hu gvern miftuħ kompletament għall-komunità kummerċjali u għal negozju li jsir b'mod onest u integru. Dr Abela qal li jinsab kburi bil-komunità ta' negozjanti għal mod kif imxiet waqt il-pandemija. Żied li dan ħareġ ukoll fit-tbassir tal-Kummissjoni Ewropea għall-Ekonomija Maltija li wera li Malta mistennija tkun fost l-inqas pajjiżi fiż-żona ewro li jħossu l-effetti ekonomiċi minħabba l-Covid-19.
[ 4, 12 ]
Imtella' Lulju 8, 2020 - Aġġornata 8 Ta' Lulju, 2020 11:50am Fiċ-Ċina feġġew żewġ każijiet tal-Pesta li mhumiex qed jiġu meqjusa bħala allarmanti hekk kif kollox jinsab taħt kontroll. Dan qalitu l-WHO li kkonfermat li f'Bayannur, fir-reġjun Ċiniż tal-Mongolja, żewġ persuni jinsabu infettati bil-mikrobu. Dawn il-każijiet feġġew wara li f'Novembru li għadda, 4 persuni oħra fiċ-Ċina spiċċaw l-isptar bl-istess marda. Jidher li dawn il-pazjenti spiċċaw infettati bil-mikrobu wara li kielu annimal roditur (annimal li jgerrem) magħruf aħjar bħala l-marmot. Il-Pesta, li qatlet madwar 60% mill-popolazzjoni Ewropea fis-seklu 14, hija marda infettiva li twassal għall-mewt u tinxtered minn dawn l-annimali kif ukoll mill-ġrieden. L-awtoritajiet Russi qed iwaqqfu l-kaċċa tal-marmots fil-fruntiera bejn iċ-Ċina u l-Mongolja wara li ħarġet din l-aħbar. Il-Pesta tista' tkun fatali fid-90% tal-każi jekk ma tingħatax il-kura meħtieġa bl-antibijotiċi. Barra minn hekk, hemm ukoll marda li tiżviluppa mill-Pesta li taffettwa l-pulmun tal-bniedem bis-sintomi jvarjaw minn qtugħ ta' nifs, uġigħ ta' ras u sogħla.
[ 10 ]
F'Melbourne, fl-Awstralja reġgħu imponew lockdown minħabba żieda fl-infezzjonijiet tal-coronavirus. Mal-ħames miljun persuna mhux ser jitħallew joħorġu mid-dar għas-6 ġimgħat li ġejjin ħlief għal raġunijiet essenzjali.
[ 1, 10 ]
Mil-lum madwar 440,000 persuna li huma residenti f'Malta u għandhom 'il fuq minn 16-il sena bdew jirċievu l-vouchers ta' mitt ewro li tħabbru fil-pjan għar-riġenerazzjoni ekonomika biex l-attività kummerċjali tieħu spinta b'madwar €44 miljun li jridu jintefqu fit-tliet xhur li ġejjin. Il-Ministru għall-Ekonomija, Silvio Schembri qal li l-vouchers qed jintbagħtu bil-posta reġistrata u jinkludu ħames vouchers ta' €20 ewro 'l wieħed, b'erbgħa minnhom jistgħu jintużaw f'lukandi, akkomodazzjonijiet, ristoranti, bars u skejjel tad-Diving waqt li l-ħames voucher se jkun jista' jintuża fi ħwienet li kellhom jgħalqu waqt il-pandemija tal-COVID bħal tal-ħwejjeġ, ġojjellerija, tax-xahar u s-sbuħija, tal-affarijiet tad-dar, każini tal-baned, mużewijiet u clubs tal-isports fost l-oħrajn. Il-vouchers se jkunu jistgħu jibdew jintużaw minn 24 siegħa wara li jitqassmu.
[ 1, 4, 12 ]
Imtella' Lulju 8, 2020 - Aġġornata 8 Ta' Lulju, 2020 7:46am Grupp ta' madwar 50 immigrant żbarkaw matul il-lejl li għadda f'Malta wara li kienu ilhom ġranet abbord il-bastiment MV Talia. F'kitba fuq twitter l-għaqda Alarm Phone, qalet li wara ġranet maqbuda fuq il-bastiment l-immigranti li qalet ġew salvati mill-periklu ngħataw il-permess għall-iżbark.
[ 1, 4, 9, 12 ]
Imtella' Lulju 9, 2020 - Aġġornata 9 Ta' Lulju, 2020 4:04pm Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili hu attrezzat aħjar biex ikollu provista ta' ilma għal tifi ta' nar kbir, bħal f'żoni industrijali. Erba' bowsers ġodda li nxtraw bi flus mill-Malta Industrial Parks jifilħu jġorru bejniethom aktar minn 120,000 litru ta' ilma. Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għandu erba' trakkijiet ġodda li jifilħu jġorru kwantità kbira ta' ilma biex jintużaw f'ħidmiet ta' tifi ta' nar kbir. Il-bowsers inxtraw mir-Renju Unit u se jkunu bbażati fl-istazzjon tad-dipartiment f'Ħal Far. "Qed nitkellmu fuq inċidenti maġġuri u inċidenti industrijali fejn trid kwantita kbira ta' ilma kull minuta," qal id-Direttur tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili Emanuel Psaila. Id-Direttur tal-Protezzjoni Ċivili Emanuel Psaila qal li l-ħtieġa għall-investiment f'dawn l-inġenji kien xprunat min-nirien qawwija li fl-2017 ħakmu binja li kienet qed tintuża bħala maħżen fiż-żona industrijali ta' Ħal Far. Qal li n-nirien kienu damu iżjed minn ġimgħa biex intfew u l-ħsarat kienu estensivi. Wara dak il-każ, kien sar ftehim ta' kollaborazzjoni bejn il-Malta Industrial Parks u l-Protezzjoni Ċivili għax-xiri ta' dawn l-erba' trakkijiet. "B'dawn it-trakkijiet, il-protezzjoni ċivili kif se jkolha inċident maġġur mill-ewwel se mmorru b'120 elf litru ilma fuq il-post, b'ilma biżżejjed u b'set up tajjeb, in-nar ittih kwantità kbira ta' ilma u tibqa' ittih dan l-ammont ta' ilma," kompla Emmanuel Psaila. Il-Ministru tal-Ekonomija, Silvio Schembri, qal li l-Malta Industrial Parks ħarġet €190,000 għax-xiri ta' żewġ bowsers tal-ilma li jġorru mat-42,000 litru u żewġ bowsers oħra li jġorru mal-20,000 litru kull wieħed. It-trakkijiet huma kompluti bil-pompi u tagħmir ieħor. Il-Ministru Schembri qal li l-għotja tal-Malta Industrial Parks tifforma parti mill-pjan għar-riġeneazzjoni ta' żoni industrijali li għandu valur ta' aktar minn 400 miljun ewro. Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurta' Nazzjonali, Byron Camilleri, qal li parti l-ftehim jaħseb biex il-Protezzjoni Ċivili tħarreġ aktar minn mitt impjegat tal-Malta Industrial Parks fuq għarfien bażiku dwar it-tifi tan-nar.
[ 0, 7, 16 ]
Imtella' Lulju 9, 2020 - Aġġornata 9 Ta' Lulju, 2020 5:57pm Applikazzjoni għat-twessigħ ta' Triq Għeriexem fir-Rabat, li tagħti mir-Roman Villa san-Nigret, ġiet approvata mill-Awtorità tal-Ippjanar b'7 voti favur, u 3 kontra. Waqt il-laqgħa s-Sindku tar-Rabat, Sandro Craus, qal li l-proġett huwa wieħed urġenti minħabba li t-triq qiegħda tikkollassa u qiegħda ssir ħsara fir-residenzi tal-madwar. It-triq mid-Domus Romana san-Nigret fir-Rabat ser tinbena mill-ġdid b'sistema ta' kolonni tal-konkos li ser jissudaw it-triq li nbniet fuq it-tafal. Waqt laqgħa ta' tliet sigħat li kkunsidrat l-applikazzjoni li saret mill-Ministeru tal-Infrastruttura u l-proġetti kapitali, il-Perit Robert Fenech qal li l-proġett fost oħrajn ser itejjeb il-konnetività. Huwa spjega kif mal-kareġġjati tat-triq li ser ikunu wiesgħa 7 metri u nofs ser jiżdied promenade ta' żewġ metri b'veduti tal-Imdina u l-Imtarfa. Il-Perit spjega li biex tiġi indirizata l-instabilita tat-triq u l-bini tal-madwar, it-triq ser tinbena fuq kolonni fuq in-naħa tal-wied biex ma jintmessx il-blat li fuqu qed jistrieħu d-djar. Id-direttorat tal-ippjanar li rrakkamonda l-proġett għall-approvazzjoni, qal li minħabba li dan ser isir f'żona ta' valur għoli, qabel jinbdew ix-xogħlijiet ser issir investigazzjoni arkeoloġika. Il-Perit tal-proġett qal li diġa saru studji prelimari dwar dan. L-arkeologu Dr Reuben Grima qal li l-proġett ser ikollu impatt fuq l-arkeoloġija. Dr Grima qal li ghalhekk l-ewwel għandhom isiru l-istudji dettaljati fuq l-arkeoloġija imbagħad jingħata l-permess. Iċ-Chairman tal-bord, il-Perit Vince Cassar, qal li jekk l-investigazzjoni ssib fdalijiet arkeoloġiċi li jridu jiġu preservati, is-sovrintendenza għall-wirt kulturali tista' twaqqaf il-permess. Iċ-Chairman tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, il-Professur Victor Axiak, qal li bil-proġett se jitneħħew 16-il siġra, fosthom waħda mill-ikbar siġar tat-tin f'Malta, u jinvolvi interventi li ser ikollhom impatt fuq il-wied u l-għejjun tal-ilma li jagħtu għal ġo fih. "Ma nistgħux nieħdu minn din iż-żona tant sensittiva, u nifhem ukoll l-importanza li n-nies igawduh, imma n-nies iridu jgwadu xi ħaġa li tibqa', mhux xi ħaġa li ħa neqirdu għax inkella għal xejn," qal Prof Axiaq. Residenta li toqgħod fiż-żona qalet li l-pedament tat-triq tant huwa fraġli li qiegħda tibża li darha ma tiflahx ghat teżiżiet tal-proġett. "Diġà għandi s-saqaf maqsum, kif tista' taraw maqsum kollu, ġifieri kif jibda x-xogħol jien imsarni f'saqajja u ser nitlaq minn hawn." Is-sindku tar-Rabat, Sandro Craus, qal li qabel jibdew ix-xogħlijiet għandha ssir analiżi ta' kull binja fl-inħawi, u jekk hemm bżonn jiġu evakwati r-residenti waqt li jsiru x-xogħlijiet. Il-permess ġie approvat b'7 voti favur u 3 voti kontra. Żewġ familji evakwati minn djarhom – ix-xogħol kif titla' s-Saqqajja mistenni jieħu ġimgħat
[ 4, 7, 12 ]
Imtella' Lulju 9, 2020 - Aġġornata 9 Ta' Lulju, 2020 6:17pm Daħlu fis-seħħ mil-lum ħinijiet ġodda għall-viżitaturi fl-Isptar Mater Dei. Mas-siegħa li tibda fil-5.00 p.m., l-isptar issa qed idaħħal ukoll viżitaturi għal siegħa li tibda fil-11.30 a.m. Il-ħinijiet il-ġodda japplikaw mit-Tnejn sal-Ħadd, bl-awtoritajiet ifakkru li ħdejn kull pazjent jista' jkun hemm sa persuna waħda li tird tilbes il-maskra jew visor, Ifakkru wkoll li jekk persuna tħossha ma tiflaħx, m'għandhiex tmur tara pazjenti.
[ 7, 8, 12 ]
Imtella' Lulju 9, 2020 - Aġġornata 9 Ta' Lulju, 2020 8:45pm Il-COVID-19 u x-xogħol ġew diskussi minn mexxejja minn madwar id-dinja f'summit virtwali organizzat mill-Għaqda Dinjija tax-Xogħol, l-ILO. Fil-fehma tal-kap tal-organizazzjoni, il-pandemija tefgħet id-dinja tax-xogħol fi kriżi bla preċedent. F'messaġġ waqt is-summit, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar l-effetti pożittivi li qal kellhom il-miżuri ekonomiċi li daħħal il-gvern tul il-pandemija u saħaq li għal darb'oħra ntwera li l-mudell ta' djalogu soċjali fejn il-vuċi tal-ħaddiema u ta' min iħaddem tingħata importanza hija huwa kruċjali. Il-Prim Ministru Robert Abela silet tliet lezzjonijiet għas-soċjetà globali mill-pandemija. F'diskors lis-summit tal-Ghaqda Dinija tax-Xoghol dwar l-impatt tal-Covid 19 fuq il-ħaddiema u l-ġustizzja soċjali, Dr Abela qal li l-pandemija wriet l-importanza tal-istituzzjonijiet internazzjonali bħal mhi l-Ghaqda Dinija tas-Saħħa. Żied jgħid li t-tieni lezzjoni hi l-importanza li isir użu akbar mit-teknoloġija fid-dinja tax-xogħol li qal jista' jkollha impatt importanti biex jissolvew problemi bħal bidla fil-klima. Il-Prim Ministru qal li l-pandemija wriet ukoll is-siwi tad-djalogu soċjali fejn il-vuċi tal-ħaddiema u ta' min iħaddem tingħata importanza. Sostna li l-pajjiżi bi djalogu soċjali attiv qed imorru ferm aħjar minn pajjiżi oħra. Il-Prim Ministru elenka l-miżuri li ħadet Malta fil-qasam ekonomiku u socjali biex itaffi l-effetti tal-pandemija. Hu qal li bis-saħħa t'hekk Malta rnexxielha tillimita l-impatt fuq l-ekonomija. Dr Abela wera ruħu fiduċjuż li Malta ser toħroġ aktar malajr mill-effetti tal-pandemija. Huwa qal li ta' min iħares x'ġara aktar minn 100 sena ilu f'ċirkustanzi simili. Innota li kien hemm gvernijiet li taw sostenn ekonomiku u oħrajn li mxew b'awsterità' u kien hemm min adotta nazzjonaliżmu ekonomiku u min baqa' miftuħ għal kummerċ u investiment barrani. Il-Prim Ministru stqarr li l-istorja wriet li sehem aktar attiv min-naħa tal-Gvern flimkien ma' orjentament miftuħ kienu s-soluzzjonijiet li ħadmu. Is-summit tal-ILO sar fl-isfond ta' ricerka li uriet li 93 fil-mija tal-ħaddiema fid-dinja qed jiffaċċjaw xi forma ta' impatt fl-impjieg tagħhom minħabba l-pandemija. F'Malta l-impatt skont ċifri tal-NSO inħass minn madwar 62 fil-mija tal-impjegati. Il-kap tal-għaqda dinjija tax-xogħol, Guy Ryder, qal li fiċ-ċirkustanzi wieħed ma jridx iħares lejn is-saħħa jew lejn l-impjiegi weħidhom għax settur jorbot mal-ieħor.
[ 1, 7, 12 ]
Fl-Istati Uniti , il-Qorti Suprema ddeċidiet li l-assi finanzjarji tal-President Donald Trump jistgħu jkunu eżaminati iżda sostniet li f'każ ieħor l-informazzjoni ma tistax tingħata lill-Kungress. Trump ma jridx li jippubblika l-ammont ta' taxxa li ħallas bħalma kien jagħmel ta' qablu għalhekk jinsab taħt pressjoni biex jippubblika l-assi tiegħu. L-avukati tiegħu qalu li sakemm huwa president tal-pajjiż igawdi minn immunita. Qed jingħad li l-Kungress għandu raġunijiet validi għala qed jesiġi li Trump jippubblika kemm ħallas taxxa.
[ 1, 10 ]
Studju riċenti li sar fl-Italja, wieħed mill-pajjiżi madwar id-dinja li ntlaqat ħażin mill-Covid-19, sab li n-nisa tqal jistgħu jgħaddu l-virus lit-tarbija tagħhom fil-ġuf mis-sekonda. Il-Professur Claudio Fenizia, mill-Università ta' Milan irrapporta li żewġt itrabi twieldu infettati bil-virus wara li ommijiethom kienu ttestjaw pożittivi għall-marda. Fl-istudju, 31 mara bil-coronavirus u li kienu fl-aħħar xhur tat-tqala tagħhom fl-eqqel tal-pandemija fl-Italja ġew osservati. Hawnhekk, testijiet u l-istudju meħtieġ sar fuq in-nisa, it-trabi tagħhom ladarba twieldu, is-sekonda, il-ħalib tas-sider fost oħrajn. B'xorti tajba ma saret l-ebda ħsara lit-trabi l-għaliex dawn ġew infettati tard fit-tqala. Dwar dan is-suggett, għadhom qed isiru aktar studji.
[ 1, 10 ]
Marinella u Francesco, is-sidien ta' 'La Fattorietta', agrituriżmu fi Frigintini fi Sqallija, laqgħu lill-preżentatur ta' 'TVAM' Quinton Scerri u lit-tim tiegħu b'dirgħajhom miftuħa bil-għan li jsajru xi ħaġa bnina flimkien. Fost l-oħrajn, ilkoll xammru l-kmiem u sajru għadd ta' focacce. Liema ikel, mhuwiex il-focaccia kif nafuha aħna l-Maltin u l-Għawdxin. L-għamla u l-mili tal-focacce Sqallin għandhom xeħta u togħma partikolari għall-aħħar. Ilkoll, għaġnu l-għaġina, ħawwruha b'għadd ta' taħlitiet friski tal-lokal u ħmewha. Ir-riħa biss tal-focaccia tqarmeċ ħierġa mill-forn, taqsamlek qalbek.
[ 2, 10 ]
Se jiġi restawrat il-kampnar tal-Katidral tan-Notre Dame f'Pariġi, li kien inqered f'nirien li ħakmu l-binja f'April tas-sena l-oħra. Huwa se jkun restawrat skont id-disinn oriġinali Gotiku tiegħu. Din id-deċiżjoni tħabbret mill-President Franċiż Emmanuel Macron u b'hekk temm l-ispekulazzjonijiet li l-kampnar se jinbena fuq stil modern. Qal li r-restawr mistenni jkun lest sal-2024, meta Pariġi se tospita l-logħob Olimpiku.
[ 1, 10 ]
Imtella' Lulju 9, 2020 - Aġġornata 9 Ta' Lulju, 2020 6:06pm Tibqa' l-pjaga tar-rimi illegali ta' skart fil-kampanja. Fuq il-paġna tiegħu fuq facebook, is-Sindku tar-Rabat Sandro Craus tella' ritratt ta' biċċiet ta' għamara, saqqu u sufanijiet li ntremew b'mod illegali f'Wied il-Bużbież fil-limiti tar-Rabat. Filwaqt li wissa li fl-aħħar min qed jikser il-liġi se jinqabad huwa qal li se l-post se jitnaddaf illum stess. Huwa talab lil kull min għandu xi informazzjoni dwar dan il-każ sabiex iċempel il-kunsill tar-Rabat fuq 21455000, 21451510, 21455687 jew 21451945. Jidher iżda li l-kampanja mhix l-uniku post fejn iħobbu jeħilsu mill-iskart ċerti nies. Anki fil-qalba ta' żona residenzjali, persuni rresponsabbli jagħżlu li jarmu skart goff illegalment għad-dannu tal-estetika u tas-sigurtà tal-lokalità u r-residenti tagħha. Dawn ir-ritratti nġibdu fl-aħħar sigħat f'Buġibba fosthom fi Triq il-Ġifen. Jiżdiedu l-multi għal min jinqabad jarmi skart f'postijiet pubbliċi
[ 7, 12 ]
Il-vot ta' sfiduċja f'Adrian Delia mid-deputati Nazzjonalisti ħoloq xenarji ġodda b'opinjonisti jgħidu li din is-sitwazzjoni kompletament ġdida fl-istorja politika ta' Malta. Fil-programm Ras imb' Ras fuq TVM, l-opinjonist Dr Mario Thomas Vassallo qal li l-pożizzjoni ta' Adrian Delia bħala Kap tal-Oppożizzjoni m'għadiex tenibbli. "Nimmaġina li mhux l-MPs għandhom immorru għand il-President, imma l-President għandu jsejjaħ lill-MPs biex jagħżel lil xi ħadd minflok Delia biex imexxi l-Oppożizzjoni, mhux il-partit," qal Dr Vassallo. Mhux tal-istess fehma Dr Simon Mercieca, li jemmen li l-President għandu jagħmel l-ewwel pass la darba jirċievi bil-miktub mingħand id-deputati. "Aħna ma nafux x'ġara u kif ittieħed il-vot. Jekk il-President isejjaħ lid-depuati fuq dak biss li qed jisma', ikun qed iwettaq żball politiku u istituzzjonali. Iż-żewġ opinjonisti qablu li Dr Delia kiseb il-fiduċja mit-tesserati u għalhekk, skond l-istatut, għandu dritt jibqa' fit-tmun tal-partit. Dr Mercieca iżda argumenta li vapur b'żewġ kaptani ma jimxix. Żied li jekk il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ma jkunx ukoll Kap tal-Oppożizzjoni, li-partit jispiċċa f'sitwazzjoni bla preċedent. 'Il-kap tal-partit se jkun relegat bĦal kwalunkwe kap ta' partit ieħor, inkluż ta' partit żgħir," qal Dr Mercieca. "Is-saħħa ta' ta' kap ta' partit kbir kien ġej mill-kariga istituzzjonali li qed ittih il-kostituzzjoni li hu kap tal-oppożizzjoni." Dr Vassallo qal li l-Partit Nazzjonalista jinsab f'salib it-toroq, bl-akbar problema li kkawżat din il-kriżi ma kienx Yorgen Fenech, iżda huwa tal-fehma li kienet il-kwistjoni ideoloġika. "Il-PN sab ruħu f'salib it-toroq jekk jimxix skond il-prinċipji fundamentali tiegħu jew il-post modernisti li jridu jbiddlu d-direzzjoni." Dr Mercieca iżda semma żewġ fatturi ewlenin li waslu biex irriżultat din is-'sitwazzjoni imwegħra'. "Numru ta' deputati li jridu jżommu s-siġġu tagħhom fid-distrett u ħolqu havoc kbir fil-PN, u t-tieni kwistjoni li ma ħarġitx hi l-maħfra presidenzjali li qed tintalab għal Yorgen Fenech. Dan il-ġlied faqqa' f'dan il-kuntest ta' din il-maħfra. Hemm kap dgħajjef u ħarġet din il-kwistjoni u fuqha il-PN jidher li hu maqsum." Tibqa' tberren il-mistoqsija jekk il-ħdax-il deputat li vvutaw għal Dr Delia hux ser ikunu leali iżjed lejh bħala kap tal-partit jew lejn il-kap ġdid tal-oppożizzjoni.
[ 7, 12 ]
Imtella' Lulju 9, 2020 - Aġġornata 9 Ta' Lulju, 2020 11:12am Charlene Gatt ta' 35 sena ġiet ikkundannata għal seba' xhur ħabs wara li nstabet ħatja li fil-Gżira u fil-Marsa fid-9 u fis-16 ta' April li għadda wara d-9 p.m., tat isem falz lill-pulizija li kienu waqqfuha u talbuha d-dettalji tagħha. Instabet ħatja wkoll talli ma kellhix fil-pussess tagħha l-karta tal-identità. Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo sabet lil Gatt ħatja wkoll li fl-istess ġranet, hija kienet qed titlajja għal skop ta' prostituzzjoni u talli għamlet dawn ir-reati waqt perjodu operattiv ta' ordni ta' probation imposta mill-Qorti b'sentenza tat-22 ta' Mejju 2018. Il-Qorti iżda ma sabitx lil Gatt ħatja li f'diversi ġranet differenti fix-xhur ta' Jannar, Frar, Marzu u April 2020, hija naqset milli tħares il-kundizzjonijiet imposti fuqha mill-Qorti b'sentenza mogħtija fl-20 ta' Frar, 2019 meta ngħatat il-ħelsien mill-arrest taħt garanzija. Il-Qorti kkundannatha għal seba' xhur ħabs li minnhom għandu jitnaqqas il-perjodu ta' żmien li għamlet taħt arrest preventiv. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Godwin Scerri. Gatt għandha proċeduri oħra pendenti fil-Qorti wara li allegatament attakkat lil mara oħra u lil binha b'martell tal-laħam f'Buġibba f'Novembru 2018. Terġa' tittressaq l-Qorti l-mara li attakkat mara u tifel b'martell f'Buġibba
[ 0, 7, 12 ]
Imtella' Lulju 9, 2020 - Aġġornata 9 Ta' Lulju, 2020 11:24am Id-Djoċesi ta' Għawdex ħabbret li l-konsagrazzjoni ta' Monsinjur Anton Teuma bħala d-disa' isqof tad-djoċesi u l-ingress solenni tiegħu fil-Katidral fil-Belt Victoria ser isir fit-13 ta' Settembru filgħaxija. Bħala motto għall-episkopat hu għażel silta mill-Vanġelu ta' San Luqa: "U baqa' miexi magħhom." Dan jirreferi għall-ġrajja tal-laqgħa ta' Ġesu' maż-żewġ dixxipli fit-triq lejn Għemmaws. Intqal li l-motto se jkun parti mill-istemma tal-isqof il-ġdid. Id-Djoċesi ta' Għawdex qalet li bl-għażla ta' dan il-motto ir-ragħaj spiritwali l-ġdid jixtieq iwassal l-"aħbar it-tajba" li Ġesu' dejjem lest li jimxi mal-bniedem fl-ispirtu tas-simgħ, tal-akkoljenza, tal-komprensjoni, tal-imħabba, tat-tama u tal-ħelsien lil kull persuna. Dan jagħmlu b'empatija, akkumpanjament u entużjażmu.
[ 0, 7, 12, 13 ]
Imtella' Lulju 9, 2020 - Aġġornata 9 Ta' Lulju, 2020 11:46am Malta ġiet ippremjata b' Connoisseur Circle Hospitality Award bħala l-aqwa destinazzjoni kulturali din is-sena. It-tim tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu fil-Ġermanja rċieva l-unur tal-Cultural Getaway of the Year 2020, bħala l-aħjar destinazzjoni għal min qed ifittex vaganza kulturali qasira u lussuża. Kull sena l-Connoisseur Circle; rivista tal-ivjaġġar lussuż, tippremja l-aqwa lukandi, cruise liners, linji tal-ajru u destinazzjonijiet fi 15-il kategorija differenti. Ir-rebbieħa jintagħżlu minn ġurija magħmula minn ġurnalisti tal-ivjaġġar u esperti fl-industrija.
[ 0, 7, 16 ]
Annise Bejaoui ta' 31 sena ntbagħat tliet snin u sitt xhur ħabs filwaqt li tilef garanzija personali ta' €10,000 wara li nstab ħati ta' tentattiv ta' serq kif ukoll bi ħsara volontarja waqt perjodu li fih huwa kien obbligat li ma jikkommettix reat ieħor. Il-każ imur lura għall-20 ta' Mejju 2018 meta l-akkużat inqabad ħiereġ minn kamra tal-lukanda San Antonio f'San Pawl il-Baħar, b'televiżjoni mgewżer f'xugamani. Mix-xhieda joħroġ li malli l-akkużat induna li qed jarah xi ħadd, ħalla t-televiżjoni fejn kien u telaq jiġri. Fil-Qorti l-Ispettur Godwin Scerri xehed li l-pulizija wasslu għall-Annise Bejaoui mill-impronti tas-swaba li nstabu kemm fuq il-bieb tal-kamrra kif ukoll fuq it-televiżjoni, liema impronti kienu diġà f'database tal-pulizija għaliex Bejaoui kellu każijiet oħra ta' serq fil-passat. Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Monica Vella sabet lill-akkużat ħati li pprova jisraq televiżjoni u li għamel ħsara fuq il-bieb tal-lukanda tal-kamra minn fejn ipprova jisraq it-televiżjoni. Il-Qorti sabitu wkoll ħati li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u li rrenda ruħu riċediv. Fis-sentenza tagħha, il-Maġistrat Vella nnotat il-fedina penali tal-akkużat u rat li minekjja diversi opportunitajiet li ngħatawlu mill-Qorti, huwa għażel li ma jbiddilx id-direzzjoni ta' ħajtu u għalhekk irrevokat is-sentenza tal-ħelsien mill-arrest, ordnat li l-garanzija personali ta' €10,000 tgħaddi favur il-Gvern ta' Malta u kkundannatu għal tliet snin u nofs ħabs. Sentejn ħabs wara li ammetta li seraq minn żewġ ħwienet Ħelsien mill-arrest revokat wara li kiser kundizzjoni tal-Qorti
[ 0, 7, 12 ]
Imtella' Lulju 10, 2020 - Aġġornata 10 Ta' Lulju, 2020 7:28pm Mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela ħabbret li fit-22 ta' Lulju l-Palazz tal-Girgenti se jkun miftuħ għall-pubbliku għall-ewwel edizzjoni tal-kunċert 'A night at the Palace' mill-Orkestra Filmarmonika Nazzjonali fl-ewwel appuntament bil-membri kollha tal-orkestra wara l-pandemija tal-COVID. Il-kunċert se jkun bla ħlas iżda se tintalab donazzjoni li tmur għall-organizzazzjonijiet volontarji li jaħdmu mal-annimali. Il-palazz meraviljuż tal-Girgenti se jitgawda mill-pubbliku għall-kunċert imsejjaħ 'A Night at the Palace' li se jsir fit-22 ta' Lulju. Waqt li ħabbret dal-kunċert, Dr Lydia Abela, il-mara tal-Prim Ministru qalet li din se tkun opportunità sabiħa wara l-perjodu ta' sfida li esperjenzajna fi żmien il-pandemija."Dan il-kunċert mużikali li bih se niftħu l-bibien tal-palazz għall-pubbliku wara perjodu diffiċli tal-COVID li fih għamilna suċċess u issa jiena, Robert u Georgia Mae ħerqana li niltaqgħu man-nies għax l-arti tgħaqqad, tnissel paċi u serenità" Iċ-Chairperson tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali, Sigmund Mifsud qal li jinsab entużjast ħafna għal dan il-proġett ġdid li se jwassal mument speċjali u partikolari billi hux biss se jerġa' jgħaqqad lill-mużiċisti kollha tal-Orkestra iżda anke l-opra mal-musicals. "Dan il-kunċert se tkun l-ewwel darba li l-Orkestra se tingħaqad kollha flimkien u għalhekk ħsibna li noħorġu b'kunċett li fih numru s-similaritajiet bejn il-musicals u l-opera, għalkemm il-musicals huma iktar popolari". Il-biljetti għal dan il-kunċert jistgħu jinġabru nhar it-Tnejn u t-Tlieta filgħodu mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Dr Abela qalet li d-dħul se jkun b'xejn iżda se tintalab donazzjoni għal kawża ġusta. "Il-fondi se jmorru għal numru ta' organizzazzjonijiet li jaħdmu f'kull settur tal-annimali kemm klieb, qtates u żwiemel u nappella lill-pubbliku biex jgħin lil dawn l-organizzazzjonijiet". Dr Abela qalet li fil-jiem li ġejjin mistennija tħabbar attivitajiet innovattivi li għandhom l-għan jgħaqqdu lill-poplu f'inizjattivi altruwistiċi.
[ 0, 2 ]
Imtella' Lulju 10, 2020 - Aġġornata 10 Ta' Lulju, 2020 4:27pm B'investiment ta' €11 il-miljun il-kumpanija Malta Public Transport li topera s-servizz tal-karozzi tal-linja se tbiddel 50 xarabank tal-għamla King Long ma' karozzi tal-linji aktar moderni, effiċjenti u li jniġġżu anqas. Felipe Cosman, id-Direttur tal-kumpanija Spanjola faħħar l-impenn u l-kooperazzjoni tal-Gvern u saħaq fuq l-użu ta' teknoloġiji fis-sistema ta' trasport pubbliku. Qal li l-mudell li kiseb suċess f'Malta issa qed jintuza f'Ċipru fejn il-kumpanija qed topera s-servizz ta' trasport pubbliku. Fl-inawgurazzjoni tal-vetturi l-ġodda, il-Prim Ministru Robert Abela faħħar l-investiment u t-tibdil sostanzjali li sar fis-servizz tat-trasport pubbliku. Qal li ċ-ċifri tal-passiġġieri li qed jużaw tal-linja wara t-tmiem tal-emerġenza medika juri li l-pajjiż mixi fid-direzzjoni t-tajba. Spjega li fl-eqqel tal-pandemija, il-passiggieri kienu naqsu minn 180,000 kuljum għal 30,000. Qal li l-passiġġieri issa diġà qabżu il-mitt elf passiġġier. Il-Ministru tat-Trasport Ian Borg spjega li x-xarabanks il-ġodda jaqgħu fil-kategorija EURO 6 li jirrispetaw l-ambjent waqt li jifilħu jġorru aktar passiġieri. Dr Borg faħħar lix-xuffiera tax-Xarabanks li fil-pandemija komplew joffru s-servizz essenzjali tagħhom. Ma' Television Malta, il-Ministru Borg qal li t-trasport pubbliku tjieb iżda jonqos xi jsir. "Il-kultura ma tinbidilx mal-Ministru ma rridx xi mertu għaż-żieda fin-nies li jużaw it-trasport pubbliku. Trasport Malta qed tirċievi apprezamant għax-xogħol li qed tagħmel. Ma jfissirx li wasalna jiena nibqa' nirċievi kummenti kif nistgħu ntejbu t-trasport pubbliku u aħna nibqgħu naħdmu fuqhom." Dwar il-passiġġieri li f'dawn il-ġranet reġgħu żdiedu, Dr Borg qal li dan juri li t-trasport pubbliku jintuża mhux biss mit-turisti iżda wkoll mill-Maltin. Huwa qal 80,000 ruħ fosthom studenti u anzjani qed jużaw is-servizz bla ħlas.
[ 0, 2, 16 ]
Imtella' Lulju 10, 2020 - Aġġornata 10 Ta' Lulju, 2020 4:46pm 30% tal-kontenut li joffru s-servizzi tal-midja on-demand irid ikun prodott Ewropew u promoss b'mod viżibbli. Din hi waħda mid-diversi emendi fl-abbozz ta' Liġi fuq l-Att dwar ix-Xandir li jinsab quddiem il-Parlament. L-abbozz jipprovdi għat-traspożizzjoni tad-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva. Il-Ministru Carmelo Abela qal b'dawn l-emendi, l-Awtorità tax-Xandir se jkollha ġuriżdizzjoni fuq servizzi li s'issa ma kellhiex setgħa fuqhom. Wara 13 il-sena se tiġi aġġornata l-liġi dwar ix-xandir biex tirrifletti ż-żminijiet tal-lum biex fost oħrajn tirrifletti wkoll il-midja diġitali. F'konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru responsabbli mix-Xandir, Carmelo Abela qal li bl-emendi ser ikun hemm aktar bilanċ fil-kompetizzjoni bejn il-midja awdjoviżiva tradizzjonali u l-pjattaformi diġitali. Il-Ministru Abela qal li l-emendi l-ġodda huma imnebħa mid-direttiva Ewropea dwar dal-qasam li tidħol fis-seħħ f'Settembru li ġej. Qal li fost oħrajn l-emendi jinkludu, l-introduzzjoni ta' regolamenti dwar il-pjattaformi tal-vidjows, trasparenza dwar is-sidien tal-midja, tisħieħ fl-aċċessibbilità għall-kontenut awdjoviżiv u aktar flessibilta fil-ħin għar-reklamar. Il-Ministru Abela qal li ser isir ħidma biex jikber il-litteriżmu fil-midja li permezz tiegħu jissaħħu l-ħiliet u l-għarfien taċ-ċittadini biex jużaw il-midja b'mod aktar effettiv. F'kummenti ma' TVM il-Ministru Abela qal li l-għan ta' dan il-kunċett huwa li jeduka u mhux jinstrinġi. "Irridu nħarġu nies biex ikunu responsabli għal dak li jagħmlu u fl-istess ħin ikunu aktar attenti għall-parti l-oħra li qed tara l-kontenut li jkunu tefgħu fuq pjattaformi differenti naħseb li huwa mportanti li nisħqu fuq media literacy." Il-Ministru Abela kompla jgħid li se jidħlu fis-seħħ regolamenti ġodda relatati ma' ikel li fih ix-xaħmijiet, il-melħ, u z-zokkor u regolamenti oħrajn relatati mar-reklamar tal-alkoħol u l-logħob tal-azzard waqt li r-regolamenti dwar l-inklużjoni ta' prodotti kummerċjali se jkunu anqas ebsin. Bil-liġi l-ġdida fost oħrajn il-kontenut televisiv għal udjenza adulta se jkun jista' jixxandar wara l-għaxra flok wara id-disa' ta filgħaxija.
[ 0, 2 ]
Imtella' Lulju 10, 2020 - Aġġornata 10 Ta' Lulju, 2020 6:28pm Il-Ministeru tal-Edukazzjoni kompla jwessgħa l-għajnuna finanzjarja għal studenti li jridu jispeċjalizzaw f'diversi oqsma ta' studju permezz ta' ħames skemi ta' boroż ta' studju b'valur ta' aktar minn żewġ miljuni ewro. Waqt li ħabbar dawn il-boroż ta' studju, il-Ministru tal-Edukazzjoni Owen Bonnici qal li bihom ser jiġu finanzjati korsijiet ta' speċjalizzazjoni għal madwar 500 student. Il-Minsteru tal-Edukazzjoni kompla jsaħħaħ ħames skemi b'waħda minnhom tnediet għall-ewwel darba dik tal-veterinarji immirati biex jgħinu finanzjarment studenti li jixtiequ jkomplu jistudjaw fil-livell terzjarju fosthom għall-Masters u Dottorat. Fil-jiem li ġejjin ser jinfetħu l-applikazzjonijiet għall-ħames skemi li għalihom hemm allokati €2.3 miljun. "L-applikanti jistgħu japplikaw biex jiffolowjaw korsijiet kemm Malta u anke barra basta l-Università tkun rikonoxxuta, kif ukoll jistgħu jagħżlu courses part time jew full time, distance learning whatever. Neħħejna wkoll il-barrier għax qabel min kien jistudja full time ma setax jaħdem aktar minn 20 siegħa. Issa jistgħu jaħdmu kemm iridu l-importanti li jiksbu l-kwalifika tagħhom." L-istudenti jistgħu jagħżlu minn varjazzjoni kbira ta' suġġetti fosthom fl-qosma tal-arti u l-isport. Għall-ewwel darba ser ikunu offruti boroż ta' studju ġodda lil studenti li jridu isir veterinarji minħabba li dan il-kors ma jistax ikun segwiet f'Malta. "Boroż ta' studju għal dawk li jridu jkomplu jistudjaw fuq korsijiet immirati għall-veterinarji biex fl-aħħar tal-istudju japplikaw għal-liċenzja tal-vets. Importanti li dawk li diġà bdew starting 2016 jistgħu japplikaw kif ukoll dawk li ser jibdew il-kors issa accademic year 20-21." Is-Segretarji Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi u Clifton Grima ħadmu mal-Ministeru tal-Edukazzjoni biex l-iskemi jissaħħu u jinġabru taħt qafas wieħed għall-benefiċċju tal-istudenti. Il-Ministru tal-Edukazzjoni Owen Bonnici qal li erba' skemi magħrufa bħala Tertiary Education Scholarship, Arts Scholarship, Malta Sports Scholarship u dik tal-vetenerarji huma ffinazjati minn fondi pubbliċi filwaqt li l-iskema Endeavour hija ffinanzjata minn fondi Ewropej. Dr Bonnici qal li minn dawn l-iskemi mistennija jibbenefikaw 500 student u spjega li dan huwa eċercizzju ta' ġustizzja soċjali għax dawk li qatt ma setgħu jkomplu jistudjaw issa qed jingħataw l-għajnuna biex jilħqu l-milja tal-karriera tagħhom.
[ 0, 2, 5 ]
Raġel li sawwat sal-punt li kważi qatel raġel fis-sakra li ħebb għalih barra post tad-divertiment inħeles mill-akkużi fuq bażi li ddefenda ruħu. Shaun Demicoli ġie akkużat li darab gravi lit-Tuneżin Riadh Mrad, li ħebb għall-akkużat wara festin tal-karnival f'Birżebbuġa fl-2014. Xhieda fil-Qorti qalu li Mrad ma kienx mistieden għall-festin u ġie ordnat joħroġ 'il barra, wara li anke hedded lill-waħda mistednin li se jtiha daqqa ta' sikkina. It-Tuneżin kien spiċċa l-isptar u għal xi jiem fil-periklu tal-mewt.
[ 0, 2, 12 ]
Imtella' Lulju 11, 2020 - Aġġornata 11 Ta' Lulju, 2020 7:43pm Is-Sibt, l-atmosfera fuq il-Bajja s-Sabiħa ta' Birżebbuġa kienet aktar movimentata mis-soltu . . . Minn filgħodu mużika live akkumpanjat numru ta' għawwiema li ngħaqdu maċ-chairperson tal-Fondazzjoni Marigold, Michelle Muscat, għall-isfida: The Marigold Swimathon 2020/ Is-Sinjura Muscat kienet l-ewwel li niżlet tgħum ftit wara d-disgħa ta' filgħodu bl-appoġġ u l-entużjażmu ta' għadd ta' voluntiera – ħafna minnhom pazjenti b'mard rari u atleti ta' Special Olypmics/ "Jien nagħmilha għalihom u j'Alla tagħti l-frott. J'Alla niġbru l-fondi li hemm bżonn," qalet iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Marigold Michelle Muscat. Din hija s-sitt darba li s-Sinjura Muscat daħlet għal sfida fil-baħar. Din is-sena minflok għawma ta' kilometri minn post għal ieħor, qattgħet mal-għaxar sigħat fil-baħar f'din il-bajja. Din is-sena, hija kienet akkumpanjata min-nies li niżlu jgħumu wara li taw donazzjoni għall-Fondazzjoni Marigold. L-għan tal-fondazzjoni hu li sservi ta' spalla għal organizazzjonijiet mhux governattivi u assocjazzjonijiet waqt li tikkollabora magħhom biex issaħħaħ l-vuċi tagħhom.
[ 14 ]
Adolexxenti ta' 15-il sena miet x'aktarx f'attakk minn kelb il-baħar waqt li kien qed jippratika 'surfing' fil-bajja Wooli, fin-nofsinhar ta' Brisbane, fl-Awstralja. Persuni li kienu fuq il-bajja tellgħu lit-tifel fuq il-bajja fejn ingħata attenzjoni medika għall-ġrieħi serji ħafna f'siequ iżda miet fuq il-post. L-awtoritajiet lokali għalqu l-bajja u għaddejjin b'investigazzjoni dwar l-inċident. Dan l-attakk huwa l-10 wieħed tat-tip tiegħu fl-Awstralja din is-sena.
[ 2, 10 ]
Aktar minn 40 siegħa f'ġimgħa fil-post tax-xogħol u ammont kbir ta' xogħol huma fost il-fatturi ewlenin li waslu biex żewġ terzi tal-ħaddiema li ħadu sehem fi stħarriġ lokali qalu li għandhom problemi ta' saħħa mentali. L-istħarriġ wera wkoll li kważi tliet kwarti tal-ħaddiema qatt ma' avviċinaw lil min jimpjegahom dwar din l-isfida. Madankollu, il-maġġoranza ta' dawk li għamlu dan il-pass qalu li ma sabux appoġġ. Stħarriġ mill-kumpanija MISCO fost 565 ħaddiem minn 9 oqsma wera li tnejn minn kull tliet ħaddiema qed ibatu minn problemi ta' saħħa mentali fuq ix-xogħol. Il-koordinatriċi tal-istħarriġ Odessa Farrugia qalet li terz tal-ħaddiema bi problema ta' saħħa mentali ġejjin mis-settur pubbliku, l-aktar mill-oqsma tal-amministrazzjoni, d-difiża, l-edukazzjoni u s-saħħa. Indikat li aktar minn 40 siegħa ta' xogħol fil-ġimgħa u l-ammont kbir ta' xogħol li qed ikollhom ilaħħqu miegħu bħala r-raġunijiet ewlenin li qed iwasslu għal stress. Mill-istħarriġ ħareġ li 69% ammettew li qatt ma ħadu leave mix-xogħol minħabba l-isfidi ta' saħħa mentali. Odessa Farrugia rrimarkat li l-ħaddiema stess qalu kif l-istress jista' jittaffa. L-impjegati xi ħaġa li tinteressahom hi li jaħdmu flexible hours fir-rutina tax-xogħol – li tkun hdimt il-gurnata tiegħek, ikollok appuntament filgħodu, u you make up your hours at the office or work place jekk ix-xogħol tiegħek jippermetti din it-tip ta' flessibilità," qalet Odessa Farrugia. Melvin Calleja mill-Fondazzjoni Richmond qal li mhux sorpriż bir-riżultati tal-istħarriġ u semma diversi fatturi li jikkawżaw stress. "Issues ta' bullying, issues ta' persuna li ma tibqax kuntenta fuq il-post tax-xogħol għax ikun hemm ħafna xogħol jew tibdil li l-persuna ma tkunx lesta għal tibdil. Fuq il-post tax-xogħol naraw ukoll burnout – meta persuna tkun ilha taħdem fit-tul fuq il-post tax-xogħol mingħajr ma tieħu break, li ma tibqax tati każ ix-xogħol għax tħossa għajjiena u li m'għadux jara ix-xogħol bħala kontribut lis-soċjetà," spjega Melvin Calleja minn Richmond Foundation. Is-Sur Calleja qal li kull post tax-xogħol fih il-piż tiegħu, u żewġ persuni li jagħmlu l-istess xogħol jistgħu ikunu affetwati differenti. Qal li problemi ta' saħħa mentali mhux bilfors ikunu dawk li fid-deher huma gravi, u jekk wieħed jinnota bidla fl-attitudni tiegħu, fosthom li ma jibqax jieħu pjaċir b'delizzju li kien għal qalbu jew qed iħossu mdejjaq fuq il-post tax-xogħol, għandu jiftaħ qalbu. "Importanti ma jżomuhomx għalihom jew jitkellmu ma xi ħadd. Jista' jkun manager li tafda, supervisor, kollega, ħabib jekk ma tafdax nies tax-xoghol, familja," kompla Melvin Calleja. L-istħarriġ li sar qabel faqqgħet il-pandemija COVID-19 indika li kważi tliet kwarti tal-ħaddiema qatt ma tkellmu fuq problemi ta' saħħa mentali ma' min iħaddimhom. Minn dawk li fittxew għajnuna, 70% qalu li baqgħu b'xejn.
[ 8 ]
Bħal-lum 25 sena ilu, forzi Serbi-Bosnjaċi ħadu taħt idejhom il-belt ta' Srebrenica fil-Bosnja-Herzegovina. F'inqas minn ġimagħtejn it-truppi tal-ġeneral Ratko Mladic immassakraw mat-8,000 raġel u tifel, ilkoll Bosnjaċi-Musulmani. Sal-lum, dan ir-reat jibqa' l-agħar massakru ta' qtil tal-massa fuq l-art, mill-aħħar gwerra dinjija. Fadila Efendic difnet il-ftit fdalijiet ta' binha Fejzo, 7 sena snin ilu. Sabet biss żewġ għadmiet minnu. Kien wieħed mill-vittmi tal-massakru ta' Srebrenica – il-ġenocidju tal-gwerra tal-Bosnja. Bħal-lum 25 sena ilu il-forzi Serbi Boznjaci immexxija mill-ġeneral Ratko Mladic attakkaw is-subborg ta' Srebrenica, fejn madwar 40,000 Musulman Bosnjaci marru għall-kenn taħt il-protezzjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda. Ftit ħasbu x'kien hemm jistennihom meta l-forzi ta' Mladic avvanzaw fuqhom u qatlu brutalment mat-8,000 ruħ – irġiel u subien, wara li sseparawhom mill-kumplament tan-nisa u bniet. Il-katavri tagħhom intefgħu bħal xkejjer f'oqbra tal-massa u sal-lum il-ġurnata, qraba tal-vittmi għadhom ifittxu l-aħħar fdalijiet tal-maħbuba tagħhom bit-tama li jtuhom difna dinjituża. Bħal Bajro Salihovic, li fdalijiet tiegħu instabu dan l-aħħar u se jingħata l-aħħar tislima illum – fil-25 anniversarju ta' mewtu. Għall-ġenoċidju ta' Srebrenica, Ratko Mladic qed iħallas bil-kumplament ta' ħajtu l-ħabs wara li fl-2017 f'The Hague instab ħati b'atroċitajiet u krimini tal-gwerra. Għexieren ta' Bosnjaci bħal lum ifakkru il-ġurnata kerha tal-ġenocidju ta' nies minn nisilhom. Illum, il-25 anniversarju tfakkar b'marċ fil-bosk folt tul ir-rotta li ħadu s-suldati tal-ġeneral Ratko Mladic biex laħqu lis-subborg ta' Srebrenica. Lebsin il-maskri kontra l-imxija tal-pandemija, u f'idejhom il-bnadar tal-Bosnja, huma għaddew maġenb l-oqbra tal-vittmi li issa jinsabu midfuna tefgħa ta' ġebla 'l bogħod minn fejn inqatlu kiesaħ u biered. Ħafna minnhom għadhom jiftakru l-biża' li ġegħlithom jiġru għall-ħajjithom, jistaħbew fil-bosk mill-qilla tal-iskwadra tal-mewt Serba Bosnjaka u għal ħafna ġranet jieklu milli jsibu madwarhom biex isalvaw. It-taqbid fil-gwerra tal-Bosnja li qasmet min-nofs lis-Serbi u Musulmani Bosnjaċi, intemm lejn l-aħħar tal-1995 stess, bi ftehim iffirmat wara l-gwerra li fired lil Bosnja f'żewġ regjuni awtonomi bejn il-Musulmani u s-Serbi. Sal-lum is-Serbja, għalkemm għamlet apologija għal dan ir-reat tal-gwerra, qatt ma aċċettat li kien ġenoċidju.
[ 2, 10 ]
Imtella' Lulju 11, 2020 - Aġġornata 11 Ta' Lulju, 2020 12:34pm Baqgħu 7 l-każi attivi ta' coronavirus f'Malta wara li fl-aħħar 24 siegħa minn 742 swab test, ma nstab l-ebda każ ġdid. Fl-aħħar 24 siegħa, ma ġie dikjarat lanqas ħadd aktar li rkupra mill-virus. L-ammont ta' persuni li rkupraw mill-Covid-19 f'Malta baqa' ta' 658 filwaqt li t-total ta' persuni li irriżultaw pożittivi għall-virus minn meta feġġ l-ewwel każ f'Malta fis-7 ta' Marzu li għadda baqa' 674.
[ 1, 10 ]
Imtella' Lulju 11, 2020 - Aġġornata 11 Ta' Lulju, 2020 8:44am Il-prekawzjonijiet minħabba l-Covid qanqlu l-ħtieġa għal aġġustamenti fil-mod kif jiġu organizzati l-festivals u l-avvenimenti. Għal dan il-għan, Festivals Malta fasslet Festival li qed issir abbord double decker li qed iddur diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex. Festival tal-mużika uniku għal dan is-sajf li se jipprovdi divertiment lil residenti f'aktar minn 50 lokalità permezz ta' kunċerti minn fuq xarabank double decker li ġiet attrezzata għal dan il-għan. Il-kunċerti jammontaw għal iżjed minn 80 siegħa ta' mużika li jinkludu s-sehem ta' Sterjotipi, Corazon, Skald, Paul Giordimaina, Ivan Grech, Dorothy Bezzina, għannejja u ħafna aktar artisti. Il-Hybrid festival li huwa organizzat minn Festivals Malta kien ispirat mill-pandemija tal-COVID-19 li nisslet il-ħtieġa għad-distanza soċjali. Għal dan il-għan, Festivals Malta qed tistieden in-nies jibqgħu fi djarhom u jsegwu minn fuq il-bjut, il-gallariji jew minn wara t-twieqi. L-organizzaturi qalu li b'hekk, permezz tal-mużika u l-kultura tikber l-għaqda. ll-kunċerti ta' tmiem din il-ġimgħa se jsiru fil-pjazez ewlenin ta' Ħ'Attard u l-Mosta, il-Fgura, Wied il-Għajn u x-xatt tal-Kalkara u tall-Isla.
[ 2, 10 ]
Ritratt fuq il-faċċata tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia u tal-President ta' Malta George Vella, hekk kif bħalissa hemm stennija kbira għal dak li se jiddeċiedi l-President dwar il-futur ta' Dr Delia, wara li żewġ terzi tad-deputati tal-grupp parlamentari taw vot ta' sfiduċja fit-tmexxija tiegħu u li jixtiequ li floku tilħaq bħala Kap tal-Oppożizzjoni Dr Therese Comodini Cachia. L-istorja tgħid li dawk li huma favur li Adrian Delia jibqa' Kap tal-Partit iridu li waqt il-laqgħa ta' nhar it-Tlieta meta se jiltaqa' il-kumitat eżekuttiv, dawk li vvutaw kontrih għandhom jitkeċċew mill-partit. Il-ġurnal tkellem ma' Dr Chris Said li kien dak li ressaq il-mozzjoni kontra Dr Delia u qal li hu u sħabu li vvutaw kontrih, m'għandhom l-ebda intenzjoni li jifirdu l-partit. Fuq l-istess suġġett, il-ġurnal jagħtina rapport ieħor li jgħid li l-futur ta' Adrian Delia jista' jispiċċa fil-Qorti Kostituzzjonali. L-istorja tgħid li wara li ltaqa' mad-deputati Nazzjonalisti, l-President George Vella kkonsulta ma' esperti legali fuq il-kostituzzjoni dwar kemm jistax ineħħi lil Delia minn Kap tal-Oppożizzjoni. Sa issa dwar il-każ ma ġiet ikkomunikata ebda deċiżjoni mill-uffiċċju tal-President. It-Torċa. Fuq il-faċċata ritratt tat-tribuna fil-Knisja ta' Raħal il-Ġdid li tlestiet hekk kif issa se tigħata t-titlu ta' Bażilika Minuri fis-26 ta' Lulju li ġej. Storja fuq il-faċċata tirreferi għall-aħħar rapport finanzjarju minn Fitch Ratings li żamm ir-rating ta' pajjiżna bħala wieħed stabbli u li Malta qegħda fuq quddiem meta wieħed iqabbel l-ekonomiji tal-pajjiżi Ewropej. Malta ngħatat dan ir-rating pożittiv minkejja d-daqqa ta' ħarta li tat il-pandemija lill-ekonomija dinjija. Storja oħra tgħid li permezz ta' standads għas-servizzi għall-vittmi ta' vjolenza domestika, l-Awtorita' ta' Standards ta' Ħarsien Soċjali trid toffri servizzi mhux biss lil dawk il-vittmi li l-każ tagħhom diġa' ġie rapportat talli trid anki tagħmel kuraġġ biex iktar persuni li jgħaddu minn din il-vjolenza ikunu lesti li jitkellmu u jitolbu l-għajnuna. Storja oħra tgħid li l-ewroparlamentari Laburista Josianne Cutajar temmen li l-Gvernijiet u l-istituzzjonijiet għandhom imexxu b'eżempju fil-flessibilita' fix-xogħol. Il-Mument Storja fuq il-faċċata b'titlu li jgħid li l-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista se jiltaqa' nhar it-Tlieta li ġej u dan minħabba s-sitwazzjoni delikata li jinsab fiha l-partit wara li żewġ terzi tad-deputati nhar it-Tlieta li għaddew sfiduċjaw lill-Kap Adrian Delia u pproponew li Dr Therese Comidini Cachia teħodlu postu bħala Kap tal-Oppożizzjoni. Storja oħra fuq il-faċċata tgħid li dwar il-begħ tat-tlett sptarijiet, bl-uffiċċju nazzjonali tal-verifika qal li dan il-begħ kellu nuqqas ta' diliġenza, anomaliji ċari u taħwid, koinċidenzi u tħassib kbir. Fuq il-faċċata storja li tgħid li Melvin Theuma akkużat li kien dak il-persuna li serva ta' middleman għall-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kien infurmat dwar it-talba għal maħfra presidenzjali li qed jagħmel wieħed mill-allegati qattiela, Vincent Muscat il-Koħħu, u anki li kien qed jirrifjuta ftehim li jingħata tletin sena ħabs. Skont il-ġurnal, dan se joħrog minn wieħed mir-recordings tat-telefonati ta' Melvin Tehuma mal-allegat mandant tal-qtil Yorgen Fenech. Storja oħra tirraporta dwar il-kriżi li jinsab fiha l-Partit Nazzjonalista u kif il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia qed jaħseb fuq li jieħu azzjoni dixxiplinarja kontra dawk li vvutaw kontrih. Kullħadd. Il-ġurnal jirraporta wkoll fuq il-kriżi li jisab fiha l-Partit Nazzjonalista u li l-kostituzzjoni tindika li biex ikun hemm Kap tal-Oppożizzjoni differenti, id-deputati reibelli tal-Partit Nazzjoanlsita iridu joħolqu partit għalihom jew jisseħbu mal-Partit Demokratiku, sitwazzjoni li tista' tibqa' tkarkar matul dan is-sajf. L-istorja tgħid li Adrian Delia jista' jibqa' mdendel bħala Kap tal-Partit bl-appoġġ tat-tesserati. Storja oħra fuq il-faċċata tirreferi għall-aħħar tbassir pożittiv dwar l-ekonomija Maltija mill-Kummissjoni Ewropea, li Malta hi l-unika pajjiż li għas-sena d-dieħla se tkun irkuprat mid-daqqa kbira li tat il-pandemija lill-ekonomiji kollha tad-dinja nkluż dawk fl-Ewropa. Il-ġurnal jiddedika l-faċċata tiegħu dwar il-kriżi li għaddej minnha il-Partit Nazzjonalista fejn din id-darba dawk li vvutaw kontra Adrian Delia jemmnu li dan jista' jiġi mkeċċi mill-kariga mill-Kunsill Ġenerali Nazzjoanlista, iżda qed isostnu wkoll li m'għandhom ebda intenzjoni li jifirdu lill-partit. Skont il-ġurnal il-President ta' Malta kkonferma li Adrian Delia tilef il-fiduċja tal-maġġoranza tad-deputati tiegħu. Illum Il-ġurnal ukoll jiddedika l-faċċata dwar il-kriżi tal-Partit Nazzjonalista, bit-titlu jgħid li Adrian Delia f'idejn il-President, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jistenna deċiżjoni. Ġurnata silenzju assolut mill-uffiċċju tal-President waqt li l-Partit Nazzjoanlsita maħkum minn kriżi politika u kostituzzjonali bla preċedent.
[ 4 ]
Imtella' Lulju 11, 2020 - Aġġornata 11 Ta' Lulju, 2020 7:47pm Stennija għal direzzjoni mill-President ta' Malta, George Vella, dwar il-kariga tal-Kap tal-Oppożizzjoni wara li l-maġġoranza tal-grupp parlamentari tal-Partit Nazzjonalista approva mozzjoni ta' sfiduċja f'Adrian Delia bħala Kap tal-Oppożizzjoni. Għall-President, il-gwida fit-teħid ta' kwalunkwe deċiżjoni hi l-Kostituzzjoni. Il-partijiet li jikkonċernaw il-kariga ta' Kap tal-Oppożizzjoni jinsabu f'artiklu 90. Il-Kostituzzjoni tgħid li l-President jista' jneħħi lill-Kap tal-Oppożizzjoni jekk jirriżulta li min qiegħed jokkupa din il-kariga jkun tilef l-appoġġ tal-akbar għadd ta' deputati tal-oppożizzjoni, jew f'każ fejn deputat parlamentari jkun sar il-kap fil-kamra, tal-partit fl-oppożizzjoni li jkollu l-akbar għadd ta' deputati. Subartiklu ieħor jgħid li l-President għandu jaħtar Kap tal-Oppożizzjoni lill-kap tal-partit tal-akbar grupp ta' deputati fl-oppożizzjoni. Esperti tal-kostituzzjoni taw fehmiet u interpretazzjonijiet differenti għal dawn is-subartikli, ħaġa li fid-deher tista' tikkumplika aktar id-deċiżjoni mill-President tar-Repubblika. Fil-jumejn li għaddew, il-President iltaqa' kemm mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kif ukoll mad-deputati tal-Oppożizzjoni li fil-maġġoranza tagħhom iddikjaraw li Dr Delia m'għadux igawdi l-fiduċja tagħhom u ressqu 'l quddiem isem id-deputat Therese Comodini Cachia biex tinħatar Kap tal-Oppożizzjoni minfloku. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ma żammx l-appuntament ta' nhar ta' Sibt filgħodu għal intervista fuq il-media tal-partit. L-aħħar komunikat ta' Dr Delia nħareġ il-Ġimgħa tard filgħaxija meta fi stqarrija qal li ma jidhirlux xieraq li fl-istess ħin li l-President qed jiddelibera dwar materja sensittiva, jintilef f'dibattitu pubbliku. Adrian Delia qal li se jibqa' leali lejn il-ġurament tal-ħatra Kostituzzjonali tiegħu u lejn it-tesserati waqt li josserva l-istatut tal-partit. Waqt li hemm stennija għad-direzzjoni li tista' tingħata minn ħin għal ieħor mill-President u x'se jiġri fis-seduta parlamentari li jmiss, nhar it-Tnejn filgħodu, sorsi qalu li l-Partit Nazzjonalista se jlaqqa' l-Eżekuttiv nhar it-Tlieta li fost oħrajn mistenni jiddiskuti l-aħħar żviluppi politiċi anke jekk fuq l-aġenda se jkun hemm temi oħra. Il-President ikompli jiltaqa' ma' aktar deputati Nazzjonalisti
[ 12 ]
Erba' għaqdiet mhux governattivi b'interessi ambjentali laqgħu regolamenti aktar stretti fir-riforma proposta tal-politika rurali. L-Assoċjazzjoni tar-Ramblers; Flimkien għal Ambjent Aħjar; Friends of the Earth; u Moviment Graffitti nnotaw b'sodisfazzjon li r-riforma issa tinkludi salvagwardji xierqa għaż-żoni protetti. Innutaw is-salvagwardji ġodda fejn jidħlu ċerti policies li kienu suxxettibbli għall-abbuż, u li b'kawża t'hekk kienu qed iwasslu biex tittieħed art verġni f'żoni barra l-konfini tal-iżvilupp. Qalu li punt kontroversjali li qed jiġi indirizzat hu l-projbizzjoni fuq l-iżvilupp mill-ġdid ta' fdalijiet ta' bini fil-kampanja li jispiċċaw f'vilel. Żiedu li r-rekwiżit li jorbot il-bejgħ ta' bini agrikolu mal-bejgħ tal-art agrikola huwa wkoll avvanz importanti li jiskoraġixxi l-bini f'żoni ODZ għal skopijiet spekulattivi. L-għaqdiet iżda esprimew tħassib li l-iżbalji li saru fil-passat se jerġgħu jsiru għax tħallew il-permessi għal estensjonijiet ta' djar eżistenti f'żoni barra l-konfini tal-iżvilupp. Huma rrimarkaw li r-riforma ma tindirizzax il-bini ta' pixxini f'żoni barra l-konfini tal-iżvilupp. Apprezzaw li l-Gvern kien lest li jisma' l-proposti tal-għaqdiet mhux governattivi fuq ir-riforma ta' din il-politika, għall-kuntrarju ta' dak li qalu ġara meta ġiet implimentata il-policy preċedenti.
[ 4 ]
Imtella' Lulju 11, 2020 - Aġġornata 11 Ta' Lulju, 2020 6:25pm Ir-reġjuni fit-Tramuntana ta' Spanja – dak Bask u r-reġjun ta' Galicia qed jaffaċċjaw imxija ġdida ta' coronavirus waqt li l-votanti għada mistennija jivvutaw fl-ewwel elezzjonijiet reġjonali mindu bdiet il-COVID-19 f'Marzu li għadda. L-awtoritajiet fil-belt ta' Bilbao, żiedu l-għadd ta' postijiet ta' votazzjoni b'25% bil-għan li tinżamm id-distanza soċjali bejn il-votanti. L-elezzjonijiet fiż-żewġ reġjuni kellhom isiru f'April, imma ġew posposti wara li Spanja daħlet f'lockdown fil-bidu ta' Marzu. L-awtoritajiet qalu li l-madwar 450 persuna li għandhom il-coronavirus fiż-żewġ reġjuni mhux se jitħallew jivvutaw.
[ 2, 10 ]
Imtella' Lulju 11, 2020 - Aġġornata 11 Ta' Lulju, 2020 9:27am B'reazzjoni għall-istqarrija tad-deputati Nazzjonalisti li rrefera għalihom bħala li sal-lum mhux magħrufa, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li s-sottomissjonijiet legali diġà saru minnu stess mal-President ta' Malta nnifsu fuq stedina tiegħu. Qal li ma jidhirlux li huwa xieraq li waqt li l-istess President qiegħed jiddelibera dwar materja tant sensittiva, għandu jintilef f'dibattitu pubbliku meta l-istess deputati lanqas biss avviċinawh dwar dan. Fl-istqarrija Dr Delia qal li għal darb'oħra jirrijafferma l-lealtà tiegħu lejn it-tesserati u l-osservanza sħiħa lejn l-istatut tal-partit filwaqt li jibqa' leali lejn il-ġurament tal-ħatra Kostituzzjonali tiegħu f'kull ħin. Dr Delia qal li se jibqa' jaħdem bla waqfien għal pajjiżna u għal kull Malti u Għawdxi mingħajr biża' jew influwenza u b'kuxjenza nadifa.
[ 12 ]
Imtella' Lulju 13, 2020 - Aġġornata 13 Ta' Lulju, 2020 4:06pm Il-Prim Ministru Robert Abela qal li ta direzzjoni biex sal-lum jinstab il-ftehim fil-prinċipju li kien ġie ffirmat mill-Gvern mal-Vitals Global Healthcare qabel ma ħarġet is-sejħa għall-offerti dwar it-tmexxija tat-tliet sptarijiet: San Luqa, Karin Grech u l-Isptar Ġenerali t'Għawdex. "Jien għamilt pożizzjoni ċara. Dak id-dokument irid jinstab u tajt deadline sal-lum biex jinstab," qal il-Prim Ministru. L-Awditur Ġenerali f'rapport ippubblikat ġimgħa ilu esprima l-fehma li dan il-ftehim kien jipprovdi raġunijiet biex il-VGH jiġi skwalifikat mill-offerti, u kkonkluda li fil-proċeduri li ntużaw għall-għoti ta' din il-konċessjoni kien hemm nuqqas serju ta' governanza u integrità. Dr Abela tenna li mhuwiex sodisfatt b'dak li sab l-Awditur Ġenerali u saħaq li dan id-dokument għandu jingħata lill-Awditur. Il-Prim Ministru qal li trid issir distinzjoni bejn Vitals Global Healthcare u Steward, li ħadu t-tmexxija tat-tliet sptarijiet mingħand il-VGH. Qal li l-Gvern għadu għaddej b'diskussjonijiet ma' Steward Health Care biex issir reviżjoni tal-kuntratt. Mistoqsi dwar il-budget Ewropew għas-seba' snin li ġejjin, li se jkun fost it-temi diskussi fis-summit tal-mexxejja Ewropej fi tmiem din il-ġimgħa, Dr Abela qal li l-Gvern hu impenjat li jġib l-aqwa pakkett għal Malta. Jien konvint li se nġibu l-akbar budget li qatt kellu pajjiżna u tabilħaqq dawn huma fondi importanti biex nibqgħu mmexxu 'l quddiem l-iżvilupp ekonomiku ta' pajjiżna. Minbarra l-elf biljun ewro skorruti tal-budget Ewropew, fi tmiem il-ġimgħa fi Brussell mistennija wkoll diskussjoni dwar pakkett ta' rkupru b'valur ta' €750 biljun ewro oħra maħsuba biex jagħmlu tajjeb ghall-problemi ekonomiċi li kkawżat il-pandemija. Dwar il-kwistjoni li għaddejja minnha l-Oppożizzjoni, Dr Abela qal li l-Partit Nazzjonalista jrid jara hu kif se joħroġ mill-isqaq li daħal fih hu stess. Tista' ssegwi hawn il-kummenti kollha li ta l-Prim Ministru lill-midja: Il-Prim Ministru qal li d-dokument dwar il-konċessjoni tat-3 sptarijiet ma nstabx
[ 2, 12 ]
Imtella' Lulju 13, 2020 - Aġġornata 13 Ta' Lulju, 2020 1:10pm Wara l-kontroversja li qajmet tabella f'Ħad-Dingli , biex in-nies ma tibqax titma' lill-qtates, TVM irċieva filmat tas-sitwazzjoni fil-post fejn twaħħlet din it-tabella. Kollox jindika li t-tabella twaħħlet minħabba li xi residenti jinsabu urtati b'ammont kbir ta' ġrieden u firien li hemm f'din iż-żona biswit iċ-ċimiterju. Dawn ir-residenti jemmnu li l-ġrieden qed jinġemgħu u jitkattru f'dan il-post, għaliex qed jimlew żaqqhom bl-ikel tal-qtates. Il-qtates, li huma wkoll imxebbgħin bl-ikel, ma tantx jidher li għandhom interess li jnaffru lill-ġrieden. Persuni oħra qalu li fl-istess post hemm tappiera tad-drenaġġ li tinsab miftuħa. Marru biex jitimgħu lill-qtates u sabu twissija ma' wiċċhom...
[ 2, 7 ]
Imtella' Lulju 13, 2020 - Aġġornata 13 Ta' Lulju, 2020 2:29pm Raġel ta' 50 sena qed ikun akkużat, fost oħrajn, li stupra lis-sieħba ripetutament u li ħa xbiehat ta' natura sesswali tagħha bil-ħsieb li jheddidha bihom. Huwa qed jiċħad l-akkużi. Ir-raġel tressaq il-Qorti taħt arrest illum, fejn kien mixli b'serje ta' akkużi fil-konfront tas-sieħba tiegħu, li ilu f'relazzjoni magħha 'l fuq minn 20 sena. Ir-raġel, li ismu ma jistax jixxandar b'ordni tal-Qorti, ġie akkużat b'penetrazzjoni sesswali mingħajr kunsens u li taha fastidju sesswali. Huwa kien akkużat ukoll li heddidha, li weġġagħha ħafif, u li ħa jew xerred ritratti jew filmati tagħha ta' natura sesswali biex jheddidha. Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Ian Farrugia, ordnat li r-raġel jinżamm arrestat. Huwa kien irrappreżentat mill-Avukat Charmaine Cherrett, waqt li għall-parte civile qed jidher l-Avukat Arthur Azzopardi. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Kylie Borg.
[ 0, 2 ]
Imtella' Lulju 13, 2020 - Aġġornata 13 Ta' Lulju, 2020 7:18pm Rapport: Glen Falzon Ritratti: Arkivji - Daphne Cassar Quddiem il-Maġistrat Marseanne Farrugia llum bdiet tinstema' l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ ta' John Paul Woods li qed jiġi akkużat bil-qtil ta' Charlene Farrugia u li ħeba l-katavru tagħha. Ir-raġel kien wieġeb mhux ħati għall-akkużi u baqa' miżmum arrestat il-ħabs fejn qed jiskonta sentenza fuq serq . Il-fdalijiet tat-tfajla, li kienet ilha rrapportata nieqsa 12-il sena ilu, instabu s-sena l-oħra f'daħla f'sur fil-Belt taħt ir-riħ tal-lukanda Phoenicia. Uffiċjal tas-CID jiddeskrivi d-dettalji makabri tal-qtil L-Ispettur James Grech qal kif l-investigazzjoni bdiet 19 ta' Lulju 2019, meta Woods kien arrestat fuq reat ieħor. Kien talab li jkellem Pulizija għax kien qal li qatel tfajla. John Paul Woods beda billi qal li xtaq jammetti li qatel lil tfajla jisimha Charlene jew Charmaine, li kellha xi 17-il sena u kienet Maltija. Woods stqarr li din t-tfajla kienet toqgħod mas-sieħeb tagħha f'San Pawl il-Baħar. Woods kien qal li qatel lit-tfajla b'daqqa ta' sikkina u bil-ponta u fgaha billi żammilha ħalqha b'idejh. F'Novembru tal-2008, Woods beda jirċievi lmenti mill-ġirien dwar riħa tinten fil-flat fejn seħħ id-delitt f'San Pawl il-Baħar. Woods iddeċieda li jqatta' l-ġisem f'partijiet żgħar u poġġihom fi xkejjer. Woods kien stqarr li qatta' l-parti tan-nofs tal-katavru tat-tfajla f'erba' biċċiet, tefa' ġo fihom taħlita ta' siment, u r-ras u s-saqajn poġġiehom ġo xkora u ħbiehom il-Furjana. Woods qal li ġarr il-katavru bil-karozza tal-vittma stess. Preżenti fl-awla Noemi Farrugia, oħt il-vittma, li xħin semgħet id-dettalji ta' kif inqatlet oħtha nfaqgħet tolfoq. Jaf hemm persuna oħra involuta fil-qtil ta' Charlene Farrugia L-Uffiċjal tas-CID qal li Woods semma' lil Jesmond Cassar magħruf bħala 'It-Tito'. Dan kien l-istess suspettat li kellha l-Pulizija fl-2008. Cassar kien is-sieħeb ta' oħt Jonathan Attard, li kien is-sieħeb ta' Charlene Farrugia. Woods qal li t-Tito ħallieh waħdu wara li allagetament iż-żewġt irġiel kellhom argument. Woods qal lill-Pulizija li hemmhekk iddeċieda li jqatta' l-ġisem ta' Farrugia. Woods uża saqqu biex jgħatti l-katavru ta' Farrugia. F'Ottubru tal-2019, il-Pulizija kienu għamlu konfront bejn Woods u Tito. Woods kien implika lit-Tito fil-qtil ta' Farrugia. It-Tito ħareġ bl-istess mistoqsijiet li kellha l-Pulizija dwar il-verżjonijiet ta' Woods li kienu kunfliġġenti. Il-Pulizija ma sabitx provi li 'It-Tito' kien involut fil-qtil ta' Farrugia. L-aħħar stqarrija ta' Woods saret fit-2 ta' Lulju 2020. L-Uffiċjal tas-CID xehed li l-attitudni ta' Woods kienet totalment differenti. L-Uffiċjal qal li kull darba li beda jagħmillu l-mistoqsijiet, Woods beda jibgħatu jixxejjer. Woods tressaq il-Qorti mixli bil-qtil ta' Farrugia l-għada 3 ta' Lulju. Is-seduta ġiet aġġornata għal nhar l-Erbgħa, fejn huwa mistenni jixhed missier il-vittma. X'aktarx inqatlet b'mod makabru f'post ieħor minn fejn instabet AĠĠORNAT: John Paul Woods iwieġeb mhux ħati li 12-il sena ilu qatel lil Charlene Farrugia u li ħeba l-katavru
[ 0, 2 ]
Imtella' Lulju 13, 2020 - Aġġornata 13 Ta' Lulju, 2020 10:37am Andrzej Duda ġie elett mill-ġdid President tal-Polonja, u għadda lir-rivali Rafal Trzaskowski b'maġġoranza żgħira. Skont il-kummissjoni elettorali tal-pajjiż, Duda kiseb 51.2% tal-voti, f'dik li qed titqies bħala l-iktar elezzjoni missielta sa mill-1989, meta ntemm il-komuniżmu. Ir-rebħa ta' Duda tfisser li l-Gvern se jissokkta b'riformi kontroversjali fuq il-ġudikatura u l-oppożizzjoni kontra d-drittijiet LBTIQ u l-abort. Waħda mill-kwistjonijiet ewlenin fl-elezzjoni kienet fil-fatt ir-relazzjonijiet diffiċli tal-Polonja mal-Unjoni Ewropea.
[ 2, 10 ]
Imtella' Lulju 13, 2020 - Aġġornata 13 Ta' Lulju, 2020 8:01pm Sittax-il persuna minn oqsma differenti tas-soċjetà f'Għawdex temmew l-ewwel kors dwar il-ħarsien tal-minuri akkreditat mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla. Il-kors ingħata mill-Istitut għall-Ministeru Pastorali – li twaqqaf apposta biex jagħti formazzjoni lin-nies fid-djoċesi ta'Għawdex. "Permezz ta' dan il-kors jien nista' nagħraf aktar sinjali ta' forsi jkun hemm żgħażagħ għaddejjin minn xi abbużi differenti," qalet Jennifer Cauchi, waħda mill-parteċipanti. "Dal-kors jippreparana niddentifikaw sinjali ta' tipi differenti ta' abbużi mhux biss sesswali imma anke abbużi oħrajn bħala traskuraġni jew anke fiżiċi," qal Savio Sacco, parteċipant ieħor. Id-Direttur tal-Istitut għall-Ministeru Pastorali, Dun Joseph Farrugia qal li l-abbużi fuq it-tfal jew persuni vulnerabbli huma realtà. "L-istatistika mondjali turi li waħda minn ħamest ibniet jiġu abbużati sesswalment, u bejn wieħed u ieħor wieħed minn seba' subien jiġu abbużati sesswalment, u din ir-realtà tidher li hija realtà mhux lil hinn biss minn Malta imma anke f'Malta u Għawdex. Realtà li tmiss il-Knisja sfortunatament, realtà imma li tmiss il-familji tagħna għax ħafna mill-abbużi jsiru fil-familji." Dun Joseph Farrugia qal li quddiem din ir-realtà twaqqaf il-grupp Safeguarding of Minors – Gozo bħala prevenzjoni għall-abbużi u bħala mezz ta' għajnuna għall-persuni li għaddew minn abbuż. Mit-twaqqif tal-grupp fl-2017, mal-mitejn persuna ngħataw taħriġ f'dan il-qasam. L-Istitut għall-Ministeru Pastorali twaqqaf uffiċjalment f'Settembru 2016. Id-delegat tal-Isqof u chairperson tal-bord tad-diretturi, Joseph Azzopardi qal li l-istitut fuq livell terzjarju ma joffrix biss korsijiet reliġjużi jew spiritwali, imma anke formazzjoni umana.
[ 2, 13 ]
Minn Marzu 'l hawn, ir-rutina ta' bosta minna sfat milquta bħal leħħa ta' berqa. Mil-lejl għan-nhar, fost l-oħrajn, bosta Maltin u Għawdxin spiċċaw jaħdmu mid-dar kif setgħu. Minkejja l-fatt li wħud għoġobhom ix-xogħol li jistgħu jkomplu jaqilgħu l-ħobża ta' kuljum mingħajr ma joqogħdu jinqalgħu, tajjeb li dak li jkun ikun mgħarraf x'għandu jagħmel biex ma jpoġġix lilu nnifsu fil-periklu. F'filmat maħdum minn Cyber Security Malta fi ħdan l-Aġenzija tal-Gvern għat-Teknoloġija tal-Informatika, il-MITA, inġibdet l-attenzjoni għall-fatt li min jaħdem mid-dar x'aktarx li jkollu aċċess għal riżorsi li jinsabu fuq sistemi fi ħdan il-post tax-xogħol. Sabiex dan l-aċċess ikun possibbli, spiss jintużaw il-VPN, il- cloud storage jew web portals magħmulin apposta. Huwa kruċjali li l-installazzjoni ta' dawn it-tip ta' programmi ssir b'mod professjonali minn persuni li huma kompetenti. Sigurtà, li tiżdied ġmielha bl-użu tat- two-factor authentication , jiġifieri meta lil hinn mill- password dak li jkun jirċievi sms li permezz tiegħu jkun qed jawtentika għal darba darbtejn. F'dan l-isfond, min iħaddem għandu jfassal għadd ta' linji gwida biex iservu bħala punt ta' referenza għall-impjegati kollha sabiex ikunu jistgħu jaħdmu mid-dar b'rashom mistrieħa. Kumpanija għandha tipprovdi wkoll sapport biex min jiġi f'dubju jkun jista' jirrikorri għall-għajnuna.
[ 2, 4, 7 ]
Id-Direttur Ġenerali tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, il-WHO, Dr Tedros Adhanom Ghebreyesus qal li l-pandemija tal-Covid-19 se tkompli tiggrava jekk il-gvernijiet mhux se jieħdu iktar azzjoni deċiżiva f'pajjiżhom biex jikkontrollaw l-imxija. Adhanom Ghebreyesus qal li hemm wisq pajjiżi li qegħdin fid-direzzjoni l-ħażina u li għalhekk il-każijiet tagħhom splodew, għaliex ma ħadux il-miżuri kif kienu mitluba li jagħmlu. L-Amerika hija l-epiċentru tal-pandemija bħalissa, fejn fl-Istati Uniti biss hemm kkonfermati 3.3 miljun każ, u mietu 135,000. Il-Who qalet li biex il-pandemija tigi kkontrollata, il-miżuri li tant ilhom jippritkaw dwarhom, dik ta' distanza soċjali, ħasil tal-idejn, u lbies tal-maskri trid tittieħed bis-serjetà.
[ 1, 10 ]
Fil-qalba ta' Bristol, l-Ingilterra, statwa ġdida ta' dimostranta sewda ħadet post statwa ta' Edward Colston li kien jinnegozja l-iskjavi fis-seklu 17, wara li tal-aħħar twaqqet minn domostranti kontra r-razziżmu x-xahar li għadda. Il-biża ta' bosta hi li jkun hemm reazzjoni minn dawk li jopponu id-dimostrazzjonijiet li saru x-xahar li għadda, bid-destin tal-istatwa jekk titħalla hemm ikun simili għal dik ta' Colston. Madanakollu dan ma jidhirx li se jkun il-każ, hekk kif is-Sindku ta' Bristol, Marvin Rees, illejla ħabbar li l-istatwa tad-dimostranta se tkun qed titneħħa.
[ 10 ]
Imtella' Lulju 16, 2020 - Aġġornata 16 Ta' Lulju, 2020 7:22am Elon Musk, Jeff Bezos u Bill Gates flimkien ma' figuri oħra prominenti fl-Istati Uniti sfaw vittma ta' hacking meta fuq il-paġna uffiċjali tagħhom ta' Twitter, ippublikaw offerti qarrieqa lill-pubbliku. Fost il-kitbiet, hackers kitbu fuq il-profil tas-Sur Gates li jekk jibagħtu elf dollaru f'forma ta' muniti diġitali, missier il-Microsoft se jkun qed jirdoppja din is-somma lura. F'reazzjoni għal dak li qed ikun meqjus wieħed mill-agħar attakk ċibernatiku riċenti, il-Kap Eżekuttib tas-Twitter Jack Dorsey qal li kienet ġurnata iebsa għall-Twitter u li jinsabu ddispaċuti ferm dwar dak li ġara. Qal li qed isir investigazzjoni interna biex il-kumpanija tipprova tifhem eżattament x'ġara.
[ 10 ]
Tifel ta' 15-il sena miet bil-pesta fil-Mongolia wara li kiel marmot. L-awtoritajiet ikkonfermaw li t-tifel miet bil-mikrobu tal-pesta wara li kiel dan l-annimal minkejja l-avviżi li ħarġu. Xi persuni oħrajn li ġew f'kuntatt mat-tifel jinsabu taħt kwarantina iżda kollha kemm huma jinsabu f'qagħda ta' saħħa tajba. Il-Pesta tista' tittieħed mill-annimali għall-bniedem, minn gidma tal-bergħud kif ukoll tinxtered minn persuna għall-oħra.
[ 10 ]
Jekk tgħaddi minn miegħu x'aktarx li lanqas tintebaħ bih. L-ewwel ma tiekol l-għajn. Tabella mal-faċċata m'għandux. L-ebda ħjiel ta' riklami. Tefa' ta' ġebla 'l bogħod mill-Knisja ta' San Franġisk, il-Ħamrun Ġiranzio Azzopardi magħruf aħjar mal-klijenti bħala Ġiranz ilu 55 sena jmexxi ħanut tal-laħam. Hekk kif tmidd riġlejk fil-ħanut, it-tbissima fuq fomm Ġiranz tilqgħek minnufih. Tisraqlek qalbek. Natural ħelu, li jpatti bil-bosta għan-nuqqas ta' riklamar tal-ħanut. Liema mkejjen, Ġiranz fetħu meta kellu 18-il sena. Minn dakinhar 'l hawn, ta' kuljum, lil sid il-ħanut issibu jterraq bejn dawn l-erba' ħitan li huma l-mimmi t'għajnejh minn sbieħ il-jum sa nżul ix-xemx. Lill-klijent, Ġiranz jaqdih mill-koxxa b'ħeffa liema bħalha. Qisu mhux hu. 74 sena ma jurihomx. Bieżel u jarmi s-saħħa. In-neputi ta' Ġiranz, Dylan tħajjar minn nannuh. Daħal għax-xogħol b'ruħu u b'ġismu u spiċċa jagħtih daqqa t'id bit-tama li 'l quddiem ikompli jżomm xogħol nannuh ħaj. F'kummenti lil tvm.com.mt Ġiranz stqarr li lin-nies jgħidilhom li twieled ibigħ il-laħam. Spjegalna, li meta ommu kienet waslet biex ikollha lilu sa siegħa qabel kienet għadha qed isservi lin-nies ġol-ħanut tal-laħam tal-familja li kellhom f'Ħal Qormi. Mistoqsi kif ħa r-riedni tal-ħanut b'suċċess, Ġiranz stqarr li qabelxejn dak li jkun irid ikun paċenzjuż u ma jridx ikun supperv bil-għan li jmur tajjeb man-nies. "Żomm it-tbissima fuq wiċċek!" żied jgħid. Ġiranz tal-laħam "Sa siegħa qabel twilidt 🍼 ommi kienet għadha qed isservi lin-nies!"Għandu 74 sena u jsibuh bħala Ġiranz tal-laħam 🥩. Tabella mal-ħanut m'għandux. It-tbissima fuq fommu kollox 🤗.
[ 2, 6, 7 ]
Imtella' Lulju 16, 2020 - Aġġornata 16 Ta' Lulju, 2020 12:40pm L-għodwa tas-16 ta' Lulju bdiet b'aħbar pożittiva hekk id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li għal darb'oħra m'hemm ebda każ ġdid ta' COVID-19 f'Malta. Din hija s-seba' ġurnata konsekuttiva li fiha Malta ma rreġistrat ebda każ ġdid. Fuq Twitter, Dr Fearne ħabbar li llum se nagħlqu l-ġimgħa mingħajr ebda każ ġdid. B'hekk s'issa f'Malta hawn 4 każijiet biss attivi bil-COVID-19.
[ 1, 5, 8, 16 ]
Il-kumpanija tat-tekonoloġija Apple mhux se tkun obbligata li tħallas mat-€13-il biljun f'taxxi b'lura lill-Irlanda wara li rebħet l-appell li fetħet quddiem it-tieni l-għola Qorti fl-Unjoni Ewropea. Il-Qorti Ewropea irrevokat deċiżjoni li ħadet il-Kummissjoni Ewropea fl-2016, billi ikkonkludiet li l-Kummissjoni ma ppruvatx li Apple kisret ir-regoli ta' kompetizzjoni. Id-deċiżjoni qed titqies bħala daqqa ta' ħarta għall-ħidma li qed twettaq l-Unjoni Ewropea kontra allegat evażjoni ta' taxxa. Madanakollu, l-Kummisjoni Ewropea għadha fiċ-ċans li tapplika.
[ 3, 10 ]
Skont studju kkummissjonat mill-MHRA, sitta fil-mija tal-lukandiera f'Malta jemmnu li sa tmiem is-sena d-dieħla t-turiżmu jista' jirkupra għal kif kien qabel il-pandemija tal-COVID-19. 17% qalu li n-numri tat-turisti tas-sena li għaddiet jaf jibdew jintlaħqu fi żmien erba' snin oħra jew aktar. Waqt seminar fuq kif is-settur turistiku jista' jirkupra, tħabbar li l-Gvern qed jikkusidra li jibda joffri vouchers lit-turisti li jżuru Malta fix-xhur l-aktar kwieti tas-sena. Ġimagħtejn mill-ftuħ mill-ġdid tal-ajruport, l-industrija tat-turiżmu għadha qiegħda ssib saqajha fir-realtà ġdida li nħolqot riżultat tal-COVID-19. Waqt webinar organizzat mill-MHRA, il-Ministru għat-Turiżmu, Julia Farrugia Portelli qalet li minkejja li t-turiżmu ħa daqqa mad-dinja kollha, f'Malta fl-aħħar ġimagħtejn waslu medja ta' madwar 2,000 passiġġier kuljum, riżultat tal-kampanja ta' reklamar tal-Awtorità tat-Turiżmu. Il-Ministru żiedet tgħid li l-istrateġija tal-Gvern hija li jattira t-turisti anki fix-xhur tax-xitwa. Il-Kap Eżekuttiv tal-MTA, Johann Buttigieg qal li l-awtorità mistennija tintroduċi inċentivi li jingħataw direttament lit-turisti. Il-President tal-MHRA, Tony Zahra qal li wara li l-waqfien tal-ivvjaġar bl-ajru u bil-baħar għal kważi tliet xhur sħaħ, l-industrija issa qed tiffaċja żewġ sfidi, kemm biex terġa tintroduċi t-titjiriet lejn Malta u biex tnaqqas it-tħassib li jaf ikollhom it-turisti biex jivvjaġaw. Fir-rigward tal-avjazzjoni, iċ-Chairperson tal-Air Malta, Charles Mangion qal li l-linja nazzjonali qed tistma li se tieħu seba' snin oħra biex iġġorr l-istess numru ta' passiġġieri li ġarret fl-2019. L-uffiċjal tal-Bank of Valletta, Albert Frendo, qal li ħafna lukandi u operaturi fl-industrija għamlu mat-tmenin miljun ewro f'talbiet għal self temporanju minħabba nuqqas ta' likwidità.
[ 2, 3, 4 ]
Imtella' Lulju 16, 2020 - Aġġornata 16 Ta' Lulju, 2020 6:44pm Bejn il-Ġimgħa u s-Sibt il-mexxejja Ewropej fosthom il-Prim Ministru Robert Abela se jerġgħu jiltaqgħu fiżikament fi Brussell għall-ewwel darba sa minn Frar li għadda anke jekk f'ambjent differenti biż-żamma tad-distanza soċjali u l-ilbies tal-maskri. L-għan tal-laqgħa hu li l-mexxejja jaqblu fuq il-budget ta' madwar triljun ewro għas-seba' snin li ġejjin u fuq il-fond ta' 750 biljun ewro biex l-ekonomija Ewropea terġa' tqum fuq saqajha. Intant, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi, qal li minn dan is-summit Malta tistenna ftehim ġust. Huwa kien qed jitkellem waqt laqgħa virtwali tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali bi tħejjija għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew. Dr Zrinzo Azzopardi qal li fl-aħħar snin, Malta esperjenzat tkabbir ekonomiku b'saħħtu u m'għandhiex tkun penalizzata għall-iżviluppi fir-rigward tal-fond tal-irkupru, iżda dan għandu pjuttost iservi ta' xprun għal aktar tkabbir. Aktar minn hekk, qal li filwaqt li l-ħtiġijiet tal-istati gżejjer ġew riflessi fl-aħħar proposti, kwistjonijiet oħra għadhom ma ġewx solvuti. Dwar l-aspett tal-finanzjament, is-segretarju parlamentari qal li Malta se tibqa' pożittiva u lesta tagħmel kompromessi iżda argumenta li jeħtieġ ftehim ġust.
[ 2, 3, 4 ]
Imtella' Lulju 16, 2020 - Aġġornata 16 Ta' Lulju, 2020 7:48pm L-imprenditur Fahim Saleh instab imqatta' biċċiet fl-appartament lussuż tiegħu fi New York. Il-ġuvni, li kellu biss 33 sena, kien il-moħħ wara l-kumpanija tat-taxis Niġerjana 'Gokada'. Il-Pulizija ta' NY qalu li kisbu filmat bis-CCTV li juri li Saleh kien involut f'tilwima ma' persuna li segwietu sal-appartament tiegħu. Saleh kien ukoll il-fundatur ta' Prank Dial li minnha ħa aktar minn $10m f'profitt.
[ 10 ]
Raġel Niġerjan, Ramon Alorunwa Abbas, huwa l-bniedem suspettat li għandu x'jaqsam mas-cyber attakk li sofra l-bank Malti Bank of Valletta s-sena li għaddiet, fejn b'kollox ġew misruqa 13 -il miljun ewro. In-Niġerjan li huwa popolari fuq Instagram bil-laqam ta' Ray Hushpuppi bħalissa jinsab l-Istati Uniti fejn qed jaffaċċja akkużi fuq ħasil ta' flus. Huwa ġie arrestat minn apparatament f'Dubai f'Ġunju li għadda u ngħata f'idejn l-aġenti tal-FBI. In-Niġerjan ittieħed f'Chicago fejn hemmekk se jkun qed jgħaddi ġuri. Skont stqarrija tal-FBI, ir-raġel flimkien ma' persuna oħra kien involut f'ħasil ta' flus permezz ta' serq b'cyber hacking minn istituzzjoni finanzjarja, f'dan il-każ Bank of Valletta, liema każ kien seħħ fi Frar tas-sena li għaddiet. F'Mejju tas-sena li għaddiet, il-Bank of Valletta kien qal li rkupra għaxar miljun ewro minn tlettax-il miljun li ġie misruq. Sa ftit tal-ġimgħat ilu, Abbas kien qed jippubblika ritratti fuq instagram fejn kien jiftaħar li qed jgħix ħajja mill-iktar lussuża. Fuq Instagram ir-raġel kellu 'l fuq minn żewġ miljuni isegwuh. F'Jannar li għadda kien tħabbar li nqabdu l-persuni li s-sena li għaddiet għamlu cyber attack. Fi stqarrija in-National Crime Agency tar-Renju Unit qalet li ġew arrestati tliet persuni f'Belfast u f'Londra f'investigazzjoni dwar ħasil ta' flus marbut ma' attakk bl-internet fuq bank f'Malta.
[ 0, 2, 3, 4 ]
Imtella' Lulju 16, 2020 - Aġġornata 16 Ta' Lulju, 2020 7:29pm Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia sejjaħ laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv li se ssir bħal-lum ġimgħa. Fost it-temi fuq l-aġenda hemm imniżżla l-punti, 'Qagħda Politika' u 'Azzjoni Konkreta'. Intant, TVM jinsab infurmat ukoll li s'issa għadhom ma bdewx jinġabru l-firem minn fost il-kunsilliera b'talba speċifika biex jissejjaħ vot ta' sfiduċja f'Dr Adrian Delia bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista. TVM hu infurmat li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia sejjaħ laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv għall-Ħamis li ġej. Sorsi spjegaw li membri tal-kumitat eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista rċevew talba għal laqgħa u l-aġenda għad-diskussjoni fiha tliet punti fosthom qagħda politika u azzjoni konkreta. Jirriżulta li l-ewwel punt fl-aġenda għal-laqgħa jirreferi għall-approvazzjoni tal-istatut ta' fergħa ġdida, x'aktarx dik tal-isport. Sorsi qalu lil TVM li qatt ma kienet li l-aġenda tal-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv tkun għand il-membri kważi ġimgħa qabel. Huma sostnew li għad iridu jaraw xi jfissru l-punti 'Qagħda politika u Azzjoni Konkreta'. Intant, TVM jinsab infurmat ukoll li għadhom ma bdewx jinġabru l-firem minn fost il-kunsilliera tal-Kunsill Ġenerali b'talba speċifika biex jissejjaħ vot ta' sfiduċja f'Dr Adrian Delia bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista. Madankollu, jidher li l-membri fl-eżekuttiv li bejn it-Tlieta u l-Erbgħa sfiduċjaw lil Dr Delia, mhux jeskludu li fil-jiem li ġejjin jibdew jiġbru l-firem jew jieħdu deċiżjoni oħra biex ineħħu lil Dr Delia minn Kap Nazzjonalista. Sabiex mozzjoni tibda l-proċess li permezz tiegħu jitlaqqa' l-kunsill ġenerali u jiddeċiedi fuq il-futur politiku ta' Dr Delia, jeħtieġ il-firma ta' 150 kunsillier. F'Ras Imb Ras fuq TVM, il-President tal-Eżekuttiv, Dr Alex Perici Calascione, qal li f'dan il-każ, ir-regola li ma jistax jitressaq vot fit-tmexxija qabel ma jgħaddu sentejn ma tapplikax.
[ 2, 3, 4, 12 ]
Din hija ħarsa lejn l-istejjer fuq il-faċċati tal-erba' ġurnali tal-lum, il-Ġimgħa, 17 ta' Lulju, 2020. Times of Malta jirrapporta li mitejn sena wara li b'mod misterjuż għeb mill-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt, wieħed mill-isbaħ xogħlijiet tal-artist Taljan Mattia Preti reġa' lura f'Malta u dalwaqt se jerġa' jsib postu fil-palazz. Jakkumpanja r-rapporta ritratt ta' Boethius and Philosophy, li l-Gvern xtara f'irkant għal miljun u tliet mitt elf ewro. Rapport ieħor ta' Times of Malta jgħid li l-intermedjarju Melvin Theuma ċaħad li għadda tletin elf ewro lill-eks Kummissarju tal-Pulizija, Lawrence Cutajar biex huwa jingħata l-proklama. L-Orizzont F'rapport bit-titlu, "Baġit Ewropew sagrifikat minħabba l-fond ta' rkupru mill-Covid-19", l-Orizzont jirrapporta li mil-lum, il-mexxejja Ewropej se jkunu qed jiltaqgħu f'summit speċjali tal-Unjoni Ewropea, li se jkun l-ewwel summit li fih se jiltaqgħu personalment mindu l-COVID infirxet fl-Ewropa. F'dan is-summit, id-diskussjonijiet se jkunu ffukati fuq żewġ temi, il-Fond ta' Rkupru li kien ġie propost biex jindirizza l-effetti ta' COVID19 u l-baġit li jmiss tal-Unjoni Ewropea. L-Orizzont jgħid li s-saltna tad-dritt issa ilha żmien fuq l-aġenda. Jgħid li fl-aħħar jiem kien hemm żvolta meta intlaħaq ftehim mal-Kummissjoni Venezja u immedjatament tressqu abbozz ta' liġi fil-Parlament. Jgħid li b'sorpriża l-Oppożizzjoni Nazzjonalista vvutat kontra erba' abbozi, bl-oppożizzjoni tgħid li se tibqa' tivvota kontra. Il-Ministru għall-Ġustizzja, Edward Zammit Lewis qal li vot kontra jfisser vot kontra l-Kummissjoni Venezja. Bir-ritratt, l-Orizzont jgħid li għall-ewwel darba kellna ġimgħa mingħajr każ ġdid ta' Covid-19. The Malta Independent jirrapporta li l-membri parlamentari tal-Partit Nazzjonalista li ma' jaqblux ma' Adrian Delia jistgħu jsejħu vot ta' fiduċja fit-tmexxija tiegħu. Dan għaliex skont il-ġurnal il-klawsola fl-istatut il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista dwar is-sentejn żmien fuq kull vot ta' fiduċja fit-tmexxija li jittieħed mill-Kunsill Ġenerali ma tapplikax. Dwar il-każ ta' Yorgen Fenech, The Malta Independent jirrapporta wkoll li l-intermedjarju ċaħaw li l-eks Kummissarju tal-Pulizija ngħata tletin elf ewro għall-maħfra. Bir-ritratt, The Malta Independent jgħid li Charlene Vella mid-Dipartiment tal-Arti u l-Istorja tal-Arti fl-Università ta' Malta ppubblikat ir-riċerka tagħha dwar xogħol rari ta' Antonio de Saliba li jinsab fil-Victoria and Albert Museum. In-Nazzjon In-Nazzjon jirrapporta li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, waqt summit virtwali tal-Partit Popolari Ewropew, qal li l-Oppożizzjoni qed tibqa' tipperswadi u twassal l-appell tagħha biex Malta tingħata l-akbar ammont possibbli ta' fondi u għajnuna għal żmien il-pandemija, għall-familji u l-ħaddiema u għan-negozji. In-Nazzjon, mill-qorti, jgħid li hija xokkanti anke jekk kienet miċħuda minn Melvin Theuma, dikjarazzjoni tad-difiża ta' Yorgen Fenech, li tgħid li l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar tħallas is-somma ta' tletin elf ewro biex ikun jista' jirranġa sabiex Melvin Theuma jingħata l-proklama.
[ 2, 3, 4, 12 ]
Imtella' Lulju 17, 2020 - Aġġornata 17 Ta' Lulju, 2020 8:51am Dalgħodu fi Brussell jibda Kunsill Ewropew Speċjali – li qed jitlaqqa' barra minn żmienu – bil-mexxejja Ewropej fosthom il-PM Malti Robert Abela jittamaw li jegħlbu d-differenzi li jeżistu dwar il-budget tal-Unjoni Ewropea għas-seba' snin li ġejjin kif ukoll dwar il-pjan ta' rkupru mill-effetti tal-pandemija Covid-19. Tvm.com.mt jinsab infurmat li n-negozjaturi Maltin se jkunu qed jinsistu li l-ftehim aħħari dwar il-budget ikun ġust billi filwaqt li jirrikonoxxi mhux biss it-tkabbir ekonomiku ta' Malta fl-aħħar snin jagħraf ukoll ir-realta' li Malta hija gżira żgħira b'ekonomija li tiddependi ħafna mill-konnettività bl-ajru u bil-baħar u minn turiżmu li fl-aħħar xhur ukoll sofra daqqa minħabba l-pandemija. Il-pakkett kollu fuq il-mejda tad-diskussjoni jqarreb lejn l-elfejn biljun ewro u jinkludi l-elf biljun ewro skorrutti għall-budget għas-seba' snin li jintemmu fl-2027. In-negozjati jinvolvu mhux biss min se jieħu x'hiex u kemm iżda anki fuqhiex għandhom jintefqu. Il-Fond ta' Irkupru mill-pandemija mlaqqam 'Next Generation EU' li jinvolvi 750 biljun ewro. L-ostakli li jintlaħaq ftehim fi tmiem din il-ġimgħa huma ħafna. Pajjiżi bħall-Olanda, il-Fillandja, l-Awstrija u d-Danimarka qed jippretendu li jieħdu rebates qawwija fuq il-flus li joħorġu; pajjiżi oħra bħal Spanja u l-Italja qed jippretendi li jieħdu aktar flus minn qabel bl-iskuża li l-ekonomija tagħhom għaddiet minn żminijiet diffiċli. Huma mistennija jkunu l-aktar pajjiżi li jibbenefikaw mill-Fond ta' Irkupru Ewropew maħsub propju biex jagħmel tajjeb għall-ħsara ekonomika li ħolqot l-imxija. Dwar dan ukoll għaddejja diskussjoni. Min irid li dawn il-flus jingħataw bħala self li jitħallas lura fuq numru ta' snin, u min qed jinsisti li aħjar għotjiet. L-Ungerija wkoll hija ostaklu għaliex il-PM Viktor Orban fil-bidu tal-ġimgħa kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament ta' Budapest biex fin-negozjati dwar il-qafas finanzjarju għas-seba' snin li ġejjin jibqa' jżomm iebes u ma jaċċetta l-ebda kundizzjonijiet marbuta mas-saltna tad-dritt. Għaldaqstant kollox jindika li n-negozjati dwar il-budget mistennija jkunu diffiċli bil-mexxejja Ewropej li se jingħalqu bejn erba' ħitan mill-Ġimgħa filgħodu u ħadd ma jaf meta se joħorġu, jekk hux is-Sibt jew il-Ħadd, jekk hux bi ftehim jew mingħajru.
[ 2, 3, 4, 12 ]
Imtella' Lulju 16, 2020 - Aġġornata 17 Ta' Lulju, 2020 7:27am Rapport: Andrea Rossitto Ritratti: Għaqda Karmelitana Banda Queen Victoria Żurrieq, Nicole Micallef Il-ftira sħuna tajba. Hekk kif ġie deċiż li wara l-flaġell li lkoll għaddejna minnu l-każini jistgħu japplikaw għall-attivitajiet esterni, l-Għaqda Karmelitana Banda Queen Victoria taż-Żurrieq kienet minn tal-ewwel li xammret il-kmiem. Tħejjijiet, li kellhom isiru kważi kważi mil-lum għall-għada. Minkejja dan, fi żmien 24 siegħa ż-Żurrieq mistenni jingħata l-ħajja bi spettaklu li jpaxxi 'l bosta devoti tal-Madonna tal-Karmnu. F'kummenti lil tvm.com.mt iċ-Chairperson tas-Sezzjoni Żgħażagħ Karmelitani fi ħdan l-Għaqda Karmelitana Banda Queen Victoria, Nicole Micallef qalet li din is-sena frott iċ-ċirkostanzi ż-Żurrieq se jkun hemm marċ wieħed. Is-Sinjura Micallef spjegat li l-attivitajiet esterni mħejjija jinkludu gran finale mill-Versatile Brass li fost l-oħrajn jinkludi nar minn fuq il-bejt tal-każin. Is-Sibt, isegwi BBQ grandjuż f'Misraħ ir-Repubblika u l-Ħadd stennija għall-pellegrinaġġ bil-vara tal-Madonna tal-Karmnu mat-toroq taż-Żurrieq. Matul l-attivitajiet, il-Banda Queen Victoria se tkun qed tpaxxi 'l-widna tal-pubbliku. Mistoqsija jekk sarux xi arranġamenti partikolari fl-isfond tal-pandemija tal-Covid-19 is-Sinjura Micallef serrħet ras il-pubbliku li ċ-ċelebrazzjonijiet tħejjew b'tali mod li jittieħdu l-miżuri meħtieġa b'mod speċjali minħabba t-tfal u l-persuni vulnerabbli. Sors: Għaqda Karmelitana Banda Queen Victoria, Żurrieq Sors: Nicole Micallef Sors: Nicole Micallef Sors: Għaqda Karmelitana Banda Queen Victoria, Żurrieq Sors: Għaqda Karmelitana Banda Queen Victoria, Żurrieq Sors: Għaqda Karmelitana Banda Queen Victoria, Żurrieq Sors: Għaqda Karmelitana Banda Queen Victoria, Żurrieq
[ 2, 4, 6 ]
Il-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji Edward Scicluna b'sodisfazzjon ħabbar li għal darb'oħra l-ħruġ tas-62+ Savings Bonds tal-gvern kienu ta' suċċess hekk kif id-domanda għalihom kienet ferm ogħla mill-ammont allokat. Għall-ħruġ ta' dawn is-62+ Savings Bonds, fuq perjodu ta' jumejn b'kollox ġew offruti 'l fuq minn €105 miljun. Dan ifisser €45 miljun iktar minn dak li alloka t-Teżor. Il-Ministru Scicluna qal, "Dan juri l-fiduċja sħiħa li l-poplu Malti għandu fil-gvern u l-mod li bih qed jitmexxew il-finanzi tal-pajjiż". Dan il-bond se jkun qed jagħti dħul addizzjonali mal-pensjoni tul il-kors tal-investiment lil numru sostanzjali ta' anzjani, li bil-bżulija u bl-għaqal tagħhom faddlu matul iż-żmien li ħadmu. Matul dawn l-aħħar erba' snin, dawn il-bonds issa jiġu jammontaw għal somma globali ta' ftit inqas minn €400 miljun. Dawn gawdew minn rata preferenzjali ta' 3%, li hija rata ta' imgħax ogħla minn dawk li qed joffri s-suq finanzjarju. Fix-xhur li ġejjin il-gvern se jkun qed jagħti opportunità oħra, din id-darba lil kulħadd, sabiex jipparteċipa f'bonds indirizzati għall-pubbliku inġenerali.
[ 2, 3, 4, 12 ]
Il-veduta tal-Belt Valletta tpaxxi 'l-għajnejn. Belt, xhieda ta' sekli sħaħ ta' storja. Wirt kulturali liema bħalu kkaratterizzat minn għadd ta' fortifikazzjonijiet u mżewwaq b'gallarijiet tipiċi Maltin li jagħtu l-ħajja lil għadd ta' faċċati Beltin. Qalb il-bini, tispikka koppla daqshiex. Il-koppla, tas-Santwarju Bażilika Madonna tal-Karmnu. Santwarju, li llum qed jiċċelebra l-festa liturġika tal-Madonna tal-Karmnu. L-unika lokalità f'Malta li tiċċelebra din il-festa f'narha. Fleur de Lys, il-Fgura, il-Gżira, iż-Żurrieq u l-Balluta jiċċelebrawha matul il-Ħdud ta' Lulju. Liema xahar, għal din ir-raġuni, magħruf bħala x-xahar tal-Karmnu. Illum, ħadd ma jimmaġina l-veduta tal-Belt mingħajr il-koppla tal-Karmnu. Minkejja l-ġmiel arkitettoniku, meta nbniet, il-koppla ma niżlitx għasel ma' kulħadd hekk kif bosta ma riduha b'xejn minħabba l-guffaġni tagħha. Beżgħu, li l-għoli u l-wisa' tagħha se jħarbtu 'l-veduta tal-Belt. F'dan l-isfond, f'kummenti lil tvm.com.mt l-istoriku Mario Coleiro spjega li meta bdiet tinbena l-koppla tal-Karmnu fis-snin 50 tas-seklu l-ieħor kienet qamet kontroversja sħiħa. Qal, li bosta ħaduha qatta' bla ħabel kontra l-proġett hekk kif f'għajnejn bosta l-kobor tal-koppla ma kienx proporzjonat mal-bini ta' belt fortifikata. Liema storja, is-Sur Coleiro qal li tixbaħ bil-bosta lil dik tat-Torri Eiffel. L-istoriku spjega li bħall-koppla tal-Karmnu, fil-fehma ta' bosta Pariġini t-Torri Eiffel kien se jkerrah il-veduta tal-belt kapitali Franċiża.
[ 2, 4, 6 ]
Imtella' Lulju 16, 2020 - Aġġornata 16 Ta' Lulju, 2020 2:55pm Il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, b'kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għall-Arti, qed jippubblika l-COVID-19 Transition Guidelines għall-produzzjonijiet artistiċi li se jiġu organizzati f'teatri pubbliċi u privati, kemm fuq ġewwa u fuq barra, inklużi performance spaces oħrajn. L-għan ta' dawn il-linji gwida huwa li jippromwovu prattiċi siguri tax-xogħol għall-maniġment tat-teatru, producers, ekwipaġġ u artisti kif ukoll biex jissalvagwardjaw il-benesseri tal-patruni. Il-linji gwida jieħdu inkonsiderazzjoni l-aspetti artistiċi u finanzjarji tal-produzzjonijiet kulturali. Il-producers huma mistennija li jieħdu ħsieb is-saħħa, is-sigurtà u l-benesseri tal-artisti, tal-ekwipaġġ, u tal-ħaddiema l-oħrajn kollha. Dawn il-kunsiderazzjonijiet jinkludu wkoll kuntratturi u delivery persons kif ukoll lill-udjenza. Dawn il-linji gwida jipprovdu kunsiderazzjonijiet ġeneriċi li l-maniġment tat-teatri u l-producers għandhom jirrispettaw meta jiddeċiedu li jibdew il-wirjiet pubbliċi. Id-distanza soċjali, l-adekwatezza tal-faċilitajiet, l-arranġamenti għat-tindif u bidliet oħrajn li jistgħu jaffettwaw is-saħħa u s-sigurtà tal-udjenzi u tal-artisti, huma parti mil-lista riveduta ta' regolamenti li ser jirregolaw is-settur teatrali b' effett immedjat. Il-Kunsill Malti għall-Arti, b'kollaborazzjoni mal-Ministeru, waqqaf il-'COVID-19 Transition Arts Advisory Group' sabiex jaġixxi bħala punt ta' referenza u jiżgura tranżizzjoni ta' suċċess permezz tal-istabbiliment ta' netwerk u skambju ta' għarfien u b'hekk iwassal biex jiġu identifikati kwistjonijiet li jistgħu jinqalgħu, jinstabu soluzzjonijiet u jiġu pprovduti gwidi filwaqt li jinstab bilanċ bejn l-ottimizzazzjoni tal-operazzjonijiet u ż-żamma sigura tan-nies. Ara l-linji gwida minn hawn
[ 1, 3, 4, 10 ]
Imtella' Lulju 17, 2020 - Aġġornata 17 Ta' Lulju, 2020 9:18am L-awtoritajiet tas-saħħa ordnaw il-qatla ta' 93,000 mink f'daqqa li kienu qed jitrabbew f'razzett fir-reġjun ta' Aragona, wara li nstabu infettati bil-Covid-19. Il-każ beda joħroġ fid-dawl meta mart wieħed mill-ħaddiema f'dan ir-razzett fil-villaġġ La Puebla de Valverde ħarġet pożittiva għall-virus f'Mejju li għadda. Wara dan il-każ, seba' ħaddiema oħra fl-istess razzett irriżultaw ukoll pożittivi għall-Covid-19. Għal diversi ġimgħat il-minks inżammu fi kwarantina sakemm saru t-testijiet fuqhom, fejn irriżulta li mat-80% minnhom kienu infettati bil-virus. Din mhux l-ewwel darba li minks li jitrabbew għall-pil tagħhom inqatlu wara li nstabu infettati bil-virus, hekk kif riċentament kien hemm każi simili fin-Netherlands u d-Danimarka.
[ 10, 14 ]
Imtella' Lulju 17, 2020 - Aġġornata 17 Ta' Lulju, 2020 10:11am Sa issa huma 13,809,681 każ ta' Covid-19 li ġew irreġistrati madwar id-dinja. Skont is-sit Johns Hopkins, minnhom s'issa rkupraw 7,717,476 u mietu 590,005. L-Istati Uniti għandhom l-ogħla ammont ta' każi ta' coronavirus b'total ta' 3,576,430. Minnhom s'issa rkupraw 1,090,645 u mietu 138,359. Bit-tieni l-ogħla ammont ta' każi ta' Covid-19 fid-dinja hemm il-Brażil b'total ta' 2,012,151. Minnhom s'issa rkupraw 1,397,531 u mietu 76,688. Fit-tielet post hemm l-Indja fejn il-każi ta' coronavirus laħqu 1,003,832. Minnhom s'issa rkupraw 635,757 u mietu 25,602.
[ 1, 10, 14 ]
Imtella' Lulju 17, 2020 - Aġġornata 17 Ta' Lulju, 2020 7:36pm Kompliet l-inkjesta pubblika indipendenti dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia. Quddiem il-bord tal-inkjesta qed jixhed l-ex Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern Kurt Farrugia. Is-Sur Farrugia wasal fl-awla akkumpanjat mill-avukati tiegħu Pawlu Lia u Charlon Gouder. Fuq il-pedana tax-xhieda, is-Sur Farrugia kkonferma li bejn l-2008 u l-2013 kien Direttur tal-Komunikazzjoni tal-Partit Laburista, u fl-2013 inħatar Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern, fejn kellu kuntratt li jiġġedded sena sena. Qal li d-deċiżjonijiet tal-komunikazzjoni tal-Gvern kien joħodhom hu, filwaqt li mexa mal-proċeduri taċ-ċivil. Mistoqsi kif kien jirreaġixxi għall-kritika ta' Daphne Caruana Galizia, is-Sur Farrugia qal li l-pinna tagħha dejjem kienet kritika ma' dak kollu li għandu x'jaqsam mal-Partit Laburista. Is-Sur Farrugia qal li ftit li xejn kellu interazzjonijiet mas-Sinjura Caruana Galizia, iżda qal li kellu relazzjoni ta' xogħol tajba magħha. Wera l-fehma li l-kitba tagħha kienet tweġġa', għax fost oħrajn kienet tikteb li hu qasir, oħxon u injurant, u kienet titkeb fuq tfal tal-politiċi, Jiftakar li ħafna drabi hu u l-ex Prim Ministru Joseph Muscat ma kinux jirreaġixxu għal kitbietha. Ma jiftakarx li Daphne Caruana Galizia qatt bagħtet mistoqsijiet dwar Konrad Mizzi u Keith Schembri fuq il-Panama Papers Mistoqsi kemm ilu jaf lil Keith Schembri, is-Sur Farrugia qal li sar jafu fl-2009, meta kien Direttur tal-Komunikazzjoni tal-Partit Laburista. Kien jaf li s-Sur Schembri kien imdaħħal fin-negozju u kien jaf li ħabib ta' Dr Muscat. Is-Sur Farrugia qal li kellu relazzjoni professjonali mas-Sur Schembri. Dwar Konrad Mizzi, is-Sur Farrugia qal li saru jaf bih fl-2010/2011 meta Dr Muscat kien għarrfu li se jkun kandidat tal-PL. Is-Sur Farrugia qal li Dr Mizzi kien jenfasizza li jekk jorħsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma, l-ekonomija kienet se tirpilja. Fl-2016 faqqa' l-iskandlu tal-Panama Papers. Mistoqsi x'reazzjoni kellu għal din l-aħbar, is-Sur Farrugia stqarr li ma jiftakarx li qatt kellimha dwar dan is-suġġett. Lanqas jiftakar li qatt bagħtet mistoqsijiet dwar Konrad Mizzi u Keith Schembri. Qal li kien staqsa lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri dwar din l-aħbar u ġiet ifformulata reazzjoni; li kien hemm fatti li ma kinux veritieri u nħarġet risposta mid-Dipartiment tal-Informazzjoni wara li kkonsulta magħhom. Qal li kien jitkellem ma' Joseph Muscat dwar il-Panama Papers u li kienu jimxu mal-informazzjoni li ngħatat minn nies involuti. Mistoqsi jekk kienx jivverifika l-informazzjoni ta' Konrad Mizzi u Keith Schembri, qal li hu kien joqgħod fuqhom, u l-istqarrijiet kienu joħorġu f'isem il-Gvern mhux f'isimhom. Mistoqsi jekk Brian Tonna kellux uffiċċju Kastilja, wieġeb li ma jiftakarx li kellhom. Qal li lil Tonna ġieli rah Kastilja imma lil Karl Cini qatt ma rah. Is-Sur Farrugia qal li uffiċċju speċifiku żgur Nexia BT ma kellhomx Kastilja. Mistoqsi jekk ħassux li kellu jitkellem ma' Nexia BT, is-Sur Farrugia qal li ma kienx l-irwol tiegħu li jsaqsi lil terzi. Jirrakkonta li kien hemm xokk f'Kastilja meta saru jafu bil-qtil ta' Caruana Galizia Mistoqsi dwar rapporti tal-FIAU jew kopji qatt ġewx f'idejh, is-Sur Farrugia qal li kien jarahom biss fuq il-midja. Mistoqsi fejn kienu hu u l-ex Prim Ministru Joseph Muscat meta sar magħruf li nqatlet is-Sinjura Caruana Galizia, is-Sur Farrugia qal li kienu f'attivita' f'Tas-Sliema u dakinhar, Keith Schembri ma kienx magħhom. Fi kliem is-Sur Farrugia, kulħadd kien ixxukkjat bl-aħbar. Is-Sur Farrugia qal li Joseph Muscat kien irċieva messaġġ li kien hemm karozza bomba l-Mosta. Dr Muscat qal li dik kienet ir-rotta li tgħaddi Michelle Muscat bit-tfal. Dr Muscat qallu biex jiċċekkja ftit. Is-Sur Farrugia ċempel lill-Brigadier tal-Forzi Armati biex jara ġara u dan qallu li ma kienx jaf. Ċempel lill-Kummissarju tal-Pulizija u qallu li hemm suspett li l-karozza bomba kienet ta' Daphne Caruana Galizia. Is-Sur Farrugia qal li eżatt kif qed jgħid dan lil Dr Muscat, daħal Keith Schembri fl-uffiċċju u kien hemm xokk. Qal li Dr Muscat ried li jitkellem dwar il-każ u ċempel mill-ewwel lil Dr Adrian Delia. Dr Muscat għarrafhom biex jagħmlu konferenza stampa mill-ewwel. Is-Sur Farrugia qal li jiftakar lil kulħadd ixxukkjat. L-eks Kap tal-Komunikazzjoni jiċċara li ma kienx involut fil-blog ta' Glenn Bedingfield Mistoqsi kienx involut fil-blogg ta' Glenn Bedingfield, is-Sur Farrugia qal li ma kienx involut fih. Qal li ġieli qabel u ġieli ma qabilx fuq l-istil li kien jikteb bih. Is-Sur Farrugia qal li ġieli kellmu fuq l-istil tiegħu u ġieli qal lil Bedingfield li kien hemm kitba li seta' jevita. Bedingfield kien iwieġeb li hu għandu aspirazzjonijiet politiċi u dak hu l-istil tiegħu. Qal li Dr Muscat ġieli waqqaf stejjer dwar membri fil-Gvern Nazzjonalista bejn l-2008 u l-2013 biex ma joħorġux għax kienu personali. Jgħid li Yorgen Fenech ma kienx imur fil-kwartieri tal-PL u hu ma kienx jafu Mistoqsi jekk kienx jara lil Yorgen Fenech, is-Sur Farrugia li ma kienx jiġi l-Kwartieri tal-PL u ma kienx jafu. Kien jaf bil-kumpanija kif jafha kulħadd. Mistoqsi jekk qatt rax lis-Sur Fenech Kastilja, is-Sur Farrugia qal li hu dejjem rah f'okkażjonijiet pubbliċi. Mistoqsi meta sar jaf li Fenech kien persuna ta' interess fil-qtil Caruana Galizia, is-Sur Farrugia qal li kien sema' b'ismu mit-teżijiet li kien ikollhom il-ġurnalisti u mill-mistoqsijiet li kienu jibagħtu. Qal li l-linja ġenerali li kien jagħti lill-ġurnalisti kienet li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin u li l-Gvern determinat li dawn isiru kif suppost. Jisħaq li ma kienx konxju tal-qrubija bejn Keith Schembri u Yorgen Fenech Is-Sur Farrugia qal li ma kienx konxju li Keith Schembri u Yorgen Fenech kienu daqshekk qrib. Qal li kien konxju li Keith Schembri kien jaf ħafna nies, u li Schembri jaf lil Fenech, kif kien jaf negozjanti oħrajn. Qal li sar jaf li kienu daqshekk qrib meta bdew isiru l-arresti u mill-midja. Mistoqsi jekk kienx jara lil Fenech Kastilja, qal li kien rah f'okkażjoni pubblika relatata mal-power station, u darb' oħra rah fir-reception ta' Kastilja ma' grupp nies meta kellu laqgħa ma' Schembri. Is-Sur Farrugia qal li ma kienx jaf li Mizzi u Schembri fetħu l-kumpaniji fil-Panama. Meta sar jaf qal li talabhom spjegazzjonijiet fid-dettall. Ir-reazzjoni tagħhom kienet li mhux qed tingħad il-verità. Dwar 17 Black, qal li bl-istess mod kien staqsiehom u qalulu li m'għandhom l-ebda konnessjoni mal-kumpanija. Stqarr li hu ma kienx iwieġeb għal Schembri u Mizzi, u ma kienx jiddefendi l-pożizzjoni tagħhom, iżda l-pożizzjoni tal-Gvern. Qal li l-PM Muscat kien qal lill-Pulizija biex waqt il-laqgħa dwar ir-rejd fil-Marsa ma jsemmux ismijiet Is-Sur Farrugia qal li kien preżenti għal laqgħa bejn il-Pulizija u l-Prim Ministru dwar azzjoni li kienet se tieħu l-Pulizija. Qal li kien hemm Joseph Muscat, Keith Schembri, l-Brigadier, il-Kummissarji u l-Ispettur Arnaud. Ma jiftakarx li kien hemm Valletta f'din il-laqgħa, iżda ma jeskludix il-possibiltà. Sostna li Dr Muscat kien għamilha ċara biex waqt il-laqgħa ma jissemmewx ismijiet, u ma kinux issemmew ismijiet. Fil-laqgħa kien intqal lilhom li fis-sigħat ta' wara kienet se ssir operazzjoni ta' arrest fejn kien hemm it-tined tal-patata fil-Marsa. Konrad Mizzi kien qal lis-Sur Farrugia li dak li kitbet Caruana Galizia dwar il-kont fil-Panama kien 'bluff' Mistoqsi dwar ir-raba' sular, is-Sur Farrugia qal li kellu l-uffiċċju tiegħu hemm fuq u kien is-sular iddedikat għall-kampanja elettorali. Is-Sur Schembri kellu uffiċċju ieħor f'dak is-sular. Is-Sur Farrugia qal li hi sfortuna li x-xogħol kollu li sar mill-Partit Laburista mill-2008 ġie mtappan minn avvenimenti li seħħew fl-aħħar snin. Said Pullicino staqsa dwar iż-żrar fiż-żarbun li qal li għandu Joseph Muscat. Is-Sur Farrugia qal li qed jgħid lill-bord dak kollu li jaf. Mistoqsi dwar il-proġett tal-power station tal-gass, is-Sur Farrugia qal li saru laqgħat fit-tul biex jitraħħsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma qabel l-2013. Is-Sur Farrugia qal li qatt ma sema' affarijiet dwar il-proġett li setgħu kienu problematiċi. Meta jaqra affarijiet dwar il-proġett illum, stqarr li jiddarras. Is-Sur Farrugia tenna li dan l-aħħar fil-midja sema' b'fatti li qatt ma semagħhom qabel, u li kien jaf hu li l-Enemalta se jkollha proġett barra minn Malta li minnu kienet se taqla' l-flus. Ix-xogħol li sar minnu dejjem kien b'rieda tajba. Is-Sur Farrugia qal li qatt ma ttieħdu deċiżjonijiet għal xi gwadann personali ta' xi ħadd. Mistoqsi dwar il-ftuħ tal-kumpaniji fil-Panama wara fl-2013, is-Sur Farrugia qal li l-ewwel darba li sema' b'xi ħaġa fuq hekk kienet meta kitbet Daphne Caruana Galizia u għokritu għajnu. Qal li kien staqsa lil Konrad Mizzi dwar dak li kitbet Daphne Caruana Galizia, u Dr Mizzi qal li dan kien bluff. Is-Sur Farrugia jwieġeb dwar iż-żjara fl-Ażerbajġan Mistoqsi dwar l-offerta ta' €1 miljun li kien għamel il-Gvern għal min joffri tagħrif li jwassal biex jinqabad il-mandat tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, is-Sur Farrugia qal li din kienet tingħad b'mod kontinwu fil-midja. Dr Azzopardi staqsa meta marru l-Ażerbajġan, Is-Sur Farrugia qal li d-delegazzjoni kienet magħmula minn 4 persuni u saret fl-2014. Is-Sur Farrugia qal li l-komunikazzjoni mal-midja kien se jagħmilhom hu bħala l-Kap tal-Komunikazzjoni. Qal li mhux dejjem ikun hemm uffiċjali pubbliċi tal-Gvern fuq safar. Is-Sur Farrugia qal li ma kien hemm xejn x'taħbi u li kieku ġrat illum, kien jistieden il-ġurnalisti. Fil-laqgħat ma jiftakarx li ġie diskuss il-proġett tal-power station. Is-Sur Farrugia qal li fl-2015 marru l-Ażerbajġan flimkien ma' Dr Muscat u ltaqgħu mal-President tal-Ażerbajġan. Is-Sur Farrugia qal li kienu mistiedna t-TVM u d-DOI. Is-Sur Farrugia qal li l-ġurnalisti ma kinux l-Ażerbajġan għax kellhom problemi bit-titjiriet ta' konnessjoni. Fi Frar 2017 Caruana Galizia kitbet li Kurt Farrugia qatt ma weġibha dwar li Konrad Mizzi u Keith Schembri kellhom jiftħu kontijiet bankarji fil-Bahamas. Is-Sur Farrugia qal li joqgħod fuq il-kelma tagħha li ma weġibhiex imma ma ngħatax struzzjonijiet biex ma jweġibhiex. Is-Sur Farrugia jgħid li Keith Schembri ma tahx tweġiba sodisfaċenti fuq 17 Black Mistoqsi meta sar jaf li Yorgen Fenech kien is-sid tal-kumpanija 17 Black, is-Sur Farrugia qal li kellu ħjiel dwar dan f'Novembru 2018 meta ħarġu l-istorja r-Reuters u t-Times of Malta. Is-Sur Farrugia qal li tkellem ma' Keith Schembri u fi kliemu "ma ngħatax tweġiba sodisfaċenti" meta ffaċċjah b'domandi li bagħtulu l-ġurnalisti. Is-Sur Farrugia qal li Schembri qallu li "jista' jkun" li Fenech huwa s-sid ta' 17 Black. Mistoqsi jekk issemmietx il-kelma 'riżenja' wara li ħarġet din l-istorja, is-Sur Farrugia li iva ssemmiet. Is-Sur Farrugia qal li kien qal lil Schembri u lil Mizzi li ma kienx posthom fil-pożizzjoni tagħhom meta ħarġu dawn l-istejjer u kellhom jitilqu. Qal li din il-fehma kienet ukoll il-fehma ta' membri fil-Kabinett. Tixhed Corinne Vella, oħt Daphne Caruana Galizia Ippreżentat lill-bord għadd ta' artikli u recordings ta' Daphne Caruana Galizia li ġie rrekordjat fil-bidu ta' Ottubru tal-2017. Fir-recording qed tgħid li nbidlet fi 'scapegoat' nazzjonali. Fl-intervista semmiet it-theddid li kienet tirċievi. Corinne Vella qalet li oħtha kien qed issaqsi, fost oħrajn, dwar il-korruzzjoni fil-Gvern u ma kinitx tingħata tweġiba. Waqt li elenkat dak illi sejħet tgħajjir minn esponenti tal-Gvern li kienet tirċievi oħtha, is-Sinjura Vella qalet oħtha kienet tiġi ffastidjata l-ħin kollu. Il-Qorti aġġornat is-seduta għal nhar l-Erbgħa filgħodu, meta mistenni jixhed il-Ministru Evarist Bartolo.
[ 0, 3, 14 ]
Għaqdiet volontarji Għawdxin se jaqsmu bejniethom €109,000 minn skema tal-Ministeru għal Għawdex maħsuba biex tgħin għaqdiet mhux governattivi. Il-Ministru Clint Camilleri qassam fondi lil disa' għaqdiet volontarji li għażlu li jwettqu proġett, inizjattiva jew avveniment tul din is-sena. Il-Ministru Camilleri qal li din hi r-raba' edizzjoni ta' għoti ta' għajnuna f'dan il-format u tirrappreżenta l-akbar għotja li qatt saret. Żied jgħid li l-għajnuna li qed tingħata mill-Ministeru hi sinjal ta' fiduċja fil-volontarjat f'Għawdex u fl-għadd kbir ta' voluntiera li jaħdmu bla heda u mingħajr interess. B'kollox intlaqgħu 27 sottomissjoni minn għaqdiet volontarji li qed joperaw f'diversi oqsma fis-soċjeta' li minnhom 22 kienu eliġibbli li jieħdu għajnuna finanzjarja li ma taqbiżx il-€5,000. Semma li minħabba l-covid, b'konsultazzjonui mal-Kunsill għas-Settur tal-Volontarjat, ġie deċiż li għal din is-sena l-għaqdiet volontarji li kellhom l-applikazzjoni approvata se jingħataw il-possibilità li jipposponu l-implimentazzjoni tal-proġetti, inizjattivi u avvenimenti sas-sena d-dieħla.
[ 3, 14 ]