text
stringlengths
80
21.4k
label
listlengths
1
5
Stati Amerikani fil-Golf tal-Messiku huma għal darb'oħra fuq stat ta' twissija hekk kif l-Uragan Nate qed joqrob lejhom. Partijiet mill-belt ta' New Orleans, meqruda mill-Uragan Katrina 12-il sena ilu, qed jiġu evakwati. Nate diġa' qatel mill-inqas 23 persuna hekk kif għadda min-Nikaragwa, il-Kosta Rika u l-Ħonduras bħala maltempata tropikali. Minn dakinhar issaħħaħ u sar uragan ta' Kategorija 1, li għalkemm mhux qawwi daqs Maria u Irma tal-aħħar xahar, xorta se jġib irjieħ qawwija u turbazzjonjiet fil-kurrent tal-elettriku. Ġiet maħruġa twissija ta' uragani għal partijiet mill-Kosta tal-Golf minn Louisiana għal Alabama, fost twissijiet ta' għargħar li jista' jhedded il-ħajjiet.
[ 10 ]
Il-President Franċiż Emmanuel Macron ikkritika dimostranti li kienu nvoluti fi ġlied mal-pulizija f'Pariġi waqt protesti b'rabta maż-żieda fil-prezzijiet tal-fjuwil. Fuq Twitter, Macron qal li dawk li attakkaw lill-pulizija misshom jistħu. Sostna li ma hemmx post għal vjolenza fir-Repubblika Franċiża. Dan hekk kif is-Sibt kien hemm kaos f'Champs-Elysees hekk kif il-pulizija użaw gass tad-dmugħ u kanun tal-ilma sabiex jifirdu lid-dimostranti. Il-protesti ġew imlaqma mill-moviment yellow vests bħala t-tieni parti ta' kampanja li bdiet ġimgħatejn ilu.
[ 10 ]
Is-sid biljunarju ta' Sports Direct Mike Ashely kellu mument kemxejn tal-mistħija meta kien qed jieħu grupp ta' ġurnalisti biex jaraw fabbrika minn fejn jaħdmu impjegati tiegħu. Ashley, li għandu 51 sena, jinsab f'nofs kontroversja minħabba l-kundizzjonijiet li bihom iħaddem lin-nies. Tant li f'Ġunju li għadda kellu jesprimi apoloġija minħabba li ma kienx iħallashom il-paga minima. Hu u għaddej mis-'security check', issorprenda lil kulħadd meta ħareġ mazz enormi ta' karti tal-£50. Biex jiċċajta u jtaffi ftit mill-ironija tas-sitwazzjoni, qal b'ton ċajtier li kien għadu kemm mar il-casino. Il-mazz li tefa fil-kaxxa żgħira tas-security check, f'dik li kellha tkun turija ta' umiltà qabeż l-£1,000 fil-valur.
[ 10 ]
Il-President Russu Vladimir Putin qal li huwa inġust li l-atleti Russi se jibqgħu projbiti minn kompetizzjonijiet internazzjonali, fosthom l-Olimpjadi ta' din is-sena f'Rio. Il-Federazzjoni tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Atletika ddeċidiet li ma tneħħix is-sospensjoni li kienet imposta wara akkużi li kien hemm użu ta' sustanzi illeċiti appoġjat mill-istat. Atleti individwi jistgħu jikkompetu bħala newtrali jekk jagħtu prova li mhumix ħatja. Il-President Russu appella għaqdiet oħra, fosthom il-Kumitat Internazzjonali Olimpiku, biex jintervjenu. Il-pajjiż ġie sospiż mill- IAAF f' Novembru 2015, wara rapport indipendenti tal- Assoċjazzjoni Dinjija Kontra d-Doping li kixef kultura ta' użu ta' sustanzi illeċiti li fihom kienu saħansitra involuti s-servizzi sigrieti. Fid-dawl ta' dan ir-Russja introduċiet riformi ġodda bħal ttestjar indipendenti u lezzjonijiet kontra l-użu ta' dawn is-sustanzi ileċiti fl-iskejjel.
[ 10 ]
Il-Papa Franġisku se jiltaqa' mal-vittmi ta' abbuż sesswali mill-qassisin waqt żjara fl-Irlanda. Din se tkun l-ewwel żjara minn Papa fl-Irlanda fl-aħħar 40 sena. Ġimgħa ilu, il-Papa Franġisku ippubblika ittra lil 1.2 biljun Nisrani, fejn ikkundanna l-abbuż sesswali fuq it-tfal li ilu jinżamm fid-dlam għal deċenji sħaħ. Intant, iż-żjara fl-Irlanda hija parti mill- World Meeting of Families, laqgħat Kattoliċi li jsiru kull tliet snin. Din se tiġi fi tmiemha l-Ħadd li ġej b'quddiesa għal madwar 500,000 persuna f'Phoenix Park, f'Dublin.
[ 10 ]
X'taħseb li kieku tkun tista' taħdem biss erbat ijiem minn ħamsa, u l-paga tibqa' l-istess? Bosta kumpaniji qed jistudjaw il-possibiltà li l-impjegati tagħhom jaħdmu biss erbat ijiem fil-ġimgħa u jieħdu vantaġġ mill-mod kif żviluppat it-teknoloġija llum il-ġurnata. Fl-Ingilterra, diversi Unjins tal-ħaddiema se jappellaw lill-Gvern ta' Theresa May biex iħeġġu l-ħaddiema jaħdmu inqas sigħat mingħajr ma jkollhom paga inqas. F'Wales, kien hemm kumpaniji li bdew din l-inizjattiva, u nnutaw titjib fl-ammont ta' xogħol li sar mill-istess impjegati li ħadmu erbat ijiem flok ħamsa. Minkejja r-riżultati pożittivi, din ma kinitx bidla faċli, għaliex il-ħaddiema riedu juru li jistgħu itellgħu xogħol f'erbat ijiem daqs kemm itellgħu f'ħamsa, u jkun ħaqqhom l-istess ammont ta' ħlas xorta waħda. F'kummenti mal-midja, impjegat li qed jibbenefika minn din l-inizjattiva qal li issa, għandu iktar ċans iqatta' ħin mal-familja. "Missieri kien jaħdem sigħat twal ħafna, kien ikun barra qabel ma nkun qomt għall-iskola, u kien jiġi lura d-dar wara li nkun irqadt". Impjegata oħra kellha ċ-ċans tippubblika numru ta' poeżiji oriġinali grazzi għal din l-inizjattiva, u qalet li "ma narahiex impossibbli li persuna ttella' ħamest ijiem xogħol f' erba', mhux diffiċli xejn jekk tpoġġi moħħok hemm". L-isfida dejjem tibqa' li kull xogħol għandu l-bżonnijiet tiegħu, jgħidu l-Unjins Ingliżi. Għalhekk, diskussjonijiet mal-Gvern u riċerka adekwata huma lkoll kruċjali biex din l-inizjattiva tkun ta' suċċess.
[ 10 ]
Il-pulizija kkonfermat li l-Membru Parlamentari tilfet ħajjitha wara daqqa ta' sikkina u sparatura. B'rabta mal-każ, raġel ta' 52 sena ġie arrestat mill-pulizija f'Market Street Birstall, West Yorkshire. Cox ġiet eletta bħala Membru Parlamentari għal Batley and Spen fl-elezzjoni ġenerali tal- 2015 u hija omm ta' tnejn. Il-persuna li kienet fuq il-post qalet li l-mara ta' 41 sena tħalliet fuq il-bankina bid-demm nieżel. L-attakk seħħ qrib il-librerija tal-belt fejn hija tagħti pariri kirurġiċi.
[ 10 ]
Serb qatel ħames persuni u darab għoxrin oħra f'kafeterija fil-Grigal tal-pajjiż. Il-pulizija Serba qalet li r-raġel qatel lil martu u mara oħra wara li mbagħad beda jispara bl-addoċċ fuq ħaddieħor. Kelliem għall-Ministeru tal-Intern fis-Serbja spjega kif fost dawk midruba hemm tlett t'itfal. Il-pulizija arrestaw minnufih lir-raġel u għalkemm il-mottiv tiegħu għad irid jiġi stabbilit, jidher li kien minħabba għira lejn martu. Persuni li nzertaw fuq il-post tkellmu mal-istazzjon nazzjonali Serb u spjegaw kif ir-raġel daħal fil-kafeterija fejn sab lil martu madwar mejda ma' sħabha. Kien f'dan il-mument li huwa ħareġ arma u għall-bidu beda jispara fl-ajru sakemm imbagħad bejn jimmira fuq in-nies.
[ 10 ]
Ħadd qatt ma kien jgħidilhom li dan il-filmat kien se jispiċċa evidenza ta' sparatura. Il-pulizija spjegat kif dan il-filmat juri l-isparatura li saret fuq dawn it-tlett irġiel waqt li kienu live fuq Facebook. Wieħed minn dawn il-vittmi jinsab f'kundizzjoni kritika filwaqt li ż-żewġt irġiel l-oħra huma stabbli. Dan il-filmat li ttieħed it-Tlieta filgħaxija permezz ta' Facebook Live, mhuwiex l-ewwel wieħed ta' dan it-tip hekk kif rajna filmati oħra li qed jintużaw bħala evidenza ta' każijiet differenti.
[ 10 ]
Il-Gvern Brittaniku sostna li l-iffinanzjar mill-Unjoni Ewropea għall-bdiewa, xjentisti u proġetti oħra se jiġi sostitwit mill-finanzi pubbliċi tal-pajjiż. Il-kanċillier Philip Hammond, li huwa ekwivalenti għall-Ministru tal-Finanzi qal dan hekk kif din il-miżura tista' tiswa' lill-poplu Brittaniku mas-sitt biljun sterlina fis-sena. Minkejja li hemm ftehim li l-Unjoni Ewropea se tiffinanzja proġetti fis-settur agrikolu sal-2020 dan jaf ma jkunx biżejjed. Għalhekk diversi kritiċi li qabel ir-referendum ħadmu biex ir-Renju Unit jibqa' fl-Unjoni Ewropea tefgħu dubji dwar is-sostennibilità f'diversi setturi. Minkejja li fit-23 ta' Ġunju, il-poplu tar-Renju Unit ivvota sabiex il-pajjiż joħroġ mill-Unjoni Ewropea, l-artiklu ħamsin li għandu jiskatta l-proċess tat-tluq tal-pajjiż mill-Unjoni Ewropea għadu ma ġiex attivat. Filfatt il-Prim Ministru Theresa May qalet li l-proċess biex pajjiżha jinħall mill-Unjoni Ewropea jaf lanqas jibda din is-sena.
[ 10 ]
App li se tkun qed tipprovdi l-possibiltà li tieħu stessu ma' persuni li kienu għal qalbek u mietu qed tinħoloq fil-Korea t'Isfel. Meta l-kumpanija Elrois, il-moħħ wara din l-app, ġiet mistoqsija jekk din l-idea hix waħda stramba, rappreżentanta għall-kumpanija, Eun Jin Lim, qalet li "filwaqt li jaf ikun hemm min isibha stramba din l-idea, bosta jieħdu gost li se jkunu qed jingħataw ċans biex joħolqu memorji ġodda ma' persuni li m'għadhomx f'din id-dinja." Rigward jekk il-memorji li jkunu qed joħolqu humiex memorji foloz u mhux vera, Jin Lim qalet li "jien għalija vera jkunu għax ir-ritratt qiegħed hemm biex ifakkarni li l-persuna li tant ngħożż dejjem hi preżenti f'moħħi u f'qalbi."
[ 10 ]
Il-President il-ġdid tal-Gambja, Adama Barrow mistenni jibda l-ħidma uffiċjalment tiegħu fil-kapitali Banjul. Il-post fejn iċ-ċelebrazzjonijiet se jimmarkaw 52 sena tal-indipendenza Afrikana tal-punent tal-pajjiż. Barrow ħa l-ġurament tal-ħatra x-xahar li għadda f'ċerimonja fl-ambaxxata tal-Gambja f'Senegal. Intant, minkejja t-telfa elettorali, l-mexxej għal ħafna snin Yahya Jammeh rrifjuta milli jirriżenja. Wara pressjoni kbira mill-mexxejja reġjonali, huwa mar f'eżilju fil-Guinea. Adama Barrow huwa biss it-tielet president fl-istorja tal-Gambia.
[ 10 ]
Instabet ir-ras tal-ġurnalista Żvediża li sparixxiet xahrejn ilu wara vjaġġ fuq sottomarin tal-inventur Daniż Peter Madsen. Ir-ras tagħha nstabet f'borża li kien fiha wkoll żewġ saqajn, qal l-ispettur tal-pulizija ta' Kopenħagen Jens Moller. Borża oħra kien fiha l-ħwejjeġ nieqsa tagħha. It-torso ta' Kim Wall kien instab fil-baħar 'il barra minn Kopenhagen 11-il jum wara li salpa is-sottomarin ta' Peter Madsen fl-10 ta' Awwissu. Ir-raġel ta' 46 sena jiċħad li qatilha. Huwa jiċħad ukoll l-akkuża ta' mutilazzjoni tal-katavru tagħha.
[ 10 ]
Minn tal-inqas 14-il persuna nqatlu u tmien persuni ndarbu f'attakk li seħħ f'ċentru ta' riabilitazzjoni tad-droga fil-belt Messikana ta' Chihuahua. Persuni mgħammda u b'armi tan0nar daħlu fiċ-ċentru fejn qabdu jisparaw fuq dawk li kienu preżenti. Persuni li raw dan kollu jseħħ sosntew li l-aggressuri kienu lebsin ħwejjeġ qishom tal-militar u kienu qed iġorru armi tan-nar. Il-Pulizija tal-lokal sostnew li s'issa għad m'hemmx ħjiel x'wassal għal dan l-attakk.
[ 10 ]
Xita tal-monsoon ħalliet minn tal-inqas ħames persuni mejta, fosthom żewġt itfal, fil-Mumbai fl-Indja dan wara li ġie kkawżat għarar. Diversi toroq spiċċaw taħt l-ilma, b'diversi titjiriet ġew ikkanċellati fejn saħansitra anke l-ferroviji twaqqfu. Dan kkawża biex eluf ta' persuni spiċċaw l-art. Għalkemm is-sitwazzjoni issa marret għall-aħjar, xorta mistennija li tinżel iktar xita. Ix-xita bdiet nieżla wara li għarar ħakem il-parti t'Isfel tal-Asja, għarar li ħalla 1,200 persuna mejta.
[ 10 ]
Filmat li dar l-erbat irjieħ tad-dinja juri lill-Papa Franġisku jneħħi jdejh xħin diversi mistednin pruvaw ibusulu idu. Uħud raw dan bħala att umli iżda oħrajn qalu wkoll li ma kenux jistennew dan mill-Papa Franġisku. Din mhux l-ewwel darba li rajniha ssir minn dan il-papa, għaliex diversi nies, fosthom il-President emeritu George Abela, qalu li l-Papa Franġisku neħħilhom idu waqt li kienu ser ibusuha.
[ 10 ]
Tliet persuni nqatlu u oħrajn sfaw midruba wara li fit-Tajlandja komplew iseħħu diversi splużjonijiet. L-isplużjonijiet seħħew f'żoni turistiċi ftit wara li żewġ bombi laqtu 'resort' viċin Bangkok u qatlu persuna oħra ma' xtajta. Sa issa ħadd ma refa' r-responsabbiltà ta' dawn l-isplużjonijiet iżda s-suspetti huma partikolarment fuq ir-ribelli separatisti. L-isplużjonijiet seħħew fi tmiem il-ġimgħa li qed jiġi ċelebrat għeluq snin ir-Reġina Sirik. Il-Prim Ministru Tajlandiż qal li l-bombi huma attentat biex jinħoloq kaos u konfużjoni. Dan hekk kif dawn l-attakki seħħew biss ftit jiem wara l-ewwel anniversarju mill-isplużjoni bomba li seħħet f'Bangkok u ħalliew għoxrin persuna mejta. Barra minn hekk, il-ġimgħa li għaddiet, it-Tajlandiżi vvottaw f'referendum li approva l-liġi ġdida li mistennija ssaħħaħ l-influwenza militari fil-politika wara ħafna snin.
[ 10 ]
Tfajla minn kull erbgħa ssofri minn mard mentali minħabba problemi emozzjonali bl-aktar komuni huma d-dipressjoni u l-ansjetà. Dan ġie żvelat minn rapport mħejji mis-Servizzi tas-Saħħa Nazzjonali fl-Ingilterra. Ir-rapport jindika li 24% tat-tfajliet bejn is-17 u d-19-il sena huma f'riskju doppju mill-ġuvintur li jgħaddu minn dawn it-tip ta' problemi. Dan hekk kif in-numru ta' ġuvintur li jesperjenzaw mard mentali jlaħħaq l-10% biss.
[ 10 ]
Forzi tas-sigurtà tal-Afganistan bħalissa jinsabu fi ġlieda ma' għadd ta' persuni armati li attakkaw bini tat-televiżjoni tal-istat f'Jalalabad. Uffiċjli qalu li minn tal-inqas tliet persuni daħlu fil-bini, fejn tnejn minnhom kienu persuni b'bomba suwiċida li splodew lilhom infushom. Minn tal-inqas persuna waħda tilfet ħajjitha. L-Istat Islamiku refa' r-responsabbiltà għal dan l-attakk.
[ 10 ]
Wara 29 sena Ryan Giggs temm l-esperjenza tiegħu ma' Manchester United. Fl-aħħar sena tiegħu mat-tim, Ryan Giggs kien l-assistent tal- Louis Van Gaal, iżda jidher li dan ma kinx fuq il-ħsibijiet ta' Mourinho li ħa t-tim matul dan is-sajf. Fit-transizzjoni ta' bejn it-tmexxija ta' David Moyes u Louis Van Gaal, Giggs serva bħala 'caretaker coach'. Ryan Giggs baqa msemmi bħala wieħed mill-'Class of 92'. Hu kien beda mat-tim meta kellu erbatax-il sena fl-1987. Huwa rebaħ 13-il Premier League, 4 FA Cups, 4 League Cups, 9 Community Shields, 2 Champions Leagues, UEFA Super Cup, Intercontinental Cup u FIFA Club World Cup.
[ 10 ]
Filwaqt li fil-pajjiżi tal-madwar qed jiġri minn kollox, minn attakki mdemmija sa kolp ta' stat, in-nies ta' Londra jistgħu jirrilassaw. Mhux għax m'għandhomx inkwiet, għax Brexit ħabbel l-irjus bi kbir. Imma għax biex imorru jieklu m'għandhomx bżonn jaħsbu x'se jilbsu. Almenu fir-restaurant Bunyadi, li għadu kemm fetaħ il-bibien tiegħu, bil-patt u l-kundizzjoni li min jidħol jista' jiġri għarwien u ma jistax juża mezzi teknoloġiċi bħal mobiles. Kunċett li ntlaqa' tajjeb ħafna – tant li malli fetaħ kellu lista ta' stennija ta' 46,000 persuna. Ir-regoli huma dawn: Ebda teknoloġija (tablets, mobiles) Ebda ritratti ma jistgħu jittieħdu Malli tidħol, ituk huma biċċiet tad-drapp li tista' tibqa' bihom Hemm zona apposta għal min jixtieq ineħħi dawn il-biċċiet għal kollox Id-dawl f'din iz-zona huwa tax-xemgħa jew inkella bil-gass Kollox huwa magħmlu minn materjal organiku u naturali, anke l-platti li minnhom tiekol F'intervista ma' CNN (liebes il-ħwejjeġ) wieħed mid-diretturi spjega li dan huwa esperiment soċjali, esperiment li jbiddel il-mod kif taħsibha s-soċjetà.
[ 10 ]
Biki ta' ferħ, emozzjoni u kuntentizza. Dawn huma tlett aġġettivi li jiddeskrivu r-resident li jgħixu fil-belt ta' Manbij li tinsab fit-Trammuntana tas-Sirja wara li ġew liberati minn taħt il-militanti tal-Istat Iżlamiku. Bosta residenti ħonqu t-toroq ta' din il-belt jagħmlu l-affarijiet kollha li ma setgħux jagħmlu għal sentejn sħaħ – fosthom: Iqaxxru l-leħja Mara li bdiet tgħajjat u tibki bil-ferħ iddeskrivit din il-ġurnata bħala waħda mimlija ferħ: "Qas nista nemmen – qed inħossni qed noħlom." Residenti oħra rringrazzjaw lis-suldati li tawhom lura l-libertá: "Intom t-tfal tagħna, l-eroj u s-salvaturi tagħna" Dan wara li numru ta' ġellieda Kurdi, appoġjati mill-qawwiet Amerikani damu iżjed minn 70 jum jitqabbdu biex jidħlu f'Manbij, viċin il-fruntiera mat-Turkija. Sadanittant is-sitwazzjoni fis-Sirja kompliet tikkumplika ruħha, bil-kunflitt mdemmi jdur bejn il-forzi tal-President Bashar al-Assad, ir-ribelli kontra l-Gvern u l-Istat Iżlamiku.
[ 10 ]
Nisa anzjani li għexu l-ħruxijiet tal-Olokawst ħadu sehem f'konkors tas-sbħuija maħsub għal min salva minn taħt idejn in-Nazzisti. Fuq it-tapit l-aħmar xejru, tefgħu l-bews u ħadu r-ritratti. Xi ħaġa li żgur m'għamlux f'żgħożithom meta għexu fil-biża'. L-erbatax-il mara li ħadu sehem fil-konkors li sar f'Haifa tkellmu wkoll dwar l-esperjenzi koroh li għaddew minnhom fi żmien il-gwerra. Dan huwa konkors li mhux nieqes mill-kritika. Għax hemm min jgħid li dan mhux il-mod kif tonora lil min għadda minn dan l-avveniment. Iżda, l-parteċipanti u l-organizzaturi qalu mod ieħor. Fissru li dan huwa rikonoxximent u mhux sbuħija.
[ 10 ]
Meta omm issir taf li se jkollha tarbija, l-ferħ li tħoss huwa deskritt mill-bosta bħala wieħed indimentikabbli. Iżda fid-dinja mhux kollox ward u żahar u xi kultant l-aktar aħbarijiet sbieħ jinbidlu fl-aktar memorji koroh, iżda Keri Young irnexxielha li minn negattiv toħroġ il-pożittiv. Fid-dsatax-il ġimgħa ta' tqala, din l-omm ħadet l-aħbar mit-tobba li t-tarbija tagħha ma żviluppaliex il-moħħ. Deċiżjoni li quddiema ħafna drabi, l-ġenituri jiddeċiedu li jwaqfu t-tqala, iżda d-deċiżjoni ta' din l-omm ispirat u tat kuraġġ lil bosta. Ma' din l-aħbar l-omm iddeċidiet li tagħmel it-terminu sħiħ tat-tqala biex ladarba ċ-ċkejkna tagħha titwieled, tkun donatur tal-organi għal trabi oħra li l-futur tagħhom jiddependi minn fuq donazzjoni. Missier it-tarbija qabel ma' din id-deċiżjoni u spjega li kienet tkun deċiżjoni ħażina li kieku 'r-rigali' li tista' toffri t-tarbija tagħna ma kienux jingħataw. Wieħed irid jifhem kemm din id-deċiżjoni kienet waħda diffiċli, hekk kif din l-omm għal disa' xhur sħaħ qed tħoss it-tarbija tagħha f'ġufha, kull darba li tiċċaqlaq. Liema mumenti jfakkruha li hi qed iġorr tarbija li se tmut. Din ma kinitx l-unika raġuni li wasslet għal din id-deċiżjoni, hekk kif fi kliem il-ġenituri t-tifla tagħhom għandha tingħata ċ-ċans li tiltaqa' ma ommha u missiera. It-tarbija mistennija titwieled fis-7 ta' Mejju. "It-tifla tagħha se jkollha ħajja qasira iżda se tkun qed tagħti bħala donazzjoni dak kollu li tista tagħti lil din id-dinja, aktar milli qatt nista' nagħti jien," – Missier it-tifla
[ 10 ]
Qishom xeni mill-infern ta' Dante. Iktar minn 240 persuna mietu filwaqt li 368 persuna weġġgħu wara t-terremot fl-Italja. Eluf ta' ħaddiema tas-salvataġġ komplew ifittxu matul il-lejl għal persuni li setgħu salvaw wara t-terremot li laqat lil Perugia nhar l-Erbgħa. Ħafna aktarx għadhom taħt it-tifrik, hekk kif iktar minn 4,300 ħaddiem qed jużaw makkinarju kbir u anke idejhom biex jinstabu dawn in-nies. Il-Ministru tas-Saħħa qal li ħafna mill-vittmi huma tfal, filwaqt li n-numru ta' mwiet jista jikber. It-terremot, li kejjel 6.2 fuq l-iskala Richter, seħħ fit-3:36am tal-Erbgħa. L-agħar postijiet milquta kienu bliet żgħar u villaġġi li jinsabu fiż-żona muntanjuża fejn ir-reġjuni Umbria, Lazio u Le Marche jiltaqgħu.
[ 10 ]
Nirien kbar li ħakmu 60 kilomentru f'Sydney l-Awstralja ma jistgħux jiġu kkontrollati. Dan skond uffiċjali mid-Dipartiment Awstraljan tat-tifi tan-nar. In-nirien inxterrdu għal madwar elf u mitejn metru kwadru fejn jinsabu sigħa bogħod mill-belt l-aktar popolari tan-nazzjon. Persuni li ma jistgħux jipproteġu r-residenzi tagħhom ġew imwissija biex jevakwaw iż-żoni.
[ 10 ]
Il-pulizija f'Sydney ser ittellgħu żewġ nisa l-qorti wara li allegatament spiċċaw fl-idejn fuq it-toilet paper. Fi stqarrija l-pulizija qalu li kienu nfurmati bl-inċident għall-ħabta tas-7 ta' filgħodu wara daħlulhom rapporti ta' ġlieda li ħalliet mara ta' 49 sena feruta. Vidjow li feġġ fuq il-midja soċjali juri grupp żgħir ta' nisa, jimbuttaw lil xulxin, jgħajtu u jiġġieldu fuq trolley mimlija toilet paper. Il-pulizija ta' New South Wales qiegħda kontinwament tinforma lill-pubbliku li m'għandhomx jippanikjaw meta jmorru jixtru u m'għandhomx jaħżnu b'mod speċjali toilet paper u paracetamol. Iż-żewġ nisa li għandhom 23 u 60 sena minn Bankstown ser jaffaċjaw proċeduri l-qorti fit-18 ta' April li ġej.
[ 10 ]
Il-film Korean li rebaħ l-aktar premju prestiġġjuż fl-aktar lejl importanti fix-xena ċinematografika biex b'hekk dan kien l-ewwel film barrani b'lingwa li mhix l-Ingliż li rebaħ dan il-premju. Apparti hekk kien ukoll l-ewwel film Korean li qatt rebaħ Oscar. Il-film rebaħ fost oħrajn l-aqwa film, l-aqwa diettur, l-aqwa storja oriġinali kif ukoll l-aqwa film internazzjonali. Akkumpanjati minn traduttur l-atturi qalu li jinsabu grati b'dan il-premju. B'total ta' erba' premji, Parasite kien il-film bl-aktar rebħiet. Il-film 1917 rebaħ tliet premji u Ford v Ferrari, Joker u Once Upon a Time in Hollywood rebħu żewġ premji kull wieħed. L-attur Joaquin Phoenix, il-protagonist tal-film Joker rebaħ il-premju tal-aqwa attur għall-istess film filwaqt li l-attriċi veterana Renee Zellweger rebħet il-premju għall-aqwa attriċi għall-film Judy. Toy Story 4 rebaħ il-premju tal-aqwa film animat, u l-attur Brad Pitt rebaħ il-premju tal-aqwa attur f'parti sekondarja. Tul iċ-ċerimonja spikkat ukoll il-preżenza tar-rapper Eminem ikanta d-diska Lose Yourself żgur mhux forsi kienet sorpriża għal bosta. Kienu ħafna l-atturi li wżaw il-pjattaforma tal-Oscars biex jagħmlu xi dikjarazzjoni politika fosthom Brad Pitt li f'ħamsa u erbgħin sekonda biss kritika l-mod kif seħħu l-proċeduri tal-hekk imsejjaħ impeachment tal-President Amerikan. Dan filwaqt li l-attriċi Natalie Portman b'mod sottili libset libsa li fiha kien hemm meħjuta ħames ismijiet ta' diretturi nisa biex tfakkar il-fatt li fil-kategorija tal-aqwa Direttur, ma kinitx nominata mqar mara waħda.
[ 10 ]
L-eks striker ta' Sunderland Asamoah Gyan huwa wieħed minn grupp ta' 40 player li qalulhom li għandhom 'xagħar mhux etiku'. Dan skont il-linji gwida tal-assoċjazzjoni tal-football tal-Emirati Għarab Magħquda. Il-player ta' 31 sena mill-Ghana jinsab misluf lit-team Al Ahli. Din mhix l-ewwel darba li ġrat xi ħaġa hekk. Fl-2012, il-goalkeeper tal-Għarabja Sawdija Waleed Abdullah kellu jirranġa xagħru għax ma kienx 'Iżlamiku'. Kien ir-referee li qallu jirranġah qabel lagħab għall-Al Shabab. L-isti mohawk totalment mhux aċċettat minn din il-kultura.
[ 10 ]
Numru ta' tfal mir-Renju Unit li nqabdu fil-gwerra ċivili fis-Sirja mistennija jintbagħtu lura l-Ingilterra. Dan ikkonfermah il-Ministru għall-Intern Ingliż, Dominic Raab, li żied ukoll li dawn it-tfal se jkunu l-ewwel ċittadini Ingliżi li se jinġiebu lura djarhom minn żona fis-Sirja li kienet taħt il-ħakma tal-Istat Iżlamiku. Huma mistennija jaslu r-Renju Unit fil-jiem li ġejjin grazzi għal trasport provdut mill-Gvern. Raab temm jgħid li mal-wasla tagħhom it-tfal se jingħataw l-appoġġ kollu meħtieġ biex kemm jista' jkun ikomplu jgħixu ħajja normali.
[ 10 ]
Studju globali li sar f'195 pajjiż ura kif tazza nbid kuljum tista' twassal għal riskju ta' kanċer u mard ieħor, għalkemm dan l-istudju wera wkoll kif dawk li jixorbu b'mod moderat jista' jnaqqas iċ-ċans t'attakk tal-qalb iżda li r-riskju ta' mard ieħor hu ferm akbar. L-istudju ura li min dawk 100,000 li ma jixorbux, 914 persuna jkun affetwati b'mard bħal kanċer. Dawk li jixorbu tazza kuljum, 4 persuni jkunu affetwati b'mard. L-istudju ura kif dawk li jixorbu 2 tazzi kuljum t'alkoħol, 63 persuna jimmirdu fis-sena ta' wara. Filwaqt li dawk li jixorbu ħames tazzi kuljum, dawk li jimmirdu jiżdiedu għal 338 persuna. Wieħed mill-awturi ta' dan l-istudju, Dr Max Griswold qal li dawk li jixorbu tazza waħda għandhom riskju inqas minn dawk li jixorbu iktar minn tazza waħda.
[ 10 ]
Is-suspettat li qed ikun akkużat li kien il-moħħ wara l-attakk li seħħ f'San Pietruburgu ġie arrestat qrib Mosko. L-attakk li seħħ fil-bidu tax-xahar ħalla erbatax-il persuna mejta u mal-ħamsin persuna midruba wara splużjoni li seħħet bejn żewġ stazzjonijiet taħt l-art fir-Russja
[ 10 ]
Minn tal-anqas 26 persuna nqatlu f'attakk suwiċida f'lukanda fis-Somalja. Hu mifhum li karozza li kienet mimlija splussivi instaqset għal ġol-lukanda Asasey fil-port ta' Kismayo. Wara dan, numru ta' persuni jġorru armi tan-nar daħlu fil-lukanda u fetħu n-nar. L-għaqda terroristika al-Shabab refa'r-responsabbilta għal dan l-attakk. Fost il-vittmi hemm politiku mill-Kenja u numru ta' barranin.
[ 10 ]
Fl-Italja tkompli l-biża, hekk kif terremot ta' qawwa 4.3 inħass għall-ħabta tat-tlieta u nofs ta' dalgħodu f'Perugia, l-istess inħawi fejn seħħ terremot ieħor, li ħataf il-ħajja ta' 292 persuna. Fil-ħamsa u għoxrin, sar terrmot ieħor ta' qawwa 3.0. Partijiet antiki oħrajn, dawk li kienu għadhom intatti, komplew jiġġarrfu. In-nies ta' Norica ħarġu fit-toroq imwerwra iżda ma kien ebda mwiet din id-darba. Inant, fuq nota aktar pożittiva, wara għaxart'ijiem infetaħ mill-ġdid il-pont Tre Occhi f'Amatrice – struttura kruċjali għat-trasport minn u lejn dan il-post li jinsab f'luttu qawwi. Aktarx li issa se jissemma "Ponte della Rinascita", jiġifieri l-qawmien mill-imwiet.
[ 10 ]
Ħames persuni nqatlu wara li ajruplan żgħir irreġistrat l-Isvizzera ġġaraf f'Tires, fil-punent tal-kapitali Portugiża, Lisbona. Il-vittmi ta' dan il-każ kienu l-pilota, tliet passiġġiera u xufier ta' vettura. L-ajruplan iġġarraf ftit wara t-tluq tiegħu iżda s'issa għadu mhux magħruf x'wassal għal dan il-każ.
[ 10 ]
Fis-sena 2008 Christine Weber Bouldin kienet stazzjonata fuq xogħol l-Afgħanistan, meta qattusa ċkejkna u speċjali sabet mod kif tidħol f'ħajjitha. Lin-nies Christine kienet tgħidilhom "Qatt ma kont rajt qattusa bħalha. Vera ħassejt dieqa kbira għaliha. La setgħet timxi sew u lanqas tpoġġi. Bdiet tinqeleb kull pass li tagħmel." Wara diversi testijiet ir-riżultat wera li l-qattusa gustuża kellha kundizzjoni bl-isem ta' Cerebellar Hypoplasia, kundizzjoni li ma tipprogressax iżda li taffettwa l-mod ta' kif wieħed jiċċaqlaq. Bouldin semmiet lil qattusa Felix u tant saret tħobbha li ddeċidiet li tagħmel dak kollu fil-ħila tagħha biex toħodha magħha d-dar. Għalkemm kellha tħallas flejjes kbar biex iġġib lill-qattusa magħha lura d-dar, Bouldin qalet li dan ma kienx importanti għaliha iżda l-importanti kienet il-konnessjoni li kellha ma' din il-qattusa. Illum il-ġurnata l-qattusa għadha tgħix ma' Bouldin, mar-raġel tagħha u qattus ieħor bl-isem ta' Gus f'Lakewood, Colorado. Bouldin sostniet li Felix kienet ta' għajnuna kbira meta kellha bżonn lil xi ħadd u qalet li hi temmen li din il-qattusa hi "anġlu mibgħuta għandi mingħand Alla."
[ 10 ]
Minkejja t-turbulenza li nqalgħet madwar il-kumpanija kbira ta' Facebook, Mark Zuckerberg insista li għadu l-persuna li jmexxi. Ilbieraħ l-erbgħa 4 ta' April 2018, Zuckerberg qal li meta qed tibni xi ħaġa kbira bħal Facebook, se tiltaqa' ma' dawn it-tip ta' problemi. Iżda nsista li n-nies għandhom iżommu f'moħħhom li bħala kumpanija qed jitgħallmu mill-iżbalji u ma jirrepetuhomx.
[ 10 ]
Illum f'Ruma mistennija jiltaqgħu id-diriġenti tal-klabb ta' Liverpool flimkien ma' dawk tal-klabb Taljan Roma. Dan wara l-inċidenti li nqalgħu barra l-grawnd f'Liverpool nhar it-Tlieta li għadda, fejn raġel ta' tlieta u ħamsin sena mill-Irlanda spiċċa f'qagħda kritika. Il-klabb ta' Liverpool għandu aġenda mħejjija għal dan il-meeting, fejn fost il-kwistjonijiet li se jigu diskussi huma r-rotot li l-partitarji jistgħu jgħaddu minnhom, u f'liema ħin huwa l-aħjar li l-partitarji għandhom jibdew jaslu l-grawnd. Jidher konfermat ukoll li l-pulizija ta' Merseyside se tkun qiegħda f'Ruma biex tgħin għas-sigurta ta' din il-logħba. Informazzjoni mogħtija minn Shaun Cucciardi.
[ 10 ]
Daqqa ta' ħarta għall-Gvern Taljan dwar il-150 immigrant abbord il-vapur militari Taljan li twaqqfu milli jinżlu fil-port ta' Katanja. Il-kwistjoni ġiet ittrattata waqt laqgħa teknika fi Brussels b'sorsi diplomatiċi jiżvelaw li t-t-talba tal-Italja biex l-immigranti jitqassmu bejn il-pajjiżi Ewropej ma sabitx appoġġ ta' stati membri oħra Ewropew. Dan għax skonthom, ras għal ras, l-għadd ta immigranti li daħlu fl-Italja huwa ferm inqas minn kemm daħlu f'pajjiżi oħrajn. L-immigranti ilhom abbord il-vapur għal dawn l-aħħar jiem wara li l-Ministru għall-Intern Taljan Matteo Salvini qal li l-immigranti mhux se jinżlu l-art. Deċiżjoni li wasslet għal xquq fil-Gvern Taljan bil-President tal-Kamra tad-deputati Roberto Fico jgħid li l-immigranti għandhom jitħallew jiżbarkaw f'Katanja. Intant l-Ewropa wieġbet b'mod iebes għad-dikjarazzjonijiet tal-Viċi Prim Ministru Taljan Luigi Di Maio li l-Ħamis filgħaxija hedded li l-Italja ma tħallasx is-sehem tagħha lill-Unjoni Ewropea f'każ li ma tinstabx soluzzjoni dwar l-iżbark tal-immigranti. Ingħad li t-theddid fl-Ewropa ma jwassal għal imkien għax l-Ewropa taħdem bil-koperazzjoni u mhux bit-thddied. Dwar dan il-Minisrtu għall-Affarijiet Barranin tal-Italja Enzo Moavero xejjen it-theddid ta' sieħbu fil-kabinett Taljan u stqarr li l-ħlas tal-kontribuzzjonijiet lill-Unjoni Ewropea huwa dmir legali. Min-naħa tiegħu, is-senatur Taljan Faraone qal li s-sitwazzjoni fuq id-Diciotti reġgħet ġiet lura għan-normal wara li l-immigranti abbord bdew strajk tal-ġuħ.
[ 10 ]
Bilqiegħda jħares fil-vojt fuq siġġu oranġjo f'ambulanza, ħafi miksi bin-nugrufun u jimsaħ wiċċu mid-demm. Dan huwa Omran Daqneesh, tifel ta' ħames snin li l-filmat tiegħu xxerred fuq il-midja soċjali matul il-jum u ħalla lil bosta ssummati bla kliem. Filmat li juri r-realtà kiefra tas-sitwazzjoni fis-Sirja, fejn dan iċ-ċkejken bla ħtija spiċċa vittma tal-gwerra ċivili Sirjana. Omran huwa wieħed mill-ħamest'itfal li ndarbu f'offesniva militari f'Aleppo – belt imtertqa bil-gwerra ċivili. Il-ġenituri tiegħu flimkien mat-tliet ħutu huma maħsuba li salvaw l-attakk. Il-ġlied fil-pajjiż eskala mhux ħażin fl-aħħar ġimgħat, bir-riżultat ta' ħajjiet innoċenti mitlufa li qed jiżdiedu kull ma jmur.
[ 10 ]
Fl-Istati Uniti, tinsab taħt theddida l-inkjesta dwar l-allegat tbagħbis mir-Russja fl-elezzjonijiet tal-2016. Dan wara li l-President Amerikan Donald Trump keċċa lill-Avukat Penerali Jedd Sessions. Id-demokratiċi qegħdin iqisu din id-deċiżjoni bħala tentattiv sabiex jintemmu jew jimpedixxu l-investigazzjonijiet. Fuq Twitter, Donald Trump indika li għalissa din il-kariga ser tkun okkupata miċ-Chief of Staff Matthew Whitaker li kien kritiku dwar l-inkjesta li tirrigwardja r-Russja. Raġel ta' 63 sena qed jinżamm arrestat suspettat li kien qed jikkomplotta l-assassinja tal-Prim Ministru Spanjol Pedro Sanchez. Sorsi qalu li kien hemm messaġġi fuq Whatsapp fejn ir-raġel allegatament qal li l sħabu li kien ħa joqtol lil Sanchez li sar Prim Ministru f'Ġunju li għadda. Fid-dar tiegħu instabu 16-il arma tan-nar mhux illiċenzjati. Jidher li huwa ried vendetta mill-pjanijiet li għandu l-istess Sanchez sabiex jeżumi l-fdalijiet ta' Francisco Franco.
[ 10 ]
Raġel Tuneżin ta' sitta u tletin sena, suspettat li kien jingaġġa nies mal-grupp tal-Istat Iżlamiku, kien arrestat wara li saru diversi rejds fil-Ġermanja. Huwa kien wieħed minn sittax-il persuna arrestati fl-istat ta' Hesse, hekk kif 1,100 pulizija fittxew appartamenti, negozji u moskej. It-Tuneżin kien imfittex ukoll mill-awtoritiajiet ta' pajjiżu b'rabta ma' attakk li sar fil-Mużew Bardo f'Tuneż. Dakinhar, 21 turist inqatlu, b'Tuneżin imut għaxart ijiem wara. Il-maġġoranza tal-vittmi kienu Brittaniċi, Ġappuniżi, Franċiżi, Taljani jew Kolombjani. L-awtoritajiet fi Frankfurt qalu li l-operazzjoni fil-jum tal-Erbgħa kienet ir-riżultat ta' investigazzjoni li ilha għaddejja erba xhur. Spjegaw li kellhom evidenza li l-Iżlamisti kienu qed jippreparaw attakk, li kien għadu fl-ewwel stadji tiegħu
[ 10 ]
Ħajja tiġi u oħra titlaq..Storja emozzjonali hija dik ta' Laurel Cohen u r-raġel tagħha Dave Cohen, din il-koppja kienet f'ġenna tal-art tistenna ħerqana t-twelid ta' l-ewwel wild tagħhom. Iżda storja ta' ferħ u kuntentizza nbidlet f'waħda ta' dieqa u dwejjaq dan wara li għaxar gimgħat biss wara li Laurel weldet tarbija, tilfet ħajjitha. Cohen li hija terapista fil-ward tal-onkoloġija fl-isptar ta' Londra, bdiet tħoss uġigħ kbir f'żaqqha, taqta' nifisha u bdiet tbagħti wkoll minn konstipazzjoni iżda hija ħasbet li dawn kienu sintomi normali tat-tqala. F'kull vista li kellha, it-tobba dejjem qalula li kemm hi u kemm it-tarbija huma b'saħħithom. Iżda fit-35 ġimgħa tat-tqala tagħha, l-uġigħ f'żaqqha żid u kien propju fl-10 ta' Mejju tas-sena li għaddiet li daħlet l-isptar għall-osservazzjoni. Minkejja li t-tobba baqgħu jgħidulha li ma kellha xejn u li dan kien biss uġigħ tat-tqala, kemm hi u kemm ir-raġel tagħha xtaqu li jsiru aktar testijiet. Sfortunatament, l-uġigħ li ħasset din il-mara kien riżultat ta' kanċer terminali fil-musrana. Wara din l-aħbar, l-omm kellha twelled lit-tifla tagħha Ruby f'ċesarja, li twieldet ħames ġimgħat qabel il-waqt. Mit-testijiet ħareġ li mhux biss kienet qed tbagħti minn kanċer terminali fil-musrana iżda li kien infirex ukoll għal fwied tagħha. Ir-raġel ta' din il-mara stqarr li għal bidu beda jwaħħal fit-tobba li ma ntebħux x'kien l-uġigħ iżda huwa stqarr li s-sintomi setgħu xorta waħda kienu tat-tqala u li għalhekk illum wara l-mewt ta' martu jifhem li għamlu dak kollu li setgħu.
[ 10 ]
Traġedja oħra fl-Italja, din id-darba f'Aquila. Wara t-terremot, il-maltemp u l-valanga li qerdet għal kollox il-lukanda Rigopiano, ħelikopter t'emerġenza ġġarraf propju ftit 'il bogħod miż-żona fejn bħalissa għaddejja l-operazzjoni ta' salvataġġ għall-ħmistax-il persuna li għadhom irrapportati nieqsa wara l-valanga. Is-sitt persuni abbord l-ħelikopter tilfu ħajjithom. Dik li kellha tkun id ta' għajnuna għal persuna li weġgħet waqt li kienet skiing inbidlet fi traġedja oħra propju fiż-żona li kienet għadha qed tirkupra minn numru ta' mwiet. Kelliem għall-Pulizija spjega li ċ-ċpar qed jagħmilha aktar diffiċli biex ħelikopter ikun jista' jaċċessa ż-żona, li fiha propju seħħet din it-traġedja.
[ 10 ]
Il-film Moonlight rebaħ il-premju għall-aqwa stampa, anke jekk fil-bidu min taha l-premju qal li l-film La La Land rebaħ. L-iżball seħħ minħabba li fuq l-envelope kien hemm miktub 'Emma Stone La La Land.' It-team ta' La La Land kienu f'nofs id-diskors tagħhom jirringrazzjaw lil kull minn wassalhom għal din ir-rebħa meta kien innutat li sar żball kruċjali. 'Din mhijiex ċajta' qal Jordan Horowitz li ħa ħsieb il-produzzjoni mużikali filwaqt li wera l-envelope lejn il-cameras. Intant il-film mużikali La Lan Land rebaħ sitt Oscars inkluż tal-aqwa direttur u l-aqwa attriċi. Min-naħa l-oħra Moonlight rebaħ l-oscar għal mod kif il-film kien ippreżentat u għall-aqwa attur f'parti sekondarji. Interessanti l-fatt li d-direttur ta' La La Land sar l-iżgħar direttur li rebaħ l-oscar għall-aqwa direttur, fl-età ta' tnejn u tletin sena.
[ 10 ]
Sitwazzjoni bla kontroll f'wieħed mill-ħabsijiet ewlenin tal-Ingilterra. Hekk qed jgħidu li sabu l-BBC wara li ġurnalist mar bil-moħbi għal xaharejn f'ħabs f'Northumberland, fejn hemm 1,348 priġunier. Hemm skopra użu qawwi ta' droga fost il-priġunieri, nuqqas ta' kontrol, sistemi tal-allar li ma jaħdmux u sigurtà interna difettuża. Il-Ministeru għall-Ġustizzja Ingliż qal li se jkun qed jinvestiga dawn l-allegazzjonijiet estremement serji. Fost l-affarijiet li nstabu hemm balacalavas, ħwejjeġ li jintużaw waqt serq u għodda biex jinqatgħu l-wires. Hu mifhum li priġunieri kienu qed joħorġu biex jiġbru d-droga jew kontrabandu ieħor li jkun twaddab mill-grada li ddawwar il-ħabs. F'wieħed mill-aktar episodji disturbanti għall-programm Panorama tal-BBC, uffiċjal tal-ħabs jidher miftluf minn senih mal-art, wara li xamm dik li tissejjaħ 'spice', ċioe alternattiva għall-kannabis. Fir-ritratt ta' hawn fuq, jidhru ħabsin mitlufa minn sensihom minħabba d-droga li ħadu fil-ħabs. Fost l-osservazzjonijiet tiegħu, il-ġurnalist qal li donnu l-ħabsin stess imexxu dan il-post li suppost huwa ta' riforma.
[ 10 ]
Il-belt antika ta' Petra fil-Ġordan iċċelebrat il-miljun turist li żar dan is-sit storiku li huwa meqjus bħala wieħed mis-7 għeġubijiet tad-dinja. Is-sit, fin-nofsinhar tal-pajjiż huwa ikoniku mal-pajjiż fl-Lvant Nofsani u hu magħruf li sa erba' t'elef sena qabel Kristu diġà kien hemm nies meqjusa bħala nomadi jgħixu f'din il-belt. Il-Ġordan jieħu bis-serjetà ħafna l-industrija tat-turiżmu, minkejja li jinsab mal-fruntiera ma' pajjiżi bħas-Sirja u l-Iraq, żewġ pajjiżi b'żoni ta' kunflitt imdemmi.
[ 10 ]
Żewġ splużjonijiet fit-Turkija heżżu għases tal-Puliżija f'żewġt ibliet differenti, u ħallew sitt persuni mejta u darbu aktar minn 200 oħra. L-ewwel splużjoni kellha fil-mira tagħha għassa tal-Pulizija f'Van – li ħalliet tliet persuni mejta fosthom Pulizija. Sigħat warra, għassa oħra f'Elazig intlaqgħet minn splużjoni permezz ta' karozza bomba. F'din l-isplużjoni tilfu ħajjithom tliet uffiċjali tal-Pulizija. Għalkemm ħadd għadu ma refa' r-responsabbiltà għal dawn l-attakki, uffiċjali Torok tefgħu l-ħtija fuq Militanti Kurdi.
[ 10 ]
Il-Prim Ministru tas-Somalja, Hassal Ali Haire, qal li 110 persuna tilfu ħajjithom kawża ta' ġuħ f'temp ta' 48 siegħa minħabba n-nixfa kbira li ħakmet ir-reġjun. Din hi l-ewwel statistika uffiċjali li tħabbret waqt dan il-kriżi rigward l-imwiet ta persuni. S'issa għadu mhux magħruf x'kien l-impatt li ħalliet din in-nixfa fuq il-pajjiż. In-nuqqas ta' ikel hu kawża tan-nuqqas tax-xita li għamlet fejn minħabba f'hekk inħolqot nixfa kbira.
[ 10 ]
"Se nibqa' niġġieled" Hekk kien il-messaġġ ta' Demi Lovato, kantanta ta' fama mondjali, fl-ewwel stqarrija tagħha minn meta ttieħdet l-isptar wara li x'aktarx spiċċat b'overdose x-xahar li għadda. Fuq Instagram, Lovato ta' 25 sena qalet "Minn dejjem tkellimt fil-beraħ dwar ħajti u l-vizzji li kelli." "Din mhix xi ħaġa li se titlaq biż-żmien iżda li rrid naħdem b'mod kontinwu biex ngħelibha," qalet Lovato. Mhux l-ewwel darba li hi tkellmet dwar il-vizzju tad-droga u l-ostakli li ltaqgħet magħhom matul iż-żmien fosthom li hi bipolar u kif ukoll dwar meta kienet tbati b'diżordni fl-ikel.
[ 10 ]
Wara t-terrimot li seħħ fl-Italja, numru kbir ta' nies qed jiffirmaw petizzjoni biex il-lotterija magħrufa mal-bosta fl-Italja Superenalotta li trebbaħ mal- €130,000,000 jintużaw biex tingħata għajnuna lill-vittmi affetwati. Il-petizzjoni titlob lill-pubbliku jiffirma biex dan il-proġett isir realtá u tgħid li huwa aħjar jekk dawn il-flus jingħataw lil min hu verament fil-bżonn flok jitgawdew minn persuna waħda. Għal din il-petizzjoni diġa ffirmaw 38,856 persuna, fadal biss 11,144 firma biex ikunu ffirmaw 50,000 persuna.
[ 10 ]
Stennija ta' sitta u tletin sena u ta' pellegrinaġġi bla waqfien minn madwar id-dinja kollha lejn il-Bożnija Ħelżegovina. Storja li bdiet fl-1981 u li kompliet ukoll mingħajr rikonoxximent uffiċjali. Issa l-iżvolta fi stqarrija tal-Monsijur Henyrk Hoser, l-Arċisqof Emeritu ta' Praga u l-mibgħut ta' Papa Franġisku, proprju fil-post fejn allegatament seħħu d-dehriet tal-Madonna. I l- kult huwa awtorizzat u mil-lum kull djoċesi fid-dinja u organizzazzjonijiet oħrajn jistgħu jtellgħu peleggrinaġġi uffiċjali – rivoluzzjoni parzjali i ż da xorta waħda rivoluzzjoni meta mqabbel mal-a ħħ ar konferenza episkopali – il pelegrinaġġi li ma kinux rakkomandati issa jistgħu jiġ u ggwidati minn saċerdoti, isqfijiet u kardinali. Dan għax skont il-mibgħut tal- P apa l-istituzzjonijiet ta' karità impenjati f'dan il-post huma kbar waqt li kkonferma ta' dan is-santwarju . Dak li fadal x'jiġi investigat huwa l-misteru profond li m'għandux spjegazzjoni xjentifika. Għexieren ta' dehriet, kwistjoni kumplessa u kontroversjali analizzata minn kummissjoni investigattiva li riedha l-Papa Benedittu Sittax u ppresedutha mill-Kardinal Camillo Ruini, ittrattatha wkoll b'kawtela minn Papa Franġisku. Sa mill-bidu tas-snin tmenin, l-allegati dehriet tal-Madonna lis-sitt żgħażagħ ta' Medjugorje kienu meqjusa bħala sopra naturali nkluż mill-kummissjoni kompetenti. Wara l-missjoni tal-mibgħut speċjali issa jonqos biss l-aħħar kelma ta' Papa Franġisku biex jissiġilla darba għal dejjem ir-rikonoxximent ta' dan il-kult Bosnijaku.
[ 10 ]
Minn tal-inqas żewġ persuni tilfu ħajjithom wara li ntlaqtu minn tiri waqt protesti li saru kontra l-Gvern tal-President Nicolas Maduro fil-Venezwela. Iż-żewġ persuni huma żagħżugħ li miet fil-kapital Caracas u mara li nqatlet f'San Cristobal, qrib il-fruntieri Kolombjani. Kienu għexieren ta' eluf li ħarġu fit-toroq jipprotestaw bl-għajta ewlenija tkun li jridu elezzjonijiet presidenzjali ġodda u kif ukoll li politikanti mill-oppożizzjoni jinħelsu mill-arrest.
[ 10 ]
Żewġ deċiżjonijiet tal-Qorti fl-istat Amerikan ta' Arkansas wasslet biex seba' persuni twaqqfu milli jingħataw il-piena tal-mewt. Dawn kienu ngħataw is-sentenza u kellhom imutu f'temp ta' ftit jiem. L-ewwel deċiżjoni, li ttieħdet ilbieraħ filgħaxija, waqqfet l-eżekuzzjoni ta' Stacey Johnson, biex isiru eżemijiet ġodda tad-DNA, li jippermettulu juri jekk hux innoċenti. Huwa kien akkużat u misjub ħati tal-mewt ta' Carol Heath, li nqatlet u kellha l-gerżuma mċarrta fl-appartament tagħha fl-1993. Gruppi ta' drittijiet umani ilhom jilmentaw dwar il-mod li bih isiru l-eżekuzzjonijiet...normalment tmienja fi ħdax-il jum.
[ 10 ]
Id-Dukessa ta' Sussex Meghan Markle ma ħallitx lit-tfal b'xejn wara li għamlu sigħat twal jistennewa fi New Zealand. Meta rat grupp ta' ċkejknin jistennewha barra kafeterija f'Wellington, talbet lil tal-ħanut itiha xi ħaġa tal-ħelu biex tqassamhom lit-tfal. Hija ħadet il-ħin tagħha biex titkellem mat-tfal, li qalu lill-midja li din il-ġrajja se tibqa' mnaqqxa f'moħħhom.
[ 10 ]
02:17: Il-Pulizija ta' Manchester ikkonfermaw permezz ta' messaġġ fuq il-paġna tas-sit soċjali Facebook li s'issa ġew ikkonfermati 19-il persuna mejta u madwar 50 persuna oħra midruba. Ġie kkonfermat ukoll li dan il-każ qed jitqies bħala attakk terroristiku. 02:02: Għadu mhux magħruf jekk dan kienx attakk terroristiku iżda l-awtoritajiet m'huma qed jeskludu xejn. S'issa għadu mhux ikkonfermat kemm hemm persuni li tilfu ħajjithom iżda qed jingħad li x'aktarx hemm aktar minn għaxar persuni. 01:53: Filmat meħud minn kamera li kienet f'vettura juri l-mument li seħħet l-isplużjoni fejn għalkemm il-vettura ma kinitx viċin, wieħed xorta waħda jista' jisma l-ħoss u kif ukoll jidher fuq in-naħa tax-xelug li fl-istess ħin tal-ħoss jidher tip ta' 'dawl', 01:50: Huma diversi persuni li bħalissa qed jitolbu l-għajnuna tal-pubbliku fuq Twitter sabiex jgħaddulhom kull informazzjoni li wieħed jista' jkollu dwar membri tal-familja tagħhom li kienu waqt il-kunċert u ma jafux x'ġara minnhom. 01:41: Fuq post bħalissa waslu l-Bomb Disposal Unit. 01:37: Residenti f'Manchester qed joffru l-għajnuna tagħhom billi qed jiftħu l-bibien tar-residenza tagħhom għal dawk kollha li b'xi mod jew ieħor għandhom bżonn l-għajnuna wara li seħħet din l-isplużjoni. Numru ta' taxis qed joffru servizz b'xejn lil dawk kollha li għal xi raġuni ma jistgħux jaslu d-dar minħabba dak li ġara. 01:34: Il-Pulizija ħarġet appell biex kemm jista' jkun ħadd ma jersaq lejn iż-żona milquta. Huma bosta li bħalissa qed jappellaw lill-ġenituri ta' dawk it-tfal li kienu waqt il-kunċert biex imorru fil-lukanda bl-isem ta' Holiday Inn hekk kif għadd ta' tfal ittieħdu hemm. Aktar Qabel: Splużjoni li seħħet ftit tal-ħin ilu f'Manchester Arena f'Manchester l-Ingilterra, fejn kien qed isir kunċert mill-kantanta rinomata Ariana Grande, ħalliet numru ta' persuna mejta u diversi oħra midruba. Il-Pulizija qalu li bħalissa qed jirrispondu għal diversi rapporti li qed isostnu li seħħet splużjoni u li kienn hemm numru ta' persuni kkonfermati mejta u diversi oħra midruba. Persuni minn fuq il-post irrakkantaw mal-midja barranija li "kif konna se nitilqu mill-istabbilment smajna splużjoni kbira u kulħadd beda jiġri u jgħajjat." Manchester Arena hi meqjusa bħala l-ikbar Arena fl-Ewropa u fetħet il-bibien tagħha lura fl-1995. L-istess arena tilqa' madwar 21,000 persuna, dan skont is-sit tal-istabbilment. Rappreżentant tal-kantanta Ariana Grande sostna li l-kantanta tinsab "tajba". Qed jingħad li l-istazzjon tal-ferrovija qrib l-istabbilment fejn sar il-kunċert jinsab magħluq. Fuq il-post issejħu numru ta' ambulanzi sabiex jassistu lil dawk li huma feruti kif ukoll numru kbir ta' Pulizija.
[ 10 ]
"Titlifx ħajtek għal stessu!" Dan kien l-appell tal-Pulizija f'Kalifornja wara li mara waqgħet mill-pont Foresthill biex tieħu stessu. Il-pont huwa wieħed mill-ogħla pontijiet li hemm fl-Istati Uniti. Il-Pulizija spjegat li l-mara minn Sacramento flimkien ma' grupp ta' ħbieb kienu qed jimxu fuq il-pont meta "pruvat tieħu stessu u waqgħet." Il-mara kellha tittella permezz ta' ħelikopter u ittieħdet fi sptar viċin. Paul Goncharuk, ħabib tal-mara, spjega li hija se jkollha bżonn numru ta' operazzjonijiet hekk kif sofriet minn ksur. Huwa spjega lill-Pulizija li l-mara, kienet qed tiprova tieħu ritratt fuq il-pont meta għamlet pass ħażin u waqgħet lura. Il-mara kienet qed tiprova tieħu r-ritratt f'żona li hija magħluqa għal pubbliku. Minkejja dan numru ta' nies jagħżlu li xorta waħda jaċċessaw din il-parti tal-pont iżda hija ta' periklu kbir speċjalment meta wieħed ikun qed jiffoka fuq ir-ritratt li se jieħu. Wara dan il-każ, il-Pulizija qalet li dawk li jipprovaw jidħlu f'din iż-żona tal-pont se jiġu arrestati.
[ 10 ]
Il-kumment tal-membru parlamentari Ewropew Janusz Korwin-Mikke ħalla lil bosta mistgħaġbin kif fl-2017, rappreżentant f'wieħed mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea hekk kif huwa qal li n-nisa għandhom jitħallsu inqas mill-irġiel għax huma iktar dgħajfa u inqas intelliġenti. Korwin-Mikke huwa politiku eċċentriku fil-Polonja. Skont il-BBC, il-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani qed jinvestiga jekk l-MPE marx kontra r-regoli tal-istess parlament b'dak li qal. Dan hekk kif ir-regoli jipprojbixxu lingwaġġ u imġieba malafamanti, razzista u ksenofobika. Il-Partit tas-Soċjalisti u Demokratiċi ħeġġeġ lil Tajani biex jieħu miżuri kontra l-Pollakk tal-kummenti deskritti bħala tal-mistħija. Il-BBC qal li skont l-uffiċju tal-istampa tal-Parlament Ewropew, il-penali għal din l-imġieba jvarjaw minn twissija għal multa u sospensjoni temporanja. Dak li qal dan l-aħħar Korwin-Mikke ma kien xejn ġdid għal dawk li jsegwu l-politika mill-viċin.
[ 10 ]
Għal bosta persuni li huma midħla sew tal-midja soċjali, żgur mhux forsi li meta jsiefru jkunu dejjem b'għajnejhom miftuħa biex jaraw fejn l-aħjar li jieħdu r-ritratt perfett. Speċjalment jekk int mudella ta' Playboy, b'madwar 300,000 segwaċi. Mudella bl-isem ta' Jaylene poġġiet ritratt tagħha nnifisha għarwiena ħuta wara li telgħet fuq il-muntanja Taranaki fi New Zealand. Iżda għalkemm ħafna mis-segwaċi tagħha ħadu gost bih, it-tribù lokali Maori ma ħadux gost hekk kif sejħu dan l-att bħala "insensittiv għall-kultura tagħna." Dan minħabba li l-quċċata ta' din il-muntanja hi waħda sagra għat-tribu Maori. Kelliem bl-isem ta' Dennis Ngawhare qal li "qisu meta persuna jidħol fil-Bażilika ta' San Pietru fil-Vatikan u jinża għarwien u jieħu ritratt." Wara li ttella' r-ritratt fuq il-midja soċjali, kienu madwar 10,000 persuna li għamlu ' like ' fuq dan ir-ritratt. Il-mudella hi magħrufa sew għar-ritratti espliċiti tagħha, u għalkemm dan ir-ritratt qajjem agħa, xorta waħda żammitu onlajn.
[ 10 ]
Christina għandha biss sitt snin u tħaddan reliġjon Kristjan, kien għalhekk li ġiet maħtufa mill-militanti tal-Istat Iżlamiku. Dan meta l-grupp militanti ħadu taħt idejhom Qaraqosh, lokal li jinsab fil-periferija ta' Mosul fl-2014. Wara tliet snin ta' tfittxija, Christine llum reġgħet inaqgħdet mal-familjari tagħha. Iżda fi kliem ommha, Aida, it-tranżizzjoni għal ħajja normali tagħha mhux se tkun faċli. "Provajna ngħinuha tifhem għaliex hi ma tafx li aħna l-familja tagħha. Insiet min huma l-familjari tagħha imma issa terġa' titgħallem," qalet l-omm. Bħal tant oħrajn, din il-familja qed tgħix f'akkomodazzjoni temporanja sakemm tkun tista' temigra lejn post ieħor. Dan ifisser li minkejja li din l-omm hija ferħana ferm li llum reġa' għandha l-bintha tgħix magħha, l-inkwiet ma ntemmx hawn dan hekk kif minkejja li wara attakk wara l-ieħor il-lokal li jgħixu fih inħeles mill-Militanti Iżlamiċi, din il-familja m'għandiex fejn tgħix. Din hija realtà li huma l-ftit li jifhmu, dan hekk kif huma persuni li jgħixu din il-ħajja ta' kuljum li filgħodu jqumu mbeżża' li uliedhom jiġu maħtufa mill-militanti.
[ 10 ]
Kien it-Tnejn filgħaxija meta fuq il-muntanja Etna fl-Italja beda jidher duħħan. Kien ftit wara li l-istess vulkan beda ħiereġ il-lava ftit qabel is-19:00hrs u baqa għaddej sad-21:25hrs. "Kienet qisha funtana ta' nar. Vera ħadt gost li stajt insegwi dak li ġara. Allavolja n-natura taf toħloq affarijiet li jeqirdu l-umanità ma tistax ma tapprezzax is-sbuħija li tista' toffri," qal hekk osservant li beda jsegwi din il-meravilja minn fuq kamera onlajn. Ma kien hemm l-ebda periklu għall-komunitajiet li jinsabu fiż-żona meta beda ħiereġ il-lava mill-vulkan. L-aħħar attività li kellu l-vulkan kien lura f'Jannar, dan wara tmien xhur inattiv. Segwi hawn.
[ 10 ]
Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump mistenni jżur ir-Renju Unit is-sena d-dieħla. Jidher li Downing Street u l-White House qegħdin jaraw x'għażliet hemm għal din iż-żjara. Trump aċċetta l-invit tar-reġina biex jivvjaġġa lejn l-Ingilterra fuq żjara statali meta l-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May żaret Washington f'Jannar. Iżda l-ħsieb ta' żjara statali kien ħoloq kontroversja u wassal lil Trump biex ibiddel fehmtu. Kien intqal li huwa ma riedx jagħmel iż-żjara meta kien hemm l-għidut li potenzjalment isiru protesti kontrih. Intant, maż-żewġ miljun persuna ffirmaw waħda min-numru ta' petizzjonijiet li jgħidu li Trump m'għandhiex isirlu stedina għal żjara statali fir-Renju Unit.
[ 10 ]
Sitt shadow ministers Laburisti rriżenjaw u aktar riżenju huma mistennija fi ħdan il-Partit Laburista Ingliż. Dan b'sinjal ta' protesta għal mod li bih Jeremy Corbyn mexxa l-kampanja waqt ir-referendum dwar Brexit. Wara li Corbyn keċċa lil Hilary Benn, shadow minister għall-affarijiet barranin, irriżenjaw Heidi Alexander, Ian Murray, Gloria de Piero, Lillian Greenwood, Lucy Powell u Kerry McCarthy. Corbyn qed jaffaċja vot ta' sfiduċja wara li l-kampanja 'Remain' falliet. Minn dejjem kien kritiku kbir tal-Unjoni Ewropea u kien hemm min, fil-partit tiegħu stess, akkużaħ li ma mexxiex kampanja b'saħħitha biżżejjed favur l-Unjoni Ewropea. Il-vot ta' sfiduċja f'Corbyn se jkun diskuzz fil-laqgħa li jmiss bejn il-Membri Parlamentari, li se ssir għada.
[ 10 ]
Jeremy Corbyn tilef vot ta' sfiduċja fil-Parlament Ingliż. Sorsi qalu ma' Sky News li 176 membru parlamentari ivvotaa favur il-mozzjoni filwaqt li 40 ivvotaw kontra. Iżda jidher li kien hemm sforz fl-aħħar tal-perjodu ta' votazzjoni minn naħa ta' dawk li jappoġjaw lil Corbyn, li vvotaw fl-aħħar mumenti fil-House of Commons. Sorsi oħra qalu li d-Deputat Mexxej Tom Watson u l-ex kelliema Angela Eagle attendew laqgħat fost spekulazzjoni li se jkunu huma li jikkontestaw għat-tmexxija tal-Partit Laburista Ingliż.
[ 10 ]
Jeremy Corbyn żamm postu fit-tmun tal-Partit Laburista Ingliż dan wara li għeleb lil Owen Smith b'maġġoranza komda. Corbyn li safa sfidat wara r-referendum tal-futur tar-Renju Unit fl-Unjoni Ewropea kiseb ftit aktar minn 61 % tal-voti mixħuta lejliet il-konferenza tal-Partit Laburista f'Liverpool. Corbyn li xi daqqiet ġie kritikat għall-attitudni politika tiegħu saħħaħ il-pożizzjoni tiegħu hekk kif il-fiduċja f'dan l-aħħar vot tiżboq dik li kiseb is-sena l-oħra. Wara li tħabbar ir-riżultat il-mexxej tal-Partit Laburista Ingliż ħeġġeġ għall-għaqda u insista li l-Partit tiegħu jista' jirbaħ l-elezzjoni li jmiss.
[ 10 ]
Se jkun Owen Smith il-kandidat li jikkontesta lill-mexxej tal-Partit Laburista Ingliż, Jeremy Corbyn. Dan wara li Angela Eagle, li fl-aħħar ġimgħat sfurzat din l-elezzjoni, irtirat mit-tellieqa bil-għan li Smith ikun il-kandidat tal-'għaqda'. Fi kliem ieħor għaqda kontra Corbyn. Owen Smith kiseb appoġġ minn Membri Parlamentariu Membri tal-Parlament Ewropew iktar milli kisbet hi. "Qed nappoġġja lil Owen bl-entużjażmu kollu tiegħi," qalet Eagle. Eagle kienet imfaħħra għal mod kif ma ddejqet xejn tiftaħ il-konfront ma' Corbyn wara li 80% tal-grupp parlamentari m'appoġjahx. Jidher li bejn Eagle u Smith kien hemm ftehim minn qabel li min jikseb l-inqas nomini jirtira biex jekk imbagħad jirbħu lil Corbyn jkollhom rwol importanti. Il-kontestant ta' Corbyn se jkollu biċċa xogħol iebsa hekk kif jidher li skont l-istħarriġ qed igawdi appoġġ mal-membri iktar minn Eagle u Smith.
[ 10 ]
Il-gazzetti Awstraljani ngħaqdu flimkien f'kampanja dwar iċ-ċensura, billi llum ippubblikaw il-faċċati tagħhom iċċensurati b'inka sewda kif ukoll b'timbru aħmar bil-kelma sigriet, u dan bi protesta kontra l-Gvern konservattiv li qed jonqos milli jipproteġi l-libertà tal-istampa. Madwar 19 il-organizzazzjoni tal-midja kif ukoll unions tal-ġurnalisti, li uħud minnhom huma rivali, ingħaqqdu flimkien fil-kampanja 'id-dritt tiegħek li tkun taf'. Din il-kampanja tqanqlet minn inċident li ġara f'Ġunju li għadda, meta l-pulizija federali għamlet tfittxija f'uffiċċju ta' xandar kif ukoll f'dar ta' ġurnalist għal dokumenti tal-Gvern. Il-kampanja qed titlob għal sitt bidliet legali, fosthom it-tibdil tas-sistema li tillimita liema dokumenti jistgħu jitqiesu bħala sigrieta, kif ukoll id-dritt li jikkontestaw mandat ta' tfittxija. Din it-tfittxija waslet wara pubblikazzjoni ta' artikli li allegaw atti kriminali tal-gwerra.
[ 10 ]
Il-Kostituzzjoni ta' Malta għandha tipprojbixxi parteċipazzjoni f'alleanzi militari u huwa żball li l-Unjoni Ewropea tipprova tafferma l-għaqda tagħha billi tinfirex lejn ħidmiet militari. Dan qalu fil-Parlament Ewropew Alfred Sant li ta r-raġunijiet tiegħu wara li vvota kontra ż-żewġ mozzjonijiet dwar tisħiħ tal-għodod militari għad-dispożizzjoni tal-Unjoni Ewropea li tressqu quddiem il-plenarja. L-MPE vvota kontra r-rapport 'Unjoni ta' Difiża Ewropea' u vvota kontra r-rapport 'Implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurta` u Difiża Komuni'. 'Il-kostituzzjoni tagħna tipprojbixxi l-parteċipazzjoni f'alleanzi militari u f'għaqdiet internazzjonali involuti fil-gwerer, sakemm dawn ma jkollhomx il-permess tal-Ġnus Magħquda,' insista l-Ewroparlamentari Malti. Huwa spjega li r-rapport jibbaża fuq il-premessa għal azzjoni Ewropea li tikkontradixxi dan l-impenn. L-MPE qal li ma jaqbilx f'dan iż-żmien partikolari u li l-Unjoni Ewropea m'għandhiex issaħħaħ id-dimensjoni militari u li dan il-pass jidher li l-Unjoni Ewropea qed taddatta għall-effetti ta' disintegrazzjoni tal-BREXIT u li jista' kollha l-effett oppost. Ma hemmx kostitwenza popolari biex l-UE tinbidel f'koalizzjoni militari ffinanzjata mir-riżorsi tal-baġit Ewropew. Għal darb'oħra qed naraw il-metodu l-antik ta' business as usual li bih passi "żgħar 'il quddiem" jakkumulaw, imbagħad jiġu preżentati li jeħtieġu aktar integrazzjoni, li jekk ma ssirx, jiġri xi diżastru. "Dan mhux mod aċċettabbli li bih għandna nifformaw l-unita` fl-Ewropa. Jien astjenejt fuq ir-roll call votes sussidjarji kollha għaliex ma kienx ikun koerenti vot f'naħa jew f'oħra fuq aspetti differenti tal-kwistjoni li għandna quddiemna. U ivvotajt kontra l-kunċett sħiħ." qal l-Ewroparlementari Malti. Ir-rapport 'Unjoni ta' Difiża Ewropea' huwa favur l-idea li l-Unjoni timxi lejn Unjoni ta' Difiża Ewropea li tkun struttura li jkollha l-kapaċitajiet militari għall-użu tal-Unjoni Ewropea. Tipproponi l-attivazzjoni ta' Struttura Permanenti ta' Koperazzjoni. Tipproponi wkoll twaqqif ta' Kwartieri Ġenerali Operazzjonali fl-UE u tinkoraġġixxi l-industriji ta' difiża fl-Ewropa. Ir-rapport 'Implimentazzjoni tal-'Politika Komuni għas-Sigurta' u d-Difiża' li jeżamina l-implimentazzjoni ta' Politika Komuni għas-Sigurta` u Difiża u tal-iżviluppi li saru s-sena l-oħra f'dan il-qasam. Ir-rapport jilqa' l-azzjoni ta' Difiża Ewropea u huwa favur kooperazzjoni man-NATO.
[ 10 ]
Is-Sibt li ġej issir Festa Sajf Selmun, miss-19:00 'l quddiem, organizzata mill-Assoċjazzoni Residenti Selmun bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali Mellieħa u l-Fondazzjoni Arkeo. Din il-festa, li se terġa' tieħu l-ħajja grazzi għall-Assoċjazzjoni tar-residenti, se tkun favur it-tradizzjoni Maltija, l-edukazzjoni u ambjent; valuri li l-Assoċjazzjoni tisħaq fuqhom. Se jkun hemm kant, żfin, ikel, kummiedja qasira mtella mill-Għaqda Tejatrali Selmun u marċi brijjużi minn banda lokali. Il-mistiden speċjali ta' din l-attività se jkun Freddie Portelli.
[ 2 ]
Tbagħbis fix-xorb, jew tqegħid ta' droga fix-xorb, żdied b'108% fl-aħħar tliet snin. Sorsi mill-Pulizija Metropolitana fl-Ingilterra qalu dan, wara li tul l-2017 biss daħlu mal-180 rapport ta' każi ta' tbagħbis tax-xorb, żieda ta' 74% meta mqabbel mal-2015. Vittmi ta' dawn it-tip ta' każi qalu mal-midja li bosta vittmi ma jirrappurtawx dawn l-abbużi lill-Pulizija, ħafna drabi minħabba l-fatt li xi ruħ tajba tkun intervjeniet u ħadithom lura d-dar. F'ħafna każi, persuna jkollha x-xarba tagħha mbagħbsa bil-għan li din tisfa' stuprata jew misruqa. Dawn jistgħu jissejħu wkoll date rape drugs .
[ 10 ]
Vapur tal-merkanzija bi tnax-il persuna abbord għereq qrib il-kosta tal-Baħar l-Iswed kawża tal-maltemp. Għadd ta' timijiet ta' salvataġġ intbgħatu fiż-żona fejn uffiċjali sostnew li s'issa ġie salvat persuna waħda, kif ukoll itellgħu żewġ iġsma. S'issa għad hemm disa' persuni li għadhom meqjusa nieqsa. L-Aġenzija Marittima tar-Russja sostniet li l-vapur inqasam min-nofs u għereq għall-ħabta tat-03:40 tal-ħin barrani. Disa' persuni li kienu abbord huma ta' nazzjonalità Ukrena, tnejn kienu Russi u wieħed ġew mill-Ġorġja.
[ 10 ]
Sirjan ta' 27 sena qatel lilu nnifsu u darab 12-il persuna wara li sploda bomba qrib festival tal-mużika fl-apert fil-belt Ġermaniża Ansbach. Ir-raġel kien applika għall-ażil, mingħajr suċċess. Huwa sploda basket li kien wara dahru wara li ma tħalliex jidħol fil-festival. Madwar 2,500 persuna kienu evakwati mill-post wara l-isplużżjoni. Dan kien it-tielet attakk fil-Bavaria fi żmien ġimgħa.
[ 10 ]
Aktar minn għoxrin persuna tilfu ħajjithom fiċ-Ċina wara li ċedew numru ta' binjiet residenzjali. Binjiet li kienu nbnew min-nies tal-villaġġ lura fis-snin sebgħin u li kienu f'kundizzjoni fqira ħafna. Ħafna mill-vittmi huma immigranti li jikru dawn ir-residenzi biex jgħixu fihom temporanjament. Sitt persuni rnexxielhom joħorġu ħajjin minn taħt it-tifrik, b'waħda minnhom tifla li proteġuha l-iġsma bla ħajja t'ommha u ta' missierha.
[ 10 ]
Ir-rivista Playboy ħabbret li se terġa tibda tippublika ritratt ta' mudelli għarwenin. Is-sena li għaddiet kienet iddeċidiet li tneħħi dawn it-tip ta' ritratti. Cooper Hefner, responsabbli mill-aspett kreattiv tar-rivista, ħabbar li d-deċijoni li jlibbsu l-għarwenin kienet żball totali. Permezz ta' tweet ħabbar li Playboy se jieħu l-identità tiegħu lura. Fl-istess waqt qed jippromwovu l-hashtag #NakedIsNormal. Ir-reazzjonijiet, kif jiġri dejjem, kienu mħallta. Min feraħ bil-fatt li se jkollu festa ta' għarwenin għad-disponibilità tiegħu, u min qal li hija sfortuna li materjal pornografiku (hemm dibattitu jissejjaħx hekk) huwa faċli wisq biex taċċessah.
[ 10 ]
Il-Ministru Bartolo, għal darb'oħra, jiċħad bil-qawwa l-akkużi li qed tagħmel l-Oppożizzjoni li ma ttieħdux passi, jew li waqqaf lil xi ħadd milli jirrapporta dwar allegazzjonijiet ta' korruzzjoni fil-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada. Il-Ministeru qal li dawn huma kollha akkużi foloz u bla bażi li ma jirriflettux ir-realtà. Il-Ministru spjega kemm il-darba, kemm b'mod pubbliku u kemm lis-Sur Rizzo dak iż-żmien, li ma kien hemm l-ebda protezzjoni għal ebda persuna li tonqos milli tħares ir-regoli u l-liġi. Fi stqarrija ġie spjegat li l-persuna konċernata tneħħiet minn kull xogħol relatat ma' xogħol fl-iskejjel, wara talba tas-Sur Rizzo lill-Ministru, liema talba saret f'April u ġiet approvata minnufih mill-Ministru. Il-persuna msemmija tneħħiet għal kollox mix-xogħol tagħha fil-Fondazzjoni wara rapport ġdid tas-Sur Rizzo li fih kien hemm tagħrif ġdid. Il-Ministeru qal li kif ġiet fi tmiemha investigazzjoni interna dwar il-falsifikazzjoni tad-dokumenti l-Ministru talab li jsir rapport lill-Pulizija u sussegwentement l-Internal Audit and Investigations Department (IAID) kienu mitluba jinvestigaw ukoll. L-ittra tar-riżenja tas-Sur Rizzo, kif ukoll ir-risposta tal-Ministru u s-Segretarju Permanenti, intbagħtu lill-istess Pulizija, lill-Kummissjoni kontra l-Korruzzjoni u lill-Internal Audit and Investigations Department biex jinvestigaw mentri ġiet offruta koperazzjoni sħiħa.
[ 10 ]
Festivals Malta flimkien mat-Tim Organizzattiv tal-Karnival tfakkar li l-Karnival se jibqa' għaddej fi tmiem il-ġimgħa. Il-Karnival tat-Tfal se jsir nhar is-Sibt 17 ta' Frar fid-9:30am fi Pjazza San Ġorġ, fil-Belt Valletta. Il-prezz tal-biljetti hu ta' €5, b'numru limitat ta' biljetti VIP li jiswew €10. Wara ssir attività oħra fl-istess ġurnata fit-3:30pm li tinkludi programm taż-żfin u sfilata bil-karrijiet. Il-prezz tal-biljetti hu ta' €7 b'numru limitat ta' biljetti VIP li jiswew €15. Il-Ħadd 18 ta' Frar se jsir il-Gran Defilé fi Triq Sant'Anna, il-Furjana mis-2pm 'il quddiem. Festivals Malta tħabbar li l-voti sottomessi b'konnessjoni mal-kompetizzjonijiet tal-Karnival ta' Malta se jinfetħu nhar it-Tnejn li ġej, 19 ta' Frar u b'hekk ir-riżultati tal-kompetizzjonijiet jitħabbru nhar it-Tnejn 19 ta' Frar, kmieni waranofsinhar. Kull min xtara biljett tal-Karnival u ma użahx se jiġi kkuntattjat minn www.ticketline.com.mt biex jingħata l-flus tagħhom lura. Għalhekk għall-attivitajiet il-ġodda tal-Karnival, li huma bil-ħlas, ma jistgħux jintużaw il-biljetti ta' qabel imma jridu jinxtraw oħrajn ġodda. Il-biljetti l-ġodda jistgħu jinxtraw onlajn minn http://www.ticketline.com.mt jew miċ-ċinemas tal-Embassy, il-Belt, mill-llum il-Ħamis 15 ta' Frar. Għall-aġġornamenti kif ukoll ritratti tal-Karnival ta' din is-sena żur http://www.karnivaltamalta.org jew https://www.facebook.com/karnivaltamalta.com/ .
[ 2 ]
Meghan Marke tat tislima lill-Prinċipessa Diana billi libset par imsielet li kienu tagħha fl-ewwel attività li kellha minn meta ħabbret li se ssir omm. Jidher li dawn il-par imsielet kienu rigal tal-Prinċep Harry meta Markle qaltlu li se jsiru ġenituri.
[ 10 ]
Minn tal-inqas 23 persuna inqatlu u 25 persuna oħra indarbu fi sparatura. Dan wara li persuna sparat tiri fuq tal-linja li kienet qed iġġorr Kristjani Eġizzjani fiċ-ċentru tal-Eġittu L-inċident seħħ fil-provinċja ta' Minya, madwar 220km 'il bogħod mill-kapital ta' Cairo, dan hekk kif tal-linja kienet sejra fil-Monasteru ta' San Samwel.
[ 10 ]
Festival tal-Musulmani Shia jista' jħalli lil dak li jkun impressjonat. Tfal miksija demm jibku jew inkella jipprovaw ikunu kuraġġużi, hekk kif il-ġenituri tagħhom jiftħulhom rashom jew partijiet minn ġisimhom, biex ikunu jistgħu jiċċappsu kemm jifilħu bid-demm tagħhom stess. Dan bħala parti minn għaxart'ijiem ta' luttu, li fihom dawk devoti jweġġgħu lilhom infushom bi skieken u ktajjen, l-iktar fir-ras, għax jemmnu li b'hekk jitnaddfu mid-dnub. Dan huwa l-festival Ashura, fejn jiftakru fil-mewt tal-Imam Hussein, in-neputi tal-Profeta Mohammed. Il-Festival sar ukoll f'diversi postijiet Ewropej fejn hemm komunitajiet Shia, inkluż il-Greċja. Ħafna tfal u adulti kellhom bżonn assistenza medika wara, speċjalment punti, biex dak li jkun ma jibqax jitlef demm.
[ 10 ]
Sitt ħaddiema mal-linja tal-ajru Ryanair, li nqabdu reqdin mal-art f'ajruport fi Spanja, tkeċċew minn xogħolhom. Il-linja tal-ajru qalet li r-ritratt, li deher fuq il-midja soċjali, kien wieħed falz, u li l-ħaddiema tkeċċew minħabba imġieba 'mhux xierqa'. Jidher li aktar minn 20 ħaddiema kienu maqbuda f'ajruport f'Malaga wara li kien hemm xi tibdil fl-iskeda tat-titjiriet. Fi stqarrija, Ryanair qalet li r-ritratt għamel ħsara lir-reputazzjoni tal-kumpanija, u minħabba f'hekk, il-kumpanija ma setgħetx tafda aktar lil dawn is-sitt impjegati.
[ 10 ]
Susan Pain ta' 51 sena ingħatat sentenza ħabs wara li nstab li qalet li kellha tifla li sofriet ġrieħi fl-attakk terroristiku f'Manchester biex tieħu flus tl-assigurazzjoni. B'kollox din ħadet £139,000 wara 31 rapport falz lill-kumpaniji tal-assigurazzjoni. Pain inqabdet wara li għamlet l-aħħar rapport tagħha wara li qalet li kellha tifla, Sophie, li sofriet ġrieħi serji wara l-attakk f'Manchester Arena f'Mejju tas-sena l-oħra. Dan l-attakk, li wettaq mit-terrorist Salman Abedi, ħalla 22 persuna mejta wara kunċert mill-kantanta Amerikana Ariana Grande. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti qalet li tinsab iddiżgustata li xi ħadd jasal jigdeb b'dan il-mod u juża avveniment li nikket poplu sħiħ għal gwadann personali.
[ 10 ]
Tfajla tal-iskola instabet mejta wara li xorbot tip ta' cider li qed jissejjaħ l-aktar xorb alkoħoliku rħis fir-Renju Unit. Mega Craid-Wilkinson ta' 16-il sena nstabet mejta minn ommha wara lejl barra mal-ħbieb, li fih xorbot ic-cider tad-ditta Frosty Jack, li fih 7.5% kontenut alkoħoliku. Dan jista' jinxtara fi fliexken tat-tliet litri, għall-prezz irħis ta' £3.49. Fih l-istess alkoħol daqs li kieku wieħed ikun ħa 22 shots ta' vodka. Esperti fil-qasam tas-saħħa qed jinsistu li din ix-xarba għandha ssir illegali llum qabel għada.
[ 10 ]
Antonio Tajani kien elett President tal-Parlament Ewropew fejn se jkun is-suċċessur ta' Martin Schulz. Tajani, li ġej mill-Partit tal-Popolari Ewropew kien favorit sa mill-bidu, iżda ftehim bejn il-Popolari Ewropej u l-Liberali, li rtiraw lill-kandidat Guy Verhofstadt, issiġillaw ir-rebħa tiegħu biex se jmexxi l-Parlament Ewropew għas-sentejn u nofs li ġejjin. Is-soċjalisti Ewropej kellhom lil Gianni Pitella bħala kandidat għal din il-kariga, filwaqt li kandidati oħra li kienu ġejjin minn gruppi iżgħar deher sa mill-bidu li ma kellhomx ċans li jkunu eletti. Il-vot fil-Parlament Ewropew kien wieħed sigriet.
[ 10 ]
Il-mexxej Taljan ċentru lemini Silvio Berlusconi appoġġja lill-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani bħala kandidat favorit għal Prim Ministru Taljan għall-elezzjonijiet nazzjonali li jmiss. Tajani huwa eks Kummissarju Ewropew u membru tal-partit Forza Italia tal-istess Berlusconi, l-iktar grupp fil-koalizzajoni ċentru lemini li huwa favorit li jirbaħ l-ikbar ammont ta' siġġijiet fl-erbgħa ta' Marzu. Berlusconi, li kien erba darbiet Prim Ministru Taljan, ma jistax jikkontesta minħabba li nstab ħati ta' frodi tat-taxxi fl-elfejn u tlettax, qal fuq stazzjon tar-radju li kellu f'moħħu tlett kandidati, iżda semma biss lil Tajani. Sostna li kieku Tajani jkun Prim Ministu, jkun għażla mill-aqwa, hekk kif dejjem wera lealta assoluta lejn il-prinċipji u l-ideat, u lejn Berlusconi nnifsu.
[ 10 ]
Għadd ta' membri paralmentari Ewropej fosthom żewġ viċi presidenti tal-Grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi Ewropej u membri parlamentari Sloveni u Kroati u ex mexxejja taż-żewġ pajjiżi sejħu għar-riżenja ta' Antonio Tajani minn President tal-Parlament Ewropew. Is-sejħa għar-riżenja ta' Tajani saret f'petizzjoni bi kliem iebes u bi tweġiba għall-kummenti li għadda l-Ħadd li għadda. "Fid-dikjarazzjonijiet tiegħu, is-Sur Tajani uża retorika inaċċettabbli u b'mod qarrieq u ċar ipprova jagħmel reviżjoni sħiħa ta' ġrajja storika marbuta ma' dak li seħħ wara t-Tieni Gwerra Dinjija f'Istria u f'Dalmatia", qalet il-petizzjoni. Il-firmatarji tal-petizzjoni akkużaw lill-President tal-Parlament Ewropew li bla dubju kien qiegħed jesprimi sentimenti faxxisti, tendenzi ta' irredentist (wieħed li jżomm li pajjiżu għandu l-jedd jieħu lura kull territorju li fi żmien kien tiegħu) li aħna nqisu li assolutament mhumiex xierqa."
[ 10 ]
Il-mexxej Katalan imkeċċi Carles Puigdemont telaq minn Spanja u vvjaġġa lejn Brussell. Puigdemont qed jaffaċċja akkużi li nċita lil bosta jirribellaw mill-Gvern Spanjol wara li Katalonja ddikjarat l-indipendenza taħt it-tmexxija tiegħu. Akkuża li wieħed jista' jeħel sa massimu ta' 30 sena ħabs. Dan wara li l-Ministru Belġjan tal-Ażil u l-Migrazzjoni, Theo Francken qal li Puigdemont jista jfittex l-ażil fil-pajjiż.
[ 10 ]
F'Awwissu tas-sena l-oħra kienet fuq dgħajsa mimlija immigranti irregolari fil-baħar Eġew fuq dgħajsa li kienet bdiet tagħmel l-ilma. It-tfajla Sirjana, li llum għandha 18-il sena la riedet tmut mgħarrqa hi u anqas l-20 kompattrijotti tagħha, fosthom oħtha. Qabżet il-baħar flimkien ma' oħtha u mara oħra u flimkien imbuttaw id-dgħajsa b'saħħa liema bħala sakemm waslitha fil-kosta tal-gżira ta' Lesbos. Sena wara, Yusra Mardini, ngħżlet mill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali (il-KOI) biex tieħu sehem fl-Olimpjadi ta' Rio 2016 bħala waħda mill-għaxar atleti tal-kontinġent tar-refuġjati – l-ewwel darba fl-istorja li se jkun hemm kontinġent b'dan l-isem. Yusra, twieldet Damasku u fl-2012 irrappreżentat lill-pajjiżha fil-kampjonati dinjija tal-għawm organizzati mill-FINA. Iddeċidiet li titlaq mis-Sirja tfittex futur aħjar fl-Ewropa wara li d-dar tagħha nqerdet f'attakk fil-gwerra ċivili. Flimkien ma' oħtha Sarah, f'Awissu 2015, waslu l-Libanu u minn hemm fit-Turkija, fejn minn Iżmir qabdet dgħajsa flimkien ma' 20 oħra lejn il-Ġreċja. Id-dgħajsa kienet tesa' biss seba' persuni. Minn Lesbos, xahar wara marru Berlin fejn illum jgħixu mal-familja tagħhom. Il-kontinġent tar-refuġjati magħżul mill-KOI fiħ 43 atleta minn dixxiplini diversi, fosthom ħamsa mis-Sudan, tnejn mis-Sirja, tnejn mir-Republika Demokratika tal-Kongo u wieħed mill-Etjopja. Fiċ-ċerimonja tal-ftuħ fl-Istadium Maracana, dawn se jimxu wara l-bandiera tal-KOI, qabel il-Brażil. Yusra Mardini u Ramis Anis se jieħdu sehem fil-kompetizzjonijiet tal-għawm, wsaqt li Yolande Bukasa Mabika u Popole Misenga, li jgħixu l-Brażil se jieħdu sehem fil-judo. Fil-maratona se jieħu sehem Yonas Kind, li jgħix il-Lussemburgu, waqt li ħames atleti oħra li jgħixu l-Kenja se jieħdu sehem fit-tiġrijiet tal-400 metru u l-1,500 metru.
[ 10 ]
Vulkan kbir li hu meqjus bħala wieħed mill-iktar perikolużi minn madwar id-dinja, li jinsab ftit l-isfel mill-belt Taljana ta' Napli, qed juri sinjali li jaf jerġa' jsir attiv. Dan hekk kif aktarx li l-Campi Flegrei hu viċin li jasal fil-punt li jwasslu biex jiżbroffa għall-ewwel darba f'500 sena, dan skond xjentisti. Riċerkaturi qalu li l-isplużjoni taf tkun ta' detrement għat-tliet miljun persuna li tgħix f'dik iż-żona. L-awtoritajiet Taljana għollew il-livell tal-allert minn aħdar għal isfer fl-2012, fejn ġie sostnut li hemm bżonn li jiġi mmonitorjat il-vulkan kbir b'mod konsistenti. Erba' snin ilu xjentisti kienu wissew li kwalinkwe splużjoni minn vulkan taf tħalli miljuni mejta li jgħixu qrib jew 'il fuq mill-vulkan. Vulkan kbir (supervolcano), joħloq splużjoni ferm ikbar minn meta jiżbroffa vulkan normali.
[ 10 ]
Phoebe Kannisto u s-sitt itfal tagħha, kollha subien, mill-Istati Uniti tawlu xagħarhom biex meta jitwal ftit mhux ħażin ikunu jistgħu jaqtgħuh u jagħtuh lil tfal li huma morda bil-kanċer biex minnu jsiru l-parrokki. Is-sitt aħwa huma Andrea, li għandu għaxar snin, tewmin ta' tmien snin Silas u Emerson, triplets ta' ħames snin Herbie, Reed u Dexter u kif ukoll oħthom Marah Taylor ta' sentejn. Wara xhur ta' paċenzja, it-Tnejn li għadda l-aħwa marru flimkien ma' ommom għand ħanut tax-xagħar u tawh stil totalment differenti u li minn xagħrhom ħareġ 17-il pied tul ta' xagħar. Ix-xagħar wara ngħata lill-organizzazzjoni Children with Hair Loss fejn din tagħmel il-parrokki għal tfal li huma fil-bżonn.
[ 10 ]
Il-Premju Nobel għall-Paċi ta' din is-sena ngħata lil żewġ persuni li kkampanjaw kontra l-istupru fil-gwerer, Nadia Murad u Denis Mukwege. Murad kienet ittorturata u stuprata minn militanti tal-Istat Iżlamiku, u wara kienet prominenti f'kampanji biex ikunu meħlusa l-Yazidis. Mukwege huwa tabib li tul il-karriera tiegħu ta l-kura lil diversi vittmi ta' stupru. 331 persuna kienu nominati għal dan il-premju din is-sena. Ir-rebbieħa kienu mħabbra f'Oslo iktar kmieni llum.
[ 10 ]
Sidien ta' ristoranti fl-Arabja Sawdija mhux ħa jibqgħu obbligati li jipprovdu żewġ entrati separtati għan-nisa u l-irġiel. Fil-passat sidien ta' ristoranti kienu obbligati li jipprovdu entrata għan-nisa u t-tfal u oħra separata għall-irġiel. Matul dawn l-aħħar xhur din is-segregazzjoni ma baqgħetx tiġi infurzata f'postijiet pubbliċi u ristoranti. Din id-deċiżjoni ġiet segwita minn għadd ta' riformi soċjali li qed isiru fl-Arbja Sawdija. Aktar kmieni din is-sena jsiefru waħidhom mingħajr il-permess tar-raġel. Dan wara li mill-2018 in-nisa setgħu jibdew isuqu. Minkejja li qed isiru dawn ir-riformi ħafna attivisti favur id-drittijiet tan-nisa qed isostnu li ħafna għad hemm ħafna liġijiet li huma diskriminatorji fil-konfront tan-nisa. Dan wassal biex bosta attivisti prominenti favur id-drittijiet tan-nisa fil-pajjiż jispiċċaw arrestati.
[ 10 ]
L-art f'diskoteka fl-Italja ċediet tul il-lejl tal-Ġimgħa u ħalla sitt persuni mejta. 120 persuna qed jingħataw il-kura fl-isptar, b'seba' minnhom jinsabu fil-periklu li jitilfu ħajjithom. Din it-traġedja seħħet waqt festin għall-istudenti fid-diskoteka Lanterna Azzurra f'Ancona. Il-midja Taljana qed tirrapporta li ħamsa mill-vittmi kellhom bejn l-14 u s-16-il sena. Jihder ukoll li waqt il-festin intefa' l- pepper spray, u l-persuni jienu qed jippruvaw joħorġu mill-binja malajr kemm jista' jkun. L-art ċediet bil-piż tal-persuni li ffullaw viċin il-bieb ta' barra. Dwar dan il-każ infetħet inkjesta.
[ 10 ]
British Gas ħabbret zieda ta' 5.5% fil-fjuwil fl-Ingilterra, din hija l-kumpanija ewlenija li tipprovdi l-Enerġija fir-Renju Unit. Filfatt din iż-żieda ser tafettwa lill-4.1 miljun familja Ingliza, u ser tfisser żieda ta' 60 sterlina f' sena. Il-kumpanija qalet li dawn il-prezzijiet qegħdin jiżdiedu minħabba żieda fl-ispejjeż tal-bejgħ, hi kompliet tgħid li kien il-Gvern Ingliż li qed jitfa' l-piż ta' din iż-żieda fuq il-familji. Apparti minn hekk iż-żieda ġejja wkoll mill-fatt li l-Politika tal-Gvern li jitrasforma s-sistema tal-enerġija għal waħda iktar rinovabbli, qed titfa' l-piż fuq il-kontijiet taċ-ċittadini ingliżi. Filfatt il-Kumpanija appellat sabiex il-Gvern jikkunsidra li jitfa' dawn l-ispejjeż f' sistema ta' tassazjoni tkun anqas piż għaċ-ċittadini.
[ 10 ]
Is-sit popolari onlajn ta' diversi ditti House of Fraser ħabbret permezz ta' twitter li se tkun qed tikkanċella l-ordnijiet kollha u ser tagħti l-flus lura lill-klijenti tagħha wara li kien hemm nuqqas ta' qbil mal-operatur prinċipali. Dan kien se jfisser f'dewmien biex il-prodotti jaslu għand il-klijenti. L-operatur kien XPO Logistics li waqaf jipproċesa l-ordnijiet il-ġimgħa li għaddiet minħabba nuqqas ta' qbil fuq ħlas. Jidher li l-kumpanija Sports Direct xtrat is-sit House of Fraser fl-10 ta' Awwissu li għadda. L-erbgħa li għaddiet House of Fraser kienet imġiegħla tgħalaq is-sit uffiċjali tagħha.
[ 10 ]
Id-Diretturi ta' Sports Direct keċċiet lid-diretturi u mexxejja ta' House of Fraser ġimgħat biss wara li Sports Direct, immexxija minn Mike Ashley, xtrat lil House of Fraser għall-valur ta' £90miljun. Sports Direct ikkonfermat dan fi stqarrija ta' sentenza waħda biss. Sa issa għadu mhux magħruf min se jkun qed jieħu post l-ogħla awtoritajiet ta' House of Fraser. Din id-ditta kienet tmexxi madwar 58 ħanut madwar ir-Renju Unit kollu.
[ 10 ]
Tul il-lejl li għadda, sitt persuni ġew attakkati b'armi bil-ponta f'Londra. Dan seħħ fix-xlokk ta' Londra, fejn xi persuni fuq il-post qalu li dehru żewġt irġiel armati bi skieken kbar. Dan fl-istess waqt li f'każ separat iżda b'attakk simili, erba' żgħażagħ weġgħu gravi u ġuvni ta' 18-il sena tħalla jiġġieled għal ħajtu. Iż-żewġ każijiet seħħew fl-istess ġurnata meta l-kap tal-pulizija qalet li l-vjolenza bis-skieken bejn iż-żgħażagħ hija fl-aktar livell għoli li qatt rat sa issa.
[ 10 ]
In-numru ta' persuni rrappurtati nieqsa minħabba n-nirien devastanti li ħakmu lill-istat ta' Kalifornja rdoppja f'jumejn u qabeż is-sitt mija. Fl-istess waqt instabu seba' iġsma oħra bla ħajja. Dawn in-nirien – li huma l-aktar qattiela fl-istorja tal-istat Amerikan, qatlu minn tal-inqas tlieta u sittin persuna, u qerdu għalkollox mat-tnax-il elf binja. Għada, il-President Donald Trump mistenni jmur Kalifornja biex jiltaqa' mal-qraba tal-vittmi u dawk affetwati min-nirien fl-istess waqt li jara' l-ħsara li qed issir. Huma aktar minn disat elef pumpier li qed jissieltu n-nirien madwar l-istat.
[ 10 ]
Ix-xandir nazzjonali u l-istazzjon nazzjonali, RAI ffirmaw ftehim li se jiftaħ il-bibien għal programmi ta' koperazzjoni fl-oqsma tat-televiżjoni, tar-radju, u tal-internet, li jkunu jinkludu l-parteċipazzjoni ta' ġurnalisti Maltin fl-iskola tal-ġurnaliżmu tar-RAI, f'Perugia. Dan l-iffirmar sar f'Ruma fil-preżenza tal-Ministru responsabbli mill-PBS, Carmelo Abela. Il-Ministru Abela enfasizza l-importanza li Malta u l-Italja jaħdmu aktar flimkien fuq diversi temi. Intant il-Ministru kellu laqgħat bilaterali mal-Kardinal Peter Turkson, Prefett tad-Dikasteru għall-Promozzjoni tal-Iżvilupp Integrali tal-bniedem fi ħdan is-Santa Sede u mal-Ministru tax-Xogħol tal-Italja, Nunzia Catalfo. Fost l-oħrajn tkellmu dwar il-ħolqien ta' impjiegi f'dinja li qed tkompli tiżviluppa fit-teknoloġija.
[ 10 ]
Il-President Amerikan Donald Trump irrifjuta li jsib kompromess għax-xewqa tiegħu li jibni ħajt fuq il-fruntieri Messikani. Huwa qal li m'għandu ebda ħsieb li jnaqqas il-fondi li huwa kien qed jitlob, u rrepeta t-theddida li jiddikjara emerġenza Nazzjonali jekk il-fond ta' aktar minn ħames biljun Dollaru Amerikan ma jkunx allokat. Intant, b'rabta ma' dan, iċ-Chief of Staff il-ġdid tiegħu Mick Mulvaney qal li x-shutdown tal-Gvern mistenni jieħu aktar fit-tul. Dan minkejja li d-Demokratiċi Amerikani qed jirrifjutaw li jappoġġjaw l-allokazzjoni ta' dawn il-flus għal kawża daqshekk "immorali".
[ 10 ]
Ftit tal-ħin ilu Kyiv kienet ikkonfermata bħala l-belt minn fejn se ssir il-Eurovision Song Contest fl-2017. Il-konkors tant segwit se jsir nhar id-9, 11 u 13 ta' Mejju fl-International Exhibition Centre tal-belt kapitali Ukrena. Dan iċ-ċentru jesa' 13,000 persuna. Din id-deċiżjoni saret wara proċess ta' għażla li kien diskuss ħafna u li tlaqqam 'Battle of the Cities'. Sitt'ibliet Ukreni iipparteċipaw f'dibattitu u preżentazzjoni live. Dnipro, Kyiv u Odessa baqgħu jikkompetu sal-aħħar biex ikunu huma li jospitaw il-festival tal-kant.
[ 10 ]